KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fl‑10 ta’ Lulju 2025 ( 1 )
Kawża C‑229/24 [Brännelius] ( i )
TK,
OP
vs
Riksåklagaren
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal‑liġijiet – Suq uniku ta’ servizzi finanzjarji – Regolament (UE) Nru 596/2014 – Abbuż tas-suq – Artikolu 7(1)(a) – Kunċett ta’ ‘informazzjoni privileġġata’ – Informazzjoni li ma saritx pubblika – Artikolu 17 – Żvelar pubbliku ta’ informazzjoni privileġġata minn emittent– Deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li ma tagħtix kuntratt pubbliku – Komunikazzjoni lill-offerenti permezz ta’ posta elettronika – Bejgħ antiċipat ta’ azzjonijiet ta’ impriża offerenti – Insider dealings – Informazzjoni privileġġata – Żvelar pubbliku ta’ informazzjoni”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja) hija mitluba tiddeċiedi dwar ir-rikorsi ta’ żewġ persuni kkundannati, fl-ewwel istanza u fl-appell, għaliex biegħu lill-Borża Svediża strumenti finanzjarji li fir-rigward tagħhom huma kienu akkużati li kellhom informazzjoni privileġġata. |
|
2. |
Din l-informazzjoni tirrigwarda d-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti muniċipali li ma tagħtix kuntratt pubbliku lil kumpannija kkwotata fil-Borża. Ftit qabel ma din il-kumpannija ħarġet stqarrija għall-istampa dwar dan is-suġġett, iż-żewġ persuni imsemmija iktar ’il fuq saru jafu b’dan il-fatt permezz ta’ posta elettronika mibgħuta mill-awtorità kontraenti u biegħu l-azzjonijiet tagħhom sabiex jevitaw telf fil-Borża. It‑tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-informazzjoni li dawn iż-żewġ persuni użaw għall-benefiċċju tagħhom tistax tiġi kklassifikata bħala privileġġata, peress li, fil-mument tal-bejgħ tal‑azzjonijiet, id-deċiżjoni li ma jingħatax il-kuntratt kienet diġà ġiet innotifikata lil ċirku limitat ta’ destinatarji. |
|
3. |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tagħmel żewġ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tinterpreta l-kunċett ta’ “informazzjoni privileġġata”, b’mod partikolari l-kriterju li din l-informazzjoni ma għandhiex tkun “saret pubblika” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar‑Regolament (UE) Nru 596/2014 ( 2 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fuq diversi elementi li jikkostitwixxu dan il-kunċett ( 3 ). Madankollu, hija għadha ma ddeċidietx fir-rigward tal-assenza ta’ pubblikazzjoni tal‑informazzjoni inkwistjoni, bħala kundizzjoni sabiex din tiġi kkunsidrata li hija privileġġata, kundizzjoni li l-portata eżatta tagħha hija diskussa ferm fid-duttrina ( 4 ). Il-kwistjoni hija b’mod partikolari dwar liema ċirku ta’ persuni din l-informazzjoni għandha tkun żvelata jew sa fejn u f’liema kundizzjonijiet hija għandha tkun aċċessibbli sabiex hija ma tibqax privileġġata. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Ir-Regolament Nru 596/2014
|
4. |
Il-premessi 14, 23, 24 u 28 tar-Regolament Nru 596/2014 jistipulaw:
[…]
[…]
|
|
5. |
L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-informazzjoni privileġġata”, jistipula fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu: “1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, informazzjoni privileġġata (jew ‘minn ġewwa’) għandha tinkludi t-tipi ta’ informazzjoni li ġejjin:
[…] 4. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, informazzjoni li, jekk issir pubblika, aktarx ikollha effett sinifikanti fuq il-prezzijiet ta’ strumenti finanzjarji, strumenti finanzjarji ta’ derivati, kuntratti spot relatati tal-komoditajiet, jew prodotti rkantati bbażati fuq kwoti tal‑emissjonijiet, għandha tfisser informazzjoni li investitur raġjonevoli x’aktarx li juża bħala parti mill-bażi tad-deċiżjonijiet ta’ investiment tiegħu. […]” |
|
6. |
L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-abbuż minn informazzjoni privileġġata” [insider dealings], jistipula, b’mod partikolari: “1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-abbuż minn informazzjoni privileġġata ssir meta persuna tippossjedi informazzjoni privileġġata u tuża dik l-informazzjoni billi takkwista jew tagħmel ċessjoni, għall-kont tagħha jew għall-kont ta’ parti terza, direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji li dik l-informazzjoni tkun relatata magħhom. […] […] 4. Dan l-Artikolu japplika għal kwalunkwe persuna li tippossjedi informazzjoni privileġġata minħabba li:
