KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fis‑6 ta’ Marzu 2025 ( 1 )
Kawża C‑549/23
American Express Europe SA,
American Express Carte France SA,
Visa Europe Ltd,
MasterCard Europe SA,
Autoriteit Consument en Markt,
Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV
fil-preżenza ta’
International Card Services BV
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi ta’ pagament fis-suq intern – Regolament (UE) 2015/751 – Tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard – Limitu massimu għall-ammont ta’ dawn it-tariffi – Remunerazzjoni rċevuta minn sieħeb f’co-branding minn skema ta’ kards ta’ ħlas – Applikazzjoni tal-imsemmi limitu massimu għal din ir-remunerazzjoni – Tnaqqis tat-tariffa tas-servizz imħallsa min-negozjant – Tnaqqis tal-valur tas-servizzi pprovduti mis-sieħeb f’co-branding”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Fiż-żona tal-euro, fit-tieni semestru tal‑2023, 56 % tal-ħlasijiet mhux fi flus kontanti saru permezz ta’ kard bankarja għal ammont medju ta’ madwar EUR 40 għal kull tranżazzjoni ( 2 ). |
|
2. |
Il-kompetizzjoni fil-qasam tal-kards bankarji sseħħ bejn żewġ mudelli ekonomiċi. Minn naħa, l-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet jirrappreżentaw il-maġġoranza fis-suq ( 3 ). F’din l-organizzazzjoni, jintervjenu d-detentur tal-kard bankarja (1) li jħallas kontribuzzjoni lill-istituzzjoni finanzjarja (2) li toħroġ din il-kard (iktar ’il quddiem l-“emittent”) u n-negozjant (3) imħallas permezz tal-kard li jħallas kummissjoni għal servizzi lill-istituzzjoni finanzjarja (4) li tipprovdi lin-negozjant il-mezzi sabiex jaċċetta ( 4 ) l-ħlas bil-kard (iktar ’il quddiem l-“akkwirent”). L-imsemmija organizzazzjoni hija kkompletata minn skema ta’ kards ta’ ħlas, bħal MasterCard jew Visa, li tieħu ħsieb l-ikklerjar u l-eżekuzzjoni tal-ħlas tat-tranżazzjonijiet bejn l-emittenti u l-akkwirenti kkonċernati għal ħlas ta’ tariffi min-naħa tagħhom. Sabiex jiġi kkumpensat il-fatt li l-emittent isostni numru ikbar ta’ spejjeż u ta’ riskji (b’mod partikolari l-assigurazzjonijiet u r-rimborsi f’każ ta’ frodi jew ta’ nuqqas ta’ ħlas, il-ħlas immedjat, anki jekk il-ħlas jiġi ddifferit għad-detentur tal-kard) mill-akkwirent (il-provvista ta’ soluzzjonijiet ta’ pagament), dan tal-aħħar iħallas lill-emittent tariffa tal-interkambju li hija s-suġġett tar-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard ( 5 ). |
|
3. |
Min-naħa l-oħra, jeżistu skemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li jinkludu d-detentur tal-kard, in-negozjant u skema ta’ kards ta’ akkwist u ta’ ħruġ ta’ kards ta’ ħlas peress li tiġbor flimkien iż-żewġ funzjonijiet fi ħdanha. Konsegwentement, ma humiex suġġetti għal-leġiżlazzjoni tat-tariffa tal-interkambju. American Express tagħmel parti minn dan it-tip ta’ skemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet. |
|
4. |
Abbażi ta’ dawn l-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet, żviluppaw mudelli ekonomiċi li fihom joperaw, minbarra t-tliet protagonisti li għadni kif semmejt, terzi, bħal fornitur ta’ servizzi ta’ pagament liċenzjat, sieħeb f’co-branding jew aġent. Għal dawn il-varjanti tal-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet, li s-sitwazzjoni kuntrattwali miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel parti minnha, ir-Regolament 2015/751 jipprevedi li dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala skemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet. |
|
5. |
Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ser jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara l-mod kif, konkretament, għandha tiġi implimentata din l-assimilazzjoni prevista mir-Regolament 2015/751 bejn l-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet, minn naħa, u l-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet b’estensjoni ta’ co-branding, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari fir-rigward tal-limitazzjoni tal-ammont tat-tariffa tal-interkambju. |
|
6. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li ma kienx neċessarju li sieħeb f’co-branding jaġixxi bħala emittent fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament 2015/751 sabiex l-iskema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li magħha kkonkluda ftehim tiġi kkunsidrata bħala skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet ( 6 ). Din il-kawża ser tippermetti li jiġi ċċarat kif ir-regoli previsti sabiex tiġi limitata t-tariffa tal-interkambju fi skema ta’ erba’ partijiet japplikaw għal skema ta’ tliet partijiet b’estensjoni tal-co-branding. |
|
7. |
Ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi tal-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi) billi tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tar-Regolament 2015/751, jiġifieri li jwassal għal applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-kompetizzjoni għat-tariffi ta’ interkambju, itejjeb il-funzjonament tas-suq intern u jnaqqas l-ispiża tat-tranżazzjonijiet ta’ pagament b’kard ta’ ħlas għall-konsumaturi. |
II. Id-dritt tal-Unjoni
|
8. |
Il-premessi 10, 28, 29, 31 u 32 tar-Regolament 2015/751 jipprovdu:
[…]
[…]
|
|
9. |
L-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/751, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, li jinsab fil-Kapitolu I ta’ dan ir-regolament, huwa stess intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafi 3 u 5 tiegħu: “3. Il-Kapitolu II ma japplikax għal dawn li ġejjin: […]
