European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/2992

27.5.2025

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ Indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2025/2992)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Kamptal”

PDO-AT-A0209-AM02 – 14.3.2025

1.   Isem il-prodott

“Kamptal”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☒

Denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP)

☐

Indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP)

☐

Indikazzjoni ġeografika (IĠ)

3.   Settur

☐

prodotti agrikoli

☒

inbejjed

☐

xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż terz li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

L-Awstrija

5.   Isem tal-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jew tal-grupp ta’ produtturi stabbilit jew residenti f’pajjiż terz li jikkomunika l-emenda standard lill-Kummissjoni

Bundesministerium für Land- und Forstwirtschaft, Regionen und Wasserwirtschaft [il-Ministeru Federali għall-Agrikoltura u l-Forestrija, ir-Reġjuni u l-Ġestjoni tal-Ilma]

6.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

1.   Żieda ta’ varjetajiet ta’ dwieli

Sa issa, il-varjetajiet Grüner Veltliner u Rheinriesling biss setgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-inbid tad-DOP Kamptal. L-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tfisser li jistgħu jintużaw ukoll Chardonnay, Weißburgunder u Grauburgunder.

Iż-żieda ta’ dawn il-varjetajiet la taffettwa l-isem u lanqas il-kategorija tad-DOP Kamptal. Ir-rabta maż-żona hija wkoll bħal qabel, peress li l-varjetajiet inkwistjoni ilhom jitkabbru fiż-żona tad-DOP Kamptal għal żmien twil. Barra minn hekk, ma ġiet imposta l-ebda restrizzjoni fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-inbid tad-DOP Kamptal. Għalhekk, l-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott hija emenda standard.

Id-dokument uniku għandu jiġi emendat ukoll, peress li jistabbilixxi l-varjetajiet li jistgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-inbid tad-DOP Kamptal.

2.   Deskrizzjoni aktar preċiża tal-karatteristiċi organolettiċi

L-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tinvolvi d-definizzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi tal-inbid tad-DOP Kamptal b’mod aktar rigoruż, billi tistabbilixxihom separatament u b’mod aktar preċiż għall-Gebietswein [inbid reġjonali], l-Ortswein [inbid minn villaġġ jew muniċipalità partikolari] u r-Riedenwein [inbid minn vinja waħda definita legalment] rispettivament.

Id-dettaljar b’aktar attenzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi ma jaffettwawx la l-isem u lanqas il-kategorija tad-DOP Kamptal. Ir-rabta maż-żona hija wkoll bħal qabel, peress li l-karatteristiċi organolettiċi fundamentali ma nbidlux: dawn ġew sempliċement deskritti b’mod aktar preċiż. Barra minn hekk, ma ġiet imposta l-ebda restrizzjoni fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-inbid tad-DOP Kamptal. Għalhekk, l-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott hija emenda standard.

Id-dokument uniku għandu jiġi emendat ukoll, peress li jistabbilixxi l-karatteristiċi organolettiċi tal-inbid tad-DOP Kamptal.

3.   Użu ta’ għeneb imkabbar b’mod organiku

L-ispeċifikazzjoni tal-prodott emendata tispeċifika li, mill-vendemmja tal-2025 ’il quddiem, l-inbid irid isir minn għeneb imkabbar f’sistemi tal-produzzjoni organika ċċertifikati jew kopert miċ-ċertifikazzjoni “Awstrija Sostenibbli”. L-eżenzjonijiet japplikaw għall-produtturi tal-għeneb u tal-inbid fuq skala żgħira. Dawn ir-regoli addizzjonali dwar l-għeneb li għandu jintuża għall-produzzjoni tal-inbid tad-DOP Kamptal la jaffettwaw l-isem u lanqas il-kategorija tad-DOP Kamptal. Barra minn hekk, ir-rabta maż-żona hija bħal qabel, jekk mhux saħansitra aktar b’saħħitha bħala riżultat tal-metodi ta’ produzzjoni organika. L-emenda hija għalhekk emenda standard. L-użu ta’ sistemi tal-produzzjoni organika ċċertifikati jew ċertifikazzjoni tal-“Awstrija Sostenibbli” għandu jissemma wkoll fid-dokument uniku taħt “Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed”.

4.   Regoli addizzjonali dwar it-tikkettar

L-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tistabbilixxi regoli dwar id-daqs tat-tipa tad-dettalji fuq it-tikketta (il-varjetà, id-DOP, it-termini tradizzjonali, eċċ.). Peress li dan ma jaqa’ taħt l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143, l-emenda hija emenda standard. Ir-regoli għandhom jiġu inklużi fid-dokument uniku taħt il-punt 9 – “Rekwiżiti oħra applikabbli”.

