23.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 298/15


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1839

tad-19 ta' Novembru 2018

dwar it-tnedija fl-Irlanda tal-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dattiloskopika

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, il-forniment ta' data personali previst taħt dik id-Deċiżjoni ma jistax isir sakemm id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data stipulati fil-Kapitolu 6 ta' dik id-Deċiżjoni ma jkunux ġew implimentati fil-liġi nazzjonali tat-territorji tal-Istati Membri involuti f'tali forniment.

(2)

L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI (3) jipprevedi li l-verifika li l-kondizzjoni msemmija fil-premessa 1 ġiet sodisfatta fir-rigward tal-iskambju awtomatizzat ta' data f'konformità mal-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI għandha ssir abbażi ta' rapport ta' evalwazzjoni bbażat fuq kwestjonarju, żjara ta' evalwazzjoni u prova pilota.

(3)

Skont il-punt 1.1 tal-Kapitolu 4 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI, il-kwestjonarju mfassal mill-Grupp ta' Ħidma rilevanti tal-Kunsill jikkonċerna kull wieħed mill-iskambji awtomatizzati ta' data u għandu jintwieġeb minn Stat Membru hekk kif huwa jemmen li huwa jissodisfa l-prerekwiżiti għall-kondiviżjoni tad-data fil-kategorija rilevanti ta' data.

(4)

L-Irlanda lestiet il-kwestjonarju dwar il-protezzjoni tad-data u l-kwestjonarju dwar l-iskambju ta' data dattiloskopika.

(5)

L-Irlanda wettqet b'suċċess prova pilota mal-Awstrija.

(6)

Saret żjara ta' evalwazzjoni fl-Irlanda u ġie prodott rapport dwar iż-żjara ta' evalwazzjoni mill-iskwadra ta' evalwazzjoni Awstrijaka li ntbagħat lill-Grupp ta' Ħidma rilevanti tal-Kunsill.

(7)

Ġie ppreżentat lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni ġenerali, li jagħti sinteżi tar-riżultati tal-kwestjonarju, taż-żjara ta' evalwazzjoni u tal-prova pilota fir-rigward tal-iskambju ta' data dattiloskopika.

(8)

Fis-16 ta' Lulju 2018, il-Kunsill, wara li ħa nota tal-ftehim tal-Istati Membri kollha marbutin bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, ikkonkluda li l-Irlanda implimentat għalkollox id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data stipulati fil-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

(9)

Għalhekk, għall-finijiet tat-tiftix awtomatizzat ta' data dattiloskopika, jenħtieġ li l-Irlanda tkun intitolata li tirċievi u tforni data personali skont l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

(10)

L-Artikolu 33 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI jagħti lill-Kunsill setgħat ta' implimentazzjoni bil-ħsieb tal-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni, b'mod partikolari fir-rigward tar-riċezzjoni u l-forniment ta' data personali previsti taħt dik id-Deċiżjoni.

(11)

Peress li l-kondizzjonijiet biex jingħata bidu għall-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni ġew sodisfatti u l-proċedura f'dan ir-rigward ġiet segwita, jenħtieġ li tiġi adottata Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni dwar it-tnedija fl-Irlanda ta' skambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dattiloskopika sabiex dak l-Istat Membru jkun jista' jirċievi u jforni data personali skont l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

(12)

Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit huma marbuta bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u għalhekk qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tat-tiftix awtomatizzat ta' data dattiloskopika, l-Irlanda hija intitolata li tirċievi u tforni data personali skont tal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI mill-24 ta' Novembru 2018.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Novembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. KÖSTINGER


(1)   ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.

(2)  Opinjoni tal-24 ta' Ottubru 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).