[…] 5. Meta skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet tilliċenzja fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ pagament għall-ħruġ ta’ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards jew l-akkwist ta’ transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kards, jew it-tnejn, jew toħroġ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent, hija titqies bħala skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ erba’ partijiet. […]” |
|
10. |
L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]” |
|
11. |
L-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/751, li jinsab fil-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Tariffi tal-interkambju”, jikkonċerna t-“[t]ariffi tal-interkambju għal transazzjonijiet b’kard ta’ kreditu tal-konsumatur” u jipprovdi: “Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ma għandhomx joffru jew jitolbu tariffa tal-interkambju fuq kull transazzjoni ta’ iktar minn 0,3 % tal-valur tat-transazzjoni għal kwalunkwe transazzjoni b’kard ta’ kreditu. […]” |
|
12. |
L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-projbizzjoni tal-evażjoni”, li wkoll jinsab f’dan il-Kapitolu II, jipprevedi: “Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limiti msemmija fl-Artikoli 3 u 4, kwalunkwe remunerazzjoni maqbula, inkluż il-kumpens nett, b’oġġett jew effett ekwivalenti għat-tariffa tal-interkambju, riċevut minn emittent mill-iskema ta’ kard ta’ pagament, l-akkwirent jew kwalunkwe intermedjarju ieħor fir-rigward tat-transazzjonijiet ta’ pagament jew attivitajiet relatati għandha tkun ittrattata bħala parti mit-tariffa tal-interkambju.” |
III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
13. |
American Express Europe SA u American Express Carte France SA (iktar ’il quddiem, flimkien jew individwalment, “Amex”) joperaw skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet, filwaqt li MasterCard Europe SA (iktar ’il quddiem “MasterCard”) u Visa Europe Ltd (iktar ’il quddiem “Visa”) joperaw skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet. |
|
14. |
Matul is-sena 2010, Amex u Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV (iktar ’il quddiem “KLM”) ikkonkludew sħubija ta’ co-branding għall-perijodu mill‑1 ta’ Ġunju 2011 sal‑1 ta’ Ġunju 2019. Abbażi ta’ din is-sħubija, Amex toħroġ karti ta’ kreditu co-branded, għall-konsumaturi u għall-impriżi, u x-xiri li jsir permezz ta’ dawn il-kards jagħtu dritt għal “mili”, mixtrija minn Amex, fil-programm ta’ lealtà ta’ KLM. Dan il-programm ta’ lealtà, li fih jiżdiedu wkoll il-“mili” akkwistati meta jinxtraw titjiriet ta’ KLM jew minn xirjiet mingħand l-imsieħba ta’ KLM, jippermetti li jinxtraw titjiriet jew servizzi mingħand KLM. Amex ħallset lil KLM mhux biss bonus għall-iffirmar, iżda wkoll: (a) ammonti annwali għall-użu tat-trade marks u l-aċċess għall-programm ta’ lealtà; (b) perċentwal tal-ispejjeż imposti fuq id-detentur tal-kard għall-kard u affarijiet relatati; (c) perċentwal tal-infiq li jsir bil-kard, u (d) tariffi għax-xiri ta’ “mili”. |
|
15. |
Matul is-sena 2018, wara sejħa għall-offerti, KLM mill-ġdid għażlet lil Amex bħala s-sieħeb għall-programm ta’ co-branding. Il-ftehimiet il-ġodda llimitaw ir-remunerazzjonijiet imħallsa minn Amex, minbarra l-bonus għall-iffirmar, għall-ammonti previsti fil-punti (a) u (d) imsemmija fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
|
16. |
Fix-xahar ta’ Mejju 2017, l-Autoriteit Consument en Markt (l-Awtorità tal-Konsumaturi u tas-Swieq, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem l-“ACM”) bdiet investigazzjoni dwar din is-sħubija u kkundannat lil Amex, taħt piena ta’ ħlas ta’ penali, permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Marzu 2019, sabiex tosserva l-limitu massimu ta’ 0.3 % tal-valur tat-tranżazzjoni fuq bażi annwali u għal kull tranżazzjoni, previst mir-Regolament 2015/751 għat-tariffa ta’ interkambju. Sabiex tikkalkola l-ammont tat-tariffi ta’ interkambju mħallsa minn Amex lil KLM, li jaqbeż sew il-limitu massimu ta’ 0.3 %, l-ACM għaddet flimkien, fuq erba’ snin ta’ programm, għal kull sena, ir-remunerazzjonijiet kollha mħallsa minn Amex u ddividiet dan l-ammont bil-volum tal-pagamenti li saru permezz tal-kards co-branded. Amex u KLM ikkontestaw din id-deċiżjoni tas‑6 ta’ Marzu 2019 u talbu miżuri provviżorji. |
|
17. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Lulju 2019, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ssospenda l-ordni taħt piena ta’ ħlas ta’ penali magħmula lil Amex minħabba li l-metodu adottat mill-ACM ma kienx jippermetti li jitnaqqas mit-total tar-remunerazzjonijiet imħallsa minn Amex lil KLM il-valur tal-“mili” mixtrija minn Amex. |
|
18. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Jannar 2020, l-ACM iddikjarat li l-ilmenti ta’ Amex u ta’ KLM kontra l-ordni taħt piena ta’ ħlas ta’ penali kienu infondati minħabba li, minn naħa, ir-remunerazzjonijiet kollha rċevuti minn KLM għandhom jiġu kklassifikati bħala “kumpens nett” mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit li dawn ir-remunerazzjonijiet għandhom għan jew effett ekwivalenti għat-tariffa ta’ interkambju u, min-naħa l-oħra, li l-korrispettiv tal-“mili” mixtrija minn Amex ma jistax jitnaqqas mit-total tar-remunerazzjonijiet imħallsa lil KLM. |
|
19. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2020, l-ACM irkuprat mingħand Amex kważi EUR 10 miljun f’penali. Filwaqt li taċċetta l-metodu użat minn Amex, l-ACM tikkontesta l-valur tal-“mili” adottat minn Amex minħabba l-eżistenza ta’ “mili” mhux użati mid-detenturi tal-kards. |
|
20. |