[…] Dan l-Artikolu japplika wkoll għal kwalunkwe persuna li tippossjedi informazzjoni f’ċirkustanzi differenti minn dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu meta dik il-persuna tkun taf, jew imissha taf, li dik hi informazzjoni privileġġata. […]” |
|
7. |
Skont l-Artikolu 14(a) u (c) tal-istess regolament, intitolat “Il-projbizzjoni tal-abbuż minn informazzjoni privileġġata u tal-iżvelar illegali tal-informazzjoni privileġġata”, huwa pprojbit li persuna “tinvolvi ruħha jew tagħmel tentattiv ta’ involviment f’abbuż minn informazzjoni privileġġata” u li “twettaq żvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata”. |
|
8. |
L-Artikolu 17(1) tal-istess regolament, intitolat “L-iżvelar pubbliku ta’ informazzjoni privileġġata”, jistipula, b’mod partikolari, dan li ġej: “Emittent għandu jinforma lill-pubbliku malajr kemm jista’ jkun dwar informazzjoni privileġġata li tikkonċerna direttament lil dak l-emittent. L-emittent għandu jiżgura li l-informazzjoni privileġġata ssir pubblika b’mod li jippermetti aċċess rapidu u sħiħ, valutazzjoni korretta u f’waqtha tal-informazzjoni mill-pubbliku u, meta applikabbli, fil-mekkaniżmu maħtur uffiċjalment imsemmi fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal‑15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall‑kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU 2004, L 390, p. 38)]. L‑emittent għandu jgħaqqad flimkien l-iżvelar ta’ informazzjoni privileġġata lill-pubbliku mal-kummerċjalizzazzjoni tal-attivitajiet tiegħu. L-emittent għandu jqiegħed u jżomm fuq il-websajt tiegħu għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin, l-informazzjoni privileġġata kollha li jeħtieġ jiżvela b’mod pubbliku. Dan l-Artikolu għandu japplika għal emittenti li jkunu talbu jew approvaw ammissjoni tal-istrumenti finanzjarji tagħhom għan-negozjar f’suq regolat fi Stat Membru. […]”. |
|
9. |
L-Artikolu 30(1) tal-istess regolament, intitolat “Sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn”, jistipula: “Bla ħsara għal sanzjonijiet kriminali u bla ħsara għas-setgħat superviżorji ta’ awtoritajiet kompetenti taħt l-Artikolu 23, l-Istati Membri, f’konformità mal-liġi nazzjonali, għandhom jipprevedu li l‑awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu sanzjonijiet amministrattivi xierqa u jieħdu miżuri amministrattivi oħrajn fir-rigward ta’ mill-inqas il-ksur li ġej:
|
2. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1055
|
10. |
Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1055 ( 5 ), bit-titolu “Mezzi ta’ żvelar pubbliku ta’ informazzjoni privileġġata”, b’mod partikolari: “L-emittenti u l-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet għandhom jiżvelaw l-informazzjoni privileġġata bl-użu ta’ mezzi tekniċi li jassiguraw li:
[…]” |
B. Id-dritt Svediż
1. It-TF
|
11. |
L-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2 tat-tryckfrihetsförordningen (1949:105) (il-Liġi Kostituzzjonali Nru 105 tal-1949 dwar il-Libertà tal-Istampa) tal‑5 ta’ April 1949 (iktar ’il quddiem it-“TF”), jistipula: “Sabiex jissaħħu l-libertà ta’ espressjoni, l-informazzjoni ħielsa u pluralista u l-ħolqien artistiku ħieles, kull persuna għandha dritt ta’ aċċess għad-dokumenti pubbliċi.” |
|
12. |
Skont l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 2 tat-TF, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti pubbliċi ma jistax jiġi ristrett ħlief jekk dan ikun neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardjati ċerti interessi pubbliċi li huma elenkati fiha. |
|
13. |
L-Artikolu 4 tal-Kapitolu 2 tat-TF jistipula: “Dokument huwa pubbliku jekk huwa miżmum minn awtorità u huwa, skont l-Artikolu 9 jew l-Artikolu 10, meqjus bħala irċevut minn awtorità jew stabbilit minn awtorità.” |
|
14. |
Skont l-Artikolu 10 tal-istess Kapitolu 2 tat-TF, dokument huwa meqjus bħala stabbilit minn awtorità meta jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni tad-destinatarju tiegħu. |
2. Il-Liġi dwar il-Pubblikazzjoni u dwar il-Kunfidenzjalità
|
15. |
Dispożizzjonijiet iktar iddettaljati dwar il-proċedura applikata mill-awtoritajiet nazzjonali fil-qasam tal-iżvelar ta’ dokumenti pubbliċi u dwar ir-restrizzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal tali dokumenti jinsabu fl-offentlighets- och sekretesslagen (2009:400) (il-Liġi Nru 400 tal‑2009 dwar il-Pubblikazzjoni u dwar il-Kunfidenzjalità tad-Dokumenti Pubbliċi) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Pubblikazzjoni u dwar il‑Kunfidenzjalità”). |
