European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3099

16.12.2024

DIRETTIVA (UE) 2024/3099 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Novembru 2024

li temenda d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi regoli dwar is-sistema għall-ispezzjonijiet tal-kontroll tal-Istat tal-port, fejn vapuri eliġibbli li jidħlu f'portijiet tal-Unjoni jiġu spezzjonati biex jiġi vverifikat jekk il-kompetenza tal-ekwipaġġ abbord u l-kundizzjoni tal-vapur u t-tagħmir tiegħu jikkonformawx mar-rekwiżiti ta' konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sikurezza tal-ħajja fuq il-baħar , dwar il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fuq il-vapuri ta' kull bandiera.

(2)

Id-Direttiva 2009/16/KE hija bbażata fuq il-ftehim volontarju diġà eżistenti tal-Memorandum ta' Qbil ta' Pariġi dwar il-kontroll tal-Istat tal-port iffirmat fis-26 ta' Jannar 1982 (il-“MtQ ta' Pariġi”) u l-kunċetti ta' piż kondiviż ta' spezzjoni, immirar ibbażat fuq ir-riskju tal-vapuri għall-ispezzjonijiet, spezzjonijiet armonizzati u l-kondiviżjoni tar-riżultati tal-ispezzjoni.

(3)

Minn meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2009/16/KE, kien hemm bidliet fl-ambjent regolatorju internazzjonali, b'mod partikolari fil-MtQ ta' Pariġi u fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), u fl-iżviluppi teknoloġiċi. Jenħtieġ li jitqiesu dawk il-bidliet kif ukoll l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/16/KE.

(4)

Għadd ta' konvenzjonijiet internazzjonali ġew ratifikati mill-Istati Membri u daħlu fis-seħħ mill-2011. Dawn huma l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Kontroll u l-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra u tas-Sedimenti tal-Bastimenti adottata fit-13 ta' Frar 2004 (il-“Konvenzjoni BWM”) u l-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Nairobi dwar it-Tneħħija ta' Fdalijiet ta' Bastimenti adottata fit-18 ta' Mejju 2007 (il-“Konvenzjoni ta' Nairobi”). Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-konvenzjonijiet internazzjonali jiġu inklużi fil-lista ta' Konvenzjonijiet koperti mid-Direttiva 2009/16/KE, biex ikunu jistgħu jiġu infurzati bħala parti mis-sistema ta' kontroll tal-Istat tal-port.

(5)

Sabiex tkun possibbli sistema aġġornata u armonizzata ta' kontroll tal-Istat tal-port, hemm bżonn li jkun hemm mod aktar mgħaġġel biex tiġi aġġornata l-lista ta' konvenzjonijiet internazzjonali infurzati mill-kontroll tal-Istat tal-port mingħajr il-ħtieġa li tiġi emendata d-Direttiva 2009/16/KE fl-intier tagħha. Għalhekk, ladarba jintlaħaq livell maqbul ta' ratifika għal Konvenzjoni internazzjonali, u b'hekk jiġi skattat id-dħul fis-seħħ tagħha, u wara l-adozzjoni tagħha mill-Istati firmatarji tal-MtQ ta' Pariġi bħala strument rilevanti, jenħtieġ li l-lista ta' Konvenzjonijiet imsemmija fid-Direttiva 2009/16/KE tiġi aġġornata mill-Kummissjoni.

(6)

Il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Hong Kong għar-riċiklaġġ tal-vapuri sikur u ambjentalment korrett adottata fil-15 ta' Mejju 2009 (il-“Konvenzjoni ta’ Hong Kong”) ser tidħol fis-seħħ fis-26 ta' Ġunju 2025. Jenħtieġ li d-Direttiva 2009/16/KE tipprevedi l-infurzar ta' dik il-Konvenzjoni.

(7)

Ftehimiet u konvenzjonijiet internazzjonali fis-sajd, bħall-Ftehim ta' Cape Town tal-2012 dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Protokoll tal-1993 relatat mal-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Torremolinos għas-Sikurezza tal-Bastimenti tas-Sajd, 1977 (il-“Ftehim ta' Cape Town”), il-Konvenzjoni 188 tal-2007 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-Xogħol fis-Sajd u l-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1995 dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Persunal tal-Bastimenti tas-Sajd (STCW-F) jistgħu jtejbu s-sikurezza tal-bastimenti tas-sajd u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tas-sajjieda abbord u joħolqu kundizzjonijiet internazzjonali aktar ekwi f'dak is-settur.

(8)

Minħabba d-daqs żgħir tagħhom, il-biċċa l-kbira tal-bastimenti tas-sajd fl-Unjoni joperaw f'ilmijiet territorjali u x'aktarx ma jiġux spezzjonati f'portijiet barranin. Dak ifisser li, b'mod ġenerali, huma l-bastimenti tas-sajd kbar biss, b'tul ta' 24 metru u aktar, waqt li jiġi kkunsidrat it-tul skont kif definit fil-Ftehim ta' Cape Town, li huma wkoll il-bastimenti tas-sajd l-aktar ta' spiss soġġetti għal konvenzjonijiet internazzjonali, li x'aktarx jinvolvu ruħhom f'ilmijiet internazzjonali u jidħlu f'portijiet għajr dawk fil-pajjiż fejn ikunu rreġistrati u għalhekk ikunu soġġetti għall-kontroll tal-Istat tal-port. Peress li l-maġġoranza tal-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli għal bastimenti tas-sajd akbar huma differenti minn dawk li bħalissa huma infurzati permezz tal-kontroll tal-Istat tal-port u biex jiġu evitati effetti kollaterali mhux mixtieqa fuq is-sistema kurrenti ta' kontroll tal-Istat tal-port, jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema parallela u separata ta' kontroll tal-Istat tal-port għall-bastimenti tas-sajd.

(9)

Madankollu, minħabba x-xejriet tas-sajd, mhux l-Istati Membri kollha ssirilhom żjara minn tali bastimenti tas-sajd akbar. Għalhekk, għal dawk l-Istati Membri li jixtiequ jwettqu tali spezzjonijiet, sistema volontarja li hija parallela u separata mir-reġim attwali ta' kontroll tal-Istat tal-port jenħtieġ li tiġi stabbilita sabiex tipprovdi flessibbiltà fil-mod kif l-istandards jiġu żviluppati fil-kontroll tal-Istat tal-port. Għalhekk, tali sistema ta' kontroll tal-Istat tal-port għal bastimenti tas-sajd b'tul ta' 24 metru u aktar tista' tiġi żviluppata b'mod organiku mill-Istati Membri, mill-Istati firmatarji tal-MtQ ta' Pariġi u mill-Kummissjoni mingħajr ma tiġi inkorporata fil-MtQ attwali ta' Pariġi, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-kontroll tal-Istat tal-port fil-portijiet tal-Unjoni li jirċievu tali bastimenti u biex tissaħħaħ is-sikurezza fl-industrija tas-sajd, inkluż is-saħħa u s-sikurezza tas-sajjieda abbord. Għal dan il-għan jenħtieġ li jiġi żviluppat modulu separat għall-bażi tad-data eżistenti għall-ispezzjonijiet. Tali sistema volontarja tista' tgħin lill-Istati Membri fil-kuntest tal-proċedura ta' ratifika tal-Ftehim ta' Cape Town u tħejji għad-dħul fis-seħħ tiegħu, kif awtorizzat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/195/UE (4), sabiex jiġu stabbiliti l-ogħla standards prattikabbli għas-sikurezza ta' bastimenti tas-sajd akbar.

(10)

Il-mekkaniżmu tas-sehem ġust jipprevedi distribuzzjoni tal-piż ta' spezzjoni fost l-Istati firmatarji tal-MtQ ta' Pariġi. Kull Stat firmatarju jingħata ċertu għadd ta' spezzjonijiet. Dak l-għadd jirrappreżenta l-impenn ta' spezzjoni jew is-“sehem ġust” tiegħu, li għandu jitwettaq kull sena. L-eliġibbiltà ta' vapur għall-ispezzjoni hija ddeterminata primarjament mit-tul ta' żmien mill-aħħar spezzjoni, flimkien mal-profil ta' riskju tal-vapur, li jistabbilixxi l-intervalli bejn l-ispezzjonijiet kif ukoll l-ambitu tal-ispezzjonijiet. Vapuri ta’ Prijorita’ II jistgħu jiġu spezzjonati filwaqt li vapuri ta’ Prijorita’ I għandhom jiġu spezzjonati.

(11)

Jenħtieġ li jkun permess li l-Istati Membri ma jwettqux ċertu għadd ta' spezzjonijiet ta' “Prijorità” mingħajr ma jkollhom impatt fuq il-konformità mal-impenn ta' spezzjoni tagħhom. Għal xi Stati Membri, l-għadd ta' vapuri ta’ Prijorita’ li fil-fatt jidħlu fil-port tagħhom matul sena partikolari jista' jew jaqbeż jew ikun inqas mill-impenn ta' spezzjoni allokat. Metodu alternattiv ta' konformità mal-mekkaniżmu tas-sehem ġust għal dawk l-Istati Membri (mgħobbija żżejjed jew mhux mgħobbija biżżejjed) instab li ma kienx flessibbli, u għalhekk huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati jiġu allinjati ma' dawk tal-MtQ ta' Pariġi.

(12)

L-Istati Membri jistgħu wkoll jipposponu l-ispezzjonijiet tal-vapuri f'ċerti ċirkostanzi, dment li l-vapur jiġi spezzjonat fil-port tal-waqfa li jmiss jew fi żmien 15-il jum. Jenħtieġ li dik il-possibbiltà tiġi adattata sabiex l-Istati Membri kollha jkollhom il-possibbiltà li jagħmlu użu minnha. Ċerti kategoriji ta' vapuri li huma perċepiti li jippreżentaw riskju ogħla, u li għalhekk huma eliġibbli għal spezzjoni estiża, huma meħtieġa li jinnotifikaw il-ħin stmat tal-wasla tagħhom f'port 72 siegħa qabel il-wasla tagħhom. Madankollu, wara għadd ta' snin, ġie konkluż li dak l-obbligu kien ta' piż kbir wisq fuq l-operaturi u ma żied l-ebda valur peress li l-informazzjoni dwar il-ħin stmat tal-wasla diġà hija aktar faċilment disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali fil-bażi tad-data THETIS. Abbażi ta' dan, il-MtQ ta' Pariġi abolixxa l-obbligu ta' notifika ta' qabel il-wasla u jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva 2009/16/KE tiġi allinjata kif xieraq.

(13)

F'ċirkostanzi normali, l-ispezzjonijiet tal-vapuri ta' Prijorità II mhumiex obbligatorji, iżda fakultattivi. Madankollu, hemm bżonn li l-Istati Membri li ma jirċevux biżżejjed waqfiet ta' vapuri li huma eliġibbli għall-ispezzjoni biex jissodisfaw l-impenn annwali tagħhom jispezzjonaw il-vapuri ta' Prijorità II sabiex jilħqu l-impenn annwali tagħhom ta' spezzjonijiet. Peress li, għal dawk l-Istati Membri, dawk l-ispezzjonijiet isiru spezzjonijiet obbligatorji de facto, tista' tkun meħtieġa aktar flessibbiltà għall-ispezzjonijiet tal-vapuri ta' Prijorità II, speċifikament għal tali Stati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li jkun possibbli li tali Stati Membri jipposponu dawk l-ispezzjonijiet dment li huma jiġġustifikaw tali posponiment.

(14)

Jekk spezzjoni ma titwettaqx minħabba ċirkostanzi straordinarji u mhux previsti, li jagħmluha impossibbli li titwettaq spezzjoni, bħal diżastru naturali, pandemija, emerġenza tas-saħħa pubblika jew attakk terroristiku, jenħtieġ li din ma tingħaddx bħala spezzjoni maqbuża. Jenħtieġ li dawn iċ-ċirkostanzi jkunu debitament ġustifikati u rrapportati lill-Kummissjoni.