5.   Kjarifika tad-dispożizzjonijiet dwar l-ibbottiljar u l-produzzjoni

Il-produzzjoni: Skont l-Att Awstrijak dwar l-Inbid, normalment ikun possibbli li jiġu prodotti nbejjed tad-DOP barra mir-reġjun tal-vitikultura, li jfisser li l-Awstrija ġeneralment tagħmel użu mid-deroga prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/33. L-ispeċifikazzjoni tal-prodott tad-DOP Kamptal ġiet emendata biex issa tistipula wkoll li l-produzzjoni barra mir-reġjun tal-vitikultura trid tiġi nnotifikata lill-Kumitat Reġjonali tal-Inbid ta’ Kamptal.

L-ibbottiljar: Ma ġiet stabbilita l-ebda restrizzjoni. L-ibbottiljar barra mir-reġjun tal-vitikultura jrid jiġi nnotifikat lill-Kumitat Reġjonali tal-Inbid.

Dawn ir-rekwiżiti ta’ notifika ma jillimitawx il-kummerċjalizzazzjoni tal-inbid tad-DOP Kamptal u għalhekk huma emenda standard. Dawn għandhom jiġu inklużi fid-dokument uniku taħt il-punt 9 – “Rekwiżiti oħra applikabbli”.

6.   Dispożizzjonijiet dwar l-użu ta’ unitajiet ġeografiċi iżgħar fuq it-tikketta

L-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tagħmilha possibbli li ssir referenza għal unitajiet ġeografiċi iżgħar miż-żona sottostanti tad-DOP Kamptal, u b’hekk isir użu mill-possibbiltajiet previsti fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2019/33. Peress li dan ma jaqa’ taħt l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143, l-emenda hija emenda standard. L-ismijiet tal-unitajiet ġeografiċi huma elenkati fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott u għandhom jiġu inklużi wkoll fid-dokument uniku fil-punt 9 – “Rekwiżiti oħra applikabbli”.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/Ismijiet (ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti (DOP) jew ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (IĠP))

Kamptal

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ oriġini protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dielja kif elenkati fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

1.

Inbid

3.1.   Klassifikazzjoni tal-inbid f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

—

22 — XARBIET, SPIRTI U ĦALL

2204 – Inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb għajr dak tal-intestatura 2009

4.   Deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed

Inbid ta’ Kamptal

L-inbid tad-DOP Kamptal huwa prodott mill-varjetajiet tal-għeneb li ġejjin użati għall-produzzjoni ta’ Qualitätswein [inbid ta’ kwalità]: Grüner Veltliner, Riesling, Chardonnay, Weißburgunder, Grauburgunder. L-inbid jista’ jsir minn waħda jew minn taħlita ta’ dawn il-varjetajiet. Fi kwalunkwe każ, il-coupage huwa permess sakemm ma jkunx ta’ detriment għad-denominazzjoni.

Il-karatteristiċi organolettiċi tal-inbid huma kif ġej:

a)

Gebietswein [inbid reġjonali]: Dawn l-inbejjed għandhom il-kwalitajiet li ġejjin: stil ħafif għal moderat, mhux iddominati mill-botrytis, l-ebda toni tal-injam perċettibbli, ibbilanċjati, densità kkaratterizzata mill-vendemmja.

b)

Ortswein [inbid ittikkettat b’muniċipalità tal-vitikultura li tinkludi diversi vinji]: Dawn l-inbejjed għandhom il-kwalitajiet li ġejjin: stil moderatament qawwi, mhux iddominati mill-botrytis, maturità tipika taż-żona, l-ebda toni tal-injam perċettibbli, ibbilanċjati, densità kkaratterizzata mill-vendemmja.

c)

Riedenwein [inbid ittikkettat b’vinja waħda definita legalment]: Dawn l-inbejjed għandhom il-kwalitajiet li ġejjin: stil moderat sa qawwi, influwenzati mill-karatteristiċi partikolari tal-ħamrija u tal-klima tal-vinja, aroma pikkanti sa moderata, mhux iddominati mill-botrytis, l-ebda ħjiel jew ħjiel ħafif sa moderat ta’ njam, ibbilanċjati, densità kkaratterizzata mill-vendemmja.

Mill-vendemmja tal-2025 ’il quddiem, l-inbid irid isir minn għeneb imkabbar f’sistemi tal-produzzjoni organika ċċertifikati jew kopert miċ-ċertifikazzjoni tal-“Awstrija Sostenibbli”.