Ir-rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li r-rikorsi ta’ Amex u ta’ KLM kienu fondati u annullat id-deċiżjonijiet tat‑22 ta’ Jannar 2020 u tal‑21 ta’ Diċembru 2020 minħabba li l-iskema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet ma’ sieħeb f’co-branding kienet suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/751, flimkien mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, u li, konsegwentement, kellu jiġi pprovat li l-tariffi imħallsa lil sieħeb f’co-branding għandhom effett jew għan ekwivalenti għat-tariffa ta’ interkambju sabiex ikunu jistgħu jitqiesu bħala tariffa ta’ interkambju. Din il-qorti qieset ukoll li dan l-effett kellu jiġi evalwat mhux fuq l-inċentiv li jinħarġu u jintużaw kards tal-kreditu co-branded fir-relazzjoni bejn Amex u KLM, kif kienet għamlet l-ACM, iżda fuq is-suq intern u l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni għall-konsumaturi. |
|
21. |
Amex, Visa, MasterCard, KLM u l-ACM ippreżentaw appell minn din id-deċiżjoni. Il-kumpannija International Card Services BV (iktar ’il quddiem “ICS”), li tintervjeni bħala emittent għal Visa u MasterCard, tħalliet tintervjeni fl-appell. |
|
22. |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-prinċipju u l-modalitajiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament 2015/751 għall-ħlasijiet magħmula minn skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet lil sieħeb f’co-branding li ma huwiex emittent fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, hija tistaqsi, fil-każ li dawn l-artikoli jkunu applikabbli, dwar il-possibbiltà jew le li mill-ammont totali tas-somom irċevuti minn KLM jitnaqqas il-valur tal-“mili” mixtrija minn Amex u t-tariffi ta’ servizz imħallsa minn KLM. |
|
23. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għal Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
24. |
Amex, KLM, ACM, MasterCard, Visa, ICS u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet għamlu l-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li saret fit‑12 ta’ Diċembru 2024. |
IV. Analiżi
A. Fuq l-ewwel domanda preliminari
|
25. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-ammonti mħallsa minn Amex lil KLM bħala remunerazzjoni tal-kuntratt ta’ sħubija ta’ co-branding jikkostitwixxux kumpens nett fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751, meta KLM ma hijiex emittent. |
|
26. |
Infakkar li r-Regolament 2015/751, kif jindika t-titolu tiegħu, għandu l-għan li jirregola t-tariffi ta’ interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas permezz ta’ kard. Huwa jiddefinixxi dawn it-tariffi bħala t-tariffi mħallsa għal kull tranżazzjoni direttament jew indirettament (jiġifieri permezz ta’ terz) bejn l-emittent u l-akkwirent involuti fi tranżazzjoni ta’ pagament permezz ta’ kard. Il-kumpens nett jew remunerazzjonijiet maqbula oħrajn jitqiesu bħala parti mit-tariffa tal-interkambju ( 9 ). Għalhekk, il-fatt li r-remunerazzjoni tiġi kkwalifikata bħala “kumpens nett” jinkludi din ir-remunerazzjoni fil-kalkolu tat-tariffa tal-interkambju, li hija limitata mir-Regolament 2015/751 ( 10 ). Madankollu, l-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet ma humiex suġġetti għal din il-limitazzjoni ( 11 ), sakemm ma tkunx skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet speċifikament b’estensjoni tal-co-branding ( 12 ). |
|
27. |
Ir-risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju tista’ tiġi dedotta pjuttost faċilment mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fis-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2018, American Express ( 13 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 1(5) tar-Regolament 2015/751 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ ftehim bejn sieħeb f’co-branding jew aġent, minn naħa, u skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet, min-naħa l-oħra, ma huwiex neċessarju li dan is-sieħeb f’co-branding jew dan l-aġent jaġixxi bħala emittent, fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, sabiex l-imsemmija skema tkun ikkunsidrata bħala li toħroġ strumenti ta’ ħlas permezz ta’ kard ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent u sabiex tkun għalhekk ikkunsidrata bħala skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ( 14 ). |
|
28. |
Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-assimilazzjoni parzjali tal-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet b’estensjoni tal-co-branding mal-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet, inkluż meta s-sieħeb f’co-branding ma jkunx emittent. Għaldaqstant, hija ma aċċettatx l-analiżi ta’ Amex li, fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, billi bbażat ruħha fuq il-formulazzjoni tal-premessa 28 tar-Regolament 2015/751 ( 15 ) li ssemmi biss waħda mit-tliet ipoteżi previsti fl-Artikolu 1(5) ta’ dan ir-regolament, kienet issostni li l-assimilazzjoni kienet tapplika biss f’din l-ipoteżi, jiġifieri meta s-sieħeb f’co-branding ikun emittent. |
|
29. |
Għaldaqstant, il-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751, li jiddefinixxi l-“kumpens nett” bħala l-ammont nett totali ta’ pagamenti, skontijiet jew inċentivi irċevuti minn emittent mill-iskema ta’ kards ta’ ħlas, l-akkwirent jew kwalunkwe intermedjarju ieħor fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard jew attivitajiet relatati, għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ din l-assimilazzjoni parzjali. |
|
30. |
Sabiex jinsiltu l-konsegwenzi ta’ din l-assimilazzjoni parzjali meta ma jkunx hemm emittent barra mill-iskema ta’ kards ta’ ħlas, huwa neċessarju li l-qari tal-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751 jieħu inkunsiderazzjoni kemm il-formulazzjoni kif ukoll il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament. |
