SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
27 ta’ Ġunju 2013 ( *1 )
“Networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/20/KE — Artikoli 12 u 13 — Ħlasijiet amministrattivi u tariffi għad-drittijiet ta’ użu — Tariffa applikabbli għall-operaturi ta’ telefonija mobbli — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Metodu tal-kalkolu tat-tariffa — Perċentwali fuq in-nefqa mħallsa mill-utenti”
Fil-Kawża C-71/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Qorti Kostituzzjonali (Malta), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Frar 2012, fil-proċedura
Vodafone Malta ltd.,
Mobisle Communications ltd.
vs
L-Avukat Ġenerali,
Il-Kontrollur tad-Dwana,
Il-Ministru tal-Finanzi,
L-Awtorita’ ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, E. Jarašiūnas (Relatur), A. Ó Caoimh u C. G. Fernlund, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Jannar 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal Vodafone Malta ltd., minn I. Refalo, M. Refalo, L. Hurst, J. Pavia u M. Borg, avukati, kif ukoll minn M. Hall, |
|
— |
għal Mobisle Communications ltd., minn F. Galea Salomone, bħala aġent, assistit minn I. Gauci u R. Tufigno, avukati, |
|
— |
għall-Awtorita’ ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, minn L. Cassar Pullicino u P. Micallef, avukati, |
|
— |
għall-Gvern Malti, minn P. Grech, D. Mangion u V. Buttigieg, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent, |
|
— |
għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.-S. Pilczer, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Ungerija, minn M. Z. Fehér, K. Szíjjártó u Á. Szílágyi, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, K. Mifsud-Bonnici u L. Nicolae, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Vodafone Malta ltd. (iktar ’il quddiem “Vodafone Malta”) u Mobisle Communications ltd. (iktar ’il quddiem “Mobisle Communications”) u, min-naħa l-oħra, l-Avukat Ġenerali, il-Kontrollur tad-Dwana, il-Ministru tal-Finanzi u l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, dwar l-impożizzjoni ta’ dazju tas-sisa. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 30 u 31 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jipprovdu:
|
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, intitolat “Mira u kamp ta’ applikazzjoni”: “1. L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi mplimentat suq intern fin-networks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz ta’ l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli u l-kondizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġi faċilitat il-forniment tagħhom mal-Komunità kollha. 2. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-awtorizzazzjonijiet għall-forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.” |
|
5 |
L-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi d-definizzjoni segwenti: “‘awtorizzazzjoni ġenerali’ tfisser qafas legali stabbilit mill-Istat Membru li jiżgura d-drittijiet għall-forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li jistipula obbligi speċifiċi għas-settur li jistgħu japplikaw għat-tipi kollha jew għal tipi speċifiċi ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi, skond din id-Direttiva.” |
|
6 |
L-Artikolu 12 tad-direttiva msemmija, intitolat “Ħlasijiet amministrattivi”, huwa fformulat b’dan il-mod: “1. Kull ħlas amministrattiv impost fuq impriżi li jfornu servizz jew network taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ikun ingħata dritt ta’ użu, għandu:
2. Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jimponu ħlasijiet amministrattivi, għandhom jippublikaw rapport ta’ kull sena ta’ l-ispejjeż amministrattivi tagħhom u tas-somma totali ta’ ħlasijiet miġbura. Fid-dawl tad-differenza bejn is-somma totali tal-ħlasijiet u l-ispejjeż amministrattivi, għandhom isiru l-aġġustamenti xierqa.” |
|
7 |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, intitolat “Tariffi għad-drittijiet ta’ użu u drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet”, jipprovdi: “L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtorità relevanti li timponi tariffi għad-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri jew drittijiet li jiġu stallati faċilitajiet fi, minfuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata li jirriflettu l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dawn ir-riżorsi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi għandhom ikunu oġġettivament ġustifikati, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati b’relazzjoni ma’ l-iskop maħsub tagħhom u għandhom jieħdu kont tal-miri f’Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Volum. 29, p. 349)].” |
