European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2637

4.10.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2637

tat-30 ta’ Lulju 2024

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/760 fir-rigward tar-regoli dwar il-kwantità referenzjali għall-gruppi ta’ kwoti tariffarji fis-settur tal-pollam

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 186 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/760 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-regoli għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli soġġetti għal liċenzji.

(2)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760, l-operaturi jistgħu jissottomettu applikazzjonijiet għal liċenzji taħt kwota tariffarja partikolari għal kwantità limitata biss, ikkalkolata abbażi tal-kwantitajiet li importaw fil-passat (“il-kwantità referenzjali”). L-Artikolu 9(2) tar-Regolament Delegat jipprevedi li l-kwantità referenzjali għandha tkopri prodotti rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni li jaqgħu taħt l-istess numru tal-ordni tal-kwota tariffarja u li jkollhom l-istess oriġini.

(3)

L-Artikolu 9(6) u (7) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760 jistabbilixxi deroga mir-regola li l-kwantità referenzjali għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-importazzjonijiet ta’ prodotti li jkunu ġejjin mill-istess oriġini. Għal ċerti gruppi ta’ kwoti tariffarji, il-kwantità referenzjali tiġi kkalkolata b’mod kumulattiv għall-grupp kollu stabbilit f’dak l-Artikolu 9 minflok ma tiġi kkalkolata għal kwota tariffarja unika. Konsegwentement, dik il-kwantità referenzjali tal-grupp tista’ tintuża għall-applikazzjoni ta’ liċenzji għal kwalunkwe kwota tariffarja tal-grupp ikkonċernat.

(4)

Għalhekk, id-deroga stabbilita fl-Artikolu 9(6) u (7) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760 tippermetti lill-importaturi japplikaw għall-kwoti tariffarji taħt il-kwantità referenzjali tal-grupp b’ċertu grad ta’ flessibbiltà.

(5)

Madankollu, l-użu ta’ dik id-deroga jista’ potenzjalment iwassal għal distorsjonijiet tas-suq, peress li l-iżviluppi leġiżlattivi u tas-suq reċenti jippermettu lil għadd limitat ta’ kumpaniji jiksbu ishma sinifikanti ta’ liċenzji tal-importazzjoni skont il-kwoti tariffarji kkonċernati. Dak ir-riskju żdied bl-eliminazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjonijiet mill-Ukrajna, kif previst fir-Regolamenti (UE) 2022/870 (3), (UE) 2023/1077 (4) u (UE) 2024/1392 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(6)

Sabiex jiġi minimizzat dan ir-riskju ta’ distorsjonijiet tas-suq u biex jiġi żgurat li l-operaturi interessati kollha jkunu jistgħu japplikaw għal liċenzji tal-importazzjoni skont il-kwoti tariffarji kkonċernati, huwa xieraq li jitneħħew il-kwoti tariffarji taħt in-numri tal-ordni 09.4213, 09.4216, u 09.4412 mill-gruppi elenkati fl-Artikolu 9(6) u (7) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2020/760 jiġi emendat skont dan.

(8)

Sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni xierqa ta’ dawk il-gruppi ta’ kwoti tariffarji, u filwaqt li jitqies il-fatt li l-perjodi tal-kwota tariffarja ma humiex l-istess għalihom kollha, l-emendi introdotti minn dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw mill-perjodi tal-kwota tariffarja li jibdew wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760

Fl-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760, il-paragrafi 6 u 7 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“6.   B’deroga mill-paragrafu 2, il-kwantità referenzjali għandha tiġi kkalkolata billi jiġu akkumulati l-kwantitajiet ta’ prodotti rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni, li jaqgħu taħt kull wieħed mill-gruppi li ġejjin ta’ żewġ jew tliet kwoti bin-numri tal-ordni stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761:

(a)

09.4211, 09.4212 u 09.4290;

(b)

09.4214 u 09.4215;

(c)

09.4410, 09.4411 u 09.4289.

7.   B’deroga mill-paragrafu 3, għall-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.4211, 09.4212 u 09.4290, il-kwantità totali tal-prodotti koperti bl-applikazzjonijiet għal-liċenzji ppreżentati fil-perjodu tal-kwota tariffarja għal dawk it-tliet kwoti tariffarji ma għandhiex tkun aktar mill-kwantità referenzjali totali tal-applikant għal dawk il-kwoti tariffarji. L-applikant jista’ jagħżel kif jissuddividi l-kwantità referenzjali totali fost il-kwoti tariffarji li għalihom l-applikant ippreżenta l-applikazzjonijiet għal-liċenzja. Din ir-regola għandha tapplika wkoll għall-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.4214 u 09.4215 u bin-numri tal-ordni 09.4410, 09.4411 u 09.4289.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għall-perjodi tal-kwota tariffarja li jibdew wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/760 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni soġġetti għal liċenzji u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-depożitu ta’ garanziji fl-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji (ĠU L 185, 12.6.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/760/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2022/870 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li tissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 103, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/870/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2023/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li jissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 144, 5.6.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1077/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2024/1392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, ĠU L, 2024/1392, 29.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1392/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/2637/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)