DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

16 ta’ Lulju 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem – Ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għall-prodotti mediċinali – Regolament (KEE) Nru 469/2009 – Kundizzjonijiet għall-kisba – Artikolu 3(d) – L-ewwel awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq (ATS) – Prodotti mediċinali li fihom l-istess ingredjent attiv, li kisbu diversi ATS – Irtirar tal-ATS preċedenti”

Fil-Kawża C‑181/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Főviárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Frar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Marzu 2024, fil-proċedura

Genmab A/S,

fil-preżenza ta’:

Szellemi Tulajdon Nemzeti Hivatala,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tat-Tielet Awla li qed taġixxi bħala presidenta tat-Tmien Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(b) u (d) tar-Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Mejju 2009 dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali (ĠU 2009, L 152, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/933 tal-Parlement Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 (ĠU 2019, L 153, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 469/2009”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ talba ta’ Genmab A/S, kumpannija stabbilita fid-Danimarka, sabiex tirriforma deċiżjoni tas-Szellemi Tulajdon Nemzeti Hivatala (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali, l-Ungerija) li tiddifjuta li jinħarġilha ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari (iktar ’il quddiem iċ-“ĊPS”) għal prodott mediċinali kkummerċjalizzat taħt l-isem “Kesimpta”.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 3, 4 u 7 sa 10 tar-Regolament Nru 469/2009 jiddikjaraw kif ġej:

“(3)

Prodotti mediċinali, speċjalment dawk li huma r-riżultat ta’ riċerka twila u għalja, ma jibqgħux jiġu żviluppati fil-Komunità [Ewropea] u fl-Ewropa sakemm ma jkunux mħarsa minn regoli favorevoli li jipprovdu biżżejjed protezzjoni li tinkoraġġixxi din it-tip ta’ riċerka.

(4)

Bħalissa t-tul taż-żmien li jgħaddi bejn il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal privattiva għal prodott mediċinali ġdid u l-awtorizzazzjoni sabiex il-prodott mediċinali jkun jista’ jitqiegħed fis-suq [(ATS)] jagħmel il-perjodu ta’ protezzjoni effettiv taħt il-privattiva insuffiċjenti biex ikopri l-investiment li jkun sar fir-riċerka.

[…]

(7)

Għandha tintlaħaq soluzzjoni uniformi fuq livell Komunitarju, sabiex il-liġijiet nazzjonali ma jiżviluppawx b’mod eteroġeneu li jwassal għal iktar differenzi li jista’ jkun probabbli li joħolqu ostakli għall-moviment ħieles ta’ prodotti mediċinali fil-Komunita u b’hekk jaffetwa b’mod dirett il-funzjonzment tas-suq intern.

(8)

Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi previst [ĊPS] li jingħata, taħt l-istess kondizzjonijiet, minn kull Stat Membru fuq talba tad-detentur ta’ privattiva Ewropea li tirrigwarda prodott mediċinali li għalih tkun inħarġet l-[ATS]. Regolament huwa għalhekk l-istrument legali l-aktar xieraq.

(9)

It-tul taż-żmien tal-protezzjoni mogħtija miċ-[ĊPS] għandu jkun biżżejjed sabiex jipprovdi protezzjoni adegwata u effettiva. Għal dan l-iskop, id-detentur kemm ta’ privattiva u kemm ta’ [ĊPS] għandu jkun jista’ jgawdi massimu totali ta’ 15-il sena ta’ esklussività minn meta l-prodott mediċinali inkwistjoni jkun kiseb [ATS] għall-ewwel darba […] fil-Komunità.

