European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2563

27.9.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2563

tal-24 ta’ Settembru 2024

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1646 fir-rigward tal-kontenut addizzjonali tal-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali bbażati fuq ir-riskju u l-pjan ta’ sorveljanza nazzjonali aleatorju, is-sottomissjoni ta’ dawk il-pjanijiet u tad-data mill-Istati Membri u l-frekwenzi minimi tal-kampjunar

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1646 (2), fil-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali tagħhom ibbażati fuq ir-riskju u fil-pjan ta’ sorveljanza nazzjonali aleatorju tagħhom, l-Istati Membri għandhom jipprovdu t-tip ta’ miżuri ta’ segwitu meħudin mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-annimali jew tal-prodotti ta’ oriġini mill-annimali li fihom ikunu nstabu residwi mhux konformi fis-snin preċedenti. Peress li din l-informazzjoni hija wkoll parti mid-data mibgħuta lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“EFSA”) u biex jiġi evitat rappurtar doppju, jenħtieġ li din l-informazzjoni tiġi inkluża biss fid-data mibgħuta lill-EFSA.

(2)

L-Artikolu 7(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1646 jirrikjedi li l-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali bbażati fuq ir-riskju jridu jinkludu ħarsa ġenerali lejn id-data dwar in-nuqqas ta’ konformità pprovduta mill-EFSA. Peress li l-Istati Membri jistgħu jiksbu dik id-data huma stess, ma għadux meħtieġ li ssir referenza għall-EFSA bħala fornitur ta’ dik il-ħarsa ġenerali.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 8, l-ewwel paragrafu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1646, l-Istati Membri jridu jissottomettu l-pjanijiet ta’ kontroll tagħhom u l-pjan ta’ sorveljanza tagħhom lill-Kummissjoni. Sabiex jiġi ċċarat li għandu jiġi sottomess ukoll il-pjan ta’ sorveljanza, jenħtieġ li tiġi emendata l-intestatura tal-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1646.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1646, l-Istati Membri jridu jibagħtu d-data kollha miġbura skont il-pjanijiet ta’ kontroll tagħhom lill-EFSA u l-pjan ta’ sorveljanza tagħhom. Jenħtieġ li dan l-obbligu jiġi rifless b’mod aktar espliċitu fil-formulazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni.

(5)

Fil-qafas tal-pjan ta’ kontroll nazzjonali bbażat fuq ir-riskju għall-produzzjoni fl-Istati Membri, l-Istati Membri jridu jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1646 fir-rigward tal-perċentwal obbligatorju tal-kampjuni għall-grupp ta’ sustanzi A(3), il-punt (b) stabbilit fl-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1644 (3). Dan il-grupp ikopri s-sustanzi farmakoloġikament attivi mhux awtorizzati għat-trattament veterinarju jew għall-użu fl-għalf għall-annimali li jipproduċu l-ikel, li huma prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-bijoċidi, u li jistgħu jintużaw fit-trobbija tal-annimali li jipproduċu l-ikel. Peress li l-Istati Membri jistgħu jinkludu l-kontrolli uffiċjali ta’ dawn is-sustanzi skont il-qafas regolatorju tal-programmi nazzjonali pluriennali ta’ kontroll dwar ir-residwi tal-pestiċidi fl-ikel u fl-għalf, stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2244 (4), jenħtieġ li r-rekwiżit ta’ frekwenza minima tal-kampjunar ta’ 5 % stabbilit fid-dispożizzjonijiet addizzjonali fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1646 ma japplikax għall-grupp ta’ sustanzi A(3), il-punt (b).

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1646 jiġi emendat kif xieraq.

(7)

Peress li r-regoli stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1646 huma marbuta, kemm għall-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali bbażati fuq ir-riskju u għall-pjan ta’ sorveljanza nazzjonali aleatorju, mas-sena kalendarja rilevanti, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-ewwel darba għall-pjanijiet għas-sena 2025. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1646 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Kontenut addizzjonali tal-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali bbażati fuq ir-riskju u tal-pjan ta’ sorveljanza nazzjonali aleatorju

1.   Il-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali bbażati fuq ir-riskju, imsemmija fl-Artikoli 4 u 6, u l-pjan ta’ sorveljanza nazzjonali aleatorju, imsemmi fl-Artikolu 5, għandhom jispeċifikaw dan li ġej:

(a)

l-ispeċijiet li minnhom għandhom jittieħdu l-kampjuni u l-post tal-kampjunar;

(b)

il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-użu ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi u, b’mod partikolari, il-projbizzjoni tagħhom jew l-awtorizzazzjoni, id-distribuzzjoni, l-introduzzjoni fis-suq u l-amministrazzjoni tagħhom, sa fejn dik il-leġiżlazzjoni mhijiex armonizzata mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

(c)

l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-implimentazzjoni tal-pjanijiet.

