SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
8 ta’ Mejju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Il-punt 1 tal-Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘kundizzjoni ta’ impjieg’ – Ħaddiema agrikoli għal żmien determinat – Kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kkalkolati skont ir-remunerazzjonijiet – Remunerazzjonijiet tal-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat stabbiliti skont is-sigħat ta’ xogħol ta’ kuljum imwettqa – Remunerazzjonijiet tal-ħaddiema agrikoli għal żmien indeterminat stabbiliti skont is-sigħat ta’ xogħol ta’ kuljum b’rata fissa”
Fil-Kawżi magħquda C‑212/24, C‑226/24 u C‑227/24,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte d’appello di Firenze (il-Qorti tal-Appell ta’ Firenze, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑8 ta’ Jannar 2024, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 u s‑26 ta’ Marzu 2024, fil-proċeduri
L. T. s.s. (C‑212/24),
A.M. (C‑226/24),
XXX (C‑227/24)
vs
Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS),
fil-preżenza ta’:
Agenzia delle entrate – Riscossione,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
Komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, E. Regan u B. Smulders (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal L.T. s.s., A.M., XXX, minn L. Giraldi u I. Pagni, avvocati, |
|
– |
għall-Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS), minn C. D’Aloisio, E. De Rose, E. A. Sciplino u A. Sgroi, avvocati, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Delaude u D. Recchia, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”) li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tliet tilwimiet bejn L.T. s.s., A.M. u XXX, minn naħa, u l-Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS) (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali (INPS), l-Italja), min-naħa l-oħra, dwar il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li għandhom jitħallsu mill-impriżi li jimpjegaw ħaddiema agrikoli għal żmien determinat. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70 jipprovdi: “L-iskop ta’ din id-Direttiva hu li jġib fis-seħħ il-ftehim qafas dwar kuntratti għal terminu fiss konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi hawn.” |
|
4 |
It-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas għandu jinqara’ kif ġej: “Dan il-ftehim jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta’ terminu fiss [żmien determinat], waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali. Juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni u għall-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss [żmien determinat] fuq bażi aċċettabbli għal min jimpjega u l-ħaddiema.” |
|
5 |
Il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, intitolata “L-iskop”: “L-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:
|
|
6 |
Il-klawżola 2 tal-Ftehim qafas, intitolata “L-iskop [Kamp ta’ applikazzjoni]”, tipprevedi fil-punt 1 tagħha: “Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru.” |
|
7 |
Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tistipula:
|
|
8 |
Skont il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”:
[…]” |
Id-dritt Taljan
|
9 |
L-Artikolu 1(1) tad-decreto legge no 338 – Disposizioni urgenti in materia di evasione contributiva, di fiscalizzazione degli oneri sociali, di sgravi contributivi nel Mezzogiorno e di finanziamento dei patronati (id-Digriet‑Liġi Nru 338, li Jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Urġenti fil-Qasam tal-Evażjoni Soċjali, tat-Tassazzjoni tal-Oneri Soċjali, tat-Tnaqqis tal-Kontribuzzjonijiet Soċjali fin-Nofsinhar u tal-Finanzjament tal-Istituti ta’ Patrunaġġ), tad-9 ta’ Ottubru 1989 (GURI Nru 237, tal-10 ta’ Ottubru 1989), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet‑Liġi Nru 338/1989”), jipprevedi: “Ir-remunerazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma tistax tkun inqas mill-ammont tar-remunerazzjonijiet stabbilit mil-liġijiet, mir-regolamenti, mill-ftehimiet kollettivi konklużi mill-organizzazzjonijiet sindakali l-iktar rappreżentattivi fuq il-livell nazzjonali, jew mill-ftehimiet kollettivi jew il-kuntratti individwali, fil-każ fejn minn dan l-ammont tirriżulta remunerazzjoni ogħla minn dik prevista mill-ftehim kollettiv.” |
|
10 |
Il-contratto collettivo nazionale di lavoro per gli operai agricoltori e florovivaisti (il-Ftehim Kollettiv Nazzjonali ta’ Xogħol dwar is-Settur tal-Agrikoltura u tal-Florikultura), tas‑6 ta’ Lulju 2006 (iktar ’il quddiem iċ-“CCNL”), jiddefinixxi, fl-Artikolu 18(a) tiegħu, il-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat bħala “il-ħaddiema li huma impjegati fil-kuntest ta’ relazzjoni individwali ta’ impjieg għal żmien determinat, bħal, pereżempju, dawk li huma impjegati sabiex iwettqu xogħol għal żmien qasir, jew xogħol staġjonali jew okkażjonali, jew għal fażijiet tax-xogħol jew sabiex jissostitwixxu ħaddiema assenti li għandhom id-dritt għaż-żamma tal-impjieg”. |
|
11 |