(15)

Matul l-aħħar għaxar snin u minkejja ż-żidiet fl-għadd ta' bastimenti li jidħlu il-portijiet tal-Unjoni, inkluż it-trasport marittimu fuq distanzi qosra ta' merkanzija bejn il-portijiet ewlenin fl-Istati Membri u l-portijiet li jinsabu fl-Ewropa ġeografika jew f'pajjiżi mhux Ewropej fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, il-profil tas-sikurezza tal-vapuri li jidħlu fil-portijiet tal-Unjoni tjieb. L-ispezzjonijiet tal-kontroll tal-Istat tal-port qegħdin jintużaw dejjem aktar biex jiġu infurzati l-liġijiet ambjentali, bħal fir-rigward tal-emissjonijiet tal-kubrit jew ir-riċiklaġġ tal-vapuri sikur u ambjentalment korrett. F'dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Unjoni, f'konformità mal-impenji tagħha relatati mal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, tkompli teżerċita t-tmexxija tagħha f'settur regolat kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak internazzjonali. Madankollu, il-profil ta' riskju tal-vapuri mfassal qabel l-2009 kellu prijoritajiet differenti u mhuwiex adattat bis-sħiħ biex jiffoka fuq l-isforz ta' spezzjoni fuq il-vapuri bl-inqas prestazzjoni ambjentali. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-profil ta' riskju tal-vapur jiġi aġġornat biex jirrifletti kwistjonijiet ambjentali billi tingħata aktar importanza lill-prestazzjoni ambjentali tal-vapuri.

(16)

Wara li l-OMI tkun ikkonkludiet ir-reviżjoni tal-indikatur tal-intensità tal-karbonju (CII) tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-adegwatezza ta’ dak is-CII bħala parametru ambjentali użat għad-determinazzjoni tal-profil ta' riskju ta' tali vapur skont id-Direttiva 2009/16/KE u tikkunsidra proposta leġiżlattiva, kif xieraq.

(17)

Fl-2019 ġiet adottata metodoloġija ġdida skont l-MtQ ta' Pariġi, li tistabbilixxi listi ta' prestazzjoni għolja, medja u baxxa, bħala alternattiva għal-lista bajda, dik griża u dik sewda tal-Istati tal-bandiera. Meta jiġu adottati l-atti ta' implimentazzjoni rilevanti, jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lil dik il-metodoloġija, li tistabbilixxi kategorizzazzjoni tal-Istati tal-bandiera. L-implimentazzjoni, skont din id-Direttiva, ta’ dik il-metodoloġija jenħtieġ li tiżgura ġustizzja, b'mod partikolari fir-rigward tal-mod kif Stati tal-bandiera bi flotot żgħar huma trattati.

(18)

Peress li l-uffiċjali tal-kontroll tal-Istat tal-port jeħtieġu ż-żmien biex iħejju u jwettqu l-ispezzjonijiet, huwa importanti li jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed ħin disponibbli. Dak huwa partikolarment rilevanti fil-każ ta' spezzjonijiet estiżi, u għal spezzjonijiet ta' vapuri ro-ro tal-passiġġieri f'servizz regolari, fejn tista' tiġi kkunsidrata l-operazzjoni tal-bastiment.

(19)

Minħabba l-ambitu tal-ispezzjonijiet estiżi, jenħtieġ li dawn jitwettqu minn tal-inqas żewġ spetturi tal-kontroll tal-Istat tal-port. Fejn dak ma jkunx possibbli għal raġunijiet oġġettivi, bħall-ispeċifiċitajiet tal-port (persunal limitat, problemi ta' aċċessibbiltà), minħabba li l-avviż għall-wasla kien qasir wisq jew minħabba li l-ispezzjoni estiża ssir meħtieġa minħabba fatturi mhux mistennija jew prevalenti, jenħtieġ li r-raġunijiet jiġu rreġistrati kif xieraq.

(20)

Id-diġitalizzazzjoni hija parti integrali mill-progress teknoloġiku fil-qasam tal-ġbir tad-data u l-komunikazzjoni, bil-ħsieb li tgħin biex jitnaqqsu l-kostijiet u biex ir-riżorsi umani jintużaw b'effiċjenza. L-għadd ta' vapuri li bħalissa jġorru ċertifikati elettroniċi qiegħed jiżdied u mistenni li jiżdied. Għalhekk, jenħtieġ li l-effettività tal-kontroll tal-Istat tal-port tissaħħaħ billi jsir użu akbar miċ-ċertifikati elettroniċi, biex ikunu jistgħu jsiru spezzjonijiet aktar iffukati fuq il-vapuri u mħejjija aħjar.

(21)

Il-kontroll tal-Istat tal-port qed jiżdied fil-kumplessità hekk kif jiżdiedu rekwiżiti ġodda ta' spezzjoni, jew skont id-dritt tal-Unjoni jew mill-OMI bħala xhieda tal-interkonnessjoni mill-qrib bejn is-saħħa, is-sikurezza, is-sigurtà u l-kunsiderazzjonijiet soċjali. Għalhekk hemm bżonn li jiġi żgurat it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid ta’ uffiċjali tal-kontroll tal-Istat tal-port u li t-taħriġ tagħhom jiġi żviluppat kontinwament. Dak ser jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati tal-port jivverifikaw il-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli dwar is-sikurezza u s-sigurtà marittima, dwar il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord, fir-rigward tal-vapuri li jidħlu fil-portijiet tagħhom. Fit-twettiq ta' tali attivitajiet ta' monitoraġġ, jenħtieġ li l-Istat tal-port ma jinterferixxix mal-kompetenzi tal-Istat tal-bandiera, kif stabbilit fid-Direttiva 2013/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(22)

L-amministrazzjonijiet tal-Istati tal-bandiera tal-Istati Membri huma meħtieġa, f'konformità mad-Direttiva 2009/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li jkollhom sistema ta' ġestjoni tal-kwalità sabiex jgħinu lill-Istati Membri jkomplu jtejbu l-prestazzjoni tagħhom bħala Stati tal-bandiera u jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti bejn l-amministrazzjonijiet. Jenħtieġ li rekwiżit simili għall-amministrazzjonijiet tal-kontroll tal-Istat tal-port jippermetti lill-Istati Membri jiċċertifikaw li l-organizzazzjoni ta' dawk l-amministrazzjonijiet, kif ukoll il-politiki, il-proċessi, ir-riżorsi u d-dokumentazzjoni tagħhom huma xierqa biex jintlaħqu l-objettivi ta' din id-Direttiva. Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jimplimentaw dak ir-rekwiżit, jenħtieġ li ċ-ċertifikazzjoni ta' dik is-sistema ta' ġestjoni tal-kwalità tiġi allinjata mal-intervall tal-awditjar tas-soltu għas-sistema li diġà teżisti skont id-Direttiva 2009/21/KE.

(23)

Sabiex l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16/KE tkun tista' tiġi aġġornata biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali f'konformità ma' dik id-Direttiva, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-aġġornament tal-lista ta’ Konvenzjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16/KE u li temenda l-lista ta' proċeduri u linji gwida relatati mal-kontroll tal-Istat tal-port adottati skont l-MtQ ta' Pariġi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (7). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(24)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/16/KE dwar il-lista ta' Konvenzjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Anness VII dwar spezzjonijiet estiżi, is-sett uniformi ta' linji gwida u proċeduri dwar is-sikurezza u s-sigurtà, kif ukoll ir-rekwiżiti għaċ-ċertifikati elettroniċi, jenħtieġ li tingħata setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(25)

Fid-dawl taċ-ċiklu sħiħ ta' monitoraġġ taż-żjarat fl-Istati Membri mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) biex timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/16/KE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni ta' dik id-Direttiva għall-ewwel darba mhux aktar tard minn 5 snin wara d-data tat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva emendatorja u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwarha. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiġbru l-informazzjoni kollha meħtieġa għal dik l-evalwazzjoni. Jenħtieġ li evalwazzjonijiet sussegwenti jsiru f'intervalli ta' 5 snin.

(26)

Minħabba li l-objettivi ta' din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba n-natura internazzjonali tat-trasport marittimu iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-effetti tan-network tal-Istati Membri li jaġixxu flimkien, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(27)

Sabiex ma jiġix sfurzat piż amministrattiv sproporzjonat fuq Stati Membri mingħajr kosta, jenħtieġ li regola de minimis tippermetti lil tali Stati Membri jidderogaw mill-obbligu li jittrasponu u jimplimentaw din id-Direttiva, dment li jissodisfaw ċerti kriterji.

(28)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2009/16/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2009/16/KE

Id-Direttiva 2009/16/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2, l-ewwel paragrafu, huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, 1978 (‘il-Konvenzjoni STCW’);”

;

(ii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(l)

il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Kontroll u l-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra u tas-Sedimenti tal-Bastimenti, 2004 (‘il-Konvenzjoni BWM’);

(m)

il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Nairobi dwar it-Tneħħija ta' Fdalijiet ta' Bastimenti, 2007 (‘il-Konvenzjoni ta' Nairobi’);

(n)

il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Hong Kong tal-2009 għar-Riċiklaġġ tal-Vapuri Sikur u li jirrispetta l-Ambjent, 2009 (‘il-Konvenzjoni ta' Hong Kong’).”

;

(b)

jitħassar il-punt 3;

(c)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“8a.

‘Spezzjoni’ tfisser verifika tal-kundizzjoni tal-vapur, it-tagħmir tiegħu u l-ekwipaġġ tiegħu, abbażi tal-Konvenzjonijiet applikabbli u mwettqa minn spettur. L-ispezzjoni mhijiex stħarriġ għall-ħruġ, l-approvazzjoni jew it-tiġdid taċ-ċertifikati statutorji, u r-rapport tal-ispezzjoni li jirriżulta pprovdut lill-kaptan tal-vapur mhuwiex ċertifikat.”

;

(d)

il-punti 11, 12 u 13 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“11.

‘Spezzjoni inizjali’ tfisser spezzjoni abbord vapur minn spettur, inkluż mill-inqas il-verifiki meħtieġa skont l-Artikolu 13(1).

12.

‘Spezzjoni aktar dettaljata’ tfisser spezzjoni li tinkludi l-elementi ta’ spezzjoni inizjali fejn il-vapur u t-tagħmir u l-ekwipaġġ tiegħu fis-sħuħija tagħhom jew, kif xieraq, partijiet minnhom, ikunu soġġetti, fiċ-ċirkostanzi speċifikati fl-Artikolu 13(3), għal eżami dettaljat li jkopri l-kostruzzjoni, it-tagħmir, l-ekwipaġġ tal-vapur, il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u l-konformità ma' proċeduri operazzjonali ta' abbord.

13.

‘Spezzjoni estiża’ tfisser spezzjoni li tinkludi mill-inqas l-oġġetti elenkati fl-Anness VII u l-elementi ta' spezzjoni inizjali. Spezzjoni estiża tista' tinkludi spezzjoni aktar dettaljata kull meta jkun hemm raġunijiet ċari f'konformità mal-Artikolu 13(3).”

;

(e)

il-paragrafu 20 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“20.

‘Ċertifikat statutorju’ tfisser ċertifikat maħruġ minn jew f'isem Stat tal-bandiera f'konformità mal-Konvenzjonijiet applikabbli.”

;

(2)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“3.   Meta jispezzjonaw vapur li jtajjar bandiera ta' Stat li mhijiex parti għal Konvenzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trattament ta' dak il-vapur u l-ekwipaġġ tiegħu mhuwiex aktar favorevoli għal dak ta' vapur li jtajjar bandiera ta' Stat parti għal dik il-Konvenzjoni. Tali vapur għandu jkun soġġett għal spezzjoni aktar dettaljata f'konformità mal-proċeduri stabbiliti skont l-MtQ ta' Pariġi. Madankollu, vapur li jtajjar il-bandiera ta' Stat li mhuwiex parti mis-CLC 92, il-Konvenzjoni dwar il-Bunkers, 2001, jew il-Konvenzjoni ta' Nairobi ma għandux awtomatikament ikun soġġett għal spezzjoni aktar dettaljata jekk dak il-vapur iġorr iċ-ċertifikat rilevanti maħruġ minn Stat li huwa parti għal dawk il-konvenzjonijiet u l-ispettur li jwettaq l-ispezzjoni jiddeċiedi li spezzjoni aktar dettaljata ma tkunx meħtieġa. Dik id-deċiżjoni u r-raġunijiet għalija għandhom jiġu rreġistrati fil-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet.

4.   Bastimenti tas-sajd b'tul inqas minn 24 metru, vapuri tal-gwerra, awżiljarji navali, vapuri tal-injam b'binja primittiva, vapuri tal-gvern użati għal finijiet mhux kummerċjali u jottijiet għal skopijiet ta' divertiment li ma jkunux involuti fil-kummerċ għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, it-tul ta' bastiment tas-sajd għandu jiġi ddeterminat f'konformità mal-Ftehim ta' Cape Town tal-2012 dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Protokoll tal-1993 dwar il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Torremolinos għas-Sikurezza tal-Bastimenti tas-Sajd, 1977.”

