SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Jannar 2008 ( *1 )

“Approssimazzjoni tal-liġijiet — Direttiva 86/653/KEE — Aġenti kummerċjali indipendenti — Dritt għall-kommissjoni ta’ aġent fdat b’żona ġeografika — Operazzjonijiet konklużi mingħajr l-intervent tal-prinċipal”

Fil-kawża C-19/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-19 ta’ Diċembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Jannar 2007, fil-proċedura

L-eredi ta’ Paul Chevassus-Marche

vs

Groupe Danone,

Kro beer brands SA (BKSA),

Évian eaux minérales d’Évian SA (SAEME),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President ta’ l-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

—

għall-eredi ta’ P. Chevassus-Marche, minn SCP Waquet, Farge u Hazan, avocats,

—

għall-kumpanniji Groupe Danone, Kro beer brands SA (BKSA) u Évian eaux minérales d’Évian SA (SAEME), minn SCP Célice, Blancpain u Soltner, avocats,

—

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A.-L. During, bħala aġenti,

—

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u A. Dittrich, bħala aġenti,

—

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Støvlbæk u A. Bordes, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU L 382, p. 17, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2

Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-eredi ta’ P. Chevassus-Marche u l-kumpanniji Groupe Danone, Kro beer brands SA u Évian eaux minérales d’Évian SA, fir-rigward ta’ ħlas ta’ kommissjonijiet li jistgħu jkunu dovuti lil P. Chevassus-Marche.

Kuntest Ġuridiku

3

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva jiddefinixxi aġent kummerċjali bħala li “għandu jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-‘prinċipal’, jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn l-operazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal”.

4

Skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva:

“Fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ l-aġent kummercjali tiegħu, prinċipal għandu jaġixxi kif suppost u b’intenzjoni tajba.”

5

L-Artikolu 7 tad-Direttiva jipprovdi:

“1.   Aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal kommissjoni fuq operazzjonijiet kummerċjali konklużi tul il-perjodu kopert bil-kuntratt ta’ l-aġenzija:

(a)

meta l-operazzjoni tkun ġiet konkluża bħala riżultat ta’ l-azzjoni tieghu;

jew

(b)

meta l-operazzjoni tkun konkluża ma’ parti terza li jkun qabel akkwista bħala klijent għall-operazzjonijiet ta’ l-istess tip.

2.   Aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal kommissjoni fuq operazzjonijiet konklużi tul il-perjodu kopert bil-kuntratt ta’ l-aġenzija:

—

jew meta hu jkun ġie fdat b’żona ġeografika speċifika jew bi grupp ta’ klijenti,

—

jew meta hu jkollu d-dritt esklużiv għal żona ġeografika speċifika jew grupp ta’ klijenti,

u meta fl-operazzjoni jkun involut klijent li jappartieni għal dik iż-żona jew dak il-grupp.

L-Istati Membri għandhom jinkludu fil-leġislazzjoni tagħhom waħda mill-possibbiltajiet imsemmija fiż-żewġ inċiżi ta’ hawn fuq.”

6

Fir-rigward tal-ħolqien tad-dritt għall-kommissjoni, l-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva jippreċiża:

“1.   Il-kommissjoni għandha tkun dovuta malli u sal-limitu li waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi sseħħ:

(a)

il-prinċipal ikun wettaq l-operazzjoni;

(b)

il-prinċipal għandu, skond il-ftehim tiegħu mal-parti terza, jkun wettaq l-operazzjoni;

(c)

il-parti terza tkun wettqet l-operazzjoni.

2.   Il-kommissjoni għandha tkun dovuta l-aktar tard meta l-parti terza tkun wettqet il-parti tagħha fl-operazzjoni jew suppost li tkun għamlet hekk jekk il-prinċipal ikun wettaq il-parti tiegħu ta’ l-operazzjoni, kif suppost li jkun għamel.”

7

Fir-rigward tat-terminazzjoni tad-dritt għall-kommissjoni, l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva jipprevedi:

“Id-dritt għal kommissjoni jista’ jitħassar biss jekk u sal-limiti li:

—

ikun ġie stabbilit li l-kuntratt bejn il-parti terzi u l-prinċipal mhux ser jiġi eżegwit

u

—

l-fatt ikun dovut għal raġuni li għaliha l-prinċipal mgħandux ħtija.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Fl-1987, il-kumpannija BSN, li saret il-kumpannija Groupe Danone, ikkonkludiet ma’ P. Chevassus-Marche mandat esklużiv ta’ rappreżentanza tal-kumpanniji sussidjarji tagħha Brasseries Kronenbourg, li saret Kro beer brands SA, u Évian eaux minérales d’Évian SA, fir-rigward tal-klijentela ta’ importaturi, bejjiegħa bl-ingrossa u bejjiegħa bl-imnut tal-prodotti tagħhom, għal żona ġeografika determinata li tinkludi l-gżejjer ta’ Mayotte u ta’ Réunion (rispettivament, kollettività u d-dipartiment Franċiż tat-territorji extra Ewropej).