|
16. |
L-Artikolu 3 tal-Kapitolu 2 ta’ din il-liġi jistipula: “Id-dispożizzjonijiet tat-[TF] relatati mad-dritt ta’ aċċess għad‑dokumenti pubbliċi fi ħdan awtoritajiet huma applikabbli wkoll, sakemm huma rilevanti, għad-dokumenti ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata, soċjetajiet b’isem kollettiv, assoċjazzjonijiet ekonomiċi u fondazzjonijiet li fihom il-komuni u r-reġjuni jeżerċitaw influwenza deċiżiva skont il-liġi. Għall-finijiet ta’ din il-liġi, l-imsemmija kumpanniji u soċjetajiet, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet huma ekwivalenti għal awtoritajiet.” |
|
17. |
L-Artikolu 4 tal-Kapitolu 6 tal-imsemmija liġi jistipula: “Fuq talba ta’ individwu, awtorità għandha tikkomunika informazzjoni li tinsab f’dokument pubbliku li hija jkollha jekk l-imsemmija informazzjoni ma hijiex kunfidenzjali jew jekk l-imsemmija komunikazzjoni ma tistax tfixkel il-funzjonament tajjeb tal-awtorità.” |
|
18. |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Kapitolu 19 tal-istess liġi jistipula li, f’dak li jirrigwarda proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-informazzjoni, b’mod partikolari, relatata mas-sottomissjonijiet jew ma’ offerta korrispondenti ma tista’ tiġi kkomunikata lil ħadd ħlief lill-offerent jew lil dak li ppreżenta l-offerta qabel il-pubblikazzjoni tas‑sottomissjonijiet jew l-offerti kollha, l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑għoti jew l-egħluq tal-proċedura tas-sejħa għal offerti. |
|
19. |
Skont l-Artikolu 16 tal-Kapitolu 31 tal-istess liġi, is-sistema ta’ kunfidenzjalità hija applikabbli għall-informazzjoni relatata mas-sitwazzjoni kummerċjali jew operazzjonali ta’ individwu meta dan jinsab f’relazzjoni kummerċjali ma’ awtorità pubblika jekk, għal raġunijiet partikolari, jista’ jiġi preżunt li dan l-individwu jsofri preġudizzju bl-iżvelar ta’ informazzjoni. |
3. Il-Liġi Nru 1145 tal‑2016 dwar il-Kuntratti Pubbliċi
|
20. |
Skont l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tal‑Kapitolu 12 tal-lagen (2016:1145) om offentlig upphandling (Il-Liġi Nru 1145 tal‑2016 dwar il-Kuntratti Pubbliċi), l-awtorità kontraenti għandha tinnotifika bil-miktub, mill-iktar fis possibbli, lill-kandidati u lill-offerenti bid-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratt jew tal-konklużjoni ta’ ftehim-qafas. |
|
21. |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 19 ta’ din il-liġi, l-awtorità kontraenti li tkun tat kuntratt jew kkonkludiet ftehim qafas għandha tippubblika, mhux iktar tard minn 30 jum wara l‑konklużjoni tal-kuntratt jew tal-ftehim-qafas, avviż li jħabbar ir-riżultat tal-proċedura tas-sejħa għal offerti. |
4. Il-Liġi Nru 1307 tal-2016 dwar is-Sanzjonijiet f’Każ ta’ Abbuż ta’ Suq fis-Suq tat-Titoli
|
22. |
Il-lag (2016:1307) om straff för marknadsmissbruk på värdepappersmarknaden (il-Liġi Nru 1307 tal‑2016 dwar is-Sanzjonijiet f’Każ ta’ Abbuż tas-Suq fis-Suq tat-Titoli) tittrasponi id‑Direttiva 2014/57/UE ( 6 ) fid-dritt Svediż. |
|
23. |
Skont il-punt 1 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-Kapitolu 2 ta’ din il-liġi, kull persuna li għandha informazzjoni privileġġata u tagħmel użu minnha billi takkwista jew tittrasferixxi fuq is-swieq tat‑titoli, f’isimha stess jew f’isem terzi, strumenti finanzjarji li għalihom tirreferi din l-informazzjoni, għandha tiġi kkundannata għal insider dealings. |
III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
24. |
Fir-rebbiegħa 2018, Umeå kommunföretag AB (iktar ’il quddiem l-“impriża muniċipali”), kumpannija b’responsabbiltà limitata taħt id‑dritt Svediż li fir-rigward tagħha l-Umeå kommun (Komun ta’ Umeå, l‑Isvezja) jeżerċita setgħa legali ta’ tmexxija, nediet sejħa għal offerti għax-xiri ta’ karrozzi tal-linja elettriċi u stazzjonijiet tal-iċċarġjar. |
|
25. |
Żewġ kumpanniji ssottomettew offerti, fejn waħda minnhom kienet il-kumpannija b’responsabbiltà limitata taħt id-dritt Svediż Hybricon Bus Systems AB (iktar ’il quddiem “Hybricon”). Tliet kumpanniji oħra kienu wrew l-interess tagħhom li jipparteċipaw fil-kuntratt ikkonċernat, iżda dawn ma ġewx aċċettati sabiex jissottomettu l-offerti tagħhom. |
|
26. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Mejju 2018 adottata mill-impriża muniċipali, il-kuntratt ma ġiex mogħti lil Hybricon iżda lill-kumpannija offerenti l-oħra. Permezz ta’ posta elettronika mibgħuta mill-impriża muniċipali fl-istess jum fis‑14:34, il-ħames kumpanniji kkonċernati ġew informati bir-riżultat tas-sejħa għal offerti ( 7 ). |
|
27. |
Din il-posta elettronika waslet għand Hybricon minn direttur operazzjonali li kien responsabbli, prinċipalment, mill-kuntatti mal‑impriża muniċipali fil-kuntest tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Ftit qabel, din il-persuna bagħtet messaġġ lil OP, rikorrent fil-kawża prinċipali, sabiex jirrakkomandalu jbigħ l-azzjonijiet li dan tal-aħħar kellu f’Hybricon. Min-naħa tiegħu, OP bagħat l-istess informazzjoni lil TK, rikorrent fil-kawża prinċipali, li ukoll kellu azzjonijiet f’din il‑kumpannija. |
|
28. |
B’hekk, fl‑14 ta’ Mejju 2018, fis‑14:37, TK għamel ordni ta’ bejgħ lill-Borza Svediża fir-rigward ta’ 73000 azzjoni ta’ Hybricon. Ftit minuti iktar tard, fit-14:40, OP ukoll biegħ 31000 azzjoni tal-imsemmija kumpannija. |
|
29. |
Stqarrija għall-istampa ta’ Hybricon, li ħabbret li ma kinitx ħadet il-kuntratt inkwistjoni, ġiet ippubblikata fl-istess jum fit-15:22. Il‑pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni kkawżat waqgħa sinjifikattiva fil-prezz tal-azzjonijiet ta’ Hybricon fil-Borża. Min-naħa tagħhom, OP u TK, illimitaw it-telf tagħhom wara l-bejgħ tal-azzjonijiet li huma kellhom f’din il-kumpannija. |
|
30. |
Minħabba dawn it-tranżazzjonijiet, OP u TK ġew ippreżentati b’akkużi kriminali talli wettqu insider dealings, ipprojbiti mil-Liġi Nru 1307 tal-2016 dwar is-Sanzjonijiet f’każ ta’ Abbuż tas-Suq fis-Suq tat-Titoli, u ġew ikkundannati mit-tingsrätt (il-Qorti tal‑Ewwel Istanza, l-Isvezja) fir-rigward tal-att ta’ akkuża ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata ordinarju għal piena ta’ priġunerija b’sentenza sospiża, kif ukoll għal servizz fil-komunità. L-ammonti ta’ 51508 krone Svediż (SEK) ( 8 ) u ta’ SEK 146536 ( 9 ), li jirrappreżentaw il-qligħ mir-reati, ġew ikkonfiskati fuq il-beni ta’ OP u ta’ TK, rispettivament. Skont it-tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza), l-informazzjoni li Hybricon ma kinitx ħadet il-kuntratt kienet informazzjoni privileġġata fid-dawl tan‑natura preċiża tagħha li kienet tirrigwarda direttament lil din il-kumpannija u setgħet tinfluwenza l-prezz tal-azzjonijiet tagħha. Il-Qorti tal-Ewwel Istanza qieset li din l-informazzjoni ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala li kienet saret pubblika qabel ma ġiet ippubblikata l-istqarrija għall-istampa ta’ Hybricon. |
|
31. |
Adita minn appell, il-hovrätt (il-Qorti tal-Appell, l-Isvezja) waslet għall-istess konklużjoni bħat-tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza) u sempliċement emendat il-piena mogħtija minn din l-aħħar qorti billi imponiet fuq OP u TK sentenza sospiża b’multa ta’ 150 jum minflok il‑piena ta’ servizz fil-komunità. |
|
32. |
OP u TK appellaw quddiem il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja) kontra s-sentenza mogħtija fl-appell mill-hovrätt (il-Qorti tal-Appell). Permezz tal-appelli tagħhom, huma jitolbu li jiġu lliberati filwaqt li jsostnu li l-informazzjoni relatata man-nuqqas ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni lil Hybricon ma baqgħetx informazzjoni privileġġata minħabba li d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt intbagħtet mill-awtur tagħha, f’dan il-każ l-impriża muniċipali, lid-destinatarji kkonċernati. B’dan il-fatt, din saret dokument pubbliku mhux suġġett għas-sistema ta’ kunfidenzjalità minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li, skont id-dritt Svediż, hija kienet pubblikament aċċessibbli fuq talba ta’ kwalunkwe persuna interessata. |
|
33. |
Min-naħa l-oħra, ir-Riksåklagaren (il-Prosekutur tar-Renju tal-Isvezja) talab il-konferma tad-deċiżjoni tal-hovrätt (il-Qorti tal-Appell). Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħu, anki jekk id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt saret dokument pubbliku mill-mument li fih hija ntbagħtet lid-destinatarji kkonċernati, din id-deċiżjoni setgħet madankollu taqa’ taħt is-sistema ta’ kunfidenzjalità prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk, baqgħet informazzjoni privileġġata sal-mument meta Hybricon ippubblikat l-istqarrija għall-istampa tagħha. |