L-Artikolu 30(1) taċ-CCNL jistipula li “l-ħin tax-xogħol huwa ffissat għal 39 siegħa fil-ġimgħa, jiġifieri [sitt] sigħat u nofs kuljum” u l-Artikolu 40(1) taċ-CCNL jipprevedi li “l-ħaddiem għal żmien determinat għandu dritt għall-ħlas tas-sigħat ta’ xogħol effettivament maħduma matul il-ġurnata”. |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
|
12 |
Fix-xahar ta’ Diċembru 2013, l-INPS b’mod partikolari ordna lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jħallsuh kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali addizzjonali għal dawk diġà mħallsa għall-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat li huma kienu impjegaw matul is-snin 2006 u 2007. Skont l-INPS, dawn ir-rikorrenti kienu kkalkolaw b’mod żbaljat il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom dovuti għall-imsemmija ħaddiema sa fejn huma kienu ħadu inkunsiderazzjoni, għal dan il-kalkolu, sigħat effettivament maħduma minn dawn tal-aħħar minflok it-tul ta’ xogħol ta’ kuljum ta’ sitt sigħat u nofs, kif stabbilit fl-Artikolu 30(1) taċ-CCNL. |
|
13 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra din l-ordni tal-INPS quddiem it-Tribunale di Grosseto (il-Qorti ta’ Grosseto, l-Italja), li laqgħet dan ir-rikors. |
|
14 |
L-INPS appella mis-sentenza ta’ din il-qorti quddiem il-Corte d’appello di Firenze (il-Qorti tal-Appell ta’ Firenze, l-Italja). Din l-aħħar qorti ddeċidiet li t-talbiet għal ħlas tal-INPS kienu fondati għar-raġuni li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn ħaddiema għal żmien indeterminat u ħaddiema għal żmien determinat u tal-Artikolu 30(1) taċ-CCNL, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti mill-persuni li jimpjegaw lil dawn il-ħaddiema tal-aħħar kellu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ remunerazzjoni stabbilita għal tul ta’ xogħol ta’ sitt sigħat u nofs u mhux skont is-sigħat ta’ xogħol effettivament maħduma. |
|
15 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appelli quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), li kkonstatat, inizjalment, li, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 1(1) tad-Digriet‑Liġi Nru 338/1989 u tal-Artikolu 40(1) taċ-CCNL, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti mill-persuni li jimpjegaw fis-settur agrikolu fuq ir-remunerazzjonijiet imħallsa lill-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat għandhom jiġu kkalkolati biss skont is-sigħat ta’ xogħol effettivament maħduma, sakemm dawn il-persuni li jimpjegaw ma jiddeċidux li, meta sseħħ interruzzjoni tal-attività minħabba forza maġġuri, dawn il-ħaddiema għandhom jibqgħu għad-dispożizzjoni tagħhom fis-sit tal-operat. |
|
16 |
F’dan ir-rigward, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) fakkret li l-Artikolu 30(1) taċ-CCNL, li jipprevedi li l-ħin tax-xogħol huwa ffissat għal 39 siegħa fil-ġimgħa, jiġifieri għal sitt sigħat u nofs kuljum, sempliċement jindika t-tul massimu, fil-ġimgħa u ta’ kuljum, ta’ xogħol, mingħajr madankollu ma jippreċiża t-tul minimu ta’ xogħol. Billi jipprovdi li l-ħaddiem għal żmien determinat għandu dritt għall-ħlas tas-sigħat ta’ xogħol effettivament maħduma matul il-ġurnata, l-Artikolu 40(1) taċ-CCNL jistabbilixxi regola loġikament inkompatibbli mal-kunċetti ta’ ħin tax-xogħol fil-ġimgħa u tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum peress li jissepara r-remunerazzjoni dovuta mir-riferiment għal ħin tax-xogħol stabbilit minn qabel li jista’ jiġi ddefinit f’termini ġenerali u astratti. Din id-dispożizzjoni, li hija ispirata mill-karatteristiċi speċifiċi tax-xogħol agrikolu għal żmien determinat, hija konformi mar-regola ddikjarata fl-Artikolu 16(1)(d) tad-decreto legislativo n. 66 – Attuazione delle direttive 93/104/CE e 2000/34/CE concernenti taluni aspetti dell’ organizzazione dell’ orario di lavoro (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 66 li Jimplimenta d-Direttivi 93/104/KE u 2000/34/KE dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol), tat‑8 ta’ April 2003 (GURI Nru 87, tal‑14 ta’ April 2003, suppliment ordinarju Nru 61), li, billi ttrasponiet d-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat‑23 ta’ Novembru 1993 dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 27), tipprevedi li l-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħin tax-xogħol normali fil-ġimgħa. |
|
17 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tippreċiża, minn naħa, li, bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) tad-Digriet‑Liġi Nru 338/1989, ir-remunerazzjoni li għandha sservi bħala bażi għal dan il-kalkolu ma tistax tkun inqas mill-ammont tar-remunerazzjonijiet stabbilit mil-liġijiet, mir-regolamenti u mill-ftehimiet kollettivi. Min-naħa l-oħra, hija tindika li, fir-rigward tal-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat li għalihom il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali huma kkalkolati fuq il-bażi tas-sigħat effettivament maħduma, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-ħaddiema għal żmien determinat, li hija stabbilita fil-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, ma tistax isservi bħala bażi għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ikbar għall-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat, sa fejn ir-relazzjonijiet bejn l-INPS u l-persuni li jimpjegaw f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. |
