European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2875

12.11.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2875

tal-5 ta’ Novembru 2024

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim, fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri, li jemenda u jissupplimenta l-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 186 u l-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) li tistabbilixxi s-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) taħt Orizzont 2020, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2028.

(2)

Il-Ġordan huwa wieħed minn 19-il Stat Parteċipanti fil-PRIMA, li kkonkluda ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tiegħu fil-PRIMA (3) (“il-Ftehim PRIMA”). Il-Ftehim PRIMA għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tibqa’ fis-seħħ.

(3)

Id-Deċiżjoni (UE) 2024/1167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) estendiet id-durata ġenerali tal-PRIMA sal-31 ta’ Diċembru 2031 u pprevediet li l-Ġordan ikompli jkun Stat Parteċipanti fil-PRIMA taħt Orizzont 2020. Barra minn hekk, dik id-Deċiżjoni pprevediet li l-Ġordan jitqies bħala Stat Parteċipanti għall-finijiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-attivitajiet tal-PRIMA taħt Orizzont Ewropa (5) soġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim, fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri, li jemenda u jissupplimenta l-ftehim internazzjonali eżistenti għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika mal-Unjoni u li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet il-ġodda tal-parteċipazzjoni tal-Ġordan fil-PRIMA.

(4)

Peress li l-Ġordan esprima l-interess tiegħu li jkompli jkun Stat Participant għall-finijiet tal-attivitajiet tal-PRIMA taħt Orizzont Ewropa, jenħtieġ li jaċċetta formalment it-termini u l-kundizzjonijiet aġġornati.

(5)

Għal dak l-għan fid-9 ta’ Novembru 2023 (6), il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2023/2621, li awtorizzat lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim, fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri, li jemenda u jissupplimenta l-Ftehim PRIMA, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Ġordan fil-PRIMA taħt Orizzont Ewropa.

(6)

In-negozjati ġew iffinalizzati fil-15 ta’ Frar 2024 permezz tal-inizjalar tal-Ftehim.

(7)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat.

(8)

F’konformita’ mat-Trattati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-iffirmar tal-Ftehim,soġġett għall-konklużjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim f’isem l-Unjoni Ewropea, fl-għamla ta’ Skambju ta’ Ittri, jemenda u jissupplimenta l-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jistipula t-termini u kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan fis-Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) (il-“Ftehim”), huwa b’dan awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (7).

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-iffirmar tal-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

VARGA M.


(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li pparteċipaw fiha b’mod konġunt diversi Stati Membri (ĠU L 185, 18.7.2017, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(3)  Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika (ĠU L 159, 17.6.2011, p. 108).

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2024/1167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) taħt Orizzont Ewropa (ĠU L, 2024/1167, 19.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1167/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/695/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2621 tad-9 ta’ Novembru 2023 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehimiet, fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri, li jemendaw u jissupplimentaw il-ftehimiet għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, ir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, ir-Repubblika Libaniża u r-Renju tal-Marokk, rispettivament, li jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fir-rigward ta’ Orizzont Ewropa fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) imwettqa b’mod konġunt minn diversi Stati Membri (ĠU L, 2023/2621, 21.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2621/oj).

(7)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2875/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)