IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.5.2020
COM(2020) 208 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Evalwazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwi tal-pestiċidi
{SWD(2020) 87 final}
1Daħla
Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (il-PPP), li ta’ spiss jissejħu pestiċidi, jintużaw biex jipproteġu l-għelejjel mill-pesti, mill-mard jew mill-pjanti li jikkompetu magħhom, bil-għan li jtejbu kemm jista’ jkun il-produzzjoni tal-ikel fil-biedja konvenzjonali jew f’dik organika. Il-pestiċidi jintużaw ukoll biex tinżamm il-kwalità tal-ikel (waqt il-ħżin) jew biex ċerti żoni jinżammu fil-kundizzjoni meħtieġa għall-użu xieraq tagħhom (pereżempju għall-ferroviji). Il-pestiċidi jistgħu jkunu ta’ oriġini kimika jew mhux kimika (pereżempju l-mikroorganiżmi) u r-residwi tagħhom fl-ikel u fl-għalf jistgħu jagħmlu ħsara lill-konsumaturi.
Minħabba li l-pestiċidi jaf ikunu ta’ ħsara għal saħħet il-bniedem jew għall-ambjent, japplikaw regoli stretti għalihom fl-UE, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u r-Regolament (KE) Nru 396/2005, minn hawn ’il quddiem imsejħin “ir-Regolament dwar il-PPP” u “r-Regolament dwar l-MRL” rispettivament. Dawn ir-Regolamenti għandhom l-għan li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent, li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern tal-UE, li jtejbu l-produzzjoni agrikola fl-UE u li jiffaċilitaw il-kummerċ internazzjonali. L-Istati Membri u l-Kummissjoni huma responsabbli flimkien għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti, minħabba li l-Istati Membri għandhom rwoli ewlenin b’rabta mal-valutazzjoni xjentifika tas-sustanzi attivi u tal-livelli massimi tar-residwi, li matulha jikkooperaw mill-qrib mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA). Abbażi ta’ dawn il-valutazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi deċiżjonijiet dwar l-approvazzjoni tas-sustanzi attivi, dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tagħhom u dwar il-livelli massimi ta’ residwi tagħhom, li l-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jivvota dwarhom qabel ma l-Kummissjoni tadottahom b’mod formali. L-Istati Membri huma responsabbli għalkollox għall-valutazzjoni tal-PPP u għall-awtorizzazzjoni tagħhom.
Ir-Regolament dwar il-PPP u r-Regolament dwar l-MRL huma inkorporati f’kuntest regolatorju u tal-politika usa’, b’mod partikulari kif stabbilit mid-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli
u mill-Politika Agrikola Komuni
, li joħolqu obbligi għall-użu tal-pestiċidi awtorizzati u li jipprovdu inċentivi għal agrikoltura iktar sostenibbli u għal prattiki tal-biedja sostenibbli. Il-leġiżlazzjoni ambjentali li tirregola l-kwalità tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma ta’ taħt l-art tinkludi limiti b’rabta ma’ għadd ta’ pestiċidi, u b’mod ġenerali l-użu tal-pestiċidi huwa pprojbit f’żoni li huma identifikati bħala żoni ta’ importanza partikulari għall-preservazzjoni tal-bijodiversità.
Is-soċjetà qed issir dejjem iżjed konxja mis-sostenibbiltà fil-produzzjoni tal-ikel, u l-użu sostenibbli tal-pestiċidi huwa element importanti minn din is-sostenibbiltà, kif rifless fl-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli
u fid-Dokument ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni Ewropea msejjaħ “Lejn Ewropa sostenibbli sal-2030”.
Il-Kummissjoni qed twieġeb għat-tħassib tas-soċjetàb’rabta mas-sostenibbiltà in fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, b’mod partikulari permezz tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, u tal-Istrateġija għall-Bijodiversità. Dawn l-inizjattivi se jippromwovu ekosistemi b’saħħithom u l-bijodiversità, sistemi tal-produzzjoni tal-ikel iktar sostenibbli u dieti aħjar għas-saħħa, filwaqt li jiżguraw għajxien sostenibbli għall-bdiewa u aċċess għal ikel ta’ kwalità għolja u nutrittiv għall-konsumaturi. B’mod partikulari, fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku ttieħed l-impenn li jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi kimiċi u li jitnaqqsu r-riskji marbutin magħhom.
Madankollu, l-għan ta’ agrikoltura li ma tuża l-ebda pestiċidi fl-UE mhuwiex wieħed realistiku, anke fil-każ tal-biedja organika fejn ukoll jista’ jintuża għadd limitat ta’ pestiċidi. L-użu tal-pestiċidi huwa għodda essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE marbutin mas-saħħa tal-pjanti, mas-sikurezza tal-ikel u mas-sigurtà tal-ikel, b’mod speċjali meta wieħed iqis iż-żieda li se jkun hemm fid-domanda globali għall-ikel minħabba t-tkabbir fil-popolazzjoni. Għalhekk, l-għan tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-pestiċidi mhuwiex li telimina l-pestiċidi iżda li tnaqqas l-impatt tagħhom fuq saħħet il-bniedem u fuq l-ambjent billi tnaqqas id-dipendenza fuqhom, billi toffri metodi alternattivi u billi żżid l-użu tal-pestiċidi b’riskju baxx u tal-pestiċidi li mhumiex pestiċidi kimiċi.
Bħala parti mill-programm tagħha dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (il-programm REFIT), il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tar-Regolament dwar il-PPP u tar-Regolament dwar l-MRL li kienet tkopri l-perjodu minn meta dawn daħlu fis-seħħ rispettivament sa tmiem l-2018, sabiex tivvaluta jekk dawn ir-Regolamenti humiex xierqa għall-għan tagħhom u humiex qed jilħqu l-għanijiet tagħhom filwaqt li jżommu l-liġi tal-UE sempliċi u jneħħu l-piżijiet żejda. Dan ir-rapport qed jiġi ppreżentat skont l-Artikolu 62(5) u l-Artikolu 82 tar-Regolament dwar il-PPP u skont l-Artikolu 47 tar-Regolament dwar l-MRL u miegħu għandu Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li fih qed tiġi ppreżentata l-evidenza kollha. Dan ir-rapport qed jiġi ppubblikat fl-istess ħin li fih qed jiġu ppubblikati l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u t-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli. Huwa jibni fuq l-evidenza li ġabar kuntrattur estern
, fuq opinjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Pariri Xjentifiċi tal-Kummissjoni
, fuq ir-rapporti tal-awditjar tas-servizzi tal-Kummissjoni u fuq l-esperjenza li nkisbet mit-tħaddim tar-Regolamenti.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset kif xieraq żewġ rapporti tal-Parlament Ewropew. L-ewwel rapport
, li kien adottat f’Settembru tal-2018, kien jittratta l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-PPP u kkonkluda li r-Regolament dwar il-PPP jirrappreżenta titjib sinifikanti meta mqabbel mal-imgħoddi u li huwa xieraq li l-pestiċidi jiġu rregolati fil-livell tal-UE. Madankollu, huwa kkonkluda wkoll li l-għanijiet li jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u l-ambjent ma ntlaħqux bis-sħiħ u li l-implimentazzjoni tar-Regolament mhijiex waħda sodisfaċenti. Għalhekk, il-Parlament Ewropew jitlob li l-atturi ewlenin kollha jieħdu azzjoni dwar dan. It-tieni rapport
, li kien adottat f’Jannar tal-2019 u li tħejja mill-Kumitat Speċjali dwar il-proċeduri tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi (il-Kumitat PEST), jitlob li tittejjeb it-trasparenza, li jissaħħu l-politiki li jindirizzaw il-kunflitti ta’ interess u li tissaħħaħ l-indipendenza tax-xjenza. Huwa jitlob ukoll li jiġu applikati b’mod strett il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-approċċ ibbażat fuq il-periklu fil-proċedura tal-awtorizzazzjoni u jargumenta favur iktar inċentivi u riċerka għall-alternattivi ta’ riskju baxx, kif ukoll favur it-twaqqif ta’ lista negattiva ta’ koformulanti pprojbiti u proċedura tal-approvazzjoni għall-aġenti protettivi u għas-sinerġizzanti. Il-Kummissjoni diġà wieġbet direttament għaż-żewġ rapporti tal-Parlament Ewropew,.
Il-Kummissjoni tat kas ukoll id-diskussjonijiet li saru fil-Kunsill tal-Agrikoltura u s-Sajd f’Novembru tal-2018 u fil-Kunsill tal-Ambjent f’Diċembru tal-2018. B’mod partikulari, il-Ministri qasmu l-fehmiet tagħhom bejniethom dwar l-iżviluppi attwali fis-sistema tal-approvazzjoni u tal-awtorizzazzjoni u dwar l-impatti li l-għadd dejjem ikbar ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi qed ikollu fuq l-agrikoltura u fuq il-bdiewa Ewropej. Il-Ministri ddiskutew ukoll il-possibbiltà li titnieda riflessjoni fit-tul dwar il-possibbiltà li jiġu żviluppati miżuri tal-UE biex jikkumplimentaw l-azzjonijiet nazzjonali biex jitnaqqas l-użu ta’ PPP perikolużi u biex fl-aħħar mill-aħħar dan jitneħħa b’mod gradwali, kif ukoll biex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ alternattivi għalihom. Il-Kummissjoni fakkret li l-Istati Membri mhux qed jieħdu biżżejjed azzjonijiet biex inaqqsu d-dipendenza fuq is-sustanzi kimiċi għall-protezzjoni tal-pjanti u li mhux qed jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-ġestjoni integrata tal-pesti. Barra minn hekk, l-Istati Membri ta’ spiss ma jżommux mal-iskadenzi meta jaġixxu bħala Stati Membri relaturi għas-sistema tal-approvazzjoni tal-UE u qed jużaw dejjem iktar l-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza tal-prodotti, li jaffettwaw ħażin lis-sistema tal-UE. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa li jinstabu modi biex jitħaffef it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti u sustanzi attivi b’riskju baxx.