|
18 |
Konsegwentement, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) annullat is-sentenza tal-Corte d’appello di Firenze (il-Qorti tal-Appell ta’ Firenze) u bagħtet lura l-kawża quddiemha. |
|
19 |
Il-Corte d’appello di Firenze (il-Qorti tal-Appell ta’ Firenze), li hija l-qorti tar-rinviju, tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-konstatazzjoni magħmula mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), kif imsemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, li l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti mill-persuni li jimpjegaw fis-settur agrikolu fir-rigward tar-remunerazzjonijiet imħallsa lill-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat għandhom jiġu kkalkolati biss skont is-sigħat ta’ xogħol effettivament maħduma, mal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas. |
|
20 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis, qabel kollox, li din il-klawżola tapplika għall-kawżi prinċipali. Fil-fatt, is-settur agrikolu ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/70 u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg imsemmija mill-imsemmija klawżola jinkludu r-remunerazzjonijiet. Issa, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma marbuta mar-remunerazzjoni dovuta lill-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat, peress li, l-ewwel nett, fl-ordinament ġuridiku intern, dawn il-kontribuzzjonijiet huma dovuti fuq ir-remunerazzjoni kollha li għandha titħallas lil dawn il-ħaddiema u, it-tieni nett, l-imsemmija kontribuzzjonijiet jikkontribwixxu għall-ħlas tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali pprovduti mill-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar aspett, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-ammont tal-imsemmija benefiċċji huwa proporzjonali għat-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg u huwa marbut mal-ammont tar-remunerazzjoni, peress li l-ammont ta’ dawn l-istess kontribuzzjonijiet jiddependi minn dan l-aħħar ammont. Minn dan hija tiddeduċi li ħaddiem agrikolu għal żmien determinat, li r-remunerazzjoni tiegħu hija kkalkolata biss skont is-sigħat ta’ xogħol effettivament maħduma, bla dubju jirċievi benefiċċji inqas għoljin minn ħaddiem agrikolu għal żmien indeterminat li dejjem għandu ċ-ċertezza li se jirċievi remunerazzjoni minima stabbilita mill-ftehim kollettiv, indipendentement mis-sigħat effettivament maħduma. |
|
21 |
Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li l-konstatazzjoni magħmula mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), kif imsemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, tista’ tikser il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas billi din twassal għal trattament inqas favorevoli tal-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat meta mqabbel ma’ dak riżervat għall-ħaddiema agrikoli għal żmien indeterminat, li huwiex iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi. |
|
22 |
B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat u dawk għal żmien indeterminat jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli peress li jwettqu l-istess kompiti. Issa, l-imsemmija konstatazzjoni magħmula mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) twassal sabiex il-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema agrikoli għal żmien indeterminat li madankollu jwettqu xogħol paragunabbli. Fil-fatt, fir-rigward tal-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat, il-persuna li timpjega hija libera li tiddetermina s-sigħat tax-xogħol tagħhom kif ukoll ir-remunerazzjoni tagħhom u, konsegwentement, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kif ukoll dak tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali li minnhom jistgħu jibbenefikaw. Minn perspettiva oħra, il-ħaddiema agrikoli għal żmien indeterminat jiġu ggarantiti remunerazzjoni minima kuljum, ibbażata fuq tul ta’ xogħol ta’ kuljum ta’ sitt sigħat u nofs, indipendentement mis-sigħat ta’ xogħol effettivament maħduma. Għaldaqstant, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa mill-persuni li jimpjegawhom kif ukoll il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali li minnhom jistgħu jibbenefikaw fuq il-bażi ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet huma ggarantiti peress li huma bbażati fuq din ir-remunerazzjoni minima ta’ kuljum. |
|