(10)

L-interessi kollha involuti, inklużi dawk tas-saħħa pubblika, f’settur kumplikat u sensittiv daqs dak tal-farmaċewtiċi għandhom madanakollu jittieħdu inkonsiderazzjoni. Għal dan il-għan, iċ-[ĊPS] ma jistax jingħata għal perjodu ta’ iktar minn ħames snin. Il-protezzjoni mogħtija għandha wkoll tkun strettament limitata għall-prodott li jkun kiseb l-[ATS] bħala prodott mediċinali.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘prodott mediċinali’ tfisser kull sustanza jew kombinazzjoni ta’ sustanzi preżentata għal trattament jew prevenzjoni ta’ mard fil-bnedmin jew bhejjem u kull sostanza jew kombinazzjoni ta’ sostanzi li tista’ tingħata lil bnedmin jew lil bhejjem bil-għan li ssir dianjosi medika jew sabiex jiġu restawrati, irranġati jew modifikati funzjonijiet fisjoloġiċi fil-bnedmin jew fil-bhejjem;

(b)

‘prodott’ tfisser l-ingredjent attiv jew il-kombinazzjoni ta’ ingredjenti attivi ta’ prodott mediċinali;

(ċ)

‘privattiva bażika’ tfisser privattiva li tipproteġi prodott, bħala tali, proċess sabiex jinkiseb prodott jew applikazzjoni ta’ prodott, u li hija nominata mid-detentur tagħha għall-iskop tal-proċedura għall-ħruġ ta’ [ĊPS];

[…]”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprevedi li:

“Kull prodott protett minn privattiva fit-territorju ta’ Stat Membru u suġġett, qabel ma jkun jista’ jitqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali, għal proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni kif stipulat fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/83/KE tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69] jew fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/82/KE tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 3] jista’, taħt it-termini u kondizzjonijiet stipulati minn dan ir-Regolament, ikun is-suġġett ta’ [ĊPS].”

6

L-Artikolu 3 tal-istess regolament jipprevedi:

“[ĊPS] għandu jingħata jekk, fl-Istat Membru fejn tkun ġiet preżentata l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 u fid-data ta’ dik l-applikazzjoni:

a)

il-prodott ikun protett minn privattiva bażika fis-seħħ;

b)

tkun ingħatat [AMM] valida […] konformement mad-Direttiva [2001/83] jew id-Direttiva [2001/82], kif xieraq;

c)

il-prodott ma kienx diġà suġġett ta’ [ĊPS];

d)

l-awtorizzazzjoni msemmija f’punt (b) tkun l-ewwel [ATS] bħala prodott mediċinali”.

7

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 469/2009:

“Fil-limiti tal-protezzjoni mogħtija minn privattiva bażika, il-protezzjoni mogħtija minn [ĊPS] għandha testendi biss għall-prodott kopert bl-[ATS] sabiex il-prodott mediċinali korrispondenti jkun jista’ jitqiegħed fis-suq u għal kull użu tal-prodott bħala prodott mediċinali li jkun ġie awtorizzat qabel ma jkun skada ċ-[ĊPS].”

8

L-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4, iċ-[ĊPS] għandu jagħti l-istess drittijiet kif mogħtija mill-privattiva bażika u għandu jkun soġġett għall-istess limitazzjonijiet u l-istess obbliggi.”

9

L-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“L-applikazzjoni għal [ĊPS] għandha tiġi ppreżentata fi żmien sitt xhur mid-data ta’ meta l-[ATS] msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 3 […] tkun ingħatat.”

10

Skont l-Artikolu 8(1)(a) tal-istess regolament:

“Applikazzjoni għal [ĊPS] għandu jkun fiha:

a)

talba għall-għoti ta’ [ĊPS], fejn għandu jkun hemm dikjarat, b’mod partikolari:

i)

l-isem u indirizz tal-applikant;

ii)

jekk ikun ħatar rappreżentant, l-isem u indirizz tar-rappreżentant;

(iii)

in-numru tal-privattiva bażika u t-titolu tal-invenzjoni;

iv)

in-numru u d-data tal-ewwel [ATS], kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3, u, jekk din l-[ATS] ma tkunx l-ewwel [ATS] fil-Komunità, in-numru u d-data ta’ dik l-[ATS];