|
31. |
Fl-ewwel lok, ir-riferiment, fid-definizzjoni ta’ “kumpens nett”, għall-ammonti rċevuti mill-emittent jista’ jissuġġerixxi, prima facie, li, fl-assenza ta’ tali emittent, li huwa l-każ fi skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet b’estensjoni tal-co-branding kif analizzata mill-qorti tar-rinviju, din id-definizzjoni ma tistax tapplika. Min-naħa l-oħra, f’loġika ta’ assimilazzjoni parzjali ma’ skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet, huwa evidenti li huwa s-sieħeb f’co-branding li jikkostitwixxi l-intervenjent addizzjonali. Barra minn hekk, l-imsemmija definizzjoni tindika li huma l-ammonti rċevuti mill-iskema ta’ kards ta’ ħlas li jittieħdu inkunsiderazzjoni. Issa, fi skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet b’estensjoni tal-co-branding, ipotetikament, tali skema ta’ kards ta’ ħlas teżisti. Konsegwentement, jidhirli li l-ammonti rċevuti mis-sieħeb f’co-branding provenjenti mill-iskema ta’ kards ta’ ħlas jikkorrispondu għall-kumpens nett. |
|
32. |
Fit-tieni lok, l-objettiv tar-Regolament 2015/751 huwa ċar: li tinkiseb applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-kompetizzjoni għat-tariffi tal-interkambju, li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u li titnaqqas l-ispiża tat-tranżazzjonijiet bil-kards ta’ ħlas għall-konsumaturi ( 16 ). Issa, l-assimilazzjoni parzjali għandha l-effett li tissuġġetta ċerti skemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet għar-regoli tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament dwar b’mod partikolari l-limitazzjoni tat-tariffi tal-interkambju, li l-kumpensi netti jagħmlu parti minnhom. |
|
33. |
Għalhekk, l-interpretazzjoni tad-definizzjoni tal-“kumpens nett” f’kuntest ta’ assimilazzjoni parzjali ma’ skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet għandha tieħu inkunsiderazzjoni dan l-għan ta’ tnaqqis tal-ispejjeż ta’ ħlas bil-kard. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma jistax jiġi eskluż li ċertu tip ta’ korrispettiv jew ta’ vantaġġ jista’ jiġi identifikat bħala li jikkostitwixxi tariffa impliċita ta’ interkambju, fis-sens tal-premessa 28 tar-Regolament 2015/751, mingħajr ma s-sieħeb f’co-branding li miegħu l-iskema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet tkun ikkonkludiet ftehim ikun neċessarjament involut fl-attività ta’ ħruġ ta’ din l-iskema ( 17 ). |
|
34. |
Dan iwassal għal interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kumpens nett” f’dan il-kuntest fis-sens li dan ikopri l-ammont nett totali tal-ħlasijiet, tal-iskontijiet jew tal-inċentivi irċevuti mis-sieħeb f’co-branding li jiġu, b’mod partikolari, mill-iskema ta’ kards ta’ ħlas. |
|
35. |
Barra minn hekk, kif tirrileva l-ACM, il-Kummissjoni, fir-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tar-Regolament 2015/751, previst fl-Artikolu 17 ta’ dan tal-aħħar, tiddikjara li l-kumpens nett, fil-kuntest ta’ skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet b’estensjoni, jikkorrispondi għall-ammont nett totali tal-ħlasijiet, tal-iskontijiet u tal-inċentivi rċevuti mis-sieħeb f’co-branding jew mill-aġent ( 18 ). |
|
36. |
Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751, moqri flimkien mal-Artikolu 1(5) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kumpens nett jikkorrispondi għall-ammont nett totali tal-ħlasijiet, tal-iskontijiet jew tal-inċentivi rċevuti mis-sieħeb f’co-branding li jiġu, b’mod partikolari, mill-iskema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet b’estensjoni tal-co-branding, anki jekk is-sieħeb f’co-branding ma huwiex emittent. |
B. Fuq it-tieni domanda preliminari
|
37. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/751, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kumpens nett jaqa’ direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 4. |
|
38. |
Fid-definizzjoni tat-“tariffa tal-interkambju” stabbilita fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751, il-kumpens nett jew remunerazzjonijiet maqbula oħrajn huma meqjusa bħala parti mit-tariffa tal-interkambju. Għalhekk, huma jaqgħu direttament taħt l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, li jillimita l-ammont tat-tariffa tal-interkambju għal 0.3 % tal-valur tat-tranżazzjoni għal kull tranżazzjoni marbuta ma’ kard tal-kreditu. |
|
39. |
Madankollu, Amex u KLM biss jopponu dan il-qari billi jsostnu li dan iwassal sabiex jiċċaħħad minn kull utilità l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament li jistabbilixxi regola ta’ projbizzjoni ta’ evażjoni ta’ din il-limitazzjoni billi jsemmi espressament il-kumpens nett. |
|
40. |
Fil-fatt, id-dubju jirriżulta mill-fatt li din ir-regola ta’ projbizzjoni tal-evażjoni tipprevedi li, sabiex jitqiesu bħala parti mit-tariffa tal-interkambju, ir-remunerazzjonijiet maqbula, fosthom il-kumpens nett, għandu jkollhom effett jew għan ekwivalenti għat-tariffa tal-interkambju. |
|
41. |
Għalhekk, filwaqt li l-assimilazzjoni tal-kumpens nett mat-tariffa tal-interkambju ssir mingħajr kundizzjoni fid-definizzjoni ta’ din tal-aħħar, din hija, min-naħa l-oħra, suġġetta għal kundizzjoni ta’ għan jew ta’ effett ekwivalenti fir-regola ta’ projbizzjoni tal-evażjoni. Għaldaqstant, is-sempliċi interpretazzjoni letterali ma jidhirx li hija suffiċjenti sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju. |
|
42. |
Fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni għal regolament ( 19 ), il-kumpens nett ma kienx preżenti fid-definizzjoni tat-“tariffa tal-interkambju” u deher biss fir-regola ta’ projbizzjoni tal-evażjoni tal-Artikolu 5 li kienet tindika li “kwalunkwe kumpens nett […] għandu jiġi ttrattat bħala parti mit-tariffa tal-interkambju”: ma kien hemm l-ebda kwistjoni ta’ effett jew għan ekwivalenti. Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 3 u 4 li jistabbilixxu l-limiti għar-regola tal-limitu massimu tat-tariffa tal-interkambju kienu jsemmu li: “il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament ma għandhomx joffru jew jitolbu […] tariffa tal-interkambju […] jew xi rimunerazzjoni oħra miftiehma b’għan jew effett ekwivalenti”. |
|
43. |
B’hekk, mill-bidu, il-kumpens nett kien assimilat mat-tariffa tal-interkambju, mhux fid-definizzjoni tiegħu, iżda fir-regola ta’ projbizzjoni tal-evażjoni, u ma kienx suġġett għall-obbligu li jkollu effett jew għan ekwivalenti. Barra minn hekk, kienu previsti remunerazzjonijiet oħra li, min-naħa tagħhom, kellu jkollhom effett jew għan ekwivalenti għat-tariffa tal-interkambju sabiex jidħlu fil-kalkolu tal-limitu. Konsegwentement, kien previst tqassim ċar bejn, minn naħa, it-tariffa tal-interkambju, li minnha kien jagħmel parti l-kumpens nett, suġġett direttament għal-limitu massimu, u, min-naħa l-oħra, ir-“remunerazzjonijiet l-oħra”, li kienu limitati biss jekk kellhom għan jew effett ekwivalenti għat-tariffa tal-interkambju. |
|
44. |
L-interpretazzjoni teleoloġika tar-Regolament 2015/751 tagħti indikazzjonijiet fl-istess sens. Fil-fatt, il-premessa 28 ta’ dan ir-regolament issemmi l-possibbiltà ta’ tariffi tal-interkambju impliċiti fl-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li jużaw fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas. Hija tispeċifika li, sabiex jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti, dawn l-iskemi għandhom ikunu suġġetti għall-istess regoli bħall-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet. Issa, billi tagħmel riferiment għal tariffi tal-interkambju impliċiti, din il-premessa tagħmel riferiment għal remunerazzjonijiet li jridu jkunu limitati bħala tali u mhux biss jekk dawn ikollhom effett jew għan ekwivalenti għal tariffa tal-interkambju diretta. Bħala tfakkira, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din l-assimilazzjoni ta’ tali skemi ta’ tliet partijiet ma’ skemi ta’ erba’ partijiet għandha tapplika wkoll f’każijiet ta’ skemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet tal-co-branding jew tal-aġenzija biex jiġi żgurat li jiġu rrispettati l-għanijiet tar-Regolament 2015/751 ( 20 ). Konsegwentement, l-imsemmija premessa, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, twassal għall-konklużjoni li l-kumpens nett fil-każ ta’ skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet b’estensjoni jaqa’ direttament fil-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. |
|
45. |
Il-premessa 31 tal-imsemmi regolament tippermetti li tiġi kkonfermata din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, filwaqt li tagħmel riferiment għall-kumpens nett, hija tindika li dan għandu “jitqies bħala t-tariffa tal-interkambju”, mingħajr ma ssemmi l-ħtieġa li dan ikollu effett jew għan ekwivalenti għal din tal-aħħar. Il-fatt li din il-premessa ssemmi r-riskji ta’ evażjoni ma huwiex biżżejjed, fil-fehma tiegħi, sabiex jikkontesta l-fatt li l-formulazzjoni tagħha tiddikjara b’mod ċar li l-kumpens nett għandu jitqies bħala t-tariffa tal-interkambju. |
|
46. |
Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/751, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-punt 10 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kumpens nett jaqa’ direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 4. |
C. Fuq it-tielet domanda preliminari
|
47. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-remunerazzjonijiet, inkluż il-kumpens nett, irċevuti minn sieħeb f’co-branding, li ma huwiex emittent, minn skema ta’ kards ta’ ħlas humiex suġġetti għar-regola ta’ projbizzjoni tal-evażjoni stabbilita mill-Artikolu 5 tar-Regolament 2015/751. |
|
48. |
Peress li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari fis-sens li dawn ir-remunerazzjonijiet jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, ser nipproponi li tingħata risposta għal din it-tielet domanda biss b’mod sussidjarju. |
|
49. |
Skont il-klawżola ta’ assimilazzjoni prevista fl-Artikolu 1(5) tar-Regolament 2015/751, l-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet b’estensjoni tal-co-branding huma suġġetti għall-istess regoli bħal dawk li japplikaw għall-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet. Għaldaqstant, ir-regola ta’ projbizzjoni tal-evażjoni tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament issir applikabbli għal dawn l-iskemi bl-istess modalitajiet bħal dawk adottati għall-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, jiġifieri li huma r-remunerazzjonijiet irċevuti mis-sieħeb f’co-branding li għandhom jiġu analizzati sabiex ikun determinat jekk, ladarba għandhom effett jew għan ekwivalenti għat-tariffa tal-interkambju, dawn għandhomx jitqiesu bħala t-tariffa tal-interkambju suġġetta għal-limiti massimi tal-Artikoli 3 u 4 tal-istess regolament. |
|
50. |
Għalhekk jidher li, f’dan il-każ, ir-regola ta’ projbizzjoni tal-evażjoni stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament 2015/751 hija l-istess bħal-limitazzjoni diretta tat-tariffa tal-interkambju stabbilita mill-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, dan ma jfissirx li, f’dan il-każ, il-limitazzjoni diretta tal-Artikolu 4 ma tapplikax għar-remunerazzjonijiet imħallsa lis-sieħeb f’co-branding. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm remunerazzjonijiet li ma humiex kumpens nett u li jista’ jkollhom effett jew għan ekwivalenti għat-tariffa tal-interkambju. |