2.   Minbarra l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1, il-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali bbażati fuq ir-riskju msemmija fl-Artikoli 4 u 6 għandhom jipprovdu dan li ġej:

(a)

ġustifikazzjoni għas-sustanzi, l-ispeċijiet, il-prodotti u l-matriċijiet magħżulin inklużi fil-pjanijiet abbażi tal-kriterji elenkati fl-Annessi II u VI tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1644, inkluża ġustifikazzjoni dwar kif tqiesu l-kriterji elenkati f’dawk l-Annessi, anke jekk ma tkun saret l-ebda bidla meta mqabbla mal-pjanijiet tas-sena preċedenti;

(b)

ġustifikazzjoni dwar kif il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fl-Istat Membru rilevanti li ġew identifikati fit-3 snin kalendarji preċedenti tqiesu għall-ottimizzazzjoni tal-pjanijiet.

L-Istati Membri ma jeħtiġux jissottomettu l-informazzjoni li diġà hija pprovduta fil-parti ġenerali tal-MANCP f’konformità mal-Artikolu 110(2) tar-Regolament (UE) 2017/625.”

;

(2)

l-intestatura tal-Artikolu 8 hija sostitwita b’dan li ġej:

“ Sottomissjoni u evalwazzjoni tal-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali bbażati fuq ir-riskju u tal-pjan ta’ sorveljanza nazzjonali aleatorju ”;

(3)

l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Sottomissjoni tad-data mill-Istat Membru

Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“EFSA”) id-data kollha mis-sena preċedenti, inkluż ir-riżultati konformi tal-metodi ta’ skrinjar fejn ma tkun saret l-ebda analiżi ta’ konferma, miġbura skont il-pjanijiet ta’ kontroll u l-pjan ta’ sorveljanza msemmija fl-Artikolu 3. Dik id-data għandha tinkludi wkoll it-tip ta’ miżuri ta’ segwitu meħudin mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-annimali jew tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali li fihom ikunu nstabu residwi mhux konformi fis-snin preċedenti.

Sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jiffinalizzaw il-validazzjoni, ir-rieżami u l-aċċettazzjoni finali tad-data fis-sistemi tar-repożitorju tad-data tal-EFSA.”;

(4)

fl-Anness I, fid-“dispożizzjonijiet addizzjonali”, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

Il-kontrolli fuq kull kombinazzjoni tas-sottogruppi ta’ sustanzi tal-Grupp A u tal-gruppi ta’ komoditajiet kif elenkati fl-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1644 għandhom jitwettqu kull sena fuq minimu ta’ 5 % tal-kampjuni meħuda f’konformità mat-tabella ta’ dan l-Anness għal dak il-grupp ta’ komoditajiet. Dan il-perċentwal minimu ma japplikax għall-budellati, u ma japplikax għall-gruppi ta’ sustanzi A(3), il-punt (b) u A(3), il-punt (f) għall-gruppi kollha ta’ komoditajiet.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1646 tat-23 ta’ Settembru 2022 dwar arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-użu ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi awtorizzati bħala prodotti mediċinali veterinarji jew bħala addittivi tal-għalf u ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi pprojbiti jew mhux awtorizzati u r-residwi tagħhom, dwar il-kontenut speċifiku tal-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali pluriennali u l-arranġamenti speċifiċi għat-tħejjija tagħhom (ĠU L 248, 26.9.2022, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1646/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1644 tas-7 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rekwiżiti speċifiċi għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali fuq l-użu tas-sustanzi farmakoloġikament attivi awtorizzati bħala prodotti mediċinali veterinarji jew bħala addittivi tal-għalf u tas-sustanzi farmakoloġikament attivi pprojbiti jew mhux awtorizzati u r-residwi tagħhom (ĠU L 248, 26.9.2022, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/1644/oj).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2244 tas-7 ta’ Ottubru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli speċifiċi dwar il-kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-proċeduri tat-teħid ta’ kampjuni għar-residwi tal-pestiċidi fl-ikel u fl-għalf (ĠU L 453, 17.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/2244/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2563/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)