Id‑dritt Ungeriż

11

L-Artikolu 22/A tal-a találmányok szabadalmi oltalmáról szóló 1995. évi XXXIII. törvény (il-Liġi Nru XXXIII tal‑1995 Dwar il-Protezzjoni tal-Invenzjonijiet Permezz tal-Privattiva) jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 2 tiegħu:

“1.   Is-suġġett tal-invenzjoni għandu jgawdi minn protezzjoni addizzjonali fil-każijiet, taħt il-kundizzjonijiet u għall-perijodi previsti fir-regolamenti tal-Komunità Ewropea minn meta tieqaf il-protezzjoni mogħtija mill-privattiva, fl-iskadenza tal-perijodu ta’ protezzjoni.

2.   Il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tar-regolamenti tal-Komunità Ewropea msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni speċifika.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

12

Genmab hija proprjetarja tal-privattiva Ewropea EP 328 4753, li tindika r-Repubblika tal-Ungerija. Dini l-privattiva, intitolata “Antikorpi monoklati umani kontra ċ-cD20 għat-trattament tal-isklerożi multipla” (iktar ’il quddiem il-“privattiva bażika”), hija fis-seħħ fl-Ungerija u tkopri, b’mod partikolari, l-ingredjent attiv “ofatumab”.

13

Genmab ikkummerċjalizzat l-ewwel prodott mediċinali, l-Arzerra, li fih dan l-ingredjent attiv użat f’terapija kontra l-lewkemja limfotika kronika mhux ittrattata. Fil‑21 ta’ April 2010, Genmab kisbet ATS għal dan il-prodott mediċinali (iktar ’il quddiem l-“ATS preċedenti”). Madankollu, hija rtirat din l-ATS fis‑27 ta’ Frar 2019.

14

Fid‑29 ta’ Marzu 2021, Genmab kisbet ATS għall-prodott mediċinali Kesimpta, li l-ofatumab tagħha huwa wkoll l-ingredjent attiv (iktar ’il quddiem l-“ATS sussegwenti”). Dan il-prodott mediċinali għandu jiġi indikat għat-trattament tal-isklerożi multipla rikorrenti remittenti.

15

Fis‑7 ta’ Lulju 2021, abbażi tal-privattiva bażika u tal-ATS sussegwenti, Genmab talbet lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali jagħtiha ĊPS. Dan l-uffiċċju ċaħad din l-applikazzjoni billi kkunsidra li l-ATS inkwistjoni ma kinitx l-ewwel ATS, fis-sens tal-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 469/2009, għall-ofatumumab. Fil-fatt, l-ingredjent attiv tal-Arzerra u dak tal-Kesimpta huma identiċi, jiġifieri l-ofatumumab, u l-unika differenza bejn iż-żewġ prodotti mediċinali tinsab fl-indikazzjonijiet terapewtiċi rispettivi tagħhom. Billi bbaża ruħu fuq is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2019, Abraxis Bioscience (C‑443/17, iktar ’il quddiem is-sentenza Abraxis, EU:C:2019:238), u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Santen (C‑673/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Santen, EU:C:2020:531), l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali qies li hija l-identiċità tal-ingredjenti attivi iktar milli d-differenza tal-applikazzjonijiet terapewtiċi li hija determinanti għall-finijiet tal-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 469/2009 sabiex tiġi identifikat l-ewwel ATS fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, l-ATS preċedenti kellha titqies bħala l-ewwel ATS. Huwa irrilevanti li hija ġiet irtirata u li ma għadhiex fis-seħħ fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal ĊPS peress li l-kwistjoni dwar f’liema mument ATS partikolari tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-ewwel waħda tiddependi biss mid-definizzjoni tal-“prodott”.