Dan ir-rapport jiddeskrivi s-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni u tal-funzjonament kemm tar-Regolament dwar il-PPP kif ukoll tar-Regolament dwar l-MRL fl-Istati Membri kollha sa minn meta bdew japplikaw fihom f’Ġunju tal-2011 u f’Settembru tal-2008 rispettivament. Huwa jipproponi azzjonijiet biex titjieb l-implimentazzjoni tar-Regolamenti sabiex jiġi ssimplifikat il-qafas regolatorju attwali jew sabiex dan jissaħħaħ.
Filwaqt li l-evalwazzjoni sabet għadd ta’ nuqqasijiet li dwar xi wħud minnhom il-partijiet ikkonċernati differenti ma jaqblux bejniethom, il-partijiet ikkonċernati mill-ispettru kollu jaqblu li l-leġiżlazzjoni attwali tistabbilixxi qafas adegwat ta’ approvazzjoni ta’ qabel it-tqegħid fis-suq għas-sustanzi attivi u ta’ awtorizzazzjoni għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u mhumiex qed jitolbu bidliet fundamentali fir-Regolament dwar il-PPP, filwaqt li ma qablux daqshekk bejniethom b’rabta mar-Regolament dwar l-MRL. Fit-taqsima li jmiss, ir-rapport jidentifika sittax-il qasam fejn l-implimentazzjoni tista’ tittejjeb fiż-żmien qasir u fuq medda medja taż-żmien.
2 Is-sejbiet tal-evalwazzjoni u kif nistgħu nimxu ’l quddiem
2.1Tisħiħ tal-protezzjoni ta’ saħħet il-bniedem u tal-ambjent
L-evalwazzjoni sabet li r-Regolament dwar il-PPP fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa effettiv fil-protezzjoni ta’ saħħet il-bniedem u tal-ambjent minħabba li l-kriterji tal-approvazzjoni huma stretti ħafna, għalkemm l-implimentazzjoni tiegħu tista’ tittejjeb aktar. Il-partijiet ikkonċernati mill-ispettru kollu jqisu li r-rekwiżiti regolatorji fl-UE huma fost l-aktar stretti fid-dinja, jekk mhumiex l-aktar stretti. L-għadd ta’ sustanzi attivi diġà kien naqas b’iktar minn 50 % fil-kuntest tad-Direttiva 91/414/KEE, li kienet il-predeċessur tar-Regolament dwar il-PPP u li wasslet għall-irtirar mis-suq ta’ ħafna sustanzi li ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħha. Dan ifisser li qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament dwar il-PPP diġà kien hemm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent. Bir-Regolament dwar il-PPP, fl-2011 inbeda proċess biex jiġu rieżaminati b’mod regolari l-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi kollha: is-sustanzi attivi li kienu approvati qabel, jiġu rieżaminati skont il-kriterji tal-approvazzjoni msaħħa biex ikompli jiżdied il-livell ta’ protezzjoni fl-UE. Minħabba f’hekk, l-għadd ta’ sustanzi attivi li qabel kienu permessi fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kompla jonqos u l-għadd ġenerali ta’ sustanzi attivi approvati huwa ferm inqas minn dak f’pajjiżi terzi bi produzzjoni agrikola sinifikanti. Is-sehem tas-sustanzi attivi bi profili ta’ periklu għoli huwa baxx (2 %) u se jkompli jonqos fil-futur, filwaqt li l-proporzjon ta’ sustanzi attivi bi profili inqas problematiċi huwa relattivament kbir (37 %) u qed ikompli jiżdied. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar snin, madwar nofs l-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi ġodda (li bħala medja jkunu ta’ 10 fis-sena) huma għal mikroorganiżmi (mhux kimiċi) jew għal sustanzi li mistennija jissodisfaw il-kriterji għas-sustanzi b’riskju baxx. Bejn l-2011 u l-2018, id-deċiżjonijiet biex ma jiġux approvati 22 sustanza attiva jew biex ma tiġġeddidx l-approvazzjoni tagħhom jew biex dawn jiġu rtirati minħabba tħassib marbut mas-saħħa jew mal-ambjent ikkontribwew biex jitnaqqsu r-riskji serji għall-konsumaturi, għall-operaturi, għall-ħaddiema, għall-persuni li jinzertaw fil-qrib u għar-residenti fl-UE, kif ukoll għall-ambjent. Il-protezzjoni ta’ saħħet il-bniedem u tal-ambjent mistennija tkompli titjieb fis-snin li ġejjin meta jiġi ffinalizzat l-ewwel rieżami tal-approvazzjonijiet eżistenti kollha (li mistennija titlesta sal-2025). Madankollu, il-partijiet ikkonċernati mhux kollha jaqblu mal-konklużjoni li r-Regolament dwar il-PPP qed jipproteġi b’mod effettiv saħħet il-bniedem u l-ambjent — b’mod partikulari l-organizzazzjonijiet mhux governattivi jargumentaw li l-implimentazzjoni tal-kriterji tal-approvazzjoni mhijiex stretta biżżejjed, u li fl-UE għadhom jintużaw sustanzi attivi perikolużi.
Filwaqt li r-Regolament dwar il-PPP għandu potenzjal ċar li jkun effettiv biex jilħaq l-għanijiet tiegħu, fosthom iż-żieda tas-sehem tas-sustanzi b’riskju baxx, dawn intlaħqu biss b’mod parzjali minħabba problemi marbutin mal-effiċjenza. Fil-fatt, ir-Regolament dwar il-PPP ibati minn dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tiegħu li jolqot lill-approvazzjoni u lit-tiġdid tas-sustanzi attivi u lill-awtorizzazzjoni (mill-ġdid) tal-PPP. Dan iwassal għall-ħtieġa li jiġu estiżi l-perjodi tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi għal diversi snin sabiex jiġi konkluż il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li jdewwem ukoll l-aċċess għas-suq għas-sustanzi attivi b’riskju baxx u jżomm fis-suq sustanzi attivi li fl-aħħar mill-aħħar jinstabu li ma jkunx għadhom jissodisfaw il-kriterji tal-approvazzjoni.
L-ispejjeż u l-ammont ta’ xogħol involuti fl-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u fit-tiġdid tal-approvazzjoni tagħhom u fl-awtorizzazzjoni tal-PPP fit-tliet żoni stabbiliti mir-Regolament dwar il-PPP mhumiex imqassmin b’mod ġust fost l-Istati Membri. Dan ukoll jikkontribwixxi għad-dewmien eżistenti minħabba li ċerti Stati Membri għandhom ammont kbir ta’ xogħol. Barra minn hekk, it-tariffi li jimponu ċerti Stati Membri donnhom mhumiex biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż tagħhom u, barra minn hekk, mhux l-Istati Membri kollha jallokaw it-tariffi lill-awtoritajiet li jkunu qed iwettqu x-xogħol fir-realtà, u dan iwassal biex ma jkunx hemm biżżejjed riżorsi disponibbli.
L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej dwar il-glifosat, li ġabret iktar minn miljun firma f’inqas minn disa’ xhur fl-2017, talbet li jkun hemm iktar trasparenza fil-proċess tal-valutazzjoni tal-pestiċidi. Bi tweġiba għal dan, u biex tiżdied il-fiduċja fil-valutazzjonijiet xjentifiċi li jwettqu l-Istati Membri u l-EFSA, il-Kummissjoni pproponiet emenda tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel
li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw fit-13 ta’ Ġunju 2019 (ir-Regolament (UE) 2019/1381 dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari) u li se tibda tapplika fis-27 ta’ Marzu 2021. Minn dik id-data, id-dossiers sħaħ fornuti mill-applikanti biex jappoġġaw l-applikazzjonijiet għall-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi (jew it-tiġdid tal-approvazzjonijiet tagħhom) se jiġu ppubblikati kmieni fil-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju, minbarra l-informazzjoni konfidenzjali li tkun iġġustifikata kif suppost. Dan se jagħti lill-pubbliku ġenerali u lix-xjenzati indipendenti aċċess dirett għad-data sottostanti. Se jinħoloq ukoll reġistru tal-UE tal-istudji kkummissjonati biex jiġi ggarantit li l-kumpaniji li japplikaw għall-approvazzjoni jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti kollha u ma jżommux lura l-istudji li ma jkunux favorevoli. Il-Kummissjoni se tingħata s-setgħa twettaq missjonijiet ta’ tiftix tal-fatti fl-Istati Membri bejn l-2021 u l-2025 biex tivvaluta jekk il-faċilitajiet tal-ittestjar japplikawx l-istandards rilevanti għat-twettiq tat-testijiet u tal-istudji li jintbagħtu lill-EFSA. Biex tittejjeb il-komunikazzjoni tar-riskju, ir-Regolament il-ġdid (UE) 2019/1381 jistabbilixxi ċerti għanijiet u prinċipji ġenerali tal-komunikazzjoni tar-riskju (bħall-għoti ta’ informazzjoni preċiża, f’waqtha u trasparenti, l-attenzjoni għall-perċezzjonijiet tar-riskju u l-aċċessibbiltà għall-ispeċjalisti u għal dawk li mhumiex speċjalisti), li abbażi tagħhom il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta pjan ġenerali fil-ġejjieni dwar il-komunikazzjoni tar-riskju permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni.