9

Wara t-terminazzjoni ta’ dan il-kuntratt, P. Chevassus-Marche talab lill-kumpannija Groupe Danone kif ukoll lill-kumpanniji sussidjarji tagħha l-ħlas ta’ diversi ammonti, fosthom il-kommissjonijiet relattivi għal xirjiet magħmula minn żewġ kumpanniji stabbiliti fiż-żona ġeografika tiegħu. Dawn it-talbiet ġew miċħuda għar-raġuni li dawn ix-xirjiet saru minn ħwienet jew bejjiegħa stabbiliti fil-metropoli ta’ Franza, barra mill-kontroll tal-kumpannija Groupe Danone u l-kumpanniji sussidjarji tagħha u mingħajr l-intervent ta’ P. Chevassus-Marche.

10

Wara li l-azzjoni tiegħu, inkwantu kienet qed titlob il-ħlas ta’ dawn il-kommissjonijiet, ġiet miċħuda mit-tribunal de commerce ta’ Pariġi u mill-cour d’appel ta’ Pariġi, P. Chevassus-Marche appella quddiem il-Cour de cassation, liema appell tkompla mill-eredi tiegħu wara l-mewt tiegħu.

11

Il-Cour de cassation tqis li d-deċiżjoni li hija għandha tagħti fil-kawża prinċipali teħtieġ interpetazzjoni ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva. Għalhekk hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 7(2), tad-Direttiva […] għandu jiġi interpretat fis-sens li aġent kummerċjali responsabbli minn żona ġeografika determinata jkollu dritt għal kommissjoni fil-każ fejn operazzjoni kummerċjali tkun ġiet konkluża bejn terz u klijent li jappartjeni lil din iż-żona, mingħajr l-intervent tal-prinċipal b’mod dirett jew indirett f’din l-operazzjoni?”

Dwar id-domanda preliminari

12

B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi essenzjalment jekk l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-aġent kummerċjali responsabbli minn żona ġeografika determinata għandux dritt ta’ kommissjoni fuq l-operazzjonijiet konklużi minn klijenti li jappartjenu lil din iż-żona ma’ terza persuna fin-nuqqas ta’ intervent, dirett jew indirett, tal-prinċipal.

13

Fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Diċembru 1996, Kontogeorgas (C-104/95, Ġabra p. I-6643), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tinterpreta l-Artikolu 7 tad-Direttiva f’kuntest fejn il-prinċipal kien qed jinnegozja huwa stess il-merkanzija tiegħu ma’ klijenti ta’ żona ġeografika fdata minnu lil aġent kummerċjali. Fuq domanda dwar jekk l-aġent setax jippretendi l-kommissjoni għall-operazzjonijiet konklużi mingħajr l-intervent tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 7 tad-Direttiva jipprevedi żewġ ipoteżijiet alternattivi fir-rigward tad-dritt għall-kommissjoni. L-ewwel paragrafu tiegħu jipprevedi l-każ ta’ attività, attwali jew preċedenti, ta’ l-aġent, filwaqt li t-tieni paragrafu jipprovdi li l-aġent kummerċjali għandu jitħallas għat-totalità ta’ l-operazzjonijiet li jkunu saru f’ċerta żona jew fi ħdan ċertu grupp ta’ persuni, mingħajr ma tissemma kwalunkwe attività ta’ l-aġent.

14

Fl-ipoteżi in kwistjoni fis-sentenza Kontogeorgas, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jkun responsabbli minn żona ġeografika, l-aġent kummerċjali għandu dritt għall-kommissjoni marbuta ma’ l-operazzjonijiet konklużi ma’ klijenti minn dik iż-żona, anki jekk dawn ikunu saru mingħajr l-intervent tiegħu (sentenza Kontogeorgas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

15

Dan ir-rinviju preliminari jittratta l-kwistjoni dwar jekk din l-interpretazzjoni għandhiex tkun applikabbli wkoll fl-ipoteżi fejn, bħal fil-kawża prinċipali, il-bejgħ ta’ merkanzija lill-klijenti stabbiliti fiż-żona ġeografika fdata lill-aġent kummerċjali kkonċernat ikun ġie konkluż mhux biss mingħajr intervent ta’ dan l-aġent, iżda wkoll mingħajr intervent dirett jew indirett tal-prinċipal.

16

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrikonoxxut li, kif enfasizzaw ukoll l-eredi ta’ P. Chevassus-Marche, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva jipprovdi biss għal “operazzjonijiet konklużi tul il-perjodu kopert bil-kuntratt ta’ l-aġenzija”, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra għajr dik li dawn jiġu konklużi ma’ klijent li jappartjeni għal żona ġeografika jew grupp ta’ persuni fdati lill-aġent kummerċjali. L-intervent tal-prinċipal mhuwiex espressament rikjest bl-istess mod li mhuwiex rikjest l-intervent ta’ l-aġent kummerċjali.