16

Genmab ippreżenta appell quddiem il-Főviárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali. Din il-kumpannija ssostni li l-ewwel ATS, fis-sens tal-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 469/2009 tista’ tkun biss ATS fis-seħħ fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal ĊPS. Għaldaqstant, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali qies b’mod żbaljat li l-ewwel ATS tal-prodott ofatumumab, bħala prodott mediċinali, kienet l-ATS dik li kienet inħarġet għall-prodott mediċinali Arzerra peress li l-ATS ma kinitx għadha fis-seħħ fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal ĊPS. Is-sentenzi Abraxis u Santen ma humiex rilevanti, peress li l-ebda waħda ma tindirizza l-kwistjoni tal-validità tal-ATS preċedenti. Genmab tallega wkoll li, fil-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi, l-ATS ikkonċernati kienu fis-seħħ.

17

Genmab tirreferi għall-verżjoni Ingliża tal-Artikolu 3(b) u (d) tar-Regolament Nru 469/2009, li jissuġġetta l-ħruġ taċ-ĊPS għall-ewwel ATS valida l-jum tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal dan iċ-ċertifikat. Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża u dik Franċiża ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Genmab tenfasizza li, f’dan il-każ, l-ATS sussegwenti kienet l-ewwel ATS rilevanti, fis-sens tal-Artikolu 3(d) ta’ dan ir-regolament, peress li, fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal ĊPS, kienet l-unika ATS fis-seħħ għall-ingredjent attiv ofatumumab, bħala prodott mediċinali, fl-Ungerija.

18

Il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tagħmel tagħha l-argument ta’ Genmab. Hija tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġiet mistoqsija fil-kuntest ta’ kawżi li fihom l-applikazzjonijiet għal ĊPS inkwistjoni kienu jirrigwardaw prodotti mediċinali li fihom l-istess ingredjent attiv bħal prodott mediċinali ieħor li jibbenefika minn ATS preċedenti u li huma distinti minn dan il-prodott mediċinali biss mill-indikazzjonijiet terapewtiċi tagħhom, jew mill-formulazzjoni mill-ġdid ta’ dan l-ingredjent attiv. Madankollu, f’dawn il-kawżi, l-ATS kollha kienu għadhom validi. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma indirizzatx il-kwistjoni dwar liema ATS għandha titqies bħala l-ewwel ATS tal-prodott inkwistjoni, bħala prodott mediċinali, fis-sens tal-Artikolu 3(b) u (d) tar-Regolament Nru 469/2009, meta dan il-prodott kien diġà s-suġġett ta’ ATS preċedenti, iżda din l-ATS ġiet irtirata.

19

Filwaqt li enfasizzat li l-verżjoni bil-lingwa Ungeriża tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 469/2009 ma tinkludix l-ekwivalenti tat-terminu bil-lingwa Ingliża valid, il-qorti tar-rinviju hija madankollu tal-fehma li interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni tindika li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-ispeċjalitajiet farmaċewtiċi li fihom l-ingredjent attiv inkwistjoni li huma effettivament preżenti fis-suq fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal ĊPS. Din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-punt 55 tas-sentenza Santen, li jgħid li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried, bl-istabbiliment tas-sistema taċ-ĊPS, jiffavorixxi l-protezzjoni mhux ta’ kull riċerka farmaċewtika li tagħti lok għall-għoti ta’ privattiva u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott mediċinali ġdid, iżda dik li twassal għall-ewwel tqegħid fis-suq ta’ ingredjent attiv jew ta’ kombinazzjoni ta’ ingredjenti attivi bħala prodott mediċinali ġdid.

20

Madankollu, fid-dawl tal-pożizzjonijiet dijametrikament opposti miżmuma minn Genmab u mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tal-kunċett tal-“ewwel ATS tal-prodott”.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fġvárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 3(b) u (d) tar-[Regolament Nru 469/2009] għandu jiġi interpretat fis-sens li [ATS] preċedenti għall-[ATS] imsemmija fit-talba għall-ħruġ taċ-[ĊPS] u li tkun tirreferi għall-istess prodott għandha titqies bħala l-ewwel [ATS] għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, inkluż meta din l-[ATS] preċedenti tkun ġiet irtirata qabel it-tressiq tat-talba għall-ħruġ taċ-[ĊPS]?”