1. Implimentazzjoni aħjar — nindirizzaw id-dewmien u nżidu t-trasparenza
Fid-dawl tal-impenn tal-Patt Ekoloġiku biex jitnaqqsu r-riskji mill-pestiċidi kimiċi u biex jiġi evitat it-tniġġis u tinstab soluzzjoni għalih, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jżidu b’mod sinifikanti r-riżorsi tagħhom biex jimplimentaw il-proċeduri rilevanti kollha fil-kuntest tar-Regolament dwar il-PPP u tar-Regolament dwar l-MRL sal-iskadenzi legali biex jagħmlu dan. Sabiex ikollhom ir-riżorsi meħtieġa disponibbli, l-Istati Membri għandhom jirrevedu t-tariffi li huma jitolbu, jiffissawhom f’livell li bih ikopru għalkollox l-ispejjeż tagħhom, u jiżguraw li minnhom jibbenefikaw l-awtoritajiet li jkunu qed iwettqu x-xogħol. Il-Kummissjoni se tqis il-possibbiltà li tibda proċeduri ta’ ksur kontra dawk l-Istati Membri li b’mod sistematiku jonqsu milli jħarsu l-iskadenzi legali.
F’konformità mal-fehmiet tal-Parlament Ewropew biex jiġi evitat id-dewmien proċedurali li jwassal għal nuqqas ta’ effiċjenza, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jaċċettaw biss fajls sħaħ ta’ kwalità għolja bħala fajls ammissibbli, kemm għall-applikazzjonijiet għall-ewwel approvazzjoni ta’ sustanza attiva jew għat-tiġdid tal-approvazzjoni tagħha u kemm għall-applikazzjonijiet għall-awtoritazzjoni tal-PPP.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistieden lill-EFSA u lill-Istati Membri jimplimentaw l-azzjonijiet li qablu dwarhom fin-Netwerk ta’ Tmexxija dwar il-Pestiċidi
biex itejbu l-proċess ta’ evalwazzjoni bejn il-pari bil-għan li jiġi evitat id-dewmien. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-EFSA biex ittejjeb iċ-ċarezza tal-Konklużjonijiet tal-EFSA dwar l-inċertezzi biex tiffaċilita l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u biex dawn ikunu jistgħu jinqraw iktar faċilment minn dawk li mhumiex esperti.
Fit-tieni kwart tal-2020, il-Kummissjoni se tadotta l-ewwel lista ta’ koformulanti mhux aċċettabbli. Wara dan, il-Kummissjoni se tipproponi Regolament ta’ Implimentazzjoni li jistabbilixxi l-kriterji u l-proċedura biex jiġu identifikati iktar koformulanti mhux aċċettabbli. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll programm ta’ ħidma għall-valutazzjoni tal-aġenti protettivi u tas-sinerġizzanti.
Matul l-2020, il-Kummissjoni se temenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012
li jirregola l-proċess ta’ tiġdid biex timplimenta l-bidliet meħtieġa li ġejjin mir-Regolament (UE) 2019/1381. Il-Kummissjoni se tqis ukoll il-possibbiltà li temenda l-Artikolu 13(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 biex iddaħħal perjodu qasir għall-applikanti biex iressqu l-kummenti tagħhom u biex jibagħtu iktar informazzjoni dwar l-abbozz tal-Konklużjonijiet tal-EFSA biex jindirizzaw aspetti li jkunu tqajmu biss tard matul il-proċess tal-evalwazzjoni bejn il-pari li ma jkunux setgħu jippreveduhom, sabiex tiżdied il-kompletezza u r-robustezza tal-Konklużjoni finali tal-EFSA. Dawn il-bidliet se jżidu t-trasparenza u l-effiċjenza matul il-valutazzjoni u matul il-proċess tal-ġestjoni tar-riskju li joħroġ minnha.
Il-kriterji ta’ limitu għas-saħħa tal-bniedem li ddaħħlu fir-Regolament dwar il-PPP ikkontribwew biex jitneħħew l-iktar sustanzi attivi perikolużi mis-suq, l-iktar minħabba l-fatt li għall-biċċa l-kbira mis-sustanzi li dwarhom l-applikanti jistennew li jissodisfaw il-kriterji, ma ntbagħtet l-ebda applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni. Dan qed jikkontribwixxi għall-protezzjoni ta’ saħħet il-bniedem u tal-ambjent. Għalkemm kien previst approċċ gradwali għall-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi, l-Istati Membri donnhom mhux qed iwaqqfu l-valutazzjoni tar-riskju meta sustanza attiva tkun tissodisfa l-kriterji ta’ limitu, u dan qed iwassal biex l-awtoritajiet ta’ evalwazzjoni jkollhom l-istess ammont ta’ xogħol għaliha bħalma jkollhom għal sustanza attiva normali jew saħansitra anki iktar xogħol. Fost ir-raġunijiet biex titkompla l-valutazzjoni tar-riskju hemm il-possibbiltajiet ta’ deroga għal bosta mill-kriterji ta’ limitu, li għalihom kellhom jiġu żviluppati proċeduri u gwida ġodda iżda li għadhom mhumiex kompluti għal kollox.
Nuqqas ta’ effiċjenza ieħor li ġie identifikat fl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ limitu huwa li s-sustanzi attivi mhux kollha għandhom klassifikazzjoni armonizzata. L-Istati Membri ma jibagħtux b’mod sistematiku fajl għall-klassifikazzjoni armonizzata kmieni fil-proċess ta’ tiġdid. Dan wassal għal dewmien fil-valutazzjoni ġenerali u fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan naqqas l-effettività immedjata tal-kriterji ta’ limitu.
Minħabba f’hekk, it-tnaqqis mistenni fl-ammont ta’ xogħol marbut mal-evalwazzjoni tas-sustanzi li jissodisfawil-kriterji ta’ limitu (jew li mistennija jissodisfawhom) seħħ biss fil-każ ta’ dawk it-tlettax-il sustanza attiva li għalihom ma tressqet l-ebda applikazzjoni għat-tiġdid jew li għalihom ma kien hemm bżonn issir l-ebda evalwazzjoni.
2. Implimentazzjoni mtejba tal-kriterji ta’ limitu
Fil-bidu tal-2020, il-Kummissjoni adottat emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 li jirregola l-proċess ta’ tiġdid biex tiżgura li l-Istati Membri jibagħtu b’mod sistematiku u kmieni fil-proċess tal-evalwazzjoni proposti għall-klassifikazzjoni u għat-tikkettar armonizzati skont ir-Regolament dwar is-CLP
. Dan se jżid iċ-ċertezza fl-użu tal-kriterji ta’ limitu u jnaqqas id-diffikultajiet u d-dewmien fl-evalwazzjoni bejn il-pari u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi.
Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jużaw bis-sħiħ l-Artikolu 11(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 u jkomplu l-valutazzjoni sħiħa tar-riskju biss jekk jew is-sustanzi attivi ma jkunux jissodisfaw il-kriterji ta’ limitu jew jekk tiġi invokata tal-inqas waħda mill-possibbiltajiet ta’ deroga għall-approvazzjoni tagħhom.
Fl-ewwel nofs tal-2020, il-Kummissjoni se tniedi mill-ġdid id-diskussjonijiet mal-Istati Membri biex tanalizza l-possibbiltà li tiffinalizza d-dokument ta’ gwida dwar l-esponiment negliġibbli sabiex titħaffef l-evalwazzjoni ta’ jekk din il-possibbiltà ta’ deroga tistax tapplika meta sustanza attiva tkun tissodisfa l-kriterji ta’ limitu.
Ir-regoli għas-sustanzi attivi li huma kandidati għas-sostituzzjoni la huma effettivi u lanqas ma huma effiċjenti. L-evidenza disponibbli turi li l-valutazzjonijiet komparattivi li wettqu l-Istati Membri b’rabta mal-prodotti li fihom sustanzi attivi li huma kandidati għas-sostituzzjoni kienu kumplessi u kienu jeħtieġu r-riżorsi iżda ma wasslu għall-ebda sostituzzjoni, l-iktar minħabba li ma kienx hemm alternattivi li għalihom kien hemm provi li kienu juru li dawn kellhom profili aħjar tar-riskju. Għalhekk, ma ssarrfux f’realtà l-benefiċċji li kien mistennija jkun hemm għal saħħet il-bniedem u għall-ambjent mis-sostituzzjoni ta’ dawn is-sustanzi attivi aktar perikolużi. Barra minn hekk, il-valutazzjonijiet komparattivi wasslu biex il-proċess tal-awtorizzazzjoni jkun jiswa iktar flus minn dak tal-awtorizzazzjonijiet standard.
3. Simplifikazzjoni tal-valutazzjoni komparattiva tal-kandidati għas-sostituzzjoni
Sa tmiem l-2020, il-Kummissjoni se tuża d-delega tas-setgħa tagħha biex temenda l-Anness IV tar-Regolament dwar il-PPP biex ittejjeb l-effikaċja tal-valutazzjonijiet komparattivi tal-prodotti li jkun fihom il-kandidati għas-sostituzzjoni.