Karatteristiċi analitiċi

—

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): 12,5

—

Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum): 11,5

—

Aċidità totali minima: 4,0 grammi għal kull litru, espressi bħala aċidu tartariku

—

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): 18

—

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): 250

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew l-inbejjed u r-restrizzjonijiet rilevanti għall-produzzjoni tagħhom

Prattika enoloġika speċifika

Il-prattiki enoloġiċi kollha previsti fir-Regolamenti (UE) 2019/934 u 2019/935 għall-inbid b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta huma awtorizzati għad-DOP Kamptal, ħlief għat-trattament bis-sorbat tal-potassju jew bid-dikarbonat tad-dimetil. Id-deaċidifikazzjoni tal-inbejjed hija possibbli skont dawk ir-Regolamenti. Il-Ministru Federali għall-Agrikoltura u l-Forestrija, ir-Reġjuni u l-Ġestjoni tal-Ilma jiddeċiedi jekk jippermettix l-aċidifikazzjoni abbażi tal-kundizzjonijiet tat-temp matul l-istaġun tat-tkabbir. Il-kundizzjonijiet għal kwalunkwe aċidifikazzjoni huma f’dak il-każ irregolati mir-Regolamenti msemmija hawn fuq.

Il-meraq tal-għeneb irid ikollu piż minimu tal-most ta’ 15-il KMW fuq l-iskala tal-piż tal-most ta’ Klosterneuburg (= 9,5 % tal-volum).

Il-qawwa alkoħolika naturali tista’ tiżdied sa massimu ta’ 2 % tal-volum (jew 2,5 % tal-volum fil-każ ta’ kundizzjonijiet klimatiċi mhux favorevoli u wara awtorizzazzjoni mill-Ministru Federali għall-Agrikoltura u l-Forestrija, ir-Reġjuni u l-Ġestjoni tal-Ilma) biż-żieda ta’ sukrożju, most tal-għeneb ikkonċentrat jew most tal-għeneb ikkonċentrat rettifikat jew b’konċentrazzjoni parzjali.

Il-kontenut ta’ zokkor mhux iffermentat fi grammi għal kull litru ma għandux jaqbeż l-aċidità totali fi grammi għal kull litru.

Restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tal-inbejjed

Mill-vendemmja tal-2025 ’il quddiem, l-inbid irid isir minn għeneb imkabbar f’sistemi tal-produzzjoni organika ċċertifikati jew kopert miċ-ċertifikazzjoni tal-“Awstrija Sostenibbli”. Dan ma japplikax għall-produtturi tal-inbid li jiddikjaraw volum tal-produzzjoni ta’ inqas minn 5 000 litru ta’ nbid Kamptal DAC fid-dikjarazzjoni tal-ħsad tagħhom għal vendemmja speċifika. Meta l-għeneb li għandu jintuża fil-produzzjoni tal-inbid jinxtara minn produttur tal-għeneb li d-dikjarazzjoni tal-ħsad tiegħu turi produzzjoni globali ta’ 6 000 kg jew inqas, dak l-għeneb ma għandux għalfejn jiġi minn sistemi tal-produzzjoni organika ċċertifikati jew ikun kopert miċ-ċertifikazzjoni “Awstrija Sostenibbli” fis-sena li għaliha tkun saret id-dikjarazzjoni. Madankollu, produttur tal-inbid jista’ jikseb biss sa 15 % tal-għeneb kollu użat għall-produzzjoni tal-inbid Kamptal DAC f’sena partikolari mingħand tali produtturi tal-għeneb.

5.2.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

Inbid tad-DOP Kamptal

10 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

6.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika definita

Id-DOP Kamptal tkopri l-muniċipalitajiet ta’ Etsdorf-Haitzendorf, Hadersdorf-Kammern, Langenlois, Lengenfeld, Schönberg am Kamp u Straß im Straßertale fl-Awstrija t’Isfel.

7.   Indikazzjoni tal-varjetà jew tal-varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid li minnhom jiġi prodott l-inbid jew jiġu prodotti l-inbejjed

Chardonnay – Morillon

Grauer Burgunder – Grauburgunder, Pinot Gris, Ruländer

Grüner Veltliner

Weißer Burgunder – Weißburgunder, Pinot Blanc, Klevner

Weißer Riesling – Riesling, Rheinriesling

8.   Rabta maż-żona ġeografika

Inbid tad-DOP Kamptal

Il-ħamrija f’Kamptal tmur lura għall-perjodu Permjan, 270 miljun sena ilu. Il-formazzjonijiet tat-terroir jikkonsistu f’ħamrija loess, taż-żrar u tal-blat primarju b’xi elementi vulkaniċi.