|
34. |
Il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema) tat lir-rikorrenti l‑awtorizzazzjoni sabiex jippreżentaw appell. |
|
35. |
Skont din il-qorti, mill-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 596/2014 ma jistax jiġi dedott li kull informazzjoni li ma tkunx saret pubblika skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament għandha tiġi kkunsidrata bħala li ma ġietx żvelata. B’mod partikolari, skont id-dikjarazzjonijiet tal-Awtorità Ewropea tas-Swieq Finanzjarji (AESF), informazzjoni privileġġata tista’ ssir pubblika permezz ta’ metodi oħra minbarra l-iżvelar fis-sens tal-imsemmi Artikolu 17, inkluż permezz tal-effett tal-miżuri meħuda minn terzi. Barra minn hekk, il-Qorti tal‑Ġustizzja għadha ma tatx indikazzjonijiet dwar ir-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati sabiex informazzjoni ma tibqax tiġi kkunsidrata bħala informazzjoni privileġġata. |
|
36. |
F’dan il-kuntest, peress li kkunsidrat li d-deċiżjoni tagħha tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 7(1)(a) u tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 596/2014, il‑Högsta domstolen (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja, li ġew irreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Marzu 2024:
|
|
37. |
Fil-qafas tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, OP, TK, il-Gvern Grieg, Pollakk u Norveġiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Skont l-Artikolu 101(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet ċerti kjarifiki mill-qorti tar-rinviju ( 10 ) li din tal-aħħar tat. Fis-seduta tat‑3 ta’ April 2025, OP, TK, il‑Gvern Grieg u dak Norveġiż kif ukoll il-Kummissjoni għamlu s-sottomissjonijiet orali u wieġbu għad-domandi bil-miktub u orali tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
IV. Evalwazzjoni
|
38. |
Iż-żewġ domandi preliminari huma relatati inkwantu huma intiżi, prinċipalment, sabiex jiġi interpretat il-kriterju ta’ informazzjoni li “saret pubblika” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 596/2014. |
A. Fuq l-ewwel domanda
|
39. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, sabiex informazzjoni tkun tista’ titqies bħala li “saret pubblika” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 596/2014, hemmx bżonn li tkun is-suġġett ta’ żvelar pubbliku fis-sens tal-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament. |
|
40. |
Għalhekk, hemm lok li tiġi eżaminata r-relazzjoni bejn l-Artikolu 7(1)(a) u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 596/2014 u, b’mod partikolari, il-portata tal-kunċett tal-“iżvelar pubbliku” li fuqu huma bbażati ż-żewġ artikoli rispettivament ( 11 ). |
|
41. |
Minn naħa, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 596/2014 jobbliga lil kull emittent sabiex “jinforma lill-pubbliku”, malajr kemm jista’ jkun, b’informazzjoni privileġġata li tikkonċernah direttament sabiex jippermetti kemm aċċess rapidu u sħiħ għal din l-informazzjoni kif ukoll evalwazzjoni korretta u f’waqtha tagħha mill-“pubbliku”. Għal dan il-għan, din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(1) tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1055, tistabbilixxi l-modalitajiet għal tali żvelar pubbliku. |
|
42. |
Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni tal-informazzjoni “li ma saritx pubblika” hija t-tieni minn erba’ kundizzjonijiet imsemmija fl‑Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 596/2014 li għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv sabiex din l-informazzjoni tiġi kklassifikata bħala “privileġġata”. Għal dan il-għan, l-imsemmija informazzjoni għandu jkollha wkoll “natura preċiża”, relatata, “direttament jew indirettament, ma’ emittent jew emittenti jew ma’ strument jew strumenti finanzjarji”, u, “li jekk issir pubblika”, “x’aktarx li jkollha effett sinifikanti fuq il-prezzijiet ta’ dawk l-istrumenti finanzjarji jew fuq il‑prezz ta’ strumenti finanzjarji ta’ derivati relatati”. Tali informazzjoni privileġġata tista’ tkun is-suġġett ta’ “abbuż minn informazzjoni privileġġata” fis-sens tal-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, ipprojbit mill‑Artikolu 14(a) ta’ dan ir-regolament, u suġġett għal sanzjoni amministrattiva skont l-Artikolu 30(1)(a) tal-istess regolament, u saħansitra kriminali skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2014/57. |