Fuq id‑domanda preliminari

22

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli.

23

F’dan il-każ, hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża.

24

Permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 469/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-ATS, ippreżentata in sostenn ta’ applikazzjoni għal ĊPS għal prodott, titqies bħala l-ewwel ATS, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk ATS preċedenti tkun inħarġet għal dan l-istess prodott iżda tkun ġiet irtirata qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal ĊPS.

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 469/2009, il-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni, l-għanijiet intiżi mil-leġiżlatur tal-Unjoni, kif ukoll l-elementi li jaqgħu taħt l-oriġini ta’ dan ir-regolament kollha jindikaw li l-kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq kriterju kronoloġiku oġġettiv li permezz tiegħu l-ewwel ATS tal-prodott bħala prodott mediċinali, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, tindika l-ATS li nħarġet fl-iktar data antika għal dan il-prodott fl-Istat Membru kkunsidrat, irrispettivament minn jekk din l-ATS tkunx għadha fis-seħħ jew le.

26

L-ewwel nett, il-formulazzjoni tal-istess dispożizzjoni tipprevedi li ċ-ĊPS għandu jinħareġ jekk, fl-Istat Membru fejn tiġi ppreżentata l-applikazzjoni, l-ATS miksuba għall-prodott li għalih saret l-applikazzjoni għaċ-ĊPS, tkun l-ewwel ATS tal-prodott bħala prodott mediċinali. Madankollu, minn din il-formulazzjoni ma jirriżultax li din l-ewwel ATS għandha tkun l-ewwel waħda biss fost dawk li huma fis-seħħ fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal ĊPS. Għall-kuntrarju, l-imsemmija formulazzjoni tindika b’mod ċar li f’dan ir-rigward għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ATS kollha li nħarġu għall-prodott inkwistjoni fl-Istat Membru fejn ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għaċ-ĊPS ikkunsidrata.

27

It-tieni nett, l-analiżi tal-kuntest tal-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 469/2009 twassal għall-istess konklużjoni. Fil-fatt, mill-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan jistabbilixxi erba’ kundizzjonijiet awtonomi u kumulattivi li ma jistgħux jiġu amalgamati.

28

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3 (b) tal-imsemmi regolament jimponi li l-prodott, bħala prodott mediċinali, ikun kiseb ATS “valida”. L-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 469/2009 jirreferi għal dan l-Artikolu 3(b) biss sabiex jidentifika l-ATS li għandha tissodisfa l-kundizzjoni addizzjonali u awtonoma li huwa jistabbilixxi. B’hekk, fil-kuntest ta’ dan l-Artikolu 3(d), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ATS kollha maħruġa għal dan il-prodott qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal ĊPS. Jekk, fost dawn l-ATS kollha, l-ewwel waħda minnhom hija dik li tissodisfa l-kundizzjoni prevista fil-punt (b), allura l-kundizzjoni prevista fil-punt (d) hija ssodisfatta wkoll.

29

Interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 469/2009, fis-sens li ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni ħlief l-ATS li huma fis-seħħ f’din id-data, twassal sabiex jiġu konfużi ż-żewġ kundizzjonijiet billi jiġi amalgamat il-kunċett ta’ “ATS” mal-kunċett ta’ “ATS valida”.