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   L-Istati Membri jistgħu jwettqu spezzjonijiet ta' kontroll tal-Istat tal-port ta' bastimenti tas-sajd b'tul ta' 24 metru jew aktar. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati firmatarji għall-MtQ ta' Pariġi, tista' tadotta linji gwida li jistabbilixxu l-arranġamenti dettaljati ta' tali reġim speċifiku ta' kontroll tal-Istat tal-port parallel u separat għal dawk il-bastimenti tas-sajd.”

;

(3)

fl-Artikolu 5, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   L-ispezzjonijiet ta' vapuri mwettqa minn Stat Membru li jaqbżu l-impenn annwali ta' spezzjoni ta' dak l-Istat Membru b'20 % jew aktar ma għandhomx jitqiesu meta jiġu kkalkulati l-impenji annwali ta' spezzjoni tal-partijiet għall-MtQ ta' Pariġi.”

;

(4)

l-Artikolu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 6

Arranġamenti dettaljati għal konformità mal-impenn ta' spezzjoni

1.   Stat Membru li jonqos milli jwettaq l-ispezzjonijiet meħtieġa skont l-Artikolu 5(2), il-punt (a), għandu madankollu, jitqies li jikkonforma ma' dak ir-rekwiżit jekk tali spezzjonijiet maqbuża ma jammontawx għal aktar minn l-10 % tal-għadd totali ta' vapuri ta' Prijorità I li jidħlu fil-portijiet u fl-ankraġġi tiegħu, irrispettivament mill-profil tar-riskju tagħhom.

2.   Minkejja l-perċentwal ta' spezzjonijiet maqbuża msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw l-ispezzjoni ta' vapuri li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet, jidħlu fil-portijiet fl-Unjoni b'mod mhux frekwenti.

3.   Minkejja l-perċentwal ta' spezzjonijiet maqbuża msemmija fil-paragrafu 1, għal vapuri ta' Prijorità I li jidħlu fl-ankraġġi, l-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw l-ispezzjoni ta' vapuri bi profil ta' riskju għoli li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet, jidħlu fil-portijiet fl-Unjoni b'mod mhux frekwenti.”

;

(5)

fl-Artikolu 7, it-titolu u l-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 7

Arranġamenti dettaljati għal impenn ta' spezzjoni bilanċjat madwar l-Unjoni

1.   Stat Membru li fih l-għadd totali ta' waqfiet ta' vapuri ta' Prijorità I jaqbeż is-sehem ta' spezzjoni tiegħu msemmi fl-Artikolu 5(2), il-punt (b), għandu jiġi kkunsidrat konformi mal-impenn annwali ta' spezzjoni tiegħu jekk in-numru ta' spezzjonijiet imwettqa minn dak l-Istat Membru jikkorrispondi tal-inqas mas-sehem ta' spezzjoni tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 5(2), il-punt (b), u dak l-Istat Membru ma jaqbiżx aktar minn 40 % tan-numru totali ta' vapuri ta' Prijorità I li jidħlu fil-portijiet u l-ankraġġi tiegħu.

2.   Stat Membru li fih l-għadd totali ta' waqfiet ta' vapuri ta' Prijorità I u ta' Prijorità II ikun inqas minn 150 % tas-sehem ta' spezzjoni msemmi fl-Artikolu 5(2), il-punt (b), għandu madankollu jitqies bħala li jikkonforma mal-impenn annwali ta' spezzjoni tiegħu jekk dak l-Istat Membru jwettaq spezzjonijiet ta' żewġ terzi tal-vapuri ta' Prijorità I u ta' Prijorità II tal-għadd totali ta' vapuri ta' Prijorità I u ta' Prijorità II li jidħlu fil-portijiet u fl-ankraġġi tiegħu.”

;

(6)

L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Stat Membru jista' jiddeċiedi li jipposponi l-ispezzjoni ta' vapur ta' Prijorità I jew Prijorità II fi kwalunkwe ċirkostanzi minn dawn li ġejjin:

(a)

jekk l-ispezzjoni tista' titwettaq fi kwalunkwe waqfa sussegwenti tal-vapur fl-istess Stat Membru fi żmien 15-il jum tal-ħin attwali tat-tluq, dment li sadanittant il-vapur ma jidħolx f'kwalunkwe port ieħor fl-Unjoni jew fir-reġjun tal-MtQ ta' Pariġi, minbarra kwalunkwe port tal-Istat tal-bandiera tal-vapur;

(b)

jekk l-ispezzjoni tista' titwettaq f'port ieħor tal-waqfa fl-Unjoni jew fir-reġjun tal-MtQ ta' Pariġi fi żmien 15-il jum tal-ħin attwali tat-tluq, dment li l-Istat li fih jinsab it-tali port tal-waqfa jkun qabel bil-quddiem li jwettaq dik l-ispezzjoni; jew

(c)

jekk l-ispezzjoni ta' vapur, inkluż vapuri ro-ro tal-passiġġieri jew inġenju ta' veloċità għolja għall-passiġġieri li joperaw f'servizz regolari, tista' titwettaq fl-istess port tal-waqfa fi żmien 15-il jum tal-ħin attwali tat-tluq.

Meta Stat Membru jiddeċiedi li jipposponi spezzjoni skont l-ewwel subparagrafu, dik l-ispezzjoni posposta ma għandhiex tgħodd għall-konformità ta' dak l-Istat Membru mal-impenn annwali tiegħu ta' spezzjoni msemmi fl-Artikoli 6 u 7 jekk l-ispezzjoni posposta tiġi rreġistrata bħala tali fil-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet.

2.   Meta ma titwettaqx spezzjoni fuq vapur ta' Prijorità I jew Prijorità II minħabba raġunijiet operazzjonali, din ma għandhiex tingħadd bħala spezzjoni maqbuża, dment li r-raġuni għaliex ma twettqitx l-ispezzjoni tiġi rreġistrata fil-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet u jekk tapplika kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti tqis li l-ispezzjoni toħloq riskju għas-sikurezza tal-ispetturi, tal-vapur jew tal-ekwipaġġ tiegħu, jew għall-port, jew għall-ambjent tal-baħar;

(b)

il-waqfa ta' vapur f'port issir biss matul il-lejl; jew

(c)

it-tul ta' żmien tal-waqfa ta' vapur jkun qasir wisq biex l-ispezzjoni titwettaq b'mod sodisfaċenti.

Fejn japplikaw iċ-ċirkostanzi skont il-punt (b), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-vapuri li jidħlu regolarment bil-lejl jiġu spezzjonati kif xieraq.

3.   Jekk ma titwettaqx spezzjoni fuq vapur f'ankraġġ, hija ma għandhiex tingħadd bħala spezzjoni maqbuża jekk:

(a)

il-vapur ikun spezzjonat f'port jew ankraġġ ieħor fl-Unjoni jew fir-reġjun tal-MtQ ta' Pariġi f'konformità mal-Anness I fi żmien 15-il jum mill-ħin attwali tat-tluq;

(b)

id-dħul tal-vapur fil-port issir biss bil-lejl jew it-tul ta żmien tal-waqfa jkun qasir wisq biex l-ispezzjoni titwettaq b'mod sodisfaċenti, u r-raġuni għaliex l-ispezzjoni ma twettqitx tiġi rreġistrata fil-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet; jew

(c)

l-awtorità kompetenti tqis li l-ispezzjoni toħloq riskju għas-sikurezza tal-ispetturi, tal-vapur jew tal-ekwipaġġ tiegħu, jew għall-port jew għall-ambjent tal-baħar, u r-raġuni għaliex ma tkunx saret l-ispezzjoni tiġi rreġistrata fil-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet.”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Jekk spezzjoni ma titwettaqx minħabba ċirkostanzi straordinarji u imprevisti, din ma għandhiex titqies bħala spezzjoni maqbuża u r-raġuni għaliex l-ispezzjoni ma tkunx twettqet għandha tiġi rreġistrata fil-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet. Dawn iċ-ċirkostanzi għandhom ikunu debitament ġustifikati u rrapportati lill-Kummissjoni.”

;

(7)

jitħassar l-Artikolu 9;

(8)

fl-Artikolu 10, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“2.   Il-profil ta' riskju ta' vapur għandu jiġi determinat b'taħlita ta' parametri tar-riskju ġeneriċi, storiċi u ambjentali kif ġej:

(a)

Parametri ġeneriċi

Il-parametri ġeneriċi għandhom ikunu bbażati fuq it-tip, l-età, il-bandiera, l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti involuti u l-prestazzjoni tal-kumpanija f'konformità mal-Anness I, il-Parti I.1, u l-Anness II.

(b)

Parametri storiċi

Il-parametri storiċi għandhom ikunu bbażati fuq l-għadd ta' nuqqasijiet u detenzjonijiet matul perjodu partikolari f'konformità mal-Anness I, il-Parti I.2, u l-Anness II.

(c)

Parametri ambjentali

Il-parametri ambjentali għandhom ikunu bbażati fuq l-għadd ta' nuqqasijiet relatati mal-Marpol 73/78, l-AFS 2001, il-Konvenzjoni BWM, is-CLC 92, il-Konvenzjoni dwar il-Bunkers, 2001, il-Konvenzjoni ta' Nairobi u l-Konvenzjoni ta' Hong Kong f'konformità mal-Anness I, il-Parti I.3, u l-Anness II.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-metodoloġija għall-konsiderazzjoni ta' parametri tar-riskju ġeneriċi relatati b'mod partikolari mal-kriterji tal-Istat tal-bandiera u mal-kriterji ta' prestazzjoni ta' kumpanija adottati skont l-MtQ ta' Pariġi fl-2019 li jistabbilixxi listi ta' prestazzjoni għolja, medja jew baxxa. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).”

;

(9)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

ikun sodisfatt bil-kundizzjoni ġenerali, inkluż l-iġjene tal-vapur, inkluż il-kamra tal-magna u l-akkomodazzjoni.”

;

(b)

il-paragrafu 2 jitħassar;

(10)

L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-kategoriji li ġejjin ta' vapuri huma eliġibbli għal spezzjoni estiża f'konformità mal-Anness I, il-Parti II, 3A u 3B:

(a)

vapuri bi profil għoli ta' riskju;

(b)

vapuri tal-passiġġieri, trasportaturi ta' tagħbija bl-ingrossa, tankers taż-żejt, trasportaturi tal-gass, tankers ta' sustanzi likwidi noċivi (NLS) jew tankers tal-kimika, li għandhom aktar minn 12-il sena;

(c)

vapuri bi profil ta' riskju għoli jew vapuri tal-passiġġieri, trasportaturi ta' tagħbija bl-ingrossa, tankers taż-żejt, trasportaturi tal-gass, tankers tal-NLS jew tankers tal-kimika, li għandhom aktar minn 12-il sena, f'każijiet ta' fatturi prevalenti jew mhux mistennijin;

(d)

vapuri soġġetti għal spezzjoni wara ordni ta' rifjut tal-aċċess maħruġa f'konformità mal-Artikolu 16 u mal-Artikolu 21(4).”

;

(b)

il-paragrafu 3 jitħassar;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Spezzjoni estiża għandha titwettaq, kemm jista' jkun, minn mhux inqas minn żewġ spetturi tal-kontroll tal-Istat tal-port. Jekk dan ma jkunx possibbli, ir-raġunijiet għandhom jiġu rreġistrati kif xieraq fil-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet. L-ambitu ta' spezzjoni estiża, inkluż l-oqsma ta' riskju li għandhom jiġu koperti, huwa stabbilit fl-Anness VII. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu arranġamenti dettaljati biex tiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tal-Anness VII. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).”

;

(11)

L-Artikolu 14a huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-Artikolu 11, il-punt (a) u l-Artikolu 14 ma għandhomx japplikaw għal vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta' veloċità għolja għall-passiġġieri f'servizz regolari li jiġu spezzjonati skont dan l-Artikolu.”

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   L-operatur jew il-kaptan tal-vapur għandu jiżgura li hemm biżżejjed ħin disponibbli fl-iskeda tal-operat biex ikunu jistgħu jitwettqu l-ispezzjonijiet previsti fil-punt 1.1 u fil-punt 2(a) tal-Anness XVII.”