|
43. |
Kif jirrikonoxxu l-partijiet kollha, il-kunċett ta’ informazzjoni li “saret pubblika” ma jirreferix għad-dritt tal-Istati Membri. Huwa jikkostitwixxi għalhekk kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha ( 12 ). |
|
44. |
L-Artikolu 7(1)(a) la jagħmel riferiment għall-Artikolu 17(1) tar‑Regolament Nru 596/2014, u lanqas jispjega l-mod li bih l‑informazzjoni setgħet “saret pubblika” sabiex titneħħa n-natura privileġġata tagħha. Dan jindika fih innifsu li l-mod speċjali tal-iżvelar pubbliku ta’ informazzjoni privileġġata mill-emittent ta’ strumenti finanzjarji, kif stipulat fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, ma huwiex l-uniku mod li bih tiġi żvelata lill-pubbliku l-informazzjoni inkwistjoni. |
|
45. |
Bl-istess mod, is-sempliċi fatt li d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirrigwardaw, rispettivament, informazzjoni li “saret pubblika”, kif ukoll l-obbligu u l-mod li bih kull emittent għandu “jinforma lill-pubbliku” b’informazzjoni (privileġġata) ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati bl-istess mod. Għall-kuntrarju, filwaqt li, fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 596/2014, in-nuqqas tan-natura pubblika jikkostitwixxi l-eżistenza ta’ informazzjoni “privileġġata”, l‑Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament jippreżupponi li l-informazzjoni li għandha tiġi żvelata lill-pubbliku hija diġà“privileġġata”. Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-kunċett ta’ “żvelar pubbliku” ma għandux neċessarjament l-istess tifsira. |
|
46. |
Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata permezz ta’ interpretazzjoni litterali, b’mod partikolari lingwistika, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 7(1)(a) u tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 596/2014. |
|
47. |
Fl-ewwel lok, anki jekk xi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jippreżentaw ċertu xebh f’dan ir-rigward ( 13 ), madankollu dan ma huwiex il-każ f’diversi verżjonijiet lingwistiċi oħra, inkluż il-verżjoni fil-lingwa Svediża. Dawn tal-aħħar jistipulaw b’mod iktar ċar id‑distinzjoni bejn l-informazzjoni li (għadha) ma ġietx żvelata lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 596/2014, minn naħa, u l-att (speċifiku) ta’ żvelar pubbliku ta’ informazzjoni privileġġata mill-emittent, kif rikjest mill-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, min-naħa l-oħra ( 14 ). |
|
48. |
Issa, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpetazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità meta mqabbla ma’ verżjonijiet lingwistiċi oħra. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet bil‑lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal‑iskop tal-leġiżlazzjoni li tikkostitwixxi parti minnha ( 15 ). |
|
49. |
Fit-tieni lok, kif jindikaw il-premessi 23 u 24, ir-Regolament Nru 596/2014 għandu l-għan li jipproteġi l-integrità tas-swieq finanzjarji u jsaħħaħ il-fiduċja tal-investituri li, min-naħa tagħha, hija bbażata fuq l-assigurazzjoni tal-imsemmija investituri li jibbenefikaw mill-istess kundizzjonijiet u li jkunu protetti mill-użu abbużiv ta’ “informazzjoni privileġġata” ( 16 ). |
|
50. |
Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 596/2014 essenzjalment jistipula żewġ strumenti kumplimentari. Minn naħa, permezz tal-aspett ripressiv tiegħu stabbilit fit-tieni kapitolu tiegħu relatat mal-“Informazzjoni privileġġata, abbuż minn informazzjoni privileġġata, żvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq”, li fih jaqa’ l-Artikolu 7(1)(a) tiegħu, ċerti prattiki illegali, ikklassifikati bħala “abbuż tas-suq”, huma puniti b’sanzjoni amministrattiva jew kriminali. Min-naħa l-oħra, l-aspett preventiv ta’ dan ir-regolament, kopert bit-tielet kapitolu tiegħu relatat mar-“Rekwiżiti ta’ żvelar”, jistipula, b’mod partikolari, obbligi ta’ żvelar u ta’ informazzjoni, li għandu b’mod partikolari l-emittent ta’ titoli, fosthom dak imsemmi fl-Artikolu 17(1) tiegħu, sabiex jiġi żgurat, b’mod partikolari, aċċess “rapidu u sħiħ” tal-“pubbliku” għal “informazzjoni privileġġata”. |
|
51. |