Il-monitoraġġ annwali komprensiv tar-residwi tal-pestiċidi, li fil-kuntest tiegħu jiġu analizzati aktar minn 80 000 kampjun kull sena, juri konformità għolja mal-MRL stabbiliti, u jindika li l-ikel disponibbli għall-konsumaturi huwa kkontrollat tajjeb u huwa sikur. Sa tmiem l-2018 kienu ġew stabbiliti l-MRL għal 486 sustanza approvata fl-UE u għal 247 sustanza mhux approvata f’firxa wiesgħa ta’ prodotti bażiċi agrikoli. L-applikazzjonijiet il-ġodda għall-MRL, fosthom it-talbiet għat-tolleranzi għall-importazzjoni, jgħaddu minn proċess komprensiv ta’ valutazzjoni tar-riskju u l-MRL jistgħu jiġu stabbiliti biss jekk ikunu sikuri għall-konsumaturi. B’mod parallel, fl-2008 beda eżerċizzju ta’ rieżami bir-reqqa tal-MRL eżistenti, li jinkludi t-tolleranzi għall-importazzjoni eżistenti u l-limiti massimi tar-residwi stabbiliti mill-Kummissjoni tal-Codex Alimentarius u li jiżgura li l-MRL jinżammu aġġornati u li dawn ma jinżammux f’livelli ogħla minn dawk meħtieġa skont il-prattiki agrikoli tajbin. Madankollu, dan ir-rieżami tal-MRL attwali kollha kienet iddewmet fil-bidu minħabba li l-Artikolu 12 rilevanti tar-Regolament dwar l-MRL ma jistipulax qafas ċar tal-proċeduri biex jitlesta r-rieżami tal-MRL attwali tas-sustanzi attivi approvati kollha fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-MRL. L-ewwel kellhom jiġu żviluppati u maqbula mal-Istati Membri l-proċeduri bħall-assenjar tal-kompiti jew tar-responsabbiltajiet, l-iskadenzi u l-possibbiltà li jiġu imposti tariffi li għandhom jitħallsu mill-industrija, u dan wassal għal dewmien. Ir-rieżami issa miexi tajjeb.
Xi partijiet ikkonċernati u xi Stati Membri talbu li jiġu stabbiliti MRL speċifiċi għall-għalf, għall-ħut u għall-prodotti pproċessati, għażla li jagħtiha r-Regolament dwar l-MRL. Il-Kummissjoni għadha ma użatx dawn il-possibbiltajiet, minħabba li ma hemm l-ebda indikazzjoni ta’ riskji potenzjali li jindikaw li hemm bżonn tittieħed azzjoni prijoritarja f’dan il-qasam. Fir-Regolament dwar l-MRL u fil-leġiżlazzjoni ġenerali dwar l-ikel diġà hemm fis-seħħ mekkaniżmi biex tittieħed azzjoni ta’ infurzar biex jiġu indirizzati s-sitwazzjonijiet fejn ma ġewx stabbiliti MRL speċifiċi. Id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-prodotti pproċessati, inklużi l-fatturi tal-ipproċessar, diġà huma fis-seħħ ukoll, u dawk id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu ċċarati u tista’ tingħata gwida lill-Istati Membri dwarhom f’konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel relatata f’oqsma oħrajn (pereżempju mar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 dwar il-kontaminanti) (ara wkoll il-kaxxa 13).
L-iżvilupp ta’ metodoloġija għall-valutazzjoni kumulattiva tar-riskju li tkopri l-esponiment simultanju għal diversi kimiċi (“l-effett ta’ cocktail”) spiċċa kien ħafna iktar ikkumplikat milli kien mistenni fil-bidu u għadu għaddej. S’issa, l-EFSA stabbiliet żewġ gruppi ta’ kimiċi li għandhom impatti fuq is-sistema nervuża u t-tirojde rispettivament, u f’Settembru tal-2019 ippubblikat l-abbozzi tar-rapporti bir-riżultati tal-valutazzjoni kumulattiva tar-riskju għar-residwi tagħhom fl-ikel għall-konsultazzjoni pubblika u f’Ottubru tal-2019 organizzat avveniment tekniku għall-partijiet ikkonċernati dwarhom. Ir-rapporti finali mistennija jiġu ppubblikati f’April tal-2020. Bħalissa għaddejja ħidma biex tiġi żviluppata aktar il-metodoloġija u biex isiru valutazzjonijiet kumulattivi għal gruppi ta’ sustanzi oħrajn, u biex eventwalment din tintuża għat-teħid tad-deċiżjonijiet regolatorji (bħall-iffissar tal-MRL u l-approvazzjoni tas-sustanzi attivi). L-EFSA u l-Istati Membri għandhom bżonn ta’ riżorsi sostanzjali biex ikunu jistgħu jkomplu jiżviluppaw dan il-metodu. Għalhekk, l-impatt tal-valutazzjoni kumulattiva tar-riskju fuq il-protezzjoni ta’ saħħet il-bniedem se jkun jista’ jiġi apprezzat biss fi stadju iktar tard.
4. Valutazzjoni kumulattiva tar-riskju
Il-Kummissjoni, l-EFSA u l-Istati Membri se jkomplu jiżviluppaw metodoloġija għall-valutazzjoni kumulattiva tar-riskju sabiex ikomplu jsaħħu l-protezzjoni tal-konsumaturi. Biex isir progress b’rata iktar mgħaġġla, l-EFSA u l-Istati Membri jridu jallokaw biżżejjed riżorsi għal dan il-kompitu.
Sa tmiem l-2020 il-Kummissjoni u l-EFSA se jiżviluppaw pjan ta’ azzjoni li jistabbilixxi l-prijoritajiet għall-ħidma li għaddejja bħalissa dwar l-iżvilupp tal-metodu u għall-implimentazzjoni sussegwenti tal-metodoloġija. Il-pjan se jissejjes fuq l-għarfien eżistenti u se jkun flessibbli biex iwieġeb għall-bidliet fl-iżviluppi xjentifiċi u fl-esperjenzi li jkunu nkisbu.
Il-bijodiversità fl-ekosistemi agrikoli naqset b’mod sostanzjali, kif wieħed jista’ jara mit-tnaqqis fl-għasafar tar-raba’ u mit-telf tal-popolazzjonijiet tal-insetti f’ċerti partijiet tal-UE. Fost affarijiet oħrajn, l-użu tal-pestiċidi ġie identifikat bħala fattur importanti li jwassal għal dawn l-iżviluppi. Ir-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi attivi li jaffettwaw ħażin lid-dakkara, bħan-neonikotinojdi imidacloprid, chlotianidin, thiamethoxam u thiacloprid, jew in-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjonijiet tagħhom rispettivament, ikkontribwew għal livell ogħla ta’ protezzjoni ambjentali. Il-pestiċidi jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma ta’ taħt l-art. Id-data ta’ monitoraġġ ippubblikata fl-2018 dwar l-istatus kimiku tal-ilmijiet Ewropej turi li madwar 6.5 % tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art (f’termini taż-żona) ma jissodisfawx l-għan ta’ status tajjeb tal-ilma stabbilit fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma minħabba l-pestiċidi u l-metaboliti tagħhom (li ħafna drabi jkunu “sustanzi li ntirtu mill-passat” li ma jkunx għadhom approvati). Id-data ta’ monitoraġġ turi tnaqqis fil-kontaminazzjoni tal-ilma tal-wiċċ mill-pestiċidi fis-snin reċenti (għalkemm għadd limitat biss ta’ sustanzi ġew immonitorjati), u dan jindika li r-Regolament dwar il-PPP donnu qed jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-protezzjoni tal-ambjent akkwatiku. Hemm inqas data ta’ monitoraġġ disponibbli għal kompartimenti ambjentali oħrajn bħall-ħamrija, jew mill-annimali, mill-pjanti u mill-bnedmin (il-monitoraġġ bijoloġiku). Aktar data ta’ monitoraġġ tgħin biex jiġi vverifikat jekk it-tbassir tal-mudelli matul il-valutazzjoni tar-riskju huwiex korrett jew le u/jew jekk il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju humiex effettivi jew le.
5. Monitoraġġ ambjentali u bijoloġiku
Bħala parti mir-riżultati tal-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni se żżid il-monitoraġġ tal-konċentrazzjonijiet u tal-effetti ambjentali. B’mod partikulari, fejn jinstab li dan ikun rilevanti, fid-deċiżjonijiet tal-approvazzjoni l-Kummissjoni se tistabbilixxi l-obbligu li tiġi mmonitorjata l-preżenza ta’ sustanzi attivi (u/jew tal-metaboliti tagħhom) fil-kompartimenti ambjentali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tanalizza l-possibbiltà li żżid il-monitoraġġ tal-konċentrazzjonijiet fil-ħamrija billi tinkludi l-pestiċidi fl-istħarriġ qafas statistiku tal-użu tal-art taż-żona koperta (LUCAS) li jsir fl-UE
.
Il-Kummissjoni qed timplimenta l-proġett pilota dwar il-monitoraġġ ambjentali tal-użu tal-pestiċidi permezz tal-monitoraġġ tan-naħal tal-għasel li l-Parlament Ewropew qabel dwaru. Fi tmiem l-2018 ingħażel kuntrattur u nbdew l-attivitajiet b’rabta ma’ dan
.
Il-Kummissjoni pproponiet xi sustanzi attivi li għandhom jingħataw prijorità fil-kuntest tal-programm ta’ monitoraġġ bijoloġiku tal-UE msejjaħ “HBM4EU”
, u se tkompli tagħmel dan fil-futur.
Meta jitqiesu l-impatti fuq il-bijodiversità, l-effetti tal-użu tal-pestiċidi jiżdiedu mal-effetti tas-sistema attwali tal-produzzjoni agrikola, li fiha għandek ħafna raba’ li jintuża għall-monokultura, li jeħtieġ użu akbar ta’ pestiċidi, u fatturi oħrajn li jaffettwaw il-pajsaġġi.
Xi partijiet ikkonċernati jikkritikaw il-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni attwali tal-ispeċijiet mhux fil-mira li jitqiesu fil-valutazzjoni tar-riskju huwa limitat wisq biex ikopri l-gruppi rilevanti kollha.