23 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li, f’dan il-każ, la jeżistu raġunijiet oġġettivi marbuta mat-twettiq tax-xogħol ikkonċernat u lanqas elementi preċiżi u konkreti li jippermettu li tiġi ġġustifikata n-neċessità ta’ trattament differenti tal-ħaddiema għal żmien determinat meta mqabbel mal-ħaddiema għal żmien indeterminat. Ir-riskji speċifiċi għall-attività agrikola li jiddependu minn kundizzjonijiet meteoroloġiċi imprevedibbli jaffettwaw lill-ħaddiema agrikoli kollha, kemm jekk jiġu impjegati għal żmien determinat kif ukoll jekk jiġu impjegati għal żmien indeterminat. |
|
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte d’appello di Firenze (il-Qorti tal-Appell ta’ Firenze) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, ifformulati b’mod identiku fil-Kawżi magħquda C‑212/24, C‑226/24 u C‑227/24:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
|
25 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li d-domandi preliminari huma inammissibbli minħabba li l-INPS, bħala emanazzjoni tal-Istat, ma jistax jinvoka dispożizzjoni ta’ direttiva li għandha effett dirett fil-konfront tagħhom. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss, bħala prinċipju, il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, FA.RO. di YK & C., C‑16/23, EU:C:2024:886, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun evidenti li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli d-domandi li sarulha (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, FA.RO. di YK & C., C‑16/23, EU:C:2024:886, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Sussegwentement, mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, jirriżulta li n-natura vinkolanti ta’ direttiva li fuqha hija msejsa l-possibbiltà li din tiġi invokata teżisti biss fir-rigward ta’ “l-Istati Membri [destinatarji]”. Konsegwentement, skont ġurisprudenza stabbilita, direttiva ma tistax minnha nnifisha toħloq obbligi fir-rigward ta’ individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra tali persuna quddiem qorti nazzjonali (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Sambre & Biesme u Commune de Farciennes, C‑383/21 u C‑384/21, EU:C:2022:1022, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll b’mod konsistenti li l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minnha kif ukoll id-dmir tagħhom li jadottaw il-miżuri ġenerali jew partikolari kollha xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu jorbot lill-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, lill-awtoritajiet ġudizzjarji. Meta japplikaw id-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali mitluba jinterpretawh għandhom għalhekk jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-regoli kollha ta’ dan id-dritt u japplikaw il-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu sabiex jinterpretawh, sa fejn possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jilħqu r-riżultat stabbilit minnha u sabiex b’hekk ikunu konformi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online), C‑649/18, EU:C:2020:764, punti 38 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi, b’mod partikolari, l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jimmodifikaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun tistrieħ fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax validament tikkunsidra li huwa impossibbli għaliha li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni, b’mod kostanti, ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2024, KUBERA, C‑144/23, EU:C:2024:881, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, indipendentement mill-punt dwar jekk dawn għandhomx effett dirett jew le bejn il-partijiet fil-kawża sottostanti (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest tax-xogħol termporanju) successives dans le cadre du travail intérimaire), C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Għalhekk, il-fatt li d-Direttiva 1999/70 ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistax iwassal għall-inammissibbiltà tad-domandi preliminari. |
|
32 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li d-domandi preliminari huma inammissibbli peress li saru ipotetiċi fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) imsemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, wara din id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju ma għadhiex imsejħa tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat u l-ħaddiema agrikoli għal żmien indeterminat, iżda għandha tiddeċiedi biss il-kwistjoni dwar jekk is-sigħat ta’ xogħol addizzjonali għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti għall-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat. |
|
33 |
Issa, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju miġbura fil-qosor fil-punti 19 sa 23 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din il-qorti tqis li qed tintalab tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat u l-ħaddiema agrikoli għal żmien indeterminat u li għaldaqstant hemm lok li dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tqiegħed inkwistjoni din l-evalwazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, tas-suġġett tat-tilwim li għad irid jiġi deċiż. |
|
34 |
Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali miġbur fil-qosor fil-punt 32 ta’ din is-sentenza ma jistax jiġġustifika l-inammissibbiltà tad-domandi preliminari. |
|
35 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li l-ewwel domanda hija ipotetika u għalhekk inammissibbli billi l-kawżi prinċipali ma jirrigwardawx ir-remunerazzjonijiet tal-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat iżda l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti mill-persuni li jimpjegaw lil dawn il-ħaddiema. |
|
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-qorti tar-rinviju, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li huma s-suġġett tal-kawżi prinċipali huma kkalkolati skont dawn ir-remunerazzjonijiet u, għaldaqstant, jistgħu jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet tal-impjieg imsemmija fil-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas. Konsegwentement, l-ewwel domanda preliminari ma hijiex ipotetika sa fejn ir-risposta għal din id-domanda tikkostitwixxi rekwiżit preliminari neċessarju għar-risposta għat-tieni domanda, li, skont il-formulazzjoni tagħha, qed issir biss fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel waħda. |
|
37 |
Minn dan jirriżulta li d-domandi preliminari huma ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
38 |
Permezz tad-domandi tagħha li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, hekk kif interpretata minn qorti nazzjonali suprema, li bis-saħħa tagħha l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, dovuti minn persuni li jimpjegaw ħaddiema agrikoli għal żmien determinat, huma kkalkolati skont ir-remunerazzjonijiet imħallsa lil dawn il-ħaddiema għas-sigħat ta’ xogħol ta’ kuljum li huma effettivament ħadmu, filwaqt li l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti mill-persuni li jimpjegaw ħaddiema agrikoli għal żmien indeterminat huma kkalkolati fuq il-bażi ta’ remunerazzjoni stabbilita għal sigħat tax-xogħol ta’ kuljum ikkostitwit minn numru ta’ sigħat iddefinit minn qabel mid-dritt nazzjonali. |
|
39 |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jitfakkar li, skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u li jistabbilixxi qafas sabiex jipprevjeni l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat suċċessivi. |
|
40 |
Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-Ftehim qafas, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu, huwa intiż li japplika l-imsemmi prinċipju għall-ħaddiema għal żmien determinat sabiex jiġi prekluż li relazzjoni ta’ impjieg ta’ din in-natura tintuża minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema mid-drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2023, Ministero dell’Istruzione u INPS, C‑270/22, EU:C:2023:933, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
B’hekk, il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, li għandha effett dirett, tiddikjara, fil-punt 1 tagħha, projbizzjoni li, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ impjieg, il-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat f’pożizzjoni kumparabbli għas-sempliċi raġuni li huma jaħdmu għal żmien determinat, sakemm ma jkunx iġġustifikat trattament differenti għal “raġunijiet oġġettivi” (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2023, Ministero dell’Istruzione u INPS, C‑270/22, EU:C:2023:933, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-klawżola, minn naħa, mill-punt 1 tal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas jirriżulta li dan japplika għall-ħaddiema għal żmien determinat li għandhom kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol iddefiniti b’mod partikolari mil-leġiżlazzjoni jew mill-ftehimiet kollettivi fis-seħħ f’kull Stat Membru. |
|
43 |
F’dan il-każ, ir-relazzjoni ta’ xogħol tal-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija rregolata mil-leġiżlazzjoni Taljana fil-qasam tal-impjieg kif ukoll miċ-CCNL u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas. |
|
44 |
Min-naħa l-oħra, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt il-kunċett ta’ “kundizzjoni tal-impjieg”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, huwa preċiżament dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2019, Ustariz Aróstegui, C‑72/18, EU:C:2019:516, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Issa, skont il-ġurisprudenza, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-kundizzjonijiet relatati mar-remunerazzjonijiet. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fid-determinazzjoni kemm ta’ l-elementi li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni kif ukoll tal-livell ta’ dawn l-elementi, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom japplikaw il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni lill-ħaddiema għal żmien determinat hekk kif stabbilit mill-klawżola 4 tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punti 130 u 134). |
|
46 |