Id-dritt Malti
|
8 |
L-Att Numru II tal-2005 – Att biex jimplimenta diversi miżuri tal-Estmi u biex jipprovdi għal miżuri amministrattivi oħra (Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta Nru 17,734, tal-1 ta’ Marzu 2005) (iktar ’il quddiem l-“Att II tal-2005”), introduċa, fl-Artikolu 40 tiegħu, dazju tas-sisa ta’ 3 % fuq is-servizzi ta’ telefonija mobbli (abbonamenti u top-up vouchers) u jistabbilixxi, fl-Artikolu 41 tiegħu, ir-regoli fir-rigward ta’ dawn is-servizzi. |
|
9 |
L-Artikolu 40 tal-Att II tal-2005, li jikkonċerna dawn ir-regoli, huwa fformulat kif ġej: “Taqsima G Regolamenti dwar Servizzi ta’ Telefonija Mobbli 1. It-titolu ta’ dawn ir-regolamenti hu Regolamenti dwar Servizzi ta’ Telefonija Mobbli. 2. Dawn ir-regolamenti japplikaw għad-dħul kollu ġenerat minn servizzi ta’ telefonija mobbli kif provdut fir-regolament 4. 3. Operaturi ta’ telefonija mobbli għandhom jirreġistraw mal-Kontrollur skond l-Att dwar Dazju tas-Sisa, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ’l-Att’. 4. L-istima tad-dazju tas-sisa ssir fuq ħlasijiet kollha imposti minn operaturi ta’ telefonija mobbli għas-servizzi tagħhom, inklużi s-sottoskrizzjonijiet u top-up vouchers: Iżda l-frażi ‘operatur’ għandha l-istess tifsira kif mogħtija fl-artikolu 2 ta’ l-Att biex jirregola Komunikazzjonijiet Elettroniċi: Iżda wkoll ma jkun dovut ebda dazju tas-sisa fuq dawn is-servizzi li ġejjin:
5. Il-persuna, azjenda, soċjetà jew kumpannija li huma debitament reġistrati mal-Kontrollur ikunu responsabbli għall-ħlas tad-dazju tas-sisa kif speċifikat fl-artikolu 3 ta’ l-Att, fiż-żmien li jkun dovut il-ħlas tad-dazju tas-sisa.
|
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
10 |
Vodafone Malta u Mobisle Communications huma operaturi fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet f’Malta, fejn għandhom awtorizzazzjoni ġenerali li tippermettilhom jipprovdu servizzi ta’ telefonija mobbli. |
|
11 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-19 ta’ April 2005, Vodafone Malta u Mobisle Communications bdew, quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, proċedimenti sabiex jiġu annullati l-Artikoli 40 u 41 tal-Att II tal-2005, filwaqt li sostnew li dawn l-artikoli, sa fejn jimplementaw l-impożizzjoni ta’ dazju tas-sisa fuq ċerti servizzi ta’ telefonija mobbli, imorru kontra l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. |
|
12 |
Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors ta’ Vodafone Malta u ta’ Mobisle Communications. Hija qieset, minn naħa, li l-impożizzjoni tad-dazju tas-sisa inkwistjoni ma kinitx tmur kontra d-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni peress li din tal-aħħar ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jimponu taxxi oħra fuq is-servizzi pprovduti mill-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet minbarra dawk previsti minn din id-direttiva. Il-qorti tal-ewwel istanza kkunsidrat, minn naħa, li, peress li dan id-dazju ma huwiex ikkalkolat fuq id-dħul mill-bejgħ tal-operatur iżda huwa kkalkolat sempliċement fuq il-prezz ta’ ċerti servizzi għall-konsum ipprovduti mill-operatur lill-utenti, il-fatt li jagħti lok għad-dazju tas-sisa ma kienx l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-operatur sabiex jipprovdi s-servizz iżda l-konsum ta’ dan is-servizz. |
|
13 |
Fl-10 ta’ Diċembru 2008, Vodafone Malta u Mobisle Communications appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Huma qegħdin jerġgħu jsostnu, quddiem dik il-qorti, li d-dazju tas-sisa inkwistjoni għandu jiġi annullat sa fejn imur kontra d-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, u dan minħabba li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu taxxi jew imposti oħra minbarra dawk previsti minn din id-direttiva u t-taxxi ta’ applikazzjoni ġenerali. |
|
14 |
Issa, skont dawn tal-aħħar, id-dazju tas-sisa fuq is-servizzi ta’ telefonija mobbli inkwistjoni ma jikkorrispondix għal taxxa ta’ applikazzjoni ġenerali iżda huwa taxxa ta’ natura speċifika li tikkonċerna biss lill-operaturi ta’ telefonija mobbli. |
|
15 |
Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li d-dazju tas-sisa kif previst fl-Att II tal-2005 huwa differenti u distint mill-ħlasijiet amministrattivi deskritti fl-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Huma jqisu li dan id-dazju huwa taxxa li hija bbażata fuq il-konsum ta’ servizzi mill-utent u li tinġabar mill-impriża kkonċernata u li dan id-dazju tas-sisa huwa differenti mit-taxxi eżaminati fis-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Albacom u Infostrada (C-292/01 u C-293/01, Ġabra p. I-9449). |
|
16 |
Fid-dawl tas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Mobistar u Belgacom Mobile (C-544/03 u C-545/03, Ġabra p. I-7723), il-Qorti Kostituzzjonali għandha dubji dwar il-portata tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni u b’mod partikolari dwar jekk din id-direttiva teskludix jew le l-impożizzjoni ta’ taxxa li tikkonċerna direttament ċerti servizzi pprovduti mill-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli. |
|
17 |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja: “Jekk id-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni], u partikolarment l-Artikoli 12 u/jew 13 tagħha, jipprojbixxux l-Istati Membri milli jimponu imposta fiskali fuq operaturi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli (‘l-operaturi’) li hi:
|
Fuq id-domanda preliminari
|
18 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-operaturi li joffru servizzi ta’ telefonija mobbli jkunu responsabbli għall-ħlas ta’ dazju msejjaħ “tas-sisa” li jikkorrispondi għal perċentwali tal-ħlasijiet li huma jimponu fuq l-utenti ta’ dawn is-servizzi. |
|
19 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jikkonċerna l-modalitajiet ta’ impożizzjoni ta’ tariffi għad-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri jew għad-drittijiet li jiġu installati faċilitajiet fuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-impożizzjoni ta’ imposta msejħa “dazju tas-sisa”, ikkalkolata fuq il-bażi tal-ħlasijiet kollha imposti mill-operaturi ta’ telefonija mobbli għas-servizzi tagħhom, bħal dik li hija s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, hija marbuta mal-“provvista ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli”. Għaldaqstant, l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma huwiex rilevanti għat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
20 |
Fir-rigward tal-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, għandu jitfakkar li din id-direttiva ma tipprevedix biss regoli dwar il-proċeduri għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet ġenerali jew tad-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jew numru u dwar il-kontenut ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet, iżda tipprevedi wkoll regoli dwar in-natura, u l-portata, tal-piżijiet pekunjarji, marbuta mal-proċeduri msemmija, li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi fis-settur tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ara, b’analoġija, is-sentenzi Albacom u Infostrada, iċċitata iktar ’il fuq, punti 35 u 36, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2011, Telefónica de España, C-284/10, Ġabra p. I-6991, punt 18). |
|
21 |
F’dan id-dawl, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi li jipprovdu servizz jew network taħt awtorizzazzjoni ġenerali jew fuq dawk li jkunu ngħataw dritt ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri biss il-ħlasijiet amministrattivi li jkopru l-ispejjeż amministrattivi globali marbuta mal-amministrazzjoni, mal-kontroll u mal-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, tad-drittijiet ta’ użu u tal-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva. |
|
22 |
Għaldaqstant, il-ħlasijiet amministrattivi previsti fl-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni għandhom natura remuneratorja sa fejn, minn naħa, jistgħu jiġu imposti biss fir-rigward tas-servizzi amministrattivi mwettqa mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali favur l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fil-kuntest, b’mod partikolari, tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew tal-għoti ta’ dritt ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri u, min-naħa l-oħra, għandhom ikopru l-ispejjeż amministrattivi ġġenerati mis-servizzi msemmija. |
|
23 |
B’hekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-ħlasijiet amministrattivi imposti mill-Istati Membri fuq l-operaturi li jkollhom awtorizzazzjoni ġenerali taħt l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, dawn il-ħlasijiet jistgħu jkunu maħsuba biss sa fejn jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi marbuta ma’ erba’ attivitajiet amministrattivi, jiġifieri, l-għoti, l-amministrazzjoni, il-kontroll u l-implementazzjoni tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali applikabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza Telefónica de España, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22). |