Jeħtieġ li ssir iktar riċerka u li jiġu żviluppati metodi ta’ valutazzjoni li jqisu r-riskji kumulattivi biex nifhmu aħjar l-impatt reali tal-pestiċidi fuq il-popolazzjonijiet, fuq id-diversità fl-ispeċijiet u bejniethom u fuq ir-relazzjonijiet bejn l-ispeċijiet u s-servizzi tal-ekosistema.
6. Definizzjoni tal-miri tal-protezzjoni ambjentali u aġġornament tad-dokumenti ta’ gwida
Il-Kummissjoni u l-EFSA għamlu progress fl-iżvilupp ta’ metodoloġija biex jiġu ddefiniti l-miri speċifiċi tal-protezzjoni ambjentali biex tkompli tittejjeb il-kunsiderazzjoni tal-bijodiversità fil-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju. Permezz tal-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ ħidma mal-assessuri tar-riskju u mal-maniġers tar-riskju mill-Istati Membri u mal-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, il-miri tal-protezzjoni se jiġu miftehma fi proċess inklużiv li beda fl-2019.
Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex taġġorna d-dokumenti ta’ gwida dwar il-metodoloġiji tal-valutazzjoni tar-riskju, fosthom billi tqis jekk dawn ikoprux l-ispeċijiet ix-xierqa kollha li mhumiex fil-mira, sabiex iżżomm mal-pass tal-avvanzi xjentifiċi, u tistieden lill-Istati Membri u lill-EFSA jikkooperaw magħha b’rabta ma’ dan.
Il-Kummissjoni se tipprevedi sejħiet għal proġetti tar-riċerka dwar il-metodoloġiji biex jiġu vvalutati r-riskji kumulattivi u l-impatt tal-pestiċidi fuq l-ekosistemi fil-kuntest tal-programm qafas imsejjaħ “Orizzont Ewropa”.
2.2Il-kompetittività u s-suq intern
Għad m’hemmx evidenza konklużiva dwar l-effetti tar-Regolament dwar il-PPP fuq il-produzzjoni agrikola fl-UE minħabba li dan jiddependi fuq diversi fatturi. Il-bdiewa jikkritikaw il-fatt li m’hemmx biżżejjed PPP fl-UE, iżda l-għadd ta’ sustanzi attivi approvati fil-fatt żdied minn 427 fl-2011 għal 484 fl-2018 u l-għadd ta’ PPP disponibbli żdied f’ħafna mill-Istati Membri.
L-għadd ta’ SMEs li jipproduċu l-PPP u prodotti agrokimiċi oħrajn qed jonqos u r-rekwiżiti regolatorji għoljin qed jikkontribwixxu għal dan. L-SMEs huma tal-fehma li r-rekwiżiti marbutin mad-data u l-proċeduri ta’ valutazzjoni huma sproporzjonati, minħabba li dawn il-kumpaniji ġeneralment jiffukaw fuq il-bijopestiċidi u fuq soluzzjonijiet oħrajn b’riskju potenzjalment baxx (ara wkoll il-kaxxa 11 fit-taqsima 2.5).
Is-sistema żonali għall-awtorizzazzjoni tal-PPP wasslet għal xi kisbiet fl-effiċjenza u għal żieda fl-għadd ta’ PPP li huma disponibbli fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, iżda mhux qed taħdem tajjeb daqs kemm kien mistenni. L-awtorizzazzjoni tal-PPP permezz tar-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet minn Stati Membri oħrajn twassal għal tariffi iktar baxxi għall-applikanti u għal piż imnaqqas għall-Istati Membri. Barra minn hekk, fl-Istati Membri li jużaw ir-rikonoxximent reċiproku kien hemm iktar żidiet fl-għadd ta’ PPP disponibbli fis-swieq tagħhom. Madankollu, l-użu tar-rikonoxximent reċiproku għall-awtorizzazzjoni tal-PPP fir-realtà jvarja ħafna minn Stat Membru għall-ieħor u minn żona għall-oħra. Ir-raġunijiet ewlenin għal dan huma r-rekwiżiti nazzjonali speċifiċi (jew addizzjonali), in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-metodoloġiji li jintużaw biex jitwettqu l-evalwazzjonijiet, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni, kif ukoll l-isforzi mhux ottimi li jsiru biex jingħataw il-kummenti dwar ix-xogħol li jkun wettaq ħaddieħor matul il-proċess tal-valutazzjoni żonali, li kollha jwasslu għal xogħol doppju u għal dewmien. L-użu akbar tal-awtorizzazzjonijiet żonali u r-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet inaqqsu x-xogħol doppju, jilliberaw ir-riżorsi u jħaffu l-aċċess għas-suq għall-PPP.
7. Titjib fis-sistema żonali għall-awtorizzazzjoni tal-PPP
Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri jnaqqsu kemm jista’ jkun ir-rekwiżiti nazzjonali għall-awtorizzazzjonijiet tal-PPP jew ineħħuhom u jevitaw ir-ripetizzjoni tal-valutazzjonijiet li jkunu diġà saru.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi u r-riżorsi li jallokaw għall-attivitajiet tal-kumitati rispettivi ta’ tmexxija taż-żoni biex iżidu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni. Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri jużaw il-grupp ta’ ħidma dwar il-kwistjonijiet ta’ wara l-approvazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf b’mod iktar effettiv biex isolvu d-differenzi ta’ bejniethom, hekk kif jiġri fil-grupp ta’ koordinazzjoni stabbilit skont ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali.
M’hemmx biżżejjed PPP disponibbli għall-użijiet minuri u l-Istati Membri mhux qed jużaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet eżistenti biex jiffaċilitaw l-awtorizzazzjoni tat-tali użijiet. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-koordinazzjoni tal-provi u l-aċċettazzjoni tad-data dwar ir-residwi evalwata minn Stati Membri oħrajn u l-aċċettazzjoni tal-provi dwar ir-residwi li jsiru barra l-UE mhumiex biżżejjed. Sabiex jegħlbu din il-problema, l-Istati Membri jużaw l-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza minflok ma jestendu l-użijiet eżistenti tal-PPP awtorizzati.
8. Soluzzjonijiet għall-użijiet minuri
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jużaw aħjar id-dispożizzjonijiet eżistenti tar-Regolament dwar il-PPP biex jestendu l-użijiet tal-PPP awtorizzati għall-użijiet minuri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli taġġorna b’mod regolari l-linji gwida eżistenti dwar l-estrapolazzjoni tal-MRL biex tiffaċilita l-iffissar tal-MRL għall-għelejjel minuri.
Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri jirrevedu t-tariffi li jitolbu għall-estensjonijiet tal-użijiet minuri u jbaxxuhom biex jippromwovu l-applikazzjonijiet min-naħa tal-industrija jew min-naħa tal-organizzazzjonijiet tal-utenti.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament fit-tul tal-Faċilità għall-Koordinazzjoni tal-Użijiet Minuri f’konformità mal-proposta li ddiskuta l-Kunsill tal-Ministri għall-Agrikoltura u s-Sajd waqt il-laqgħa tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2017
.
2.3L-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza
L-Artikolu 53 tar-Regolament dwar il-PPP jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri jippermettu l-użu ta’ PPP mingħajr awtorizzazzjoni regolari biex jiġu indirizzati perikli għas-saħħa tal-pjanti li ma jistgħux jiġu kkontrollati b’xi mezz raġonevoli ieħor. Mill-2011 ’l hawn it-tali awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza żdiedu bi 300 %. M’hemm l-ebda data disponibbli dwar iż-żona li fiha jiġu applikati l-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza. Minħabba li aktar minn 90 % mill-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza jingħataw għal PPP li jkun fihom sustanzi attivi approvati, l-Istati Membri donnhom qed jużaw l-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza biex jegħlbu d-dewmien proċedurali fl-awtorizzazzjoni tal-PPP u fir-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet, minbarra li jużawhom għall-użijiet minuri kif deskritt fit-taqsima 2.2. Barra minn hekk, xi awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza jingħataw ripetutament, sena wara l-oħra. Minbarra dan, il-partijiet ikkonċernati jilmentaw ukoll li l-proċedura ta’ applikazzjoni għall-iffissar tal-MRL għat-tali użijiet ta’ emerġenza hija twila wisq.
9. Żieda fis-sorveljanza tal-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza
Mit-3 ta’ Frar 2020 ’il quddiem, il-Kummissjoni bdiet tippubblika n-notifiki kollha tal-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza li l-Istati Membri jibagħtulha fl-interfaċċa pubblika tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Applikazzjonijiet għall-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti (il-PPPAMS) biex iżżid it-trasparenza u jkun hemm iktar skrutinju pubbliku. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem biex timplimenta bis-sħiħ is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Applikazzjonijiet għall-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti (il-PPPAMS) għall-awtorizzazzjonijiet kollha qabel tmiem l-2022 u se tipprevedi l-użu obbligatorju tagħha f’Regolament ta’ Implimentazzjoni.
Il-Kummissjoni se ttejjeb l-indikatur tar-riskju armonizzat numru 2 stabbilit skont id-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli sabiex tqis iż-żona fejn jiġu applikati l-PPP li jkunu ngħataw l-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza.
Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex sa nofs l-2020 ittejjeb il-gwida rilevanti dwar l-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza biex tiċċara l-kriterji ta’ meta jistgħu jingħataw l-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza. Jekk tħoss li jkun hemm bżonn, il-Kummissjoni se tqis il-possibbiltà li tadotta Regolament ta’ Implimentazzjoni li jistabbilixxi t-tali kriterji b’mod legalment vinkolanti.