Il-klima f’Kamptal hija influwenzata mill-klima Pannonjana sħuna minn naħa waħda u l-kurrenti friski mill-Waldviertel min-naħa l-oħra. Ix-xita hija bejn 550 u 600 mm fis-sena. It-temperatura medja ta’ kull sena hija ogħla minn 9° C. Wieħed jista’ jistenna ħalbiet ta’ ġlata tard fil-pjanuri tal-wied sa nofs Mejju. Il-karatteristiċi tipiċi tal-inbid huma kif ġej:

Grüner Veltliner: togħma ta’ frott, pikkanti b’mod delikat.

Riesling: fragranti, eleganti, minerali.

L-inbejjed ta’ riżerva huma qawwija f’termini ta’ stil b’aromi varjetali qawwija. Xi drabi dawn l-inbejjed ikollhom ukoll sfumaturi delikati tal-botrytis u tal-injam. Ir-raba’ mtarraġ wieqaf, fejn ma jista’ jakkumula l-ebda saff ta’ ħamrija loess, jagħtu lok għal inbejjed Riesling b’saħħithom u fuq bażi minerali b’potenzjal eċċellenti ta’ maturazzjoni. Ir-raba’ mtarraġ usa’ tat-trab ġulġlieni u tal-loess huwa ideali għall-produzzjoni tal-inbejjed qawwija u b’togħma ta’ frott Grüner Veltliner. Il-ġranet sħan, influwenzati mill-klima Pannonjana, u l-iljieli friski jagħtu lill-inbejjed ħafna finezza aromatika u aċidità vivaċi.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli

Qafas legali:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Skont l-Att Awstrijak dwar l-Inbid, l-inbid tad-DOP Kamptal jista’ jiġi kkummerċjalizzat biss jekk ikollu numru tal-kontroll tal-kwalità uffiċjali [staatliche Prüfnummer]. Sabiex jinkiseb numru tal-kontroll tal-kwalità uffiċjali, kampjun ta’ kull inbid li għandu jiġi kkummerċjalizzat bid-DOP Kamptal irid jgħaddi minn ittestjar analitiku u organolettiku (kontroll sistematiku; ara l-ispeċifikazzjoni tal-prodott).

Fl-ittestjar sensorjali, l-inbejjed jiġu ttestjati minn bord tad-dewqan uffiċjali magħmul minn sitt assaġġaturi u president. Kampjuni mhux identifikati jitqiegħdu quddiem l-assaġġaturi. Il-formola tal-ittestjar tinkludi biss l-informazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni, bħad-denominazzjoni tradizzjonali u s-sena. L-assaġġaturi jużaw kemm l-esperjenza tagħhom kif ukoll jistabbilixxu nbejjed ta’ referenza biex jiġġudikaw jekk l-inbejjed ippreżentati lilhom humiex tipiċi tal-inbejjed ta’ Kamptal u humiex kummerċjabbli (jiġifieri ħielsa minn imperfezzjonijiet).

Is-sessjoni ta’ dewqan tal-bord għall-finijiet tal-ħruġ ta’ numru tal-kontroll tal-kwalità uffiċjali għall-inbid bid-denominazzjoni tal-bejgħ “Kamptal DAC” trid issir fl-Uffiċċju Federali tal-Vitikultura. Mill-inqas erba’ assaġġaturi jridu jikkonfermaw li r-rekwiżiti għall-inbid Kamptal DAC huma ssodisfati. Jekk l-opinjoni tkun maqsuma b’mod ugwali, id-dewqan ma għandux jiġi ripetut.

Il-partijiet li beħsiebhom japplikaw għal numru tal-kontroll tal-kwalità uffiċjali għall-inbid ta’ Kamptal għall-ewwel darba jridu jinfurmaw lill-Kumitat Reġjonali tal-Inbid ta’ Kamptal bil-miktub.

Fil-każ tal-inbejjed tal-kategorija Gebietswein, ma jrid jiġi indikat l-ebda post ta’ oriġini iżgħar mid-denominazzjoni ta’ oriġini Kamptal la fuq it-tikketta ta’ quddiem u lanqas fuq it-tikketta prinċipali.

Fil-każ tal-inbejjed fil-kategorija Ortswein, ma jrid jiġi indikat l-ebda post ta’ oriġini iżgħar (ħlief għall-muniċipalitajiet tal-vitikultura elenkati fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott li jinkludu diversi vinji) la fuq it-tikketta ta’ quddiem jew fuq it-tikketta ewlenija.