Għalhekk, l-obbligu tal-emittent, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 596/2014, li jiżvela tali informazzjoni ma jaqax taħt l-aspett ripressiv, iżda għandu għan esklużivament preventiv. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tirregola b’mod iddettaljat ferm, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2016/1055, il-modalitajiet ta’ żvelar li għandhom jiġu osservati mill-emittenti, sabiex “pubbliku kemm jista’ jkun wiesa’” ( 17 ) ikun jista’ jkollu faċilment aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni, speċifikament minħabba n-natura privileġġata tagħha qabel dan l-iżvelar. |
|
52. |
Min-naħa l-oħra, skont il-premessa 23 tar-Regolament Nru 596/2014, l-aspett ripressiv huwa intiż sabiex jissanzjona “vantaġġ inġust li jinkiseb minn informazzjoni privileġġata għad-detriment ta’ partijiet terzi li ma jkunux konxji minn tali informazzjoni u, konsegwentement, it-tidgħjif tal-integrità tas-swieq finanzjarji u l-fiduċja tal-investitur” ( 18 ). Fi kliem ieħor, dan il-vantaġġ inġust jinsab fil-fatt li insider għandu informazzjoni rilevanti sabiex jiġu adottati deċiżjonijiet ta’ investiment li ma humiex għad-dispożizzjoni ta’ oħrajn, b’mod partikolari investituri potenzjali li ma għandhomx jew ma jistax ikollhom konoxxenza ta’ din l-informazzjoni ( 19 ). |
|
53. |
Minn dan nikkonkludi li ċ-ċirku ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 7(1)(a) u fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 596/2014 rispettivament ma huwiex neċessarjament l-istess. Fil-fatt, filwaqt li t-tieni dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2016/1055, tkopri l-iżvelar ta’ informazzjoni (ċertament) privileġġata fil-konfront ta’ pubbliku kemm jista’ jkun wiesa’, l-ewwel dispożizzjoni hija intiża sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali informazzjoni privileġġata sabiex tiġi evalwata r-responsabbiltà, jekk il-każ ikun kriminali, ta’ persuna akkużata b’“[insider dealings]”, fis-sens tal-Artikolu 8(1) u tal-Artikolu 14(a) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri minħabba ksur li jikkomprometti l-fiduċja tal-investituri. |
|
54. |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għan ripressiv tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 596/2014, jiena nqis li l-kunċett ta’ informazzjoni li “saret pubblika”, li tneħħi lill-informazzjoni inkwistjoni n-natura privileġġata tagħha, għandu jiġi interpretat b’mod strett filwaqt li jiġu kkunsidrati l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn dan ir-regolament u b’mod partikolari mill-aspett ripressiv tiegħu. |
|
55. |
F’dan ir-rigward, infakkar li kemm sanzjoni li hija kklassifikata formalment bħala kriminali, bħal dik imposta f’dan il-każ ( 20 ), kif ukoll sanzjoni amministrattiva ta’ natura ripressiva, li l-ammont massimu tagħha għandu ċertu grad ta’ severità, għandhom jiġu kklassifikati bħala ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikoli 48 sa 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Fil-fatt, l-ammont massimu tas-sanzjoni amministrattiva li tista’ tiġi imposta fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi talli jkunu kisru l-projbizzjoni ta’ insider dealings, skont l-Artikolu 14(a) tar-Regolament Nru 596/2014, kif ukoll ir-rekwiżit li l-imsemmi ammont għandu jkun “mhux inqas minn tliet darbiet l-ammont tal-profitti miksuba jew it-telf evitat minħabba l-ksur” ( 21 ), huma suffiċjenti sabiex tali sanzjonijiet jiġu kklassifikati bħala kriminali ( 22 ). Dawn għalhekk ma jirrigwardawx biss ir-rimedju ta’ dannu, iżda wkoll ir-ripressjoni ta’ ċertu aġir ( 23 ). Għalhekk, għandu japplika wkoll il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta. Dan il-prinċipju jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni li jikkastigawhom, liema kundizzjoni tkun issodisfatta meta l-parti fil‑kawża tkun tista’ tkun taf, mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti u skont il-bżonn bl-għajnuna tal-interpretazzjoni mogħtija mill-qrati, liema atti u ommissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tagħha ( 24 ). |
|
56. |
F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi kkunsidrat il-fatt li, skont il-premessi 23 u 24 tar-Regolament Nru 596/2014, il-pubbliku protett mill-aspett ripressiv tagħha huwa differenti minn dak kopert mill-aspett preventiv tagħha. Fil-fatt, filwaqt li l-aspett preventiv jindirizza lill-pubbliku ġenerali sabiex jinformah bl-eżistenza ta’ informazzjoni (diġà kklassifikata bħala) privileġġata, l-aspett ripressiv għandu l-għan li jissanzjona insider dealings li jimminaw il-fiduċja tal-investituri (ara l-punti 49 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet). |