Il-Kummissjoni kompliet iżżid is-sorveljanza tal-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza mogħtija mill-Istati Membri billi tuża d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament dwar il-PPP biex titlob l-opinjonijiet tal-EFSA dwar il-ġustifikazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza. Fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni se tkompli tipproponi Deċiżjonijiet f’konformità mal-Artikolu 53(3) li ma jħallux lill-Istati Membri jagħtu awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza mhux iġġustifikati.
2.4L-ittestjar fuq l-annimali vertebrati
Il-kondiviżjoni tat-testijiet u tar-rapporti tal-istudji huwa element importanti biex jitnaqqas l-ittestjar fuq l-annimali. Filwaqt li żdied l-għadd ta’ studji fuq l-annimali vertebrati li ġew kondiviżi, kif maħsub, id-data preliminari turi li, b’mod ġenerali, l-ittestjar fuq l-annimali vertebrati ma naqasx. Dan ġara minħabba li żdiedet l-evidenza xjentifika meħtieġa biex jiġu approvati s-sustanzi attivi. Is-sitwazzjoni mhix mistennija titjieb minħabba li fil-futur se jkun hemm bżonn ta’ iktar evidenza biex jiġu vvalutati l-effetti tas-sustanzi, pereżempju fuq is-sistema endokrinali u fuq il-metaboliti. Barra minn hekk, ir-rekwiżit għal valutazzjoni perjodika mill-ġdid tas-sustanzi attivi kollha jista’ jżid jew iżomm il-ħtieġa għall-ittestjar in vivo.
10. Tnaqqis ulterjuri tal-ħtieġa għall-ittestjar fuq l-annimali vertebrati
Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex tnaqqas l-ittestjar fuq l-annimali vertebrati billi tippromwovi l-iżvilupp u l-validazzjoni ta’ strateġiji tal-ittestjar li jużaw alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali permezz tal-finanzjament ta’ proġetti tar-riċerka fil-kuntest tal-programm qafas imsejjaħ “Orizzont 2020”
u tas-Sħubija Ewropea għal Metodi Alternattivi għall-Ittestjar fuq l-Annimali (l-EPAA)
. Il-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għal Alternattivi għall-Ittestjar fuq l-Annimali (l-EURL ECVAM) jappoġġa b’mod attiv il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi. Il-Kummissjoni qed tintrabat li, fil-Komunikazzjonijiet li jakkumpanjaw ir-rekwiżiti marbutin mad-data, tinkludi metodi alternattivi u vvalidati tal-ittestjar meta dawn ikunu disponibbli biex b’mod gradwali tneħħi l-ħtieġa li jkun hemm l-ittestjar fuq l-annimali fil-kuntest tar-Regolament dwar il-PPP.
2.5Is-sostenibbiltà tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-prodotti b’riskju baxx
Ir-Regolament dwar il-PPP u r-Regolament dwar l-MRL jikkontribwixxu biex jinkisbu xi wħud mill-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli
, b’mod partikulari l-għanijiet 2, 3, 6, 12, 14 u 15, jiġifieri “Inxejnu l-ġuħ”, “Saħħa tajba u benesseri”, “Ilma nadif u sanità”, “Konsum u produzzjoni responsabbli”, “Il-ħajja taħt l-ilma” u “Il-ħajja fuq l-art” rispettivament, li jitolbu li jittaffa t-theddid kbir għall-produzzjoni primarja tal-ikel u fl-istess ħin li l-ikel u l-għalf irid jinżamm sikur u ħieles mit-theddid bijoloġiku u kimiku.
Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-PPP li jippromwovu prodotti u sustanzi attivi b’riskju baxx huma partikularment rilevanti. Sar hemm iktar sustanzi bażiċi u PPP b’riskju baxx, inklużi l-mikroorganiżmi, disponibbli, iżda l-partijiet ikkonċernati jqisu li dawn mhumiex biżżejjed u li l-proċeduri tal-approvazzjoni u tal-awtorizzazzjoni huma twal wisq. Filwaqt li l-Kummissjoni u xi Stati Membri ħadu azzjoni biex iħaffu l-proċeduri għat-tqegħid fis-suq tal-PPP b’riskju baxx, l-effetti tagħhom mistennija jinħassu biss fil-ġejjieni
.
Barra minn hekk, tekniki ġodda ta’ applikazzjoni (bħar-robotika u d-diġitalizzazzjoni) għandhom il-potenzjal inaqqsu ferm ir-riskji marbutin mal-użu tal-pestiċidi.
11. Il-promozzjoni tal-protezzjoni sostenibbli tal-pjanti, tas-soluzzjonijiet b’riskju baxx u tal-mitigazzjoni effiċjenti tar-riskju
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għamlu t-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-pestiċidi u l-bidla lejn sustanzi b’riskju baxx prijorità. L-ewwel waħda se tiġi indirizzata fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli. F’dak li għandu x’jaqsam mat-tieni waħda, il-Kummissjoni se tħaffef ix-xogħol li diġà bdiet mal-Istati Membri u mal-EFSA biex, sa tmiem l-2020, taġġorna r-rekwiżiti marbutin mad-data u l-metodoloġiji ta’ valutazzjoni għall-mikroorganiżmi. Se jitqiesu wkoll il-karatteristiċi speċifiċi tal-mikroorganiżmi u ta’ PPP oħrajn b’riskju baxx meta jkunu qed jitqiesu regoli iktar speċifiċi għar-residwi tal-pestiċidi (ara wkoll il-kaxxa 14).
Fl-2020 il-Kummissjoni se tibda ċiklu tal-Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel u se tiffinanzjah biex issaħħaħ l-għarfien espert fl-Istati Membri b’rabta mal-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-mikroorganiżmi u għal bijopestiċidi oħrajn.
Il-Kummissjoni diġà tat segwitu għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma li approva l-Kunsill tal-Ministri għall-Agrikoltura u s-Sajd biex tħaffef id-disponibbiltà tas-sustanzi u tal-prodotti b’riskju baxx u biex ittejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-ġestjoni integrata tal-pesti bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-impenn tagħhom li jimplimentaw l-azzjonijiet assenjati lilhom fid-dawl tar-rapport ta’ progress li ġie ppreżentat lill-Kunsill f’Lulju tal-2019.
Il-Kummissjoni se tagħti spinta lid-disponibbiltà tas-sustanzi bażiċi pereżempju billi tiċċara l-proċeduri u l-iskadenzi għall-approvazzjoni tagħhom u billi teżamina l-possibbiltajiet li tipprovdi l-informazzjoni b’mod iktar dirett dwar l-utilità tagħhom għall-finijiet tal-protezzjoni tal-pjanti.
Il-Kummissjoni se tkompli talloka l-fondi fil-kuntest tal-programmi ta’ qafas għar-riċerka
biex jiġu żviluppati metodi aktar sostenibbli għall-protezzjoni tal-pjanti u teknoloġiji biex jitnaqqsu l-użu u r-riskji tal-PPP, bħall-monitoraġġ tal-pesti, il-mudelli ta’ tbassir, il-prattiki agrikoli diġitalizzati u t-tagħmir ġdid għall-applikazzjoni preċiża. Il-Kummissjoni tħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jappoġġaw, fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-impenji ta’ ġestjoni u l-investimenti li jkollhom l-għan li jimplimentaw metodi u prattiki biex jonqos l-użu tal-pestiċidi u biex jibdew jintużaw metodi alternattivi.
Il-Kummissjoni se tkompli l-ħidma li bdiet fl-2019 flimkien mal-Istati Membri u mal-EFSA biex tivvaluta l-potenzjal tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju, fosthom tat-tekniki l-ġodda ta’ applikazzjoni, sabiex tarmonizza l-valutazzjoni tal-potenzjal tagħhom għat-tnaqqis tar-riskju.
2.6Infurzar
L-infurzar tar-Regolament dwar il-PPP ivarja minn Stat Membru għall-ieħor u dan jaffettwa ħażin l-effettività ġenerali tiegħu. Huwa stmat li l-PPP illegali u foloz jirrappreżentaw madwar 10 % mis-suq tal-UE, u dan huwa ta’ tħassib minħabba li dan jista’ jnaqqas il-livell ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-bniedem u tal-ambjent li jinkiseb mill-bqija.
12. Infurzar aħjar tar-Regolament dwar il-PPP
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jżidu l-għarfien dwar ir-riskji tal-prodotti illegali u foloz, iżidu u jwessgħu l-isforzi ta’ infurzar tagħhom f’dan is-settur, fosthom b’rabta mal-użu xieraq tal-pestiċidi, u jqisu l-possibbiltà li jirrevedu l-livell tal-penali għan-nuqqas ta’ konformità. Il-Kummissjoni bdiet konsultazzjonijiet mal-Istati Membri dwar jekk hemmx bżonn jiġu stabbiliti rekwiżiti iktar speċifiċi b’rabta mal-PPP permezz tal-għoti tas-setgħa fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2017/625 dwar il-kontrolli uffiċjali.