;

(12)

L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi minn 1 sa 4 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Stat Membru għandu jirrifjuta l-aċċess għall-portijiet u l-ankraġġi tiegħu lil kwalunkwe vapur li:

(a)

itajjar il-bandiera ta' Stat li jidher fuq il-lista ta' prestazzjoni baxxa, adottata f'konformità mal-MtQ ta' Pariġi abbażi ta' informazzjoni rreġistrata fil-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet u kif ippubblikata kull sena mill-Kummissjoni, u li jkun inżamm aktar minn darbtejn matul is-36 xahar preċedenti f'port jew f'ankraġġ ta' Stat Membru jew ta' Stat firmatarju għall-MtQ ta' Pariġi; jew

(b)

itajjar il-bandiera ta' Stat li jidher fuq il-lista ta' prestazzjoni għolja jew medja, adottata f'konformità mal-MtQ ta' Pariġi abbażi ta' informazzjoni rreġistrata fil-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet u kif ippubblikata kull sena mill-Kummissjoni, u li jkun inżamm aktar minn darbtejn matul l-24 xahar preċedenti f'port jew f'ankraġġ ta' Stat Membru jew ta' Stat firmatarju għall-MtQ ta' Pariġi.

L-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma għandux japplika fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 21(6).

Ir-rifjut tal-aċċess għandu jkun applikabbli malli l-vapur iħalli l-port jew l-ankraġġ fejn ikun ġie soġġett għat-tielet detenzjoni u fejn tkun inħarġet ordni ta' rifjut tal-aċċess.

2.   L-ordni ta' rifjut tal-aċċess għandha titneħħa biss wara li jkun għadda perjodu ta' tliet xhur mid-data tal-ħruġ dik l-ordni u meta l-kundizzjonijiet elenkati fil-punti 3 sa 6 tal-Anness VIII jkunu ġew sodisfatti.

Jekk il-vapur huwa soġġett għat-tieni ordni ta’ rifjut tal-aċċess, dik l-ordni ta’ rifjut tal-aċċess għandha titneħħa biss wara perijodu ta' 12-il xahar.

3.   Kwalunkwe detenzjoni sussegwenti f'port jew f'ankraġġ ta' Stat Membru jew ta' Stat firmatarju għall-MtQ ta' Pariġi għandha tirriżulta fil-fatt li l-vapur jiġi rrifjutat l-aċċess għal kwalunkwe port jew ankraġġ fl-Unjoni. Tali tielet ordni ta' rifjut tal-aċċess tista' titneħħa wara li jkun għadda perjodu ta' 24 xahar mid-data tal-ħruġ ta' dik l-ordni u biss jekk:

(a)

il-vapur itajjar il-bandiera ta' Stat li r-rata tad-detenzjoni tiegħu la tidher fuq il-lista ta' prestazzjoni baxxa u lanqas fuq il-lista ta' prestazzjoni medja;

(b)

iċ-ċertifikati statutorji u ta' klassifikazzjoni tal-vapur jinħarġu minn organizzazzjoni jew minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(c)

il-vapur huwa ġestit minn kumpanija bi prestazzjoni għolja skont l-Anness I, il-Parti I.1; u

(d)

jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet elenkati fil-punti 3 sa 6 tal-Anness VIII.

Kwalunkwe vapur li ma jissodisfax il-kriterji elenkati fl-ewwel subparagrafu, wara li jkun għadda perjodu ta' 24 xahar mid-data tal-ħruġ tal-ordni ta' rifjut tal-aċċess, għandu jiġi rrifjutat permanentement l-aċċess għal kwalunkwe port jew ankraġġ fl-Unjoni.

4.   Kwalunkwe detenzjoni sussegwenti wara t-tielet ordni ta' rifjut tal-aċċess, f'port jew ankraġġ fl-Unjoni, ta' vapur li jtajjar il-bandiera ta' Stat li jidher fuq il-lista ta' prestazzjoni medja jew baxxa, għandha twassal biex il-vapur jiġi rrifjutat permanentement l-aċċess għal kwalunkwe port jew ankraġġ fl-Unjoni.

(*1)  Ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11).”;"

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“4a.   Vapur li jtajjar il-bandiera ta' Stat li jidher fuq il-lista ta' prestazzjoni għolja, u li ġie rrifjutat l-aċċess tliet darbiet jew aktar u li jinżamm f'port jew ankraġġ tal-Unjoni fiż-żmien tal-ewwel spezzjoni tiegħu fl-Unjoni minn dak it-tielet rifjut tal-aċċess jew minn kwalunkwe rifjut tal-aċċess sussegwenti, għandu:

(a)

jiġi rrifjutat l-aċċess għal kwalunkwe port jew ankraġġ tal-Unjoni għal perjodu ta' 24 xahar, jekk iċ-ċertifikati statutorji u ta' klassifikazzjoni tal-vapur jinħarġu minn organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet rikonoxxuti skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009;

(b)

jiġi rrifjutat permanentement l-aċċess għal kwalunkwe port jew ankraġġ tal-Unjoni jekk iċ-ċertifikati statutorji u ta' klassifikazzjoni tal-vapur ma jinħarġux minn organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet rikonoxxuti skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009.

4b.   Ir-rifjut ta' perjodi ta' aċċess għal detenzjonijiet multipli għandu jiġi estiż bi 12-il xahar f’każijiet fejn tapplika miżura ta' rifjut tal-aċċess f'konformità mal-Artikolu 21(4).”

;

(13)

fl-Artikolu 17, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Hekk kif titlesta spezzjoni, l-ispettur għandu jfassal rapport ta' spezzjoni f'konformità mal-Anness IX. Il-kaptan tal-vapur għandu jingħata kopja tar-rapport tal-ispezzjoni.”

;

(14)

fl-Artikolu 19, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Jekk l-ispezzjoni turi li l-vapur mhuwiex mgħammar b'reġistratur tat-tagħrif dwar il-vjaġġ li jkun jiffunzjona, u l-użu ta' tali reġistratur jkun obbligatorju f'konformità mad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-vapur jinżamm.

(*2)  Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).”;"

(15)

fl-Artikolu 20, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Is-sid jew l-operatur ta' vapur jew ir-rappreżentant tas-sid jew tal-operatur fl-Istat Membru għandu jkollu dritt ta' appell kontra kwalunkwe detenzjoni jew rifjut tal-aċċess mill-awtorità kompetenti. Appell ma għandux iġib is-sospensjoni tad-detenzjoni jew tar-rifjut tal-aċċess.”

;

(16)

L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-aċċess għal kwalunkwe port jew ankraġġ fl-Unjoni jiġi rrifjutat għall-vapuri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u għal vapuri miżmuma kif imsemmija fl-Artikolu 19(2), li:

(a)

jipproċedu lejn il-baħar mingħajr ma jikkonformaw mal-kundizzjonijiet determinati mill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru fil-port ta' spezzjoni; jew

(b)

jingħataw il-permess li jipproċedu lejn il-baħar bil-patt u l-kundizzjoni li jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli tal-Konvenzjonijiet billi sussegwentement jidħlu fil-baċir indikat għat-tiswija skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, iżda jonqsu milli jagħmlu dan.

L-ordni ta' rifjut tal-aċċess għandha ssir applikabbli mid-data tal-ħruġ tagħha. L-ordni ta' rifjut tal-aċċess għandha titneħħa biss wara li jkun għadda perjodu ta' 12-il xahar mid-data tal-ħruġ ta' dik l-ordni u meta l-kundizzjonijiet elenkati fil-punti 3 sa 6 tal-Anness VIII, ikunu ġew sodisfatti.”

;

(b)

il-paragrafi 5 u 6 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“5.   Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-vapur instab li kien difettuż għandha tinforma immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha.

Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab il-baċir għat-tiswija għandha tinforma lill-awtorità tal-Istat Membru fejn il-vapur ikun instab li huwa difettuż jekk dan wasalx. Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-vapur ikun instab li huwa difettuż issir taf li l-vapur ma jkunx daħal f'dak il-baċir għat-tiswija, din għandha minnufih tavża lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kollha.

Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), jekk il-baċir għat-tiswija indikat skont il-paragrafu 1 ma jkunx fi Stat Membru u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-vapur ikun instab li huwa difettuż issir taf li l-vapur ma jkunx daħal f'dak il-baċir għat-tiswija, din għandha minnufih tavża lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kollha.

Qabel ma jirrifjuta l-aċċess għall-vapur, l-Istat Membru jista' jitlob konsultazzjonijiet mal-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera tal-vapur ikkonċernat.

6.   B'deroga mill-paragrafu 4, vapur jista' jingħata aċċess kif imsemmi f'dak il-paragrafu għal port jew ankraġġ speċifiku mill-awtorità rilevanti ta' dak l-Istat tal-port fil-każ ta' forza maġġuri jew konsiderazzjonijiet prevalenti ta' sikurezza, biex jitnaqqas jew jiġi mminimizzat ir-riskju ta' tniġġis jew jiġu rettifikati n-nuqqasijiet f'konformità mal-paragrafu 1, dment li s-sid, l-operatur jew il-kaptan tal-bastiment ikun implimenta miżuri adegwati biex jiżgura d-dħul sikur tal-vapur ikkonċernat f'dak il-port jew ankraġġ għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru.”

;

(17)

fl-Artikolu 22, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“7.   F'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-Istati firmatarji għall-MtQ ta' Pariġi u abbażi tal-għarfien espert u esperjenza miksuba fil-livell tal-Istati Membri fl-Unjoni u skont l-MtQ ta' Pariġi, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa programm ta' taħriġ professjonali biex tappoġġa t-taħriġ u l-valutazzjoni tal-kompetenzi tal-ispetturi tal-kontroll tal-Istat tal-port mill-Istati Membri sabiex tikkomplementa l-Politika ta' taħriġ tal-MtQ ta' Pariġi, bil-ħsieb li jiġu armonizzati l-prattiki tal-kontroll tal-Istat tal-port.

F'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-Istati firmatarji għall-MtQ ta' Pariġi, il-Kummissjoni għandha, fuq bażi kontinwa, tidentifika u tirrispondi għal ħtiġijiet ġodda ta' taħriġ, billi tipprovdi kontribut biex jiġu emendati l-kurrikuli, is-sillabi u l-kontenut tal-programm ta' taħriġ għall-ispetturi, speċjalment fir-rigward tal-isfidi ġodda tas-sikurezza marittima relatati ma' kwistjonijiet ambjentali, soċjali u tax-xogħol u teknoloġiji ġodda, kif ukoll billi tipprovdi kontribut fir-rigward tal-obbligi addizzjonali li jirriżultaw mill-istrumenti rilevanti.”

,

(18)

fl-Artikolu 23, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-piloti tagħhom li huma mqabbdin biex jankraw jew iħollu vapuri, jew li huma mqabbdin biex jaħdmu fuq vapuri li sejrin lejn port jew fi tranżitu ġewwa Stat Membru, jinfurmaw immedjatament lill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-port jew tal-Istat kostali, kif adatt, meta jsiru jafu waqt il-qadi normali ta' dmirijiethom li hemm anomaliji apparenti li jistgħu jippreġudikaw is-sikurezza, inkluż in-navigazzjoni sikura tal-vapur jew is-sikurezza tal-baħħara abbord, jew li jistgħu jkunu ta' theddida ta' ħsara għall-ambjent tal-baħar.

2.   Jekk l-awtoritajiet jew il-korpi tal-port, fil-qadi tad-dmirijiet normali tagħhom, isiru jafu li vapur fil-port tagħhom għandu anomaliji apparenti li jistgħu jippreġudikaw is-sikurezza, inkluż in-navigazzjoni sikura tal-vapur jew is-sikurezza tal-baħħara abbord, jew li jistgħu jkunu ta' theddida ta' ħsara għall-ambjent tal-baħar, tali awtorità jew korp għandhom jinformaw minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-port.”