|
24 |
Mill-punti preċedenti jirriżulta li ħlas li l-fatt li jagħti lok għalih ikun marbut mal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġenerali li permezz tagħha jista’ jinkiseb aċċess għas-suq tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali ħlas amministrattiv ikun impost biss għall-finijiet deskritti fl-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni u josserva l-kundizzjonijiet hemmhekk stabbiliti. |
|
25 |
Għall-kuntrarju, ħlas li l-fatt li jagħti lok għalih ma jkunx marbut mal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġenerali li permezz tagħha jista’ jinkiseb aċċess għas-suq tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda jkun marbut mal-użu tas-servizzi ta’ telefonija mobbli pprovduti mill-operaturi, u li fl-aħħar mill-aħħar isir mill-utent ta’ dawn is-servizzi, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. |
|
26 |
Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 35 u 36 tad-digriet tal-15 ta’ Diċembru 2010, Agricola Esposito (C-492/09), qieset li d-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma kinitx tapplika għal taxxa fuq l-użu ta’ apparat ta’ komunikazzjoni bir-radju mobbli, terrestri u pubblika peress li l-bażi taxxabbli ta’ din it-taxxa ma kinitx il-provvista ta’ networks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u peress li l-użu privat ta’ servizz ta’ telefonija mobbli minn abbonat ma kienx jimplika l-provvista ta’ network jew ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fis-sens ta’ din id-direttiva. |
|
27 |
Fil-kawża ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imposta inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija msejħa “dazju tas-sisa”, li din l-imposta ma hijiex imposta fuq l-operaturi kollha ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li għandhom awtorizzazzjoni ġenerali iżda biss fuq l-operaturi li jipprovdu servizzi ta’ telefonija mobbli u li tikkorrispondi għal perċentwali tal-ħlasijiet li dawn l-operaturi jimponu fuq l-utenti ta’ dawn is-servizzi. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li din l-imposta hija “mħallsa lill-operaturi ta’ telefonija mobbli mill-utenti tagħhom b’mod individwali u li sussegwentement dan l-istess ammont jiġi mgħoddi lill-Kontrollur tad-Dwana mill-operaturi kollha li joffru mobile telephony services, pagabbli biss mill-operaturi u mhux minn impriżi oħra inklużi dawk li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi oħra”. |
|
28 |
Fid-dawl ta’ dawn il-punti, jidher li l-imposta inkwistjoni fil-kawża prinċipali tixbah lil taxxa fuq il-konsum, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Jekk dan ikun effettivament il-każ, l-imposta msemmija ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. |
|
29 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-operaturi li joffru servizzi ta’ telefonija mobbli jkunu responsabbli għall-ħlas ta’ dazju msejjaħ “tas-sisa” li jikkorrispondi għal perċentwali tal-ħlasijiet li huma jimponu fuq l-utenti ta’ dawn is-servizzi, bil-kundizzjoni li l-fatt li jagħti lok għal dan il-ħlas ma jkunx marbut mal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġenerali li permezz tagħha jista’ jinkiseb aċċess għas-suq tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda jkun marbut mal-użu tas-servizzi ta’ telefonija mobbli pprovduti mill-operaturi, u bil-kundizzjoni li fl-aħħar mill-aħħar dan il-ħlas isir mill-utent ta’ dawn is-servizzi, kundizzjonijiet dawn li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
|
30 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-operaturi li joffru servizzi ta’ telefonija mobbli jkunu responsabbli għall-ħlas ta’ dazju msejjaħ “tas-sisa” li jikkorrispondi għal perċentwali tal-ħlasijiet li huma jimponu fuq l-utenti ta’ dawn is-servizzi, bil-kundizzjoni li l-fatt li jagħti lok għal dan il-ħlas ma jkunx marbut mal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġenerali li permezz tagħha jista’ jinkiseb aċċess għas-suq tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda jkun marbut mal-użu tas-servizzi ta’ telefonija mobbli pprovduti mill-operaturi, u bil-kundizzjoni li fl-aħħar mill-aħħar dan il-ħlas isir mill-utent ta’ dawn is-servizzi, kundizzjonijiet dawn li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Malti.