Ir-Regolament dwar l-MRL jiżgura li l-Istati Membri jistgħu jieħdu azzjoni ta’ infurzar għall-kombinazzjonijiet kollha possibbli tal-pestiċidi u tal-prodotti bażiċi. Jekk ma jkun iffissat l-ebda MRL speċifiku, japplika awtomatikament l-hekk imsejjaħ “MRL awtomatiku” ta’ 0.01 mg/kg. Dan jiżgura protezzjoni massima tal-konsumaturi, minħabba li b’hekk kull kombinazzjoni ta’ pestiċida u ta’ prodott bażiku hija koperta minn MRL. Ir-Regolament dwar l-MRL ikopri wkoll is-sustanzi b’użu doppju jew multiplu, jiġifieri s-sustanzi li jintużaw għal skopijiet differenti (pereżempju kemm bħala pestiċidi kif ukoll bħala prodotti mediċinali veterinarji jew bħala prodotti bijoċidali) u s-sustanzi li kienu jintużaw bħala pestiċidi fl-imgħoddi, iżda li ma għadhomx jintużaw bħala tali. F’każijiet bħal dawn, jista’ jkun japplika l-MRL awtomatiku ta’ 0.01 mg/kg u l-kampjuni jistgħu jinstabu li ma jkunux konformi ma’ dak il-livell anke jekk ir-residwi fl-ikel ma jkunux ġejjin mill-użu ta’ PPP. Dan wassal għal problemi ta’ infurzar fil-prattika, pereżempju fil-każ tal-użu tal-prodotti bijoċidali għad-diżinfezzjoni tal-ilma tax-xorb jew għall-ipproċessar jew fil-każ tal-kontaminazzjoni ambjentali. Ir-Regolament dwar l-MRL stabbilixxa wkoll xi MRL li huma differenti minn dawk mogħtija f’leġiżlazzjoni settorjali oħra għall-istess kombinazzjoni ta’ sustanzi u ta’ prodotti bażiċi (pereżempju fil-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti mediċinali veterinarji). Dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati sa ċertu punt fil-qafas legali eżistenti, pereżempju billi jiġu stabbiliti MRL temporanji abbażi ta’ data tal-monitoraġġ biex jitqiesu użijiet oħrajn. Madankollu, fil-prattika kien hemm nuqqas ta’ effiċjenza minħabba li r-Regolament dwar l-MRL jippermetti li jiġu stabbiliti MRL temporanji f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali biss, li madankollu mhumiex iddefiniti sewwa, u dan iwassal għal diskussjonijiet twal fost il-maniġers tar-riskju qabel ma tkun tista’ tittieħed azzjoni. Soluzzjonijiet oħrajn huma l-allinjament tal-MRL li huma sikuri għall-konsumaturi fil-leġiżlazzjoni settorjali differenti u l-iżvilupp ta’ metodoloġiji armonizzati, pereżempju għall-valutazzjonijiet tal-esponiment, fil-livell tal-UE u f’dak internazzjonali.
Barra minn hekk, diġà hemm fis-seħħ dispożizzjonijiet ġenerali għall-prodotti pproċessati, fosthom għall-fatturi ta’ pproċessar, iżda dawk id-dispożizzjonijiet hemm bżonn jiġu ċċarati. L-Istati Membri jistgħu jingħataw iktar gwida dwar kif għandhom jużaw l-informazzjoni iktar speċifika li jipprovdulhom l-operaturi tan-negozji tal-ikel. Dan ikun konformi mal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel relatata f’oqsma oħrajn (pereżempju mar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 dwar il-kontaminanti).
13. Infurzar aħjar tar-Regolament dwar l-MRL
Qabel tmiem l-2021, il-Kummissjoni se tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ x’jitqies bħala “ċirkustanza eċċezzjonali” biex jiġu stabbiliti l-MRL temporanji biex jiġu evitati l-interpretazzjonijiet ħżiena.
Il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltà li tippermetti li jiġu aċċettati MRL speċifiċi li jkunu ġew stabbiliti fil-kuntest ta’ qafas legali differenti (pereżempju għas-sustanzi li jintużaw ukoll bħala prodotti mediċinali veterinarji) u li jkunu nstabu li huma sikuri għall-konsumaturi, u se tappoġġa d-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa fil-livell tal-UE u f’dak internazzjonali biex tiġi żviluppata proċedura armonizzata u kkoordinata għall-valutazzjoni tal-esponiment.
Qabel tmiem l-2021, il-Kummissjoni se tiċċara d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-MRL u se tagħti gwida lill-Istati Membri dwar kif jistgħu jqisu l-fatturi tal-ipproċessar li jipprovdulhom l-operaturi tan-negozji tal-ikel fid-deċiżjonijiet tal-infurzar tagħhom.
2.7Reazzjonijiet iktar rapidi għall-kwistjonijiet emerġenti u għall-progress tekniku fil-kuntest tar-Regolament dwar l-MRL
Id-dispożizzjonijiet attwali tar-Regolament dwar l-MRL mhumiex flessibbli biżżejjed b’rabta mal-adattamenti meħtieġa għall-progress tekniku, pereżempju fil-każ tas-sustanzi attivi li mhumiex sustanzi kimiċi bħall-mikroorganiżmi. Qed jiġi previst li, huwa u jsir progress xjentifiku u teknoloġiku ġdid, jistgħu jinqalgħu kwistjonijiet emerġenti oħrajn, pereżempju marbutin man-nanopestiċidi, mal-iffissar tal-MRL għal gruppi kbar ta’ sustanzi wara valutazzjoni kumulattiva tar-riskju, eċċ.
14. Reazzjoni iktar rapida għall-kwistjonijiet emerġenti marbutin mal-MRL u għall-progress tekniku
Fl-2020, il-Kummissjoni se tibda tanalizza soluzzjonijiet prattiċi biex tintegra sustanzi attivi ġodda b’karatteristiċi differenti fl-Annessi tar-Regolament eżistenti dwar l-MRL, li kien imfassal l-iktar għal sustanzi kimiċi individwali.
2.8Il-kummerċ internazzjonali
Fil-livell internazzjonali, l-approċċ strett tal-UE għall-pestiċidi ta’ spiss jiġi kkritikat minn għadd ta’ pajjiżi terzi li jsostnu li ċerti aspetti tal-qafas legali u tal-prattiki tal-UE mhumiex konformi mal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Applikazzjoni tal-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (il-Ftehim SPS tad-WTO) u huma restrittivi wisq. Dal-ħin, is-sħab kummerċjali ewlenin tagħna jiddependu ħafna fuq l-użu tal-pestiċidi għall-produzzjoni tal-ikel, inkluż għall-esportazzjoni lejn l-UE, u mhux bil-fors japplikaw l-istess standards ta’ protezzjoni tal-ambjent bħall-UE (pereżempju f’dak li għandu x’jaqsam mal-impatt fuq in-naħal).
Hemm tensjoni dejjem ikbar bejn l-aspettattivi tal-konsumaturi Ewropej li l-ikel importat ma għandux ikun fih pestiċidi li mhumiex approvati fl-UE u l-impenji internazzjonali tal-UE, b’mod partikulari fil-kuntest tad-WTO. L-UE tinkorpora b’mod regolari l-limiti miftehma fil-Codex Alimentarius li huma sikuri għall-konsumaturi fir-Regolament tagħha dwar l-MRL, u dan jiffaċilita l-kummerċ internazzjonali. Fl-istess ħin, fl-UE stess jiġi kkritikat il-fatt li huma stabbiliti MRL sikuri għall-konsumaturi għal sustanzi attivi li mhumiex approvati (l-hekk imsejħa “tolleranzi għall-importazzjoni”), pereżempju f’każijiet fejn id-deċiżjoni tal-UE dwar in-nuqqas ta’ approvazzjoni ma kinitx minħabba raġunijiet tas-saħħa pubblika, iżda minħabba r-riskji ambjentali. Dan jippermetti l-importazzjoni ta’ prodotti ttrattati b’sustanzi attivi li mhumiex disponibbli għall-bdiewa tal-UE, u b’hekk jaffettwa ħażin il-kompetittività tal-agrikoltura tal-UE u l-ambjent fil-pajjiżi terzi. Fl-aħħar nett, bħala parti minn dawn it-tensjonijiet, il-kriterji ta’ limitu mogħtija fir-Regolament dwar il-PPP ta’ spiss jiġu kkritikati wkoll fil-livell internazzjonali, kemm b’mod bilaterali kif ukoll fil-kuntest tad-WTO, minħabba li l-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE jqisu li dawn jaf ikollhom implikazzjonijiet kummerċjali sinifikanti.
Biex jgħarrfu lill-operaturi tan-negozju u lill-pajjiżi terzi, il-Kummissjoni u l-EFSA jipprovdu informazzjoni bikrija dwar l-iżviluppi marbutin mal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li jaf iwasslu għal tnaqqis eventwali fl-MRL. Minkejja din it-twissija bikrija, is-sħab kummerċjali ta’ spiss jibagħtu l-applikazzjonijiet għat-tolleranzi għall-importazzjoni tard wisq biex jevitaw it-tfixkil fil-kummerċ u jikkritikaw lill-UE minħabba li jqisu li ż-żmien disponibbli għall-iffissar tat-tolleranzi għall-importazzjoni huwa qasir wisq wara li jitnaqqsu l-MRL.
Ir-Regolament dwar il-PPP fih dispożizzjonijiet li jippermettu ċ-ċirkolazzjoni libera taż-żrieragħ ittrattati fl-UE jekk ikun hemm tal-inqas awtorizzazzjoni waħda għalihom f’tal-inqas Stat Membru wieħed. Madankollu, għad m’hemmx qbil dwar jekk huwiex possibbli li ż-żrieragħ għall-esportazzjoni jiġu ttrattati b’sustanza attiva li mhijiex approvata fl-UE — xi Stati Membri huma tal-fehma li dan huwa possibbli, filwaqt li oħrajn le.
