|
8.5.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
557 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-31 ta' Marzu 2006
dwar ċerti miżuri ta' ħarsien li għandhom x'jaqsmu ma' suspett ta' influwenza tat-tjur ta' patoġeniċità għolja fl-Iżvizzera
(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 1107)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2006/265/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (1), u partikolarment l-Artikolu 18(1) u (6) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistipola l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq prodotti li jkunu ser jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 22 (1), (5) u (6) tagħha,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) 998/2003 tas-26 ta' Mejju 2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa ta' l-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 188 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva fit-tjur ta' l-irziezet u l-għasafar, li tikkawża mortalità u disturbi li malajr jistgħu jiżviluppaw fi proporzjonijiet epiżootiċi li kapaċi jwasslu għal theddida serja għas-saħħa pubblika u dik ta' l-annimali u li jnaqqsu sew il-profittabbiltà tat-trobbija tat-tjur ta' l-irziezet. Hemm riskju li l-aġent tal-marda jista' jiddaħħal permezz tal-kummerċ internazzjonali fit-tjur ħajjin u fil-prodotti tat-tjur. |
|
(2) |
L-Iżvizzera nnotifikat lill-Kummissjoni bl-iżolament ta' virus H5 ta' l-influwenza tat-tjur miġbur minn każ kliniku fi speċi selvaġġa. L-istampa klinika tagħti lok għal suspett ta' influwenza tat-tjur ta' patoġeniċità għolja fl-istennija tad-determinazzjoni tat-tip ta' neuraminidase (N) u ta' l-indiċi ta' patoġeniċità. |
|
(3) |
Fid-dawl tar- riskju għas-saħħa ta' l-annimali li jirrappreżenta d-dħul fil-Komunità ta' marda, huwa għalhekk xieraq li bħala miżura immedjata tiġi sospiża l-importazzjoni mill-Iżvizzera ta' tjur ħaj, ratiti, tjur tal-kaċċa u bir-rix sew ta' l-irziezet kif ukoll selvaġġi, għasafar ħajjin għajr it-tjur, u bajd li jfaqqas ta' dawn l-ispeċijiet. |
|
(4) |
Barra minn hekk, l-importazzjoni fil-Komunità mill-Iżvizzera għandha tiġi sospiża fir-rigward tal-laħam frisk ta' tjur selvaġġi tal-kaċċa bir-rix u l-importazzjoni ta' laħam ikkapuljat, preparati tal-laħam, laħam isseparat mekkanikament u prodotti tal-laħam li jikkonsistu fi, jew li fihom, laħam ta' dawn l-ispeċijiet. |
|
(5) |
Ċerti prodotti li ġejjin mit-tjur ta' l-irziezet maqtula qabel l-1 ta' Frar 2006 għandhom ikomplu jiġu awtorizzati, filwaqt li jitqies il-perjodu ta' l-inkubazzjoni tal-marda. |
|
(6) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/432/KE (4) li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali u tas-saħħa pubblika u mudelli ta' ċertifikat għall-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 97/41/KE, 97/221/KE and 97/222/KE, tistipula lista ta' pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam u tistabbilixxi sistemi ta' trattament li huma meqjusa effikaċi fid-diżattivazzjoni tal-patoġeni rispettivi. Bħala prevenzjoni tar-riskju tat-teħid tal-mard permezz ta' prodotti bħal dawn, jeħtieġ li jiġu applikati trattamenti adegwati skond l-istatus ta' saħħa tal-pajjiż ta' l-oriġni u l-ispeċi li minnha l-prodott huwa dderivat. Għalhekk jidher f'loku li l-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam tat-tjur tal-kaċċa bir-rix li joriġinaw mill-Iżvizzera u li huma pproċessati sa temperatura ta' għall-inqas 70 °Ċ fil-prodott kollu kemm hu għandhom jibqgħu awtorizzati. |
|
(7) |
Għandu jiġi kkunsidrat il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera fil-kummerċ tal-prodotti agrikoli (il-“Ftehim”) (5). |
|
(8) |
Wara n-notifika ta' iżolament ta' vajrus ta' l-influwenza tat-tjur H5 miġbur minn każ kliniku fi speċi selvaġġa, saru konsultazzjonijiet bejn is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Żvizzeri skond l-Artikolu 20(1) ta' l-Anness 11 mal-Ftehim. Bil-ħsieb li jinstabu soluzzjonijiet adattati skond din id-dispożizzjoni, l-Iżvizzera nnotifikat li se tapplika miżuri ekwivalenti għal dawk adottati fil-Komunità skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/115/KE dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni rigward influwenza ta' tjur ta' patoġeniċità għolja fit-tajr selvaġġ fil-Komunità li tirrevoka -d-Deċiżjonijiet 2006/86/KE, 2006/90/KE, 2006/91/KE, 2006/94/KE, 2006/104/KE u 2006/105/KE (6) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/135/KE dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni rigward l-influwenza ta' patoġeniċità għolja fit-tjur ta' l-irziezet fil-Komunità (7). |
