European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1190

2.6.2026

DEĊIŻJONI (UE) 2026/1190 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta’ Mejju 2026

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2025/2419 dwar l-approvazzjoni tal-volum ta’ ħrug ta’ muniti fl-2026 (BĊE/2025/37) (BĊE/2026/12)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 128(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2015/2332 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Diċembru 2015 dwar il-qafas proċedurali għall-approvazzjoni tal-volum ta’ ħruġ ta’ muniti tal-euro (BĊE/2015/43) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 3(7) tagħha,

Filwaqt li:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt esklussiv sa mill-1 ta’ Jannar 1999 biex japprova l-volum ta’ muniti maħruġin mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

(2)

Skont l-estimi tad-domanda għall-muniti tal-euro fl-2026 li l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ppreżentaw lill-BĊE, il-BĊE approva l-volum totali tal-muniti tal-euro intiżi għaċ-ċirkolazzjoni u l-muniti tal-euro għall-kollezzjonisti mhux intiżi għaċ-ċirkolazzjoni fl-2026 fid-Deċiżjoni (UE) 2025/2419 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2025/37) (2).

(3)

Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2332 (BĊE/2015/43), l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jinnotifikaw lill-BĊE jekk id-domanda attwali għal muniti tal-euro x’aktarx taqbeż il-volum approvat ta’ ħruġ ta’ muniti f’sena kalendarja u, meta d-domanda akbar għall-muniti tkompli teżisti, għandhom jagħmlu talba għal approvazzjoni ad hoc għal volum addizzjonali ta’ ħruġ ta’ muniti f’dik is-sena kalendarja.

(4)

Fis-26 ta’ Marzu 2026, il-BĊE rċieva talba mill-Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru) f’isem il-Bulgarija biex jiżdied il-volum ta’ muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni li l-Bulgarija tista’ toħroġ fl-2026 b’volum addizzjonali ta’ EUR 174,66 miljun, minn EUR 163,64 miljun għal EUR 338,30 miljun. Hemm bosta raġunijiet għal din it-talba. L-ewwel nett, l-2026 hija l-ewwel sena wara l-bidla għall-euro fil-Bulgarija, u l-proċess ta’ skambju ta’ karti tal-flus u muniti tal-lev għall-euro għadu għaddej, u dan jirriżulta f’domanda għolja għall-muniti tal-euro. It-tieni, skont id-data storika dwar iċ-ċirkolazzjoni tal-muniti tal-lev, l-ogħla ħruġ nett iseħħ fit-tielet trimestru (il-vaganzi tas-sajf) u f’Diċembru (il-vaganzi tal-Milied). It-tielet, meta wieħed iqis in-nuqqas ta’ data statistika dwar iċ-ċirkolazzjoni tal-flus kontanti tal-euro fil-Bulgarija, hemm livell għoli ta’ inċertezza dwar kif id-domanda għall-muniti se tiżviluppa fix-xhur li ġejjin.

(5)

Fl-10 ta’ April 2026, il-BĊE rċieva talba miz-Zekka Rjali tal-Belġju f’isem il-Belġju biex iżid il-volum ta’ muniti għall-kollezzjonisti li l-Belġju jista’ joħroġ fl-2026 b’volum addizzjonali ta’ EUR 10 miljun, minn EUR 0,3 miljun għal EUR 10,3 miljun. Ir-raġuni għal din it-talba hija l-ħruġ ta’ żewġ muniti tal-ingotti, b’valuri nominali ta’ EUR 75 u EUR 300, li ma kienx previst qabel.

(6)

Skont l-Artikolu 3(7) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2332 (BĊE/2015/43), il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta deċiżjoni individwali dwar it-talba għal approvazzjoni ad hoc, meta ebda modifika għat-talba ad hoc ma tkun meħtieġa.

(7)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2025/2419 (BĊE/2025/37) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

It-tabella fl-Artikolu 2 tad-Decizjoni (UE) 2025/2419 (BĊE/2025/37) hija emendata kif gej:

(1)

ir-ringiela dwar il-Belġju hija mibdula b’li ġej:

“Il-Belġju

56,00

10,30

66,30”

(2)

ir-ringiela dwar il-Bulgarija hija mibdula b’li ġej:

“Il-Bulgarija

338,30

0,63

338,93”

(3)

ir-ringiela intitolata “Total” hija mibdula b’li ġej:

“Total

2 064,41

521,49

2 585,90 ”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lid-destinatarji.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-19 ta’ Mejju 2026.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 328, 12.12.2015, p. 123, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2332/oj.

(2)  Deċiżjoni (UE) 2025/2419 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Novembru 2025 dwar l-approvazzjoni tal-volum ta’ ħruġ ta’ muniti fl-2026 (BĊE/2025/37) (ĠU L, 2025/2419, 28.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2419/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1190/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)