Konsegwentement, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” u għaldaqstant tal-“kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, il-pensjonijiet dovuti għar-relazzjoni ta’ impjieg li ġġib flimkien lill-ħaddiem u lill-persuna li timpjega, bl-esklużjoni ta’ dawk il-pensjonijiet li jirriżultaw minn sistema legali li għall-finanzjament tiegħu l-ħaddiema, il-persuni li jimpjegaw u, possibbilment, l-awtoritajiet pubbliċi jikkontribwixxu b’mod inqas dovut għal tali relazzjoni ta’ impjieg u iktar dovut għal kundizzjonijiet ta’ politika soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-Giudici di Pace Taljani), C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 36). Pensjoni li tikkonċerna biss lil kategorija speċifika ta’ ħaddiema, li titħallas minħabba r-relazzjoni ta’ xogħol mal-persuna li preċedentement impjegathom, li hija direttament dovuta għaż-żmien ta’ servizz imwettaq u li l-ammont tagħha huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-aħħar paga għalhekk tista’ taqa’ taħt l-imsemmija klawżola 4 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punti 46 u 47). |
|
47 |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-kontribuzzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkontribwixxux għall-ħlas ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali pprovduti minn skema professjonali ta’ sigurtà soċjali jew pjuttost minn sistema legali ta’ sigurtà soċjali. Il-fatt li l-persuni li jimpjegaw għandhom iħallsu l-kontribuzzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali lill-INPS u mhux lill-ħaddiema agrikoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex determinanti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 50). Jekk jiġi stabbilit li l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċernaw biss lill-ħaddiema agrikoli jew lil kategorija ta’ ħaddiema li jagħmlu parti minnha, li dawn il-benefiċċji jiddependu direttament minn dawn il-kontribuzzjonijiet u li l-imsemmija kontribuzzjonijiet huma kkalkolati skont ir-remunerazzjonijiet imħallsa lill-ħaddiema agrikoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali għax-xogħol imwettaq mal-persuna li timpjegahom, għandu jitqies li dawn l-istess kontribuzzjonijiet jistgħu jaqgħu taħt il-“kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-imsemmija klawżola. |
|
48 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għall-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-ħaddiema għal żmien determinat, għandu jitfakkar li din il-klawżola tikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Ustariz Aróstegui, C‑72/18, EU:C:2019:516, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Għalhekk, sabiex ħaddiema għal żmien determinat ikunu jistgħu jitolbu li jibbenefikaw mill-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ impjieg tagħhom, għandu, inizjalment, jiġi evalwat jekk dawn il-ħaddiema humiex ittrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat u jekk l-imsemmija ħaddiema humiex imqiegħda f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-ħaddiema għal żmien indeterminat. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet, il-punt 2 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas jiddefinixxi lill-“ħaddiem kumparabbli permanenti [għal żmien indeterminat]” bħala ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex jiġi evalwat jekk il-ħaddiema jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens tal-Ftehim qafas, għandu jiġi mistħarreġ, konformement mal-punt 2 tal-klawżola 3 u mal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, jekk, fid-dawl tal-fatturi kollha, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (digriet tad‑9 ta’ Frar 2017, Rodrigo Sanz, C‑443/16, EU:C:2017:109, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-eżistenza ta’ trattament inqas favorevoli, jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li teżisti differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema agrikoli għal żmien indeterminat u l-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat għad-detriment ta’ dawn tal-aħħar. |
|
51 |
Fil-fatt, għall-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti mill-persuni li jimpjegawhom jidhru li huma kkalkolati, bis-saħħa tal-Artikolu 1 tad-Digriet‑Liġi Nru 338/1989, moqri flimkien mal-Artikolu 40(1) taċ-CCNL, skont ir-remunerazzjoni mħallsa għas-sigħat ta’ xogħol ta’ kuljum li huma effettivament ħadmu, filwaqt li, għall-ħaddiema agrikoli għal żmien indeterminat, dawn l-istess kontribuzzjonijiet jidhru li huma kkalkolati, bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu 1, moqri flimkien mal-Artikolu 30(1) taċ-CCNL, fuq il-bażi ta’ remunerazzjoni stabbilita għal perijodu ta’ xogħol ta’ kuljum ta’ sitt sigħat u nofs. B’hekk, ir-remunerazzjoni u, konsegwentement, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal dawn l-aħħar ħaddiema jidhru li huma kkalkolati fuq il-bażi ta’ sigħat tax-xogħol ta’ kuljum stabbilit b’rata fissa, jiġifieri b’mod ġenerali u astratt, u mhux skont is-sigħat ta’ xogħol effettivament maħduma minnhom kif inhu l-każ għall-ħaddiema għal żmien determinat. Għalhekk, huwa possibbli li, għall-ħaddiema agrikoli għal żmien indeterminat, jitħallsu kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal sigħat ta’ xogħol mhux imwettqa, filwaqt li għall-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat din il-possibbiltà hija eskluża. |