|
(9) |
L-Iżvizzera nnotifikat l-intenzjoni tagħha li tgħarraf lill-Kummissjoni minnufih dwar kwalunkwe bidliet futuri fl-istatus kontinwu tas-saħħa ta' l-annimali fl-Iżvizzera, inkluż b'mod speċifiku kwalunkwe tifqigħat oħra ta' l-influwenza tat-tjur li għandu mnejn iseħħ u ż-żoni kkonċernati. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika dawk iż-żoni immedjatament lill-Istati Membri. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Istati Membri għandhom jissospendu l-importazzjoni jew l-introduzzjoni fil-Komunità ta' kulma jissemma hawn taħt mill-parti tat-territorju ta' l-Iżvizzera li jirreferi għaliha l-Anness:
|
— |
tjur ħaj, ratiti, tjur tal-kaċċa u bir-rix sew ta' l-irziezet kif ukoll selvaġġ, għasafar ħajjin għajr it-tjur kif definiti fl-Artikolu 1, it-tielet inċiż, tad-Deċiżjoni 2000/666/KE, inklużi għasafar li jakkumpanjaw is-sidien tagħhom (għasafar tad-dar), u bajd li jfaqqas ta' dawn l-ispeċijiet, |
|
— |
laħam frisk tat-tjur tal-kaċċa selvaġġi, |
|
— |
laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam, laħam isseparat mekkanikament u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn, jew li fihom, laħam ġej minn tjur tal-kaċċa selvaġġi, |
|
— |
ikel nej għall-annimali tad-dar u materjal mhux ipproċessat għall-għalf li fih kwalunkwe parti minn tjur tal-kaċċa selvaġġi, u |
|
— |
oġġetti kkaċċjati mhux trattati minn kwalunkwe' għasfur. |
2. B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni tal-prodotti koperti mill-paragrafu 1, it-tieni sar-raba' inċiż, li jkunu nkisbu minn annimali maqtula qabel l-1 ta' Frar 2006.
3. Fiċ-ċertifikati veterinarji/fid-dokumenti kummerċjali li jakkumpanjaw il-konsenji tal-prodotti li jissemmew fil-paragrafu 2, il-kelmiet li ġejjin, kif japplikaw b'mod xieraq għall-ispeċi, għandhom jiġu inklużi:
“Laħam frisk ta' tjur tal-kaċċa selvaġġi/laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam, laħam isseparat mekkanikament jew prodotti tal-laħam li jikkonsistu fi, jew li fihom laħam minn tjur tal-kaċċa selvaġġi/ikel nej intenzjonat għall-annimali tad-dar u materjal ta' l-għalf mhux ipproċessat li fih kwalunkwe partijiet ta' tjur tal-kaċċa selvaġġi (*1) miksub minn għasafar maqtula l-1 ta' Frar 2006 u skond l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K(2006)1107 finali.
(*1) Ingassa skond il-każ.” "
4. B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni tal-prodotti tal-laħam li jikkonsistu fi, jew li fihom laħam tat-tjur selvaġġ bir-rix bil-kundizzjoni li l-laħam ta' dawn l-ispeċijiet ikun għadda minn talanqas wieħed mill-proċessi msemmija taħt il-punti B, C jew D fil-Parti IV ta' l-Anness II mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/432/KE.
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom minnufih jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawk il-miżuri. Huma għandhom jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar dan.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd sal-31 ta' Mejju 2006.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, nhar il-31 ta' Marzu 2006.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56. Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.
(2) ĠU L 24, 31.1.1998, p. 9. Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1. Verżjoni kkoreġuta ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1).
(3) ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 18/2006 (ĠU L 4, 7.1.2006, p. 3).
(4) ĠU L 151, 14.6.2005, p. 3.
(5) ĠU L 114, 30.4.2002, p. 132.
ANNESS
Parti mit-territorju ta' l-Iżvizzera msemmija fl-Artikolu 1(1)
|
Kodiċi ISO tal-pajjiż |
Isem il-pajjiż |
Il-parti tat-territorju |
|
CH |
l-Iżvizzera |
Fl-Iżvizzera: iż-żoni kollha tat-territorju ta' l-Iżvizzera li l-awtoritajiet Żvizzeri applikawlhom formalment restrizzjonijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/115/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/135/KE. |