17

Madankollu l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fil-kuntest ta’ l-Artikolu 10 ta’ l-istess Direttiva, li jippreċiża l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett id-dritt ta’ l-aġent kummerċjali għall-kommissjoni.

18

L-Artikolu 10 tad-Direttiva jiddetermina ċ-ċirkustanzi li joħolqu dan id-dritt. Għal din ir-raġuni, l-ewwel paragrafu tiegħu jiddistingwi tliet ċirkustanzi alternattivi li jistgħu, kull waħda minnhom separatament, jikkostitwixxu l-ħolqien tad-dritt għall-kommissjoni. Dan ta’ l-aħħar jinkiseb hekk kif u sa fejn il-prinċipal ikun wettaq l-operazzjoni jew suppost li jkun għamel hekk skond ftehim konkluż mat-terza persuna kkonċernata, jew ukoll hekk kif u sa fejn din it-terza persuna tkun wettqet l-operazzjoni. L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva jippreċiża li l-kommissjoni għandha tkun dovuta l-iktar tard meta l-imsemmija terza persuna tkun wettqet il-parti tagħha fl-operazzjoni jew suppost li tkun għamlet hekk jekk il-prinċipal ikun wettaq il-parti tiegħu ta’ din l-operazzjoni.

19

Mis-sinteżi ta’ dawn iż-żewġ paragrafi ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva jirriżulta li d-dritt ta’ l-aġent kummerċjali għall-kommissjoni joħroġ kemm meta l-prinċipal suppost ikun wettaq l-obbligu tiegħu, kif ukoll meta t-terza persuna għall-kuntratt ta’ aġenzija, jiġifieri l-klijent, suppost ikun wettaq l-obbligu tiegħu. F’kull każ il-preżenza tal-prinċipal fl-operazzjonijiet li abbażi tagħhom l-aġent kummerċjali jista’ jippretendi l-kommissjoni hija indispensabbli.

20

Din l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva hija kkorroborata mill-kliem ta’ l-Artikolu 11(1), li dan ta’ l-aħħar jipprovdi li d-dritt ta’ l-aġent kummerċjali għall-kommissjoni jista’ jitħassar biss jekk u sa fejn ikun ġie stabbilit li l-kuntratt bejn il-klijent u l-prinċipal mhux ser jiġi eżegwit u n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jkun dovut għal raġuni li għaliha l-prinċipal ma jaħtix. Din l-unika kawża ta’ estinzjoni, li teħtieġ żewġ ċirkustanzi flimkien li fihom hemm espressement referenza għall-prinċipal, tenfasizza l-importanza tar-rwol ta’ dan ta’ l-aħħar għall-eżistenza tad-dritt tal-kommissjoni.

21

Jirriżulta wkoll mill-Artikoli 7(2), 10(1) u (2), u 11(1) tad-Direttiva, interpretati fil-kuntest ta’ xulxin, li l-aġent kummerċjali jista’ jippretendi l-kommissjoni fuq operazzjoni biss sa fejn il-prinċipal ikun intervjena, direttament jew indirettament, fil-konklużjoni ta’ din l-operazzjoni.

22

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk l-elementi li għandha quddiemha, evalwati fil-kuntest ta’ l-għan ta’ protezzjoni ta’ l-aġent kummerċjali, li jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva (sentenzi tat-30 ta’ April 1998, Bellone, C-215/97, Ġabra p. I-2191, punt 13 ; tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar, C-381/98, Ġabra p. I-9305, punt 20, u tat-23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali, C-465/04, Ġabra p. I-2879, punt 19), kif ukoll fil-kuntest ta’ l-obbligu ta’ lealtà u ta’ bona fide, li l-prinċipal għandu skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva, jippermettulhiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dan l-intervent, li dan l-intervent ikun ta’ natura ġuridika, bħal per eżempju permezz ta’ intermedjarju ta’ rappreżentant, jew fattwali.

23

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, hemm lok li għad-domanda magħmula tingħata t-tweġiba li l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aġent kummerċjali fdat b’żona ġeografika determinata ma għandux dritt għall-kommissjoni fuq operazzjonijiet konklużi minn klijenti li jappartjenu lil din iż-żona ma’ terza persuna fin-nuqqas ta’ intervent, dirett jew indirett, tal-prinċipal.

Fuq l-ispejjeż

24

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aġent kummerċjali fdat b’żona ġeografika determinata ma għandux dritt għall-kommissjoni fuq operazzjonijiet konklużi minn klijenti li jappartjenu lil din iż-żona ma’ terza persuna fin-nuqqas ta’ intervent, dirett jew indirett, tal-prinċipal.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.