;

(19)

fl-Artikolu 24, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

“2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-ħin attwali tal-wasla u l-ħin attwali tat-tluq ta' kwalunkwe vapur li jidħol fil-portijiet jew l-ankraġġi tagħhom, flimkien ma' identifikatur tal-port jew l-ankraġġ ikkonċernat, tiġi ttrasferita fi żmien tliet sigħat tal-ħin tal-wasla u tat-tluq, rispettivament, fil-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet permezz tas-sistema ta' skambju ta' informazzjoni marittima tal-Unjoni ‘SafeSeaNet’ imsemmija fl-Artikolu 3, il-punt (s), tad-Direttiva 2002/59/KE. Ladarba jkunu ttrasferew tali informazzjoni fil-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet permezz ta' SafeSeaNet, l-Istati Membri jkunu eżentati mill-forniment ta' data f'konformità mal-Anness XIV, il-punt 1.2 u l-punt 2(a) u (b) tal-Anness XIV ta' din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni marbuta mal-ispezzjonijiet imwettqin f'konformità ma' din id-Direttiva tiġi ttrasferita fil-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet hekk kif jitlesta r-rapport tal-ispezzjoni jew titneħħa d-detenzjoni.

Fi żmien 72 siegħa, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ttrasferita fil-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet tiġi vvalidata għal finijiet ta' pubblikazzjoni. Ir-rapport tal-ispezzjoni għandu jiġi vvalidat, qabel it-trasferiment tiegħu fil-bażi tad-data, jekk ikun fattibbli, minn spettur tal-kontroll tal-Istat tal-port jew impjegat ieħor debitament awtorizzat tal-awtorità kompetenti li ma kienx parti mit-tim li wettaq l-ispezzjoni.”

;

(20)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 24a

Ċertifikati elettroniċi

Il-Kummissjoni għandha, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi għal għodda ta' validazzjoni għaċ-ċertifikati statutorji elettroniċi. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).”

;

(21)

l-Artikolu 25 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 25

Skambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtoritajiet jew il-korpi tal-port tiegħu u l-awtoritajiet jew korpi rilevanti oħrajn jipprovdu lill-awtorità kompetenti t-tipi ta' informazzjoni li ġejjin li jkollhom:

(a)

informazzjoni dwar vapuri li naqsu milli jinnotifikaw kwalunkwe informazzjoni f'konformità mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva, id-Direttiva 2002/59/KE u d-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), kif ukoll, jekk xieraq, tar-Regolament (KE) Nru 725/2004;

(b)

informazzjoni dwar vapuri li pproċedew bil-baħar mingħajr ma kkonformaw mal-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2019/883;

(c)

informazzjoni dwar vapuri li nċaħdilhom dħul jew tkeċċew minn port minħabba raġunijiet ta' sigurtà;

(d)

informazzjoni dwar anomaliji apparenti rapportati f'konformità mal-Artikolu 23.

(*3)  Id-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta' skart minn bastimenti (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 116).”;"

(22)

l-Artikolu 30 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 30

Monitoraġġ ta' konformità u prestazzjoni tal-Istati Membri

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta' din id-Direttiva u biex ikun immonitorjat il-funzjonament ġenerali tar-reġim ta' kontroll tal-Istat tal-port tal-Unjoni f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1406/2002, il-Kummissjoni għandha tiġbor l-informazzjoni meħtieġa u twettaq żjarat fl-Istati Membri.

Kull Stat Membru għandu jiżviluppa, jimplimenta u jżomm sistema ta' ġestjoni tal-kwalità li tkopri l-partijiet operazzjonali tal-attivitajiet tal-amministrazzjoni tiegħu relatati mal-Istat tal-port direttament involuti fi spezzjonijiet. Dik is-sistema ta' ġestjoni tal-kwalità għandha tiġi ċċertifikata f'konformità ma' standards ta' kwalità internazzjonali applikabbli sas-6 ta’ Lulju 2032.”

;

(23)

l-Artikolu 30a huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 30a

Atti delegati

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30b, biex jiġi emendat l-Artikolu 2, il-punt (1), fir-rigward tal-lista ta' Konvenzjonijiet stabbilita fih, ladarba tali Konvenzjonijiet ikunu ġew adottati bħala strument rilevanti skont l-MtQ ta' Pariġi, u biex jiġi emendat l-Anness VI sabiex tiżdied jew tiġi aġġornata l-lista ta' proċeduri, linji gwida, struzzjonijiet u ċirkolari, relatati mal-kontroll tal-Istat tal-port, adottata skont l-MtQ ta' Pariġi u stabbilit f'dak l-Anness.”

;

(24)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 31a

Emendi għall-Konvenzjonijiet

L-emendi għall-Konvenzjonijiet għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-proċedura ta' kontroll ta' konformità stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002.”

;

(25)

l-Artikolu 33 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 33

Atti ta' implimentazzjoni

Meta tadotta l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 10(3), 14(4), 15(4), 18a(7), 23(5), 24a(1) u fl-Artikolu 27, it-tieni paragrafu, f'konformità mal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 31(2), il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb b'mod speċifiku li tiżgura li dawk l-atti jqisu l-għarfien espert u l-esperjenza miksuba bis-sistema tal-ispezzjonijiet fl-Unjoni u abbażi tal-għarfien espert tal-organizzazzjoni tal-MtQ ta' Pariġi.”

;

(26)

l-Artikolu 35 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 35

Rieżami tal-implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha sas-6 ta’ Lulju 2032 u kull 5 snin minn hemm 'il quddiem, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u l-konformità magħha. Abbażi ta' dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk ikunx meħtieġ li tippreżenta proposta leġiżlattiva għall-emenda ta' din id-Direttiva jew għal aktar atti legali f'dan il-qasam.

Wara li l-OMI tkun ikkonkludiet ir-reviżjoni tal-indikatur tal-intensità tal-karbonju (CII) tagħha, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-adegwatezza ta’ dak is-CII bħala parametru ambjentali użat għad-determinazzjoni tal-profil ta' riskju ta' vapur skont din id-Direttiva. Abbażi ta' dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra proposta leġiżlattiva, kif xieraq.”

;

(27)

L-Anness I huwa sostitwit bit-test stipulat fl-Anness I ta' din id-Direttiva;

(28)

L-Anness II huwa sostitwit bit-test stipulat fl-Anness II ta' din id-Direttiva;

(29)

L-Anness III jitħassar;

(30)

L-Anness IV huwa sostitwit bit-test stipulat fl-Anness III ta' din id-Direttiva;

(31)

L-Anness VI huwa sostitwit bit-test stipulat fl-Anness IV ta' din id-Direttiva;

(32)

L-Anness VIII huwa sostitwit bit-test fl-Anness V ta' din id-Direttiva;

(33)

L-Anness XII huwa sostitwit bit-test stipulat fl-Anness VI ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sas-6 ta’ Lulju 2027 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f'dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri li ma għandhomx portijiet marittimi u li jistgħu juru li, mill-għadd totali ta' bastimenti individwali li jidħlu annwalment matul it-tliet snin preċedenti fil-portijiet tax-xmajjar tagħhom, inqas minn 5 % ikunu vapuri koperti minn din id-Direttiva, jistgħu jidderogaw mill-obbligu li jittrasponu u jimplimentaw din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, is-27 ta’ Novembru 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)   ĠU C, C/2023/876, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/876/oj.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Novembru 2024.

(3)  Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/195/UE tas-17 ta' Frar 2014 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jiffirmaw, jirratifikaw jew jaċċedu għall-Ftehim ta' Cape Town tal-2012 dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta' Torremolinos tal-1993 relatat mal-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Torremolinos għas-Sikurezza tal-Bastimenti tas-Sajd, 1977 (ĠU L 106, 9.4.2014, p. 4).

(5)  Id-Direttiva 2013/54/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta' Novembru 2013 dwar ċerti responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera għall-konformità mal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu u l-infurzar tagħha, 2006 (ĠU L 329, 10.12.2013, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2009/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 132).

(7)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ANNESS I

“ANNESS I

ELEMENTI TAS-SISTEMA TAL-ISPEZZJONI TAL-UNJONI GĦALL-ISTAT TAL-PORT

(kif imsemmija fl-Artikolu 5)

L-elementi li ġejjin għandhom jiġu inklużi fis-Sistema tal-Ispezzjoni tal-Unjoni għall-Istat tal-Port:

I.

Profil ta' Riskju tal-Vapur

Il-profil ta' riskju ta' vapur għandu jiġi ddeterminat permezz ta' taħlita tal-parametri ġeneriċi, storiċi, u ambjentali li ġejjin.

1.

Parametri ġeneriċi

(a)

Tip ta' vapur

Vapuri tal-passiġġieri, trasportaturi ta' tagħbija bl-ingrossa, tankers taż-żejt, trasportaturi tal-gass, tankers tal-NLS jew tankers tal-kimika għandhom jitqiesu li jippreżentaw riskju ogħla.

(b)

Kemm għandu żmien il-vapur

Vapuri li għandhom aktar minn 12-il sena għandhom jiġu kkunsidrati li jippreżentaw riskju ogħla.

(c)

Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera

(i)

Vapuri li jtajru l-bandiera ta' Stat b'rata għolja ta' detenzjoni fl-Unjoni u fir-reġjun tal-MtQ ta' Pariġi għandhom jiġu kkunsidrati li jippreżentaw riskju ogħla.

(ii)

Vapuri li jtajru l-bandiera ta' Stat b'rata ta' detenzjoni baxxa fl-Unjoni u fir-reġjun tal-MtQ ta' Pariġi għandhom jiġu kkunsidrati li jippreżentaw riskju aktar baxx.

(iii)

Vapuri li jtajru l-bandiera ta' Stat li jkun irratifika l-istrumenti obbligatorji kollha tal-OMI u l-ILO elenkati fl-Artikolu 2, il-punt (1), għandhom jiġu kkunsidrati li jippreżentaw riskju aktar baxx.

(d)

Organizzazzjonijiet rikonoxxuti

(i)

Vapuri li jkunu ngħataw ċertifikati minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti li għandhom livell ta' prestazzjoni baxx jew baxx ħafna b'rabta mar-rati ta' detenzjoni tagħhom fl-Unjoni u fir-reġjun tal-MtQ ta' Pariġi għandhom jiġu kkunsidrati li jippreżentaw riskju ogħla.

(ii)

Vapuri li jkunu ngħataw ċertifikati minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti li għandhom livell ta' prestazzjoni għoli b'rabta mar-rati ta' detenzjoni tagħhom fl-Unjoni u fir-reġjun tal-MtQ ta' Pariġi għandhom jiġu kkunsidrati li jippreżentaw riskju aktar baxx.

(iii)

Vapuri b'ċertifikati maħruġa minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009.

(e)

Prestazzjoni ta' kumpanija

(i)

Vapuri ta' kumpanija bi prestazzjoni baxxa jew baxxa ħafna kif determinat mir-rati ta' nuqqasijiet u ta' detenzjoni tal-vapuri tagħha fl-Unjoni u fir-reġjun tal-MtQ ta' Pariġi għandhom jiġu kkunsidrati li jippreżentaw riskju ogħla.

(ii)

Vapuri ta' kumpanija bi prestazzjoni għolja kif determinat mir-rati ta' nuqqasijiet u ta' detenzjoni tal-vapuri tagħha fl-Unjoni u fir-reġjun tal-MtQ ta' Pariġi għandhom jiġu kkunsidrati li jippreżentaw riskju aktar baxx.

2.

Parametri storiċi

(i)

Vapuri li nżammu għal aktar minn darba, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jippreżentaw riskju ogħla.

(ii)

Vapuri li, waqt spezzjoni(ijiet) imwettqa fil-perjodu msemmi fl-Anness II, kellhom inqas mill-għadd ta' nuqqasijiet msemmija fl-Anness II għandhom jiġu kkunsidrati li jippreżentaw riskju aktar baxx.

(iii)

Vapuri li ma nżammux waqt il-perjodu msemmi fl-Anness II għandhom jiġu kkunsidrati li jippreżentaw riskju aktar baxx.

Il-parametri tar-riskju għandhom ikunu kkombinati permezz ta' ponderazzjoni li tirrifletti l-influwenza relattiva ta' kull parametru fuq ir-riskju ġenerali tal-vapur sabiex jiġu ddeterminati l-profili ta' riskju li ġejjin tal-vapur:

—

livell ta' riskju għoli,

—

livell ta' riskju standard,

—

livell ta' riskju baxx.

Meta jiġu ddeterminati dawk il-profili ta' riskju, għandha tingħata enfasi akbar lill-parametri tat-tip ta' vapur, il-prestazzjoni tal-Istat tal-bandiera, l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti u l-prestazzjoni tal-kumpanija.

3.