|
52 |
Din l-evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ trattament inqas favorevoli tal-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bbażati fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “pro rata temporis”. Fil-fatt, għalkemm il-punt 2 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jipprevedi li dan il-prinċipju għandu japplika “[m]eta approprjat”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din il-klawżola sempliċement tenfasizza waħda mill-konsegwenzi li jistgħu jkunu assoċjati, jekk ikun il-każ, taħt l-eventwali stħarriġ tal-qorti, mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni favur il-ħaddiema għal żmien determinat, mingħajr ma tiġi ppreġudikata b’ebda mod is-sustanza nnifisha ta’ dan il-prinċipju (sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 65). |
|
53 |
Issa, il-prinċipju ta’ “pro rata temporis” ma jistax jiġġustifika, f’dan il-każ, l-applikazzjoni ta’ metodi ta’ kalkolu tan-numru ta’ sigħat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tar-remunerazzjonijiet u tal-kontribuzzjonijiet lil skema professjonali ta’ sigurtà soċjali differenti għall-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat u għall-ħaddiema agrikoli għal żmien indeterminat ibbażati, għal tal-ewwel, fuq is-sigħat ta’ xogħol effettivament maħduma u, għal tat-tieni, fuq numru ta’ sigħat ta’ xogħol stabbilit b’rata fissa. Fil-fatt, dawn ir-riferimenti temporali distinti għall-kalkolu tar-remunerazzjonijiet u tal-kontribuzzjonijiet għal skema professjonali ta’ sigurtà soċjali ma humiex il-konsegwenza tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u jiżvantaġġaw lill-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat. |
|
54 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, fid-dawl tal-elementi tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li l-ħaddiema agrikoli għal żmien indeterminat u l-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. B’mod partikolari, il-fatt li l-Artikolu 18(a) taċ-CCNL jiddefinixxi lil dawn il-ħaddiema tal-aħħar bħala ħaddiema li huma impjegati b’mod partikolari “sabiex jissostitwixxu ħaddiema assenti li għandhom id-dritt għaż-żamma tal-impjieg” jindika li l-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat u l-ħaddiema agrikoli għal żmien indeterminat jeżerċitaw xogħol identiku jew simili. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkonferma din l-evalwazzjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha kif imsemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza. |
|
55 |
Sa fejn, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza huma ssodisfatti, jeħtieġ, sussegwentement, li jiġi evalwat jekk it-trattament inqas favorevoli tal-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat meta mqabbla mal-ħaddiema agrikoli għal żmien indeterminat huwiex iġġustifikat minn “bażi oġġettiva”, hekk kif iddikjarat fil-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas. |
|
56 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ impjieg ikkonċernat, fil-kuntest partikolari tiegħu u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissodisfax bżonn veru, hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ikunu ġew konklużi kuntratti għal żmien determinat kif ukoll mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (digriet tad‑9 ta’ Frar 2017, Rodrigo Sanz, C‑443/16, EU:C:2017:109, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Is-sempliċi fatt li din id-differenza hija prevista minn regola nazzjonali ġenerali u astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv, ma jikkostitwixxix “bażi oġġettiva”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, ta’ natura li tiġġustifika differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-Giudici di Pace Taljani), C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 40, kif ukoll id-digriet tad‑9 ta’ Frar 2017, Rodrigo Sanz, C‑443/16, EU:C:2017:109, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