|
51. |
Għalhekk nipproponi li r-risposta lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 5 tar-Regolament 2015/751 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu r-remunerazzjonijiet, inkluż il-kumpens nett, irċevuti minn sieħeb f’co-branding, anki meta ma jkunx emittent. |
D. Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda preliminari
|
52. |
Permezz tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, li nipproponi li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-regola ta’ projbizzjoni tal-evażjoni stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament 2015/751. |
|
53. |
Bħal fil-każ tad-domanda preċedenti, ir-risposta għal dawn id-domandi hija biss sussidjarja peress li l-kumpens nett jaqa’, fil-fehma tiegħi, direttament taħt il-limitazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. |
|
54. |
Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal dawn id-domandi tal-qorti tar-rinviju hija dedotta, parzjalment, faċilment mill-qari stess tal-Artikolu 5 tar-Regolament 2015/751. Fil-fatt, sabiex jiġu kkunsidrati li jagħmlu parti mit-tariffa tal-interkambju, ir-remunerazzjonijiet, inkluż il-kumpens nett, irid ikollhom għan jew effett ekwivalenti għal din tal-aħħar. Barra minn hekk, din l-analiżi hija applikabbli kemm għall-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet kif ukoll għall-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet b’estensjoni peress li dan l-artikolu ma jagħmilx distinzjoni bejniethom. |
|
55. |
Għalhekk, il-kriterju adottat huwa alternattiv: huwa biżżejjed li r-remunerazzjonijiet irċevuti jkollhom jew għan jew effett ekwivalenti għat-tariffa tal-interkambju sabiex jitqiesu bħala tali. |
|
56. |
Jekk jittieħed l-għan tar-Regolament 2015/751, f’dak li jirrigwarda r-regola tal-projbizzjoni tal-evażjoni tal-limiti stabbiliti, kif spjegat fil-premessa 31 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi evitat li d-dispożizzjonijiet dwar it-tariffi tal-interkambju, b’mod partikolari l-limitazzjoni tagħhom, jiġu evitati permezz ta’ flussi finanzjarji oħra lejn l-emittenti. Il-premessa 32 tal-imsemmi regolament iżżid li, minn naħa, il-konsumaturi ġeneralment ma jkunux konxji tat-tariffi mħallsa min-negozjanti għall-istrument ta’ pagament użat u, min-naħa l-oħra, il-prattiki ta’ inċentiv implimentati mill-emittenti, bħal vawċers tal-ivvjaġġar, jistgħu jiggwidawhom lejn l-użu ta’ strumenti ta’ pagament li jiġġeneraw tariffi għoljin għall-emittenti. |
|
57. |
Għaldaqstant, il-limitazzjoni tat-tariffi ta’ interkambju b’mod dirett bl-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/751 jew permezz tar-regola ta’ projbizzjoni tal-evażjoni għandha t-tendenza li tirregola l-inċentivi għall-użu ta’ strument ta’ pagament partikolari jew ieħor. Kif tindika l-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha, l-estensjoni tal-attivitajiet tal-iskema ta’ kards ta’ ħlas tista’ tikkorrispondi mal-għan jew l-effett imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament. |
|
58. |
Il-biża’ li l-operazzjonijiet kollha ta’ promozzjoni tal-ħruġ ta’ kards ta’ ħlas jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/751 jidhirli li hija infondata. Fil-fatt, sabiex dan l-Artikolu 4 japplika, jeħtieġ li jkun hemm, minn naħa, sħubija f’co-branding jew kuntratt ta’ aġent li miegħu tkun marbuta l-operazzjoni ta’ promozzjoni u, min-naħa l-oħra, tranżazzjoni bejn dan is-sieħeb jew dan l-aġent u skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet. Konsegwentement, il-kriterju tal-estensjoni tal-attivitajiet tal-iskema ta’ kards ta’ ħlas huwa kriterju utli sabiex tiġi vverifikata l-assenza ta’ evażjoni matul l-eżami każ b’każ tas-sitwazzjonijiet li ser jitressqu quddiem il-qorti nazzjonali. |
|
59. |
Min-naħa l-oħra, il-kriterju tal-effett fuq is-suq kif propost, essenzjalment, fl-osservazzjonijiet ta’ Visa, KLM u Amex li jinvokaw in-neċessità li jiġi pprovat falliment tas-suq ekwivalenti għal dak prodott mit-tariffi ta’ interkambju fl-iskemi ta’ erba’ partijiet ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, billi assimila l-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet b’estensjoni mal-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet f’dak li jirrigwarda l-limitazzjoni tat-tariffi ta’ interkambju, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fir-Regolament 2015/751, għażel b’mod ċar li jippreżumi li l-falliment tas-suq huwa identiku fiż-żewġ ipoteżijiet sabiex jissuġġettahom għal limitazzjoni oġġettiva sabiex jirrimedja dan il-falliment tas-suq. |
|
60. |
Għalhekk nipproponi li r-risposta għar-raba’ u l-ħames domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 5 tar-Regolament 2015/751 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, kwalunkwe remunerazzjoni maqbula, inkluż il-kumpens nett, li għandha jew għan jew effett ekwivalenti għat-tariffa tal-interkambju, irċevuta minn sieħeb f’co-branding minn skema ta’ kards ta’ ħlas, minn akkwirent jew minn kwalunkwe intermedjarju ieħor fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament jew attivitajiet relatati titqies bħala parti mit-tariffa tal-interkambju u, min-naħa l-oħra, il-kriterju tal-estensjoni tal-attivitajiet tal-iskema ta’ kards ta’ ħlas huwa rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ dan l-għan jew ta’ dan l-effett ekwivalenti. |
E. Fuq is-sitt domanda preliminari
|
61. |
Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-tariffa għal servizz imħallsa mis-sieħeb f’co-branding, meta huwa jaġixxi bħala negozjant li juża s-servizzi tal-iskema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet, tista’ titnaqqas mill-ħlasijiet, mill-iskontijiet jew mill-inċentivi rċevuti minnu mill-iskema fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas jew ta’ attivitajiet relatati permezz ta’ kard. |
|
62. |
Il-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751 jiddefinixxi l-“kumpens nett” billi jieħu inkunsiderazzjoni d-definizzjoni tat-“tariffa għas-servizzi tan-negozjant”, li hija mogħtija fil-punt 12 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, din it-tariffa għas-servizzi hija ddefinita bħala tariffa mħallsa mill-benefiċjarju lill-akkwirent b’rabta ma’ tranżazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard. |
|
63. |
Id-diffikultà tirriżulta mill-fatt li, minn naħa, fi skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet, il-funzjonijiet ta’ akkwirent u ta’ emittent jitwettqu minn entità waħda, jiġifieri l-iskema u, min-naħa l-oħra, is-sieħeb f’co-branding, li għandu jitqies bħala l-emittent sabiex tkun possibbli l-applikazzjoni tal-limitu massimu tat-tariffa tal-interkambju, jista’ jkun ukoll benefiċjarju, jiġifieri negozjant li juża servizzi tal-iskema. |
|
64. |
Madankollu, kif jindikaw il-Kummissjoni, MasterCard, Visa, u l-ACM, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv. Fil-fatt, it-tariffa tas-servizz imħallsa mis-sieħeb f’co-branding ma għandhiex rabta mas-sħubija konkluża mal-iskema ta’ kards ta’ ħlas peress li din tista’ titħallas minn skema oħra ta’ kards ta’ ħlas. Min-naħa l-oħra, l-inklużjoni tagħha, sabiex titnaqqas, fil-kalkolu tal-kumpens nett issaħħaħ l-inċentiv għas-sieħeb f’co-branding għall-iżvilupp tal-attività tal-iskema ta’ kards ta’ ħlas, li jmur kontra l-għanijiet tar-Regolament 2015/751 ( 21 ). |
|
65. |
Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-tariffa għal servizz imħallsa min-negozjant ma tistax titnaqqas mill-ħlasijiet, mill-iskontijiet u mill-inċentivi li dan tal-aħħar jirċievi, bħala sieħeb f’co-branding, minn skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet b’estensjoni tal-co-branding, fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas jew ta’ attivitajiet relatati permezz ta’ kard. |
F. Fuq is-seba’ domanda preliminari
|
66. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kumpens nett, li mill-ammont totali li s-sieħeb f’co-branding jirċievi mill-iskema ta’ co-branding jitnaqqsu mhux biss ir-remunerazzjonijiet finanzjarji mħallsa mis-sieħeb f’co-branding, iżda wkoll l-ispejjeż jew il-korrispettiv ekonomiku tas-servizz minn sieħeb f’co-branding. Jekk applikabbli, din il-qorti tistaqsi dwar il-kriterji li skonthom għandu jiġi kkalkolat dan il-valur. |
|
67. |
Għandu jitfakkar li, qabel kollox, il-qorti tar-rinviju għandha tistabbilixxi li s-servizzi inkwistjoni huma relatati mat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas jew mal-attivitajiet relatati permezz ta’ kard. |
|
68. |
Id-definizzjoni ta’ “kumpens nett” issemmi biss l-ammont nett totali ta’ pagamenti, skontijiet u inċentivi irċevuti minn emittent mill-iskema ta’ kards ta’ ħlas. Għalhekk, il-kunċetti ta’ ħlas, ta’ skont u ta’ inċentiv iridu jkunu l-istess kemm fir-rigward tal-ammonti rċevuti mill-emittent jew mis-sieħeb f’co-branding kif ukoll ta’ dawk li huwa jħallas lill-iskema, li għandhom jitnaqqsu minn dawn l-ammonti rċevuti. |
|
69. |
Sabiex jinvokaw l-interpretazzjoni wiesgħa kif ukoll stretta ta’ dawn il-kunċetti, il-partijiet u l-partijiet interessati jenfasizzaw ir-riskju li tiġi evitata l-limitazzjoni tat-tariffa tal-interkambju. Tal-ewwel (KLM, Amex) jindikaw li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-benefiċċji għall-kalkolu tal-kumpens nett iwassal lill-partijiet sabiex jużaw tali mekkaniżmu ta’ inċentiv sabiex jevitaw din il-limitazzjoni favur l-emittenti. Għall-kuntrarju, dawn tal-aħħar (Visa, ACM) iqisu li għandhom jinżammu biss il-ħlasijiet monetarji li jikkostitwixxu valur oġġettivament verifikabbli, filwaqt li l-valur tas-servizzi jista’ jiżdied b’mod artifiċjali sabiex jitnaqqas l-ammont tal-kumpens nett u b’hekk jiġi evitat il-limitu tat-tariffa tal-interkambju. |
|
70. |
Wieħed jifhem ix-xewqa li jkun hemm regola faċli li tiġi applikata permezz ta’ interpretazzjoni limitata għall-inklużjoni fil-kumpens nett tal-ħlasijiet monetarji. Għalhekk, waqt is-seduta, l-ACM qablet li kienet ħaġa li tieħu ħafna ħin u diffiċli għaliha li tivverifika l-osservanza tal-limitu fil-każ ta’ benefiċċji mhux monetarji. Din l-interpretazzjoni hija msaħħa mill-fatt li, fit-tielet sentenza tal-premessa 31 tar-Regolament 2015/751, hija l-kelma “tariffi” li tintuża sabiex tindika dak li għandu jitnaqqas mill-ammont totali tal-pagamenti jew tal-inċentivi rċevuti minn emittent minn skema ta’ kards ta’ pagament. Fil-fatt, dan it-terminu ma jirreferix għal benefiċċju, iżda għal ħlas monetarju. |
|
71. |
Madankollu, tali interpretazzjoni twassal sabiex tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/751. Fil-fehma tiegħi, l-istess interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ ħlas, ta’ skont u ta’ inċentivi għandha tintuża għall-kalkolu tal-ħlasijiet magħmula kemm mill-akkwirent lill-emittent kif ukoll bil-kontra. Għalhekk, jekk jitqiesu biss il-ħlasijiet monetarji għall-kalkolu tal-kumpens nett, il-forom l-oħra kollha ta’ remunerazzjoni, pereżempju s-servizzi, ikollhom jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament u jkunu limitati biss fil-każ ta’ effett jew ta’ għan ekwivalenti għat-tariffa tal-interkambju. |
|
72. |