Parametri ambjentali

Vapuri li, matul spezzjoni(jiet) imwettqa fil-perjodu msemmi fl-Anness II kellhom aktar mill-għadd ta' nuqqasijiet relatati mal-Marpol 73/78, l-AFS 2001, il-Konvenzjoni BWM, is-CLC 92, il-Konvenzjoni dwar il-Bunkers, 2001, il-Konvenzjoni ta' Nairobi u l-Konvenzjoni ta' Hong Kong imsemmija fl-Anness II għandhom jitqiesu li jippreżentaw riskju ogħla.

II.

Spezzjoni ta' vapuri

1.

Spezzjonijiet perjodiċi

L-ispezzjonijiet perjodiċi għandhom jitwettqu f'intervalli predeterminati. Il-frekwenza tagħhom għandha tkun determinata mill-profil ta' riskju tal-vapur. L-intervall bejn l-ispezzjonijiet perjodiċi ta' vapuri ta' riskju għoli ma għandux jaqbeż is-sitt xhur. L-intervall bejn l-ispezzjonijiet perjodiċi ta' vapuri bi profili ta' riskju oħra għandu jiżdied kif ir-riskju tagħhom jonqos.

L-Istati Membri għandhom iwettqu spezzjoni perjodika lil:

—

Kwalunkwe vapur bi profil ta' riskju għoli li ma kienx spezzjonat f'port jew f'ankraġġ fl-Unjoni jew fir-reġjun tal-MtQ ta' Pariġi waqt l-aħħar sitt xhur. Il-vapuri ta' riskju għoli isiru eliġibbli għal spezzjoni sa mill-ħames xahar.

—

Kwalunkwe vapur bi profil ta' riskju standard li ma kienx spezzjonat f'port jew f'ankraġġ fl-Unjoni jew fir-reġjun tal-MtQ ta' Pariġi waqt l-aħħar 12-il xahar. Il-vapuri ta' riskju standard isiru eliġibbli għal spezzjoni sa mill-għaxar xahar.

—

Kwalunkwe vapur bi profil ta' riskju baxx li ma kienx spezzjonat f'port jew f'ankraġġ fl-Unjoni jew fir-reġjun tal-MtQ ta' Pariġi waqt l-aħħar 36 xahar. Il-vapuri b'riskju baxx isiru eliġibbli għal spezzjoni sa mill-24 xahar.

2.

Spezzjonijiet addizzjonali

Il-vapuri li għalihom japplikaw il-fatturi prevalenti jew mhux mistennijin li ġejjin huma soġġetti għal spezzjoni irrispettivament mill-perjodu mill-aħħar spezzjoni perjodika tagħhom. Madankollu, il-ħtieġa li titwettaq tali spezzjoni addizzjonali abbażi ta' fatturi mhux mistennijin titħalla f'idejn il-ġudizzju professjonali tal-ispettur.

2A.

Fatturi prevalenti

Il-vapuri li għalihom japplikaw il-fatturi prevalenti li ġejjin għandhom ikunu spezzjonati irrispettivament mill-perjodu mill-aħħar spezzjoni perjodika tagħhom:

—

– Vapuri li kienu sospiżi jew imneħħija mill-klassi tagħhom għal raġunijiet ta' sikurezza sa mill-aħħar spezzjoni fl-Unjoni jew fir-reġjun tal-MtQ ta' Pariġi.

—

–Vapuri li kienu s-suġġett ta' rapport jew notifika minn Stat Membru ieħor.

—

–Vapuri li ma jistgħux ikunu identifikati fil-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet.

—

–Vapuri li:

—

kienu involuti f'ħabta, ħbit mal-qiegħ jew inkaljar fi triqthom lejn il-port;

—

kienu akkużati bi vjolazzjoni allegata tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rimi ta' sustanzi jew effluwenti perikolużi;

—

kienu mmanuvrati b'mod erratiku jew ta' periklu li bihom il-miżuri tar-rotta, adottati mill-OMI, jew il-prattiki u l-proċeduri ta' navigazzjoni sikura ma kinux ġew segwiti;

—

ikunu ġew ipprojbiti qabel (l-ewwel ispezzjoni wara li tkun tneħħiet l-ordni ta' rifjut tal-aċċess); jew

—

kienu involuti f'inċident serju, speċjalment nar kbir abbord, ħsara fil-magna u aċċidenti fatali.

2B.

Fatturi mhux mistennijin

Vapuri li għalihom japplikaw il-fatturi mhux mistennijin li ġejjin jistgħu jkunu soġġetti għal spezzjoni irrispettivament mill-perjodu mill-aħħar spezzjoni perjodika tagħhom. Id-deċiżjoni li titwettaq tali spezzjoni addizzjonali titħalla f'idejn il-ġudizzju professjonali tal-awtorità kompetenti:

—

Vapuri li jġorru ċertifikati maħruġin minn organizzazzjoni li qabel kienet rikonoxxuta li r-rikonoxximent tagħha kien irtirat mill-aħħar spezzjoni fl-Unjoni jew fir-reġjun tal-MtQ ta' Pariġi.

—

Vapuri li kienu rrapportati minn piloti jew awtoritajiet jew korpi tal-port bħala li għandhom anomaliji apparenti li jistgħu jippreġudikaw in-navigazzjoni sigura tagħhom jew ikunu ta' theddida ta' ħsara għall-ambjent skont l-Artikolu 23 ta' din id-Direttiva. Dawk ir-rapporti jistgħu jinkludu informazzjoni mis-Servizzi tat-Traffiku tal-Bastimenti dwar in-navigazzjoni tal-bastimenti.

—

Vapuri li naqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' notifika rilevanti msemmija fid-Direttiva (UE) 2019/883.

—

Vapuri li kienu s-suġġett ta' rapport jew ta' lment, inkluż ilment fuq l-art, mill-kaptan, membru tal-ekwipaġġ, jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni b'interess leġittimu fl-operat b'sikurezza tal-vapur, il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord jew il-prevenzjoni tat-tniġġis, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jqisx li r-rapport jew l-ilment ikun manifestament mingħajr bażi.

—

Vapuri rrapportati b'nuqqas pendenti fil-qasam tal-ISM (3 xhur wara l-ħruġ tan-nuqqas).

—

Vapuri li preċedentement inżammu aktar minn tliet xhur ilu.

—

Vapuri li kienu rrapportati bi problemi rigward il-merkanzija tagħhom, partikolarment merkanziji noċivi u perikolużi.

—

Vapuri li kienu operati b'mod li jkunu ta' periklu lill-persuni, il-proprjetà jew l-ambjent.

—

Vapuri fejn informazzjoni minn sors li tista' toqgħod fuqu saret magħrufa, bl-effett li l-parametri tar-riskju tagħhom ivarjaw minn dawk irreġistrati u l-livell tar-riskju huwa għalhekk miżjud.

—

Vapuri li għalihom sar qbil dwar pjan ta' azzjoni li jirrettifika nuqqasijiet kif imsemmi fl-Artikolu 19(2a) iżda li fir-rigward tagħhom l-implimentazzjoni ta' dak il-pjan ma ġietx ivverifikata minn spettur.

3.

Skema ta' selezzjoni

3A.

Vapuri ta' Prijorità I għandhom ikunu spezzjonati kif ġej:

(a)

Spezzjoni estiża għandha titwettaq fuq:

—

kwalunkwe vapur bi profil ta' riskju għoli mhux spezzjonat fl-aħħar sitt xhur;

—

kwalunkwe vapur tal-passiġġieri, trasportatur ta' tagħbija bl-ingrossa, tanker taż-żejt, trasportatur tal-gass, tanker tal-NLS jew tanker tal-kimika, li għandu aktar minn 12-il sena, bi profil ta' riskju standard mhux spezzjonat fl-aħħar 12 xahar.

(b)

Spezzjoni inizjali jew aktar dettaljata, kif adatt, għandha titwettaq lil:

—

kwalunkwe vapur barra minn vapur tal-passiġġieri, trasportatur ta' tagħbija bl-ingrossa, tanker taż-żejt, trasportatur tal-gass, tanker tal-NLS jew tanker tal-kimika, li għandu aktar minn 12-il sena, bi profil ta' riskju standard mhux spezzjonat fl-aħħar 12 xahar.

(c)

Fil-każ ta' fattur prevalenti:

—

spezzjoni aktar dettaljata jew estiża, skont il-ġudizzju professjonali tal-ispettur, għandha titwettaq fuq kwalunkwe vapur bi profil ta' riskju għoli u fuq kwalunkwe vapur tal-passiġġieri, trasportatur ta' tagħbija bl-ingrossa, tanker taż-żejt, trasportatur tal-gass, tanker tal-NLS jew tanker tal-kimika, li għandu aktar minn 12-il sena;

—

spezzjoni aktar dettaljata għandha titwettaq fuq kwalunkwe vapur barra minn vapur tal-passiġġieri, trasportatur ta' tagħbija bl-ingrossa, tanker taż-żejt, trasportatur tal-gass, tanker tal-NLS jew tanker tal-kimika, li għandu aktar minn 12-il sena;

—

spezzjoni estiża għandha titwettaq fuq kwalunkwe vapur fl-ewwel spezzjoni wara li tkun tneħħiet ordni ta' rifjut tal-aċċess.

3B.

Fejn l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tispezzjona vapur ta' Prijorità II, għandu japplika dan li ġej:

(a)

Spezzjoni estiża għandha titwettaq fuq:

—

kwalunkwe vapur bi profil ta' riskju għoli mhux spezzjonat fl-aħħar 5 xhur;

—

kwalunkwe vapur tal-passiġġieri, trasportatur ta' tagħbija bl-ingrossa, tanker taż-żejt, trasportatur tal-gass, tanker tal-NLS jew tanker tal-kimika, li għandu aktar minn 12-il sena, bi profil ta' riskju standard mhux spezzjonat fl-aħħar 10 xhur; jew

—

kwalunkwe vapur tal-passiġġieri, trasportatur ta' tagħbija bl-ingrossa, tanker taż-żejt, trasportatur tal-gass, tanker tal-NLS jew tanker tal-kimika, li għandu aktar minn 12-il sena, bi profil ta' riskju baxx mhux spezzjonat fl-aħħar 24 xahar.

(b)

Spezzjoni inizjali jew aktar dettaljata, kif adatt, għandha titwettaq lil:

—

kwalunkwe vapur barra minn vapur tal-passiġġieri, trasportatur ta' tagħbija bl-ingrossa, tanker taż-żejt, trasportatur tal-gass, tanker tal-NLS jew tanker tal-kimika, li għandu aktar minn 12-il sena, bi profil ta' riskju standard mhux spezzjonat fl-aħħar 10 xhur; jew

—

kwalunkwe vapur barra minn vapur tal-passiġġieri, trasportatur ta' tagħbija bl-ingrossa, tanker taż-żejt, trasportatur tal-gass, tanker tal-NLS jew tanker tal-kimika, li għandu aktar minn 12-il sena, bi profil ta' riskju baxx mhux spezzjonat fl-aħħar 24 xahar.

(c)

Fil-każ ta' fattur mhux mistenni:

—

spezzjoni aktar dettaljata jew estiża, skont il-ġudizzju professjonali tal-ispettur, għandha titwettaq fuq kwalunkwe vapur bi profil ta' riskju għoli jew kwalunkwe vapur tal-passiġġieri, trasportatur ta' tagħbija bl-ingrossa, tanker taż-żejt, trasportatur tal-gass, tanker tal-NLS jew tanker tal-kimika, li għandu aktar minn 12-il sena;

—

spezzjoni aktar dettaljata għandha titwettaq fuq kwalunkwe vapur barra minn vapur tal-passiġġieri, trasportatur ta' tagħbija bl-ingrossa, tanker taż-żejt, trasportatur tal-gass, tanker tal-NLS jew tanker tal-kimika, li għandu aktar minn 12-il sena.”.