Barra minn hekk, differenza fit-trattament għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat ma tistax tiġi ġġustifikata bi kriterju li, b’mod ġenerali u astratt, jirreferi għat-tul stess tal-impjieg. Li jiġi ammess li s-sempliċi natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ impjieg hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika tali differenza jkun ifisser li s-sustanza tal-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-Ftehim qafas tiġi eżawrita. Minflok itejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat u jippromwovi l-ugwaljanza fit-trattament imfittxija kemm mid-Direttiva 1999/70 kif ukoll mill-Ftehim qafas, l-użu ta’ kriterju bħal dan ikompli jipperpetwa ż-żamma ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat (digriet tad‑9 ta’ Frar 2017, Rodrigo Sanz, C‑443/16, EU:C:2017:109, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali invokaw bħala raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-trattament iddifferenzjat tal-ħaddiema agrikoli għal żmien determinat meta mqabbla mal-ħaddiema agrikoli għal żmien indeterminat il-fatt li, kif jirriżulta mill-Artikolu 18(a) taċ-CCNL, tal-ewwel huma impjegati sabiex iwettqu xogħol għal żmien qasir, xogħol staġjonali jew okkażjonali, għal fażijiet ta’ xogħol jew sabiex jissostitwixxu ħaddiema assenti. Għalhekk, ir-raġunijiet li għalihom huma impjegati għal żmien determinat u li huma marbuta mal-ispeċifiċitajiet tax-xogħol agrikolu jiġġustifikaw li dawn il-ħaddiema ma jkunux neċessarjament għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega għal sitt sigħat u nofs kuljum jew 39 siegħa fil-ġimgħa. Din l-evalwazzjoni hija konformi mat-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas, li skontu l-Ftehim qafas jiddikjara l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi relatati max-xogħol għal żmien determinat, waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-realtajiet tas-sitwazzjonijiet speċifiċi nazzjonali, settorali u staġjonali. Issa, fl-Italja, 90% tal-ħaddiema agrikoli huma impjegati għal żmien determinat fid-dawl tan-natura temporanja u mhux kontinwa tal-kompiti li għandhom jitwettqu fis-settur agrikolu. |
|
60 |
Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 57 u 58 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li dawn ir-raġunijiet ma jikkostitwixxux raġunijiet oġġettivi li jippermettu li jiġi ddifferenzjat it-trattament tal-ħaddiema agrikoli inkwistjoni ġaladarba dawn huma bbażati biss fuq it-tul innifsu tal-impjieg. Fil-fatt, għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li jeżistu kunsiderazzjonijiet li jiġġustifikaw li l-ħaddiema impjegati għal żmien determinat ma jkunux neċessarjament għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega matul sitt sigħat u nofs kuljum jew 39 siegħa fil-ġimgħa u li, konsegwentement, kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jitħallsu biss għan-numru ta’ sigħat ta’ xogħol li huma effettivament wettqu matul ġurnata, min-naħa l-oħra, tali argumenti ma jispjegawx għalfejn, għall-ħaddiema għal żmien indeterminat, li jwettqu xogħol identiku jew simili għal dak ta’ ħaddiem għal żmien determinat, il-ħin tax-xogħol huwa ffissat b’mod obbligatorju għal 39 siegħa fil-ġimgħa bil-konsegwenza li kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jikkorrispondu għal sitt sigħat u nofs ta’ xogħol kuljum għandhom jitħallsu indipendentement min-numru ta’ sigħat ta’ xogħol effettivament maħduma f’ġurnata. |
|
61 |
Fl-assenza ta’ raġunijiet oġġettivi, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jipprekludi d-differenza fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjonijiet u tal-kontribuzzjonijiet għal skema professjonali ta’ sigurtà soċjali kkalkolati fuq il-bażi ta’ dawn ir-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema agrikoli għal żmien determinat u ħaddiema agrikoli għal żmien indeterminat bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
62 |
Fid-dawl tar-raġunijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, hekk kif interpretata minn qorti nazzjonali suprema, li bis-saħħa tagħha l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, dovuti minn persuni li jimpjegaw ħaddiema agrikoli għal żmien determinat bil-għan li jiffinanzjaw benefiċċji ta’ skema professjonali ta’ sigurtà soċjali, huma kkalkolati skont ir-remunerazzjonijiet imħallsa lil dawn il-ħaddiema għas-sigħat ta’ xogħol ta’ kuljum li huma effettivament ħadmu, filwaqt li l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti mill-persuni li jimpjegaw ħaddiema agrikoli għal żmien indeterminat huma kkalkolati fuq il-bażi ta’ remunerazzjoni stabbilita għal sigħat tax-xogħol ta’ kuljum b’rata fissa, kif stabbilit mid-dritt nazzjonali, indipendentement mis-sigħat effettivament maħduma. |
Fuq l-ispejjeż
|
63 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, |
|
għandu jiġi interpretata fis-sens li: |
|
jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, hekk kif interpretata minn qorti nazzjonali suprema, li bis-saħħa tagħha l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, dovuti minn persuni li jimpjegaw ħaddiema agrikoli għal żmien determinat bil-għan li jiffinanzjaw benefiċċji ta’ skema professjonali ta’ sigurtà soċjali, huma kkalkolati skont ir-remunerazzjonijiet imħallsa lil dawn il-ħaddiema għas-sigħat ta’ xogħol ta’ kuljum li huma effettivament ħadmu, filwaqt li l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti mill-persuni li jimpjegaw ħaddiema agrikoli għal żmien indeterminat huma kkalkolati fuq il-bażi ta’ remunerazzjoni stabbilita għal sigħat tax-xogħol ta’ kuljum b’rata fissa, kif stabbilit mid-dritt nazzjonali, indipendentement mis-sigħat effettivament maħduma. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.