15. L-użu tad-diplomazija ekoloġika biex tiġi promossa l-aġenda ekoloġika tagħna b’rabta mal-pestiċidi
F’konformità mal-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku, l-UE se tuża l-istrumenti kollha tagħha fil-qasam tad-diplomazija, tal-politika kummerċjali u tal-appoġġ għall-iżvilupp biex tippromwovi t-tneħħija gradwali, kemm jista’ jkun, tal-użu tal-pestiċidi li ma għadhomx approvati fl-UE u biex tippromwovi s-sustanzi b’riskju baxx u l-alternattivi għall-pestiċidi mad-dinja kollha. Huwa importanti li l-isforzi li jsiru fl-UE jsiru wkoll ’il barra minnha biex jiżdiedu kemm jista’ jkun il-benefiċċji ambjentali u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tirrifletti fuq kif tista’ tqis l-aspetti ambjentali hija u tivvaluta t-talbiet għat-tolleranzi għall-importazzjoni għal sustanzi li ma għadhomx approvati fl-UE filwaqt li tħares l-istandards u l-obbligi tad-WTO. Jekk issib li jkun meħtieġ, il-Kummissjoni tikkunsidra reviżjoni tar-Regolament dwar l-MRL biex issaħħaħ id-dimensjoni ambjentali tiegħu u ddaħħal l-allinjamenti rilevanti mal-proċess tal-approvazzjoni tal-pestiċidi.
L-UE se tuża d-diskussjonijiet fil-fora internazzjonali, fosthom fil-Kumitat SPS tad-WTO u fil-Codex Alimentarius, biex tispjega l-approċċ li hija ssegwi b’rabta mal-pestiċidi u biex tħeġġeġ lill-pajjiżi terzi jadottaw approċċ simili.
L-UE se tfittex li tibni alleanzi ekoloġiċi ma’ reġjuni dinjin oħrajn. Hija se tiffoka b’mod speċjali fuq il-pajjiżi ġirien. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltà li tippromwovi l-użu ta’ ċerti fondi għall-iżvilupp biex tappoġġa, pereżempju, lill-pajjiżi Andini u tal-Amerka Ċentrali li talbu lill-UE tgħinhom inaqqsu l-użu tal-pestiċidi fil-produzzjoni tal-frott. L-UE se tuża d-diskussjonijiet fil-kuntest tal-Ftehimiet dwar il-Kummerċ Ħieles biex tippromwovi l-konverġenza fl-approċċi fil-qasam tal-pestiċidi u biex tinkludi dispożizzjonijiet fil-Ftehimiet dwar il-Kummerċ Ħieles tal-ġejjieni maħsubin biex jintlaħqu l-istess standards f’dan il-qasam.
Il-Kummissjoni se ttejjeb l-isforzi ta’ komunikazzjoni dwar l-impatti tar-Regolament dwar il-PPP fuq l-MRL u dwar iż-żmien meta għandhom isiru l-proċeduri differenti biex is-sistema tal-UE ssir aktar prevedibbli għall-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE, inkluż b’rabta mal-kriterji ta’ limitu.
Il-Kummissjoni se tkompli tikkontribwixxi għall-iżvilupp, fil-livell internazzjonali, tal-metodoloġiji tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-ġestjoni tar-riskju biex tiffaċilita l-allinjament tal-MRL mal-limiti miftehma fil-Codex Alimentarius u l-istabbiliment tal-MRL wara t-talbiet għat-tolleranzi għall-importazzjoni.
Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex l-Istati Membri jiftehmu bejniethom dwar il-possibbiltà li ż-żrieragħ għall-esportazzjoni jiġu ttrattati b’sustanza attiva li ma tkunx approvata fl-UE (ara wkoll it-taqsima 3.1).
Il-Kummissjoni se tkompli tiffinanzja l-Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel f’pajjiżi li mhumiex membri tal-UE biex tinfurmahom dwar ir-Regolamenti tal-UE dwar il-pestiċidi, biex tnaqqas id-diverġenzi fil-prattiki agrikoli u biex tippromwovi l-użu ta’ sustanzi iktar selettivi u inqas tossiċi bħala alternattiva għas-sustanzi iktar antiki u iktar tossiċi.
2.9Il-koerenza interna u l-konsistenza ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE
Fil-biċċa l-kbira tagħhom, ir-Regolament dwar il-PPP u r-Regolament dwar l-MRL huma koerenti internament u huma konsistenti ma’ xulxin. Eċċezzjoni partikulari hija l-kriterji ta’ limitu li r-Regolament dwar l-MRL ma jqishomx. Dan ħoloq inċertezzi f’dak li għandu x’jaqsam mal-konsegwenzi għall-MRL meta l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva ma tiġġeddidx fil-kuntest tar-Regolament dwar il-PPP minħabba l-kriterji ta’ limitu. Dan jista’ jiġi indirizzat billi jiġu ċċarati iktar l-impatti tal-kriterji ta’ limitu fuq l-MRL għas-sustanzi kkonċernati u ż-żmien meta għandhom isiru l-proċessi differenti biex tittejjeb il-prevedibbiltà għall-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE (ara l-kaxxa 15).
Eċċezzjoni oħra hija l-interazzjoni tar-reviżjoni tal-MRL mat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi, li, minħabba skedi taż-żmien differenti, wasslet għal piż amministrattiv żejjed u għal xogħol doppju fl-Istati Membri, fl-EFSA u fil-Kummissjoni.
Mhux dejjem hija żgurata l-konsistenza ma’ oqsma oħrajn tal-politika tal-UE, u ġew identifikati kwistjonijiet marbutin mal-politika dwar l-ikel għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar (pereżempju b’rabta mad-definizzjoni tar-“residwi tal-pestiċidi”), mal-politika dwar l-iġjene u mal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi f’dak li għandu x’jaqsam mal-kriterji biex is-sustanzi jiġu identifikati bħala sustanzi persistenti.
16. Żieda fil-koerenza interna u fil-konsistenza mal-leġiżlazzjoni tal-UE
Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri u mal-EFSA biex ittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-proċedura għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u l-proċess ta’ rieżami tal-MRL biex ikun hemm iktar effiċjenza u biex jiġu evitati d-duplikazzjoni u r-riżultati kuntradittorji. Dan japplika kemm għall-iskadenzi u kemm għar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri.
Il-Kummissjoni se tallinja d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar mar-Regolament dwar l-MRL sabiex tagħmilhom konsistenti miegħu u sabiex taġġornahom skont l-istandards tekniċi l-iktar riċenti.
3Konklużjoni
Il-partijiet ikkonċernati mill-ispettru kollu jqisu li r-rekwiżiti regolatorji għall-pestiċidi fl-UE huma fost l-aktar stretti fid-dinja. Kif spjegat fid-dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja ’l dan ir-rapport, mill-evalwazzjoni ħareġ li r-Regolament dwar il-PPP u r-Regolament dwar l-MRL jipprevedu l-protezzjoni ta’ saħħet il-bniedem u tal-ambjent u b’mod ġenerali huma effettivi, għalkemm tista’ tkompli tittejjeb l-implimentazzjoni tagħhom. Ir-Regolament dwar il-PPP kompla x-xogħol ta’ tnaqqis fl-għadd ta’ sustanzi attivi li kien inbeda permezz tad-Direttiva 91/414/KEE u kien partikularment effettiv biex kompla jneħħi b’mod gradwali s-sustanzi b’riskju għoli, u issa d-dispożizzjonijiet li jippromwovu s-sustanzi b’riskju baxx bdew jagħtu l-frott. Ir-Regolamenti għandhom valur miżjud irrikonoxxut fil-livell tal-UE u huma rilevanti għall-ħtiġijiet tas-soċjetà li qed jevolvu. Minbarra l-inkonsistenzi li ġew innutati b’rabta mal-kriterji ta’ limitu, b’mod ġenerali hija żgurata l-koerenza kemm internament fir-Regolamenti u bejniethom, kif ukoll esternament b’rabta mal-leġiżlazzjoni l-oħra tal-UE u mar-regoli internazzjonali.
L-effiċjenza toħroġ bħala l-qasam kritiku li jeħtieġ attenzjoni. Minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi u ta’ kapaċitajiet fl-Istati Membri, ħafna mill-proċeduri stabbiliti fir-Regolamenti qed ibatu minn dewmien serju, li min-naħa tiegħu jaffettwa ħażin l-effettività tagħhom.
Is-segwitu immedjat ta’ din l-evalwazzjoni se jiffoka fuq it-titjib tal-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv eżistenti. Ġew identifikati sittax-il qasam fejn l-implimentazzjoni tista’ tittejjeb fiż-żmien qasir u fuq medda medja taż-żmien. Dawn l-azzjonijiet mistennija jwasslu għal titjib sostanzjali fl-implimentazzjoni effettiva taż-żewġ Regolamenti fi żmien qasir, li se jagħti kontribut sostanzjali għall-kisba tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u tal-Istrateġija għall-Bijodiversità. It-tneħħija gradwali b’mod rapidu tas-sustanzi attivi li ma jissodisfawx il-kriterji tal-approvazzjoni se tippromwovi ekosistemi b’saħħithom u l-bijodiversità, filwaqt li l-promozzjoni tal-pestiċidi b’riskju baxx u mhux kimiċi flimkien ma’ implimentazzjoni mtejba tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġestjoni integrata tal-pesti, se tnaqqas id-dipendenza fuq il-pestiċidi kimiċi u tikkontribwixxi għal sistemi tal-produzzjoni tal-ikel iktar sostenibbli.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tirrifletti fuq kif tista’ tqis l-aspetti ambjentali hija u tivvaluta t-talbiet għat-tolleranzi għall-importazzjoni għal sustanzi li ma għadhomx approvati fl-UE filwaqt li tħares l-istandards u l-obbligi tad-WTO. Jekk issib li jkun meħtieġ, il-Kummissjoni tikkunsidra reviżjoni tar-Regolament dwar l-MRL biex issaħħaħ id-dimensjoni ambjentali tiegħu u ddaħħal l-allinjamenti rilevanti mal-proċess tal-approvazzjoni tal-pestiċidi.