ANNESS II

“ANNESS II

‘DISINN TA’ PROFIL TA' RISKJU TAL-VAPUR

(kif imsemmi fl-Artikolu 10(2))

 

Profil

Vapur b'Livell ta' Riskju Għoli (HRS)

Vapur b'Livell ta' Riskju Standard (SRS)

Vapur b'Livell ta' Riskju Baxx (LRS)

Parametri ġeneriċi

Kriterji

Punti ta' ponderazzjoni

Kriterji

Kriterji

1

Tip ta' vapur

Vapur tal-passiġġieri, trasportatur ta' tagħbija bl-ingrossa, tanker taż-żejt, trasportatur tal-gass, tanker tal-NLS jew tanker tal-kimika

1

la vapur b'livell ta' riskju għoli u lanqas vapur b'livell ta' riskju baxx

It-tipi kollha

2

Kemm għandu żmien il-vapur

it-tipi kollha > 12-il sena

1

Ta' kull żmien

3a

Bandiera

Prestazzjoni baxxa

2

Prestazzjoni għolja

3b

L-istrumenti kollha tal-OMI/ILO elenkati fl-Artikolu 2 ratifikati

—

—

Iva

 

 

4a

Organizzazzjoni rikonoxxuta

Prestazzjoni

H

—

—

Għolja

M

—

—

—

L

Baxxa

1

—

VL

Baxxa ħafna

—

4b

Rikonoxxuta mill-UE

—

—

Iva

5

Kumpanija

Prestazzjoni

H

—

—

Għolja

M

—

—

—

L

Baxxa

2

—

VL

Baxxa ħafna

—

Parametri storiċi

 

 

6

Għadd ta' nuqqasijiet reġistrati waqt kull spezzjoni fl-aħħar 36 xahar

Nuqqasijiet

>6 f'waħda mill-ispezzjonijiet

1

≤ 5 f'kull spezzjoni individwali (u mill-inqas spezzjoni waħda mwettqa fl-aħħar36 xahar)

7

Għadd ta' detenzjonijiet fl-aħħar 36 xahar

Detenzjonijiet

≥ 2 detenzjonijiet

1

L-ebda detenzjoni

Parametri ambjentali

 

8

L-għadd ta' nuqqasijiet relatati mal-Marpol 73/78, l-AFS 2001, il-Konvenzjoni BWM, is-CLC 92, il-Konvenzjoni dwar il-Bunkers, 2001, il-Konvenzjoni ta' Nairobi u l-Konvenzjoni ta' Hong Kong irreġistrati f'kull spezzjoni fis-36 xahar preċedenti

Nuqqasijiet

>2 f'waħda mill-ispezzjonijiet

1

 

L-HRS huma vapuri li jissodisfaw il-kriterji għal valur totali ta' ħames punti ta' ponderazzjoni jew aktar.

L-LRS huma vapuri li jissodisfaw il-kriterji kollha tal-Parametri tar-riskju baxx.

L-SRS huma vapuri li la huma HRS u lanqas LRS.

”


ANNESS III

“ANNESS IV

LISTA TA' ĊERTIFIKATI U DOKUMENTI

(kif imsemmi fl-Artikolu 13(1))

Lista ta' ċertifikati u dokumenti li, sa fejn applikabbli, għandhom jiġu vverifikati bħala minimu matul l-ispezzjoni (kif xieraq):

1.

Ċertifikat ta' Tunnellaġġ Internazzjonali;

2.

Rapporti ta' spezzjonijiet preċedenti ta' kontroll tal-Istat tal-port;

3.

Ċertifikat tas-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri (SOLAS 1974, ir-regolament I/12);

4.

Ċertifikat ta' Kostruzzjoni tas-Sikurezza tal-Vapuri tal-Merkanzija (SOLAS 1974, ir-regolament I/12);

5.

Ċertifikat tat-Tagħmir tas-Sikurezza tal-Vapuri tal-Merkanzija (SOLAS 1974, ir-regolament I/12);

6.

Ċertifikat tar-Radju tas-Sikurezza tal-Vapuri tal-Merkanzija (SOLAS 1974, ir-regolament I/12);

7.

Ċertifikat tas-Sikurezza tal-Vapuri tal-Merkanzija (SOLAS 1974, ir-regolament I/12);

8.

Ċertifikat ta' Eżenzjoni (SOLAS 1974, ir-regolament I/12);

9.

Dokument dwar l-Ekwipaġġ Minimu Sikur (SOLAS 1974, ir-regolament V/14.2);

10.

Ċertifikat Internazzjonali tal-Linja tat-Tagħbija (LL 66, l-Artikolu 16.1);

11.

Ċertifikat Internazzjonali ta' Eżenzjoni tal-Linja tat-Tagħbija (LL 66, l-Artikolu 16.2);

12.

Ċertifikat Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis miż-Żejt (MARPOL, l-Anness I, ir-regolament 7.1);

13.

Ċertifikat Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis għall-Ġarr ta' Sustanzi Likwidi Noċivi bl-Ingrossa (NLS) (MARPOL, l-Anness II, ir-regolament 9.1);

14.

Ċertifikat Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mid-Drenaġġ (ISPPC) (MARPOL, l-Anness IV, ir-regolament 5.1, MEPC.1/Circ.408);

15.

Ċertifikat Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis tal-Arja (IAPPC) (MARPOL, l-Anness VI, ir-regolament 6.1);

16.

Ċertifikat Internazzjonali tal-Effiċjenza Enerġetika (MARPOL, l-Anness VI, ir-regolament 6);

17.

Ċertifikat Internazzjonali għall-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra (IBWMC) (Konvenzjoni BWMC, l-Artikolu 9.1(a) u r-regolament E-2);

18.

Ċertifikat Internazzjonali tas-Sistema ta' Antifouling (ċertifikat tal-IAFS) (AFS 2001, l-Anness 4, ir-regolament 2);

19.

Dikjarazzjoni dwar l-AFS (AFS 2001, l-Anness 4, ir-regolament 5);

20.

Ċertifikat Internazzjonali tas-Sigurtà tal-Vapuri (ISSC) jew Ċertifikat Internazzjonali Interim għas-Sigurtà tal-Vapuri (il-Kodiċi ISPS, il-parti A/19 u l-appendiċijiet);

21.

Ċertifikati għall-kaptani, l-uffiċjali jew il-klassifikazzjonijiet maħruġa f'konformità mal-Konvenzjoni STCW (Konvenzjoni STCW, l-Artikolu VI, ir-regolament I/2, u l-Kodiċi STCW, it-taqsima A-I/2);

22.

Kopja tad-Dokument ta' Konformità jew kopja tad-Dokument Interim ta' Konformità maħruġ f'konformità mal-Kodiċi Internazzjonali ta' Ġestjoni għat-Tħaddim Sikur tal-Vapuri u għall-Kodiċi tal-ISM tal-Prevenzjoni tat-Tniġġis (DoC) (SOLAS 1974, ir-regolament IX/4.2, il-Kodiċi ISM, il-paragrafi 13 u 14);

23.

Ċertifikat ta' Ġestjoni tas-Sikurezza jew Ċertifikat Interim ta' Ġestjoni tas-Sikurezza maħruġ f'konformità mal-Kodiċi Internazzjonali ta' Ġestjoni għat-Tħaddim Sikur tal-Vapuri u għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis (SMC) (SOLAS 1974, ir-regolament IX/4.3, il-Kodiċi ISM, il-paragrafi 13 u 14);

24.

Ċertifikat Internazzjonali ta' Idoneità għat-Trasport ta' Gassijiet Likwifikati bl-Ingrossa, jew iċ-Ċertifikat ta' Idoneità għat-Trasport ta' Gassijiet Likwifikati bl-Ingrossa, skont liema jkun xieraq (il-Kodiċi tal-IGC, ir-regolament 1.5.4, jew il-Kodiċi tal-GC, ir-regolament 1.6);

25.

Ċertifikat Internazzjonali ta' Idoneità għat-Trasport ta' Sustanzi Kimiċi Perikolużi bl-Ingrossa, jew iċ-Ċertifikat ta' Idoneità għat-Trasport ta' Sustanzi Kimiċi Perikolużi bl-Ingrossa, skont liema jkun xieraq (il-Kodiċi tal-IBC, ir-regolament 1.45.4, u l-Kodiċi tal-BCH, ir-regolament 1.6.3);

26.

INF (il-Kodiċi Internazzjonali għat-Trasport Sikur ta' Fjuwil Nukleari Irradjat Imballat, Plutonju u Skart Radjuattiv ta' Livell Għoli Abbord il-Vapuri) Ċertifikat ta' Idoneità (SOLAS 1974, ir-regolament VII/16, u l-Kodiċi INF, ir-regolament1.3);

27.

Ċertifikat ta' assigurazzjoni jew kwalunkwe sigurtà finanzjarja oħra fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili għad-danni mit-tniġġis taż-żejt (CLC 92, l-Artikolu VII.2);

28.

Ċertifikat tal-assigurazzjoni jew kwalunkwe garanzija finanzjarja oħra fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili għad-danni mit-tniġġis taż-żejt tal-bunkers (Konvenzjoni Bunkers 2001, l-Artikolu 7.2);

29.

Ċertifikat ta' Assigurazzjoni jew Sigurtà Finanzjarja oħra fir-rigward tar-Responsabbiltà għat-Tneħħija ta' Relitti (Konvenzjoni ta’ Nairobi, l-Artikolu 12);

30.

Ċertifikat ta' Sikurezza tal-Inġenji ta' Veloċità Għolja u Permess għat-Tħaddim ta' Inġenji ta' Veloċità Għolja (SOLAS 1974, ir-regolament X/3.2 u l-Kodiċi 94/00 tal-HSC, ir-regolamenti 1.8.1 u 1.9);

31.

Dokument ta' konformità mar-rekwiżiti speċjali għall-vapuri li jġorru merkanzija perikoluża (SOLAS 1974, ir-regolament II-2/19.4);

32.

Dokument ta' awtorizzazzjoni għall-ġarr tal-ħbub u manwal dwar it-tagħbija tal-ħbub (SOLAS 1974, ir-regolament VI/9; Il-Kodiċi Internazzjonali għat-Trasport Sikur ta' Ħbub bl-Ingrossa, it-taqsima 3);

33.

Dikjarazzjoni ta' Konformità tal-Iskema ta' Valutazzjoni tal-Kundizzjoni (CAS), Rapport Finali tas-CAS u Rekord ta' Rieżami (Marpol 73/78, l-Anness I, ir-regolamenti 20 u 21; ir-riżoluzzjoni MEPC.94(46), kif emendata bir-riżoluzzjonijiet MEPC.99(48), MEPC.112(50), MEPC.131(53), MEPC.155(55) u MEPC.236(65));

34.

Reġistru Sinottiku Kontinwu (SOLAS 1974, ir-regolament XI-1/5);

35.

Ktieb tar-Rekords taż-Żejt, il-partijiet I u II (Marpol 73/78, l-Anness I, ir-regolamenti 17 u 36);

36.

Ktieb tar-Rekords tal-Merkanzija (Marpol 73/78, l-Anness II, ir-regolament 15);

37.

Ktieb tar-Rekords tal-Iskart, il-partijiet I u II (Marpol 73/78, l-Anness V, ir-regolament 10.3);

38.

Pjan ta' Ġestjoni tal-Iskart (Marpol 73/78, l-Anness V, ir-regolament 10; ir-riżoluzzjoni MEPC.220(63));

39.

Ġurnal ta' abbord u r-reġistrazzjonijiet tal-livell u tal-istatus mixgħul/mitfi tal-magni diżil tal-baħar (Marpol 73/78, l-Anness VI, ir-regolament 13.5.3);

40.

Ġurnal ta' abbord għall-bidla tal-fjuwil taż-żejt (Marpol 73/78, l-Anness VI, ir-regolament 14.6);

41.

Ktieb tar-Rekords tas-Sustanzi li Jnaqqsu l-Ożonu (Marpol 73/78, l-Anness VI, ir-regolament 12.6);

42.

Ktieb tar-Rekords tal-Ilma tas-Saborra (BWRB) (BWMC, l-Artikolu 9.1 (b) u r-regolament B-2);

43.

Sistemi fissi għat-tifi tan-nar bil-gass – Ċertifikat ta' Eżenzjoni tal-ispazji tal-merkanzija u kwalunkwe lista ta' merkanzija (SOLAS 1974, ir-regolament II-2/10.7.1.4);

44.

Manifest jew pjan ta' stivar ta' oġġetti perikolużi (SOLAS 1974, ir-regolamenti VII/4 u VII/7-2; Marpol 73/78, l-Anness III, ir-regolament 54);

45.

Għat-tankers taż-żejt, ir-rekord tas-sistema ta' monitoraġġ u kontroll tar-rimi taż-żejt għall-aħħar vjaġġ b'saborra (Marpol 73/78, l-Anness I, ir-regolament 31.2);

46.

Pjan ta' kooperazzjoni għat-Tiftix u s-Salvataġġ għall-vapuri tal-passiġġieri li jinnegozjaw fuq rotot fissi (SOLAS 1974, ir-regolament V/7.3);

47.