Fil-każ tal-inbejjed fil-kategorija Riedenwein, l-isem ta’ vinja waħda jrid jiġi indikat kemm fuq it-tikketta ta’ quddiem kif ukoll fuq it-tikketta ewlenija.

Huwa permess li jiġu indikati varjetajiet ta’ dwieli, marki u ismijiet ornamentali, u li jintużaw id-denominazzjonijiet awtorizzati għal Qualitätswein skont ir-Regolament Awstrijak dwar id-Denominazzjoni tal-Inbid, il-Gazzetta tal-Liġi Federali (BGBl.) II Nru 111/2011, kif emendat. Fil-każ ta’ Gebietswein, dawn l-indikazzjonijiet iridu jkunu f’karattri mhux akbar minn nofs id-daqs ta’ dawk użati għall-isem Kamptal; fil-każ ta’ Ortswein, dawn iridu jkunu f’karattri mhux akbar minn nofs id-daqs ta’ dawk użati għall-isem tal-muniċipalità tal-vitikultura li tinkludi diversi vinji; u fil-każ tar-Riedenwein dawn iridu jkunu f’karattri li ma jkunux akbar minn nofs id-daqs ta’ dawk użati għall-isem tal-vinja unika.

L-ismijiet tal-varjetà Chardonnay, Weißburgunder u Grauburgunder jistgħu jiġu indikati biss fuq it-tikketta ewlenija.

Id-denominazzjoni “DAC” jew “Districtus Austria ae Controllatus” trid tidher kemm fuq it-tikketta ta’ quddiem kif ukoll fuq it-tikketta ewlenija, ħdejn iż-żona tal-vitikultura Kamptal u b’karattri mhux akbar minn nofs id-daqs ta’ dawk użati għall-isem Kamptal. L-isem Kamptal għandu jidher fuq it-tikketta ta’ quddiem; is-suppliment DAC jew Districtus Austriae Controllatus jista’ jitħalla barra [sic]. Ma huwiex permess l-użu ta’ denominazzjonijiet addizzjonali, ħlief għall-“Qualitätswein”.

Ma huwiex permess li tiġi indikata d-DOP Niederösterreich jew l-IĠP Weinland.

Għandha tiġi indikata l-vendemmja.

Meta jintuża t-terminu “riżerva”, l-inbid jista’ jiġi sottomess għal numru ta’ verifika tal-kwalità mhux qabel l-1 ta’ Lulju fit-tieni sena ta’ wara l-ħsad.

Mhuwiex permess l-użu tad-denominazzjonijiet skont it-Taqsima 1(1)(6)(g) tar-Regolament dwar id-Denominazzjoni tal-Inbid, BGBl. Nru 111/2011, kif emendat.

L-unitajiet ġeografiċi tar-reġjun tal-vitikultura ta’ Kamptal li huma iżgħar miż-żona tal-vitikultura jistgħu jintużaw biss għad-denominazzjoni tal-inbejjed ta’ Kamptal.

Qafas legali:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Skont l-Att Awstrijak dwar l-Inbid, l-inbejjed kollha tad-DOP iridu jiġu prodotti fir-reġjun tal-vitikultura (reġjun ta’ oriġini tal-IĠP) li fih tinsab iż-żona tad-DOP jew f’reġjun tal-vitikultura ġar. Għalhekk, l-Awstrija ġeneralment tagħmel użu mid-deroga prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/33. Għall-produzzjoni tal-inbid tad-DOP Kamptal, ġew stabbiliti kundizzjonijiet addizzjonali li jippermettu l-produzzjoni barra miż-żona tal-oriġini sakemm dan jiġi nnotifikat lill-Kumitat Reġjonali ta’ Kamptal.

Qafas legali:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Imballaġġ fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-Att Awstrijak dwar l-Inbid ma jistabbilixxix regoli ġenerali dwar l-ibbottiljar tal-inbejjed tad-DOP. Sabiex jiġu żgurati l-kwalità u l-karatteristiċi tipiċi tal-inbid tad-DOP Kamptal, huma stabbiliti l-kundizzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-ibbottiljar tiegħu:

L-inbid irid jiġi bbottiljat fiż-żona tad-DOP Kamptal. L-ibbottiljar barra miż-żona tal-oriġini huwa possibbli jekk jiġi nnotifikat lill-Kumitat Reġjonali ta’ Kamptal.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.bml.gv.at/dam/jcr:9034ac7d-a3bf-4c58-9d3a-24acc5f18df9/Produktspezifikation_Kamptal.pdf


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2992/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)