30

Din l-aħħar interpretazzjoni għandha wkoll tiġi miċħuda fid-dawl tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 469/2009 li jispeċifika l-kontenut tal-applikazzjoni għal ĊPS. Skont dan l-artikolu, din l-applikazzjoni għandha tinkludi n-numru u d-data tal-ATS imsemmija fl-Artikolu 3(b) ta’ dan ir-regolament u, jekk ma hijiex l-ewwel ATS għall-prodott inkwistjoni, in-numru u d-data ta’ din l-ewwel ATS. Issa, li kieku kellha tittieħed inkunsiderazzjoni biss l-ATS fis-seħħ sabiex tiġi ddeterminata liema hija l-ewwel ATS għall-prodott inkwistjoni, l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament kien jeżiġi li tali preċiżjoni tiġi pprovduta wkoll. Madankollu, ebda ġustifikazzjoni ma hija mitluba sabiex jiġi vverifikat jekk l-ATS ikkunsidrati humiex validi, fatt li jirrifletti li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 3 (d) tal-istess regolament hija bbażata fuq kriterju kronoloġiku oġġettiv.

31

It-tielet nett, l-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni tikkonferma l-interpretazzjoni mfakkra fil-punt 25 ta’ dan id-digriet. Fil-fatt, il-punti 35 u 36 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (KEE) tal‑11 ta’ April 1990 dwar il-ħolqien ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali [COM (90) 101 finali] jispjegaw li spiss jiġri li l-istess prodott jikseb b’suċċess diversi ATS, b’mod partikolari kull darba li ssir modifika li taffettwa l-forma farmaċewtika, id-doża, il-kompożizzjoni jew inkella l-indikazzjonijiet. Madankollu, hija l-ewwel ATS tal-prodott fl-Istat Membru li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni li tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-proposta għal regolament, b’mod partikolari għall-kalkolu tat-terminu ta’ sitt xhur li għandu d-detentur tal-privattiva bażika sabiex jippreżenta applikazzjoni għal ĊPS. B’hekk, għalkemm l-istess prodott jista’ jkun is-suġġett ta’ diversi privattivi u ta’ diversi ATS fl-istess Stat Membru wieħed, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li ĊPS jinħareġ għal dan il-prodott biss abbażi ta’ privattiva waħda u ta’ ATS waħda, jiġifieri l-ewwel waħda maħruġa ratione temporis għal dan l-Istat Membru.

32

Ir-raba’ nett, l-analiżi tal-għanijiet li għandhom jiġu jintlaħqu mil-leġiżlatur tal-Unjoni tikkorrispondi perfettament ma’ din l-interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 469/2009. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-leġiżlatur ried, bl-istabbiliment tas-sistema taċ-ĊPS, jiffavorixxi l-protezzjoni mhux ta’ kull riċerka farmaċewtika li tagħti lok għall-għoti ta’ privattiva u għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott mediċinali, iżda biss ta’ dik li twassal għall-ewwel ATS ta’ ingredjent attiv bħala prodott mediċinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Abraxis, punt 37, u Santen, punt 55). Issa, tali għan ikun kompromess jekk huma biss l-ATS fis-seħħ li jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat liema hija l-ewwel ATS għal prodott partikolari. Fil-fatt, ikun biżżejjed li tiġi rrinunzjata ATS preċedenti sabiex jinkiseb ĊPS fuq l-aħħar verżjoni kkummerċjalizzata tal-prodott ikkunsidrat, u dan jippermetti lill-laboratorji farmaċewtiċi jagħżlu liema verżjoni tal-prodott tiffavorixxi. Dan jittrasforma l-kriterju oġġettiv previst minn din id-dispożizzjoni fi kriterju suġġettiv li jiddependi mill-għażla tal-laboratorji, li b’mod ċar ma jikkorrispondix mal-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

33

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’ il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 469/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-ATS ippreżentata in sostenn ta’ applikazzjoni għal ĊPS għal prodott, titqies bħala l-ewwel ATS, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk ATS preċedenti tkun inħarġet għal dan l-istess prodott iżda tkun ġiet irtirata qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal ĊPS.

Fuq l‑ispejjeż

34

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(d) tar-Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Mejju 2009 dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali, kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/933 tal-Parlement Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi li l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ippreżentata in sostenn ta’ applikazzjoni għal ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodott, titqies bħala l-ewwel awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq preċedenti tkun inħarġet għal dan l-istess prodott, iżda tkun ġiet irtirata qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.