Għall-vapuri tal-passiġġieri, Lista ta' limitazzjonijiet operazzjonali (SOLAS 1974, ir-regolament V/30.2);

48.

Ċarts nawtiċi u pubblikazzjonijiet nawtiċi (SOLAS 1974, ir-regolamenti V/19.2.1.4 u V/27);

49.

Rekords tas-sigħat ta' mistrieħ u t-tabella tal-arranġamenti ta' ħidma abbord (il-Kodiċi STCW, it-taqsima A-VIII/1.5 u 1.7, il-Konvenzjoni tal-ILO Nru 180, l-Artikoli 5.7 u 8.1, u l-MLC 2006, Standard A.2.3.10 u A.2.3.12);

50.

Ċertifikat dwar ix-Xogħol Marittimu;

51.

Dikjarazzjoni dwar il-konformita’ tax-xogħol marittimu, partijiet I u II;

52.

Evidenza ta' spazji tal-makkinarju mhux ikkontrollati (UMS) (SOLAS 1974, ir-regolament II-I/46.3);

53.

Ċertifikati meħtieġa skont id-Direttiva 2009/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

54.

Ċertifikat meħtieġ skont ir-Regolament (KE) Nru 392/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2);

55.

Ċertifikat dwar l-inventarju tal-materjali perikolużi jew dikjarazzjoni ta' konformità kif applikabbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3);

56.

Id-dokument ta' konformità maħruġ skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4).


(*1)  Id-Direttiva 2009/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-assigurazzjoni tas-sidien ta' vapuri għal pretensjonijiet marittimi (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 128).

(*2)  Ir-Regolament (KE) Nru 392/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-responsabbiltà ta' trasportaturi ta' passiġġieri bil-baħar fil-każ ta' aċċidenti (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 24).

(*3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 330, 10.12.2013, p. 1).

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).”.”


ANNESS IV

“ANNESS VI

PROĊEDURI GĦALL-KONTROLL TAL-VAPURI

(kif imsemmi fl-Artikolu 15(1))

L-istruzzjonijiet tekniċi u ċ-ċirkolari kollha maħruġa skont l-MtQ ta' Pariġi, fil-verżjoni aġġornata tagħhom:

Il-kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port (PSCC) Struzzjonijiet tekniċi

—

PSCC41-2008-07 Kodiċi ta' Prattika Tajba

—

PSCC53-2020-08 Definizzjonijiet u Abbrevjazzjonijiet

MtQ Ġenerali ta' Pariġi

—

PSCC54-2021-03 Tip ta' spezzjoni

—

PSCC56-2023-06 Detenzjoni u Azzjoni Meħuda

—

PSCC56-2023-04 Formoli mudell

—

PSCC52-2019-05 Kontroll operazzjonali

—

PSS43-2010-11 Eżenzjonijiet mill-Istat tal-Bandiera

—

PSCC51-2018-13 Twaqqif ta' operazzjoni

—

PSCC49-2016-11 Test ta' black-out

—

PSCC53-2020-06 Rifjut tal-Aċċess (Projbizzjoni)

—

PSCC50-2017-12 Struttura tat-trasportaturi bl-ingrossa/tankers taż-żejt

—

PSCC43-2010-06 Dħul f'Baċir Imbattal mill-Ilma

—

PSCC53-2020-11 Il-permess ta' vjaġġ wieħed lejn impjant ta' tiswija għal nuqqasijiet ta' ‘danni aċċidentali’

Konvenzjoni SOLAS

—

PSCC56-2023-05 Kodiċi tal-ISM

—

PSCC54-2021-02 Kodiċi tal-ISPS

—

PSCC51-2018-12 ECDIS

—

PSCC43-2010-32 VDR (Reġistraturi tad-Data tal-Vjaġġ)

—

PSCC43-2010-09 Skedi tad-Data dwar is-Sikurezza tal-Materjali

—

PSCC43-2010-21 GMDSS

—

PSCC44-2011-16 Ganċijiet għar-rilaxx tad-dgħajsa tas-sopravivenza fuq it-tagħbija

—

PSCC45-2012-10 Stabbiltà tad-danni fuq it-tankers

—

PSCC55-2022-05 LRIT

—

PSCC43-2010-28 Kejl tal-ħxuna ESP/CAS

—

PSCC43-2010-29 Kejl tal-ħxuna

—

PSCC51-2018-11 Kodiċi Polari

—

PSCC55-2022-02 Kodiċi IGF

Konvenzjoni MARPOL

—

PSCC46-2013-18 MARPOL l-Anness I OWS

—

PSCC43-2010-39 MARPOL l-Anness II Strippaġġ

—

PSCC47-2014-08 MARPOL l-Anness III IMDG

—

PSCC55-2022-07 MARPOL l-Anness IV Drenaġġ

—

PSCC52-2019-07 MARPOL l-Anness V Skart

—

PSCC56-2023-07 MARPOL l-Anness VI Tniġġis tal-Arja

—

PSCC43-2010-38 Ħasil taż-żejt grezz

—

PSCC44-2011-20 MARPOL Investigazzjoni

Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Linji tat-Tagħbija

—

PSCC54-2021-06 Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Linja tat-Tagħbija

Konvenzjoni AFS

—

PSCC47-2014-13 Sistemi tal-Anti-fouling

Konvenzjoni dwar il-Bunkers

—

PSCC56-2023-02 Konvenzjonijiet relatati mar-Responsabbiltà Finanzjarja

Ċertifikazzjoni tal-Baħħara u l-Ekwipaġġ

—

PSCC56-2023-08 Ċertifikazzjoni tal-Baħħara u l-Ekwipaġġ (STCW, MLC u SOLAS)

Konvenzjoni għall-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra

—

PSCC51-2018-09 Konvenzjoni għall-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra

Konvenzjonijiet tal-ILO

—

PSCC52-2019-10 Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006

—

PSCC53-2020-14 Sigħat ta' Xogħol jew ta' Mistrieħ u idoneità għax-xogħol”.


ANNESS V

“ANNESS VIII

PROĊEDURI RIGWARD IR-RIFJUT TAL-AĊĊESS GĦAL PORTIJIET U ANKRAĠĠI FL-UNJONI

(imsemmija fl-Artikolu 16 u l-Artikolu 21(4))

(1)   

Jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 16(1), l-awtorità kompetenti tal-port li fih jinżamm il-vapur għat-tielet darba għandha tinforma lill-kaptan tal-vapur bil-miktub li ser tinħareġ ordni ta' rifjut tal-aċċess li ser issir applikabbli immedjatament wara li l-vapur ikun telaq mill-port. L-ordni tar-rifjut tal-aċċess għandha ssir applikabbli immedjatament wara li l-vapur ikun telaq mill-port wara li n-nuqqasijiet li jwasslu għad-detenzjoni jkunu ġew rimedjati.

(2)   

L-awtorità kompetenti għandha tibgħat kopja tal-ordni ta' rifjut tal-aċċess lill-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera, lill-organizzazzjoni rikonoxxuta konċernata, lill-Istati Membri l-oħrajn, u lill-firmatarji l-oħrajn tal-MtQ ta' Pariġi, lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat tal-MtQ ta' Pariġi. L-awtorità kompetenti għandha taġġorna wkoll il-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet b'informazzjoni dwar ir-rifjut tal-aċċess mingħajr dewmien.

(3)   

Sabiex titneħħa ordni ta' rifjut tal-aċċess, is-sid jew l-operatur tal-vapur irid jindirizza talba formali lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tkun imponiet ordni ta' rifjut tal-aċċess. Tali talba għandha tkun akkumpanjata minn dokument mill-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera, maħruġ wara żjara abbord minn surveyor debitament awtorizzat mill-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera, li juri li l-vapur jikkonforma għalkollox mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Konvenzjonijiet. L-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera għandha tipprovdi evidenza lill-awtorità kompetenti li saret żjara abbord. Id-dokument jista' jieħu l-forma ta' dikjarazzjoni uffiċjali, li għandha tinħareġ mill-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera u mhux minn organizzazzjoni rikonoxxuta.

(4)   

It-talba għat-tneħħija ta' ordni ta' rifjut tal-aċċess trid tkun akkumpanjata wkoll, fejn xieraq, minn dokument mis-soċjetà għal klassifikazzjoni li għandha l-vapur fi klassi wara żjara abbord minn surveyor mis-soċjetà għal klassifikazzjoni, li juri li l-vapur jikkonforma mal-istandards tal-klassi stipulati minn dik is-soċjetà. Is-soċjetà għal klassifikazzjoni għandha tipprovdi evidenza lill-awtorità kompetenti li saret żjara abbord.

(5)   

L-ordni ta' rifjut tal-aċċess tista' titneħħa biss wara li jkun għadda l-perjodu msemmi fl-Artikolu 16 ta' din id-Direttiva, u l-kumpanija trid tindirizza talba formali lill-awtorità tal-Istat tal-port tal-Istat Membru li tkun imponiet il-projbizzjoni u tipprovdi d-dokumenti mitluba fil-paragrafi 3 u 4.

(6)   

Talba bħal din, inkluż id-dokumenti meħtieġa, trid tiġi sottomessa lill-Istat li jkun ħareġ il-projbizzjoni mill-inqas xahar qabel tmiem il-perjodu ta' projbizzjoni. Jekk din l-iskadenza ma tiġix issodisfata, f'dak il-każ jista' jseħħ dewmien sa xahar wara li l-Istat li jkun ħareġ il-projbizzjoni jkun irċieva t-talba.

(7)   

Is-sistema ta' informazzjoni ser iżżid fattur prevalenti għall-vapur u l-vapur ser jiġi indikat bħala eliġibbli għal spezzjoni estiża fil-waqfa li jmiss tiegħu fil-port/l-ankraġġ fir-reġjun tal-MtQ ta' Pariġi.

(8)   

L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika wkoll id-deċiżjoni tagħha bil-miktub lill-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera, lis-soċjetà għal klassifikazzjoni kkonċernata, lill-Istati Membri l-oħrajn, lill-firmatarji l-oħrajn tal-MtQ ta' Pariġi, lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat tal-MtQ ta' Pariġi. L-awtorità kompetenti trid taġġorna wkoll il-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet bl-informazzjoni dwar ir-rifjut tal-aċċess mingħajr dewmien.

(9)   

L-informazzjoni marbuta mal-vapuri li ġew rifjutati l-aċċess għal portijiet fl-Unjoni trid issir disponibbli fil-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet u trid tiġi ppubblikata f'konformità mal-Artikolu 26 u l-Anness XIII.”.


ANNESS VI

“ANNESS XII

FUNZJONALITAJIET TAL-BAŻI TAD-DATA GĦALL-ISPEZZJONIJIET

(kif imsemmi fl-Artikolu 24(1))

(1)   

Il-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet għandha tinkludi tal-inqas il-funzjonalitajiet li ġejjin:

—

tinkorpora data għall-ispezzjonijiet tal-Istati Membri u l-Istati firmatarji l-oħra kollha għall-MtQ ta' Pariġi,

—

tipprovdi data dwar il-profil ta' riskju tal-vapur u dwar vapuri li waslu għal spezzjonijiet,

—

tikkalkula l-impenji ta' spezzjoni għal kull Stat Membru,

—

tipproduċi l-lista ta' Stati tal-bandiera bi prestazzjoni għolja, medja u baxxa kif imsemmi fl-Artikolu 16(1),

—

tipproduċi data dwar il-prestazzjoni tal-kumpaniji,

—

tidentifika l-oġġetti f'żoni ta' riskju li għandhom jiġu kkontrollati f'kull spezzjoni.

(2)   

Il-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet għandu jkollha l-kapaċità li tadatta għal żviluppi futuri u li tinteraġixxi ma' bażijiet tad-data oħrajn għas-sikurezza marittima tal-Unjoni, inkluż is-SafeSeaNet, li għandhom ifornu data dwar il-waqfiet li l-vapuri tabilħaqq jagħmlu f'portijiet tal-Istati Membri u, fejn xieraq, għal sistemi ta' informazzjoni nazzjonali rilevanti.

(3)   

Għandha tkun fornuta deep hyperlink għall-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet għas-sistema ta' informazzjoni Equasis. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu li l-bażijiet tad-data pubbliċi u privati relatati ma' spezzjoni ta' vapuri aċċessibbli permezz tal-Equasis ikunu kkonsultati mill-ispetturi.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/3099/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)