Madankollu, inqis li din is-sempliċità apparenti tmur kontra l-formulazzjoni tar-Regolament 2015/751 peress li d-definizzjoni ta’ “kumpens nett” issemmi l-inċentivi b’mod ġenerali mingħajr ma jista’ jiġi dedott li dawn huma limitati għal inċentivi monetarji. Barra minn hekk, dan imur kontra l-għan ta’ dan ir-regolament li jiġu limitati l-ispejjeż tal-ħlas bil-kard. Fil-fatt, jekk benefiċċji bħall-għoti ta’ “mili” li jistgħu jissarrfu f’biljetti tal-ajru ma jiġux inklużi fil-kumpens nett, dan iwassal sabiex jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ tali prattiki ta’ inċentiv. Barra minn hekk, ikun iktar kumpless li tiġi prodotta prova tal-għan jew tal-effett ekwivalenti għat-tariffa tal-interkambju. Konsegwentement, is-sempliċità tar-regola fir-rigward tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament hija l-korollarju ta’ diffikultà ikbar fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 5 tal-istess regolament peress li fl-istess ħin għandu jiġi pprovat il-valur ta’ dawn il-benefiċċji u l-effett jew l-għan ekwivalenti tagħhom. |
|
73. |
Fir-realtà, id-differenza fl-evalwazzjoni bejn il-partijiet u l-partijiet interessati tirrigwarda l-mod kif jiġu vvalutati l-benefiċċji mhux monetarji sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ evażjoni tal-limitu stabbilit mir-Regolament 2015/751. Il-valur ikkunsidrat għandu jkun il-valur ekonomiku reali u mhux il-valur kuntrattwali adottat mill-partijiet. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha tikkalkola dan il-valur skont l-elementi tal-fajl u billi tieħu inkunsiderazzjoni l-għan ta’ limitazzjoni tal-ispejjeż għat-tranżazzjonijiet bil-kard ta’ ħlas. |
|
74. |
Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għas-seba’ domanda preliminari għandha tkun li l-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kumpens nett, jistgħu jitnaqqsu mir-remunerazzjonijiet irċevuti mis-sieħeb f’co-branding mill-iskema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet mhux biss ir-remunerazzjonijiet monetarji, iżda wkoll il-benefiċċji li għandhom jiġu evalwati każ b’każ billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur ekonomiku reali tagħhom li s-sieħeb f’co-branding iħallas lill-iskema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet. |
V. Konklużjoni
|
75. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), tal‑25 ta’ Lulju 2024, dwar l-istatistika tal-pagamenti fit-tieni nofs tal-2023, disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej: https://www.ecb.europa.eu/press/stats/paysec/html/ecb.pis2023_1~10a5662f81.mt.html Ara wkoll l-anness ta’ din l-istqarrija.
( 3 ) Ara r-Rapport Speċjali 01/2025 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, bit-titolu “Pagamenti diġitali fl-UE – Progress biex dawn isiru aktar siguri, aktar rapidi, u inqas għaljin, minkejja l‑lakuni li fadal”, disponibbli fuq l-indirizz tal-Internet li ġej: https://www.eca.europa.eu/ECAPublications/SR-2025-01/SR-2025-01_MT.pdf, punt 7 (p. 9).
( 4 ) Terminal ta’ pagament elettroniku jew soluzzjoni ta’ ħlas bil-kard fuq l-Internet jew bit-telefon ċellulari.
( 5 ) ĠU 2015, L 123, p. 1.
( 6 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2018, American Express (C‑304/16, EU:C:2018:66).
( 7 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5). Id-Direttiva 2007/64 tħassret bid-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35, rettifika fil-ĠU 2018, L 102, p. 97).
( 8 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU 2009, L 267, p. 7).
( 9 ) Ara l-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751.
( 10 ) Ara l-Artikolu 3 (tranżazzjonijiet b’kard tad-debitu) u l-Artikolu 4 (tranżazzjonijiet b’kard tal-kreditu) tar-Regolament 2015/751.
( 11 ) Ara l-Artikolu 1(3)(c) tar-Regolament 2015/751.
( 12 ) Ara l-Artikolu 1(5) tar-Regolament 2015/751.
( 13 ) C‑304/16, EU:C:2018:66.
( 14 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2018, American Express (C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 73 u l-punt 1 tad-dispożittiv).
( 15 ) Din il-premessa tipprovdi b’mod partikolari li, “[s]abiex l-eżistenza ta’ tariffi impliċiti tal-interkambju tkun rikonoxxuta u jingħata kontribut għall-ħolqien ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, l-iskemi ta’ kards ta’ pagament ta’ tliet partijiet li jużaw il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament bħala emittenti jew akkwirenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala skemi ta’ kards ta’ pagament ta’ erba’ partijiet u għandhom isegwu l-istess regoli”.
( 16 ) Ara l-premessa 10 tar-Regolament 2015/751.
( 17 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2018, American Express (C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 71).
( 18 ) Ara r-rapport tad‑29 ta’ Ġunju 2020 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/751 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard (SWD(2020) 118 final), disponibbli bl-Ingliż fl-indirizz tal-Internet li ġej: https://competition-policy.ec.europa.eu/system/files/2021-10/IFR_report_card_payment.pdf, p. 13.
( 19 ) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament ibbażati fuq kard, ippreżentata mill-Kummissjoni fl‑24 ta’ Lulju 2013 (COM(2013) 550 final).
( 20 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2018, American Express (C‑304/16, EU:C:2018:66, punti 71 u 73).
( 21 ) Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri sabet tliet studji li jissuġġerixxu li t-tariffi tas-servizzi għajr it-tariffi tal-interkambju ma humiex negliġibbli, jew saħansitra li dawk tal-ewwel żdiedu meta tat-tieni ġew limitati (ara r-rapport speċjali ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Anness II u l-Figura 9).