|
57. |
L-għan ta’ protezzjoni speċifika tal-fiduċja tal-investituri jsib sostenn b’mod partikolari fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 596/2014 li jispjega r-raba’ kriterju li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “informazzjoni privileġġata”, jiġifieri dak li x’aktarx “ikollha effett sinifikanti fuq il‑prezzijiet ta’ strumenti finanzjarji”. Fil-fatt, tali probabbiltà ma hijiex preżenti ħlief, meta “investitur raġjonevoli x’aktarx li juża [tali informazzjoni] bħala parti mill-bażi tad-deċiżjonijiet ta’ investiment tiegħu” ( 25 ). Il-premessa 14 ta’ dan ir-regolament tispjega f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, li “investituri raġonevoli jibbażaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom fuq informazzjoni diġà disponibbli għalihom, jiġifieri, fuq it-tagħrif disponibbli ex ante” ( 26 ). Barra minn hekk, skont l-istess premessa, in-natura raġonevoli ta’ tali deċiżjoni ta’ investiment għandha tiġi evalwata skont “l-impatt antiċipat tal-informazzjoni fid-dawl tal-totalità tal-attività tal-emittent relatat, l‑affidabbiltà tas-sors tal-informazzjoni u kwalunkwe varjant ieħor tas‑suq li x’aktarx jaffettwa l-istrumenti finanzjarji […] fiċ-ċirkostanzi partikolari […]”. |
|
58. |
Konsegwentement, jekk il-klassifikazzjoni ta’ informazzjoni privileġġata tiddependi minn deċiżjoni ta’ investiment ipotetikament raġonevoli li tista’ tittieħed abbażi tagħha, minn dan jista’ jiġi dedott li l-pubbliku protett mill-aspett ripressiv tar-Regolament Nru 596/2014 huwa dak ta’ investituri raġonevoli. |
|
59. |
L-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 596/2014 għandu għalhekk bħala għan li jiġġieled l-aċċess inugwali għall-informazzjoni minn investituri raġonevoli ( 27 ). Għall-kuntrarju, dan l-għan ma huwiex intiż sabiex jipproteġi investituri mhux raġonevoli, jiġifieri dawk li ma jaġixxux u lanqas jinfurmaw ruħhom b’mod daqstant diliġenti, fid-dawl tal-kriterji msemmija fil-punt 56 hawn fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
|
60. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirlix li huwa ġġustifikat li r-responsabbiltà, jekk ikun il-każ kriminali, ta’ persuna li wettqet “insider dealing”, għandha tkun tiddependi mill-kunċett wiesa’ ta’ żvelar pubbliku tal-informazzjoni inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 596/2014. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2016/1055, b’differenza mill-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan ir-regolament, li juża, barra minn hekk, kunċett negattiv ta’ żvelar pubbliku (“li ma saritx pubblika”), tkopri pubbliku kemm jista’ jkun wiesa’. Barra minn hekk, l-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament ma jirrigwardax il-kwistjoni dwar jekk il-membri ta’ dan il-pubbliku wiesa’ jurux ċerti kwalitajiet jew grad suffiċjenti ta’ diliġenża li jippermettilhom li effettivament ikollhom aċċess għal din l-informazzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, approċċ estensiv, ibbażat fuq dan il-kunċett ta’ żvelar pubbliku wiesa’, ma huwa konformi la mal-bżonn tan-natura stretta tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ informazzjoni “li ma saritx pubblika” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tal-istess regolament, u lanqas maċ-ċertezza legali rikjesta mill-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege (ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet). |
|
61. |
Minn dan jirriżulta li informazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala li kienet “saret pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 596/2014, meta hija tkun magħrufa minn jew aċċessibbli għal investitur raġonevoli, li jaġixxi bid-diliġenza rikjesta, anki jekk ikun għadu ma sarx żvelar lil pubbliku iktar wiesa’, fis-sens tal-Artikolu 17 tal-istess regolament. |
|
62. |
Minn dan nikkonkludi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun negattiva. Il-kunċett ta’ informazzjoni “li ma saritx pubblika” imsemmi fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 596/2014, ma huwiex iddefinit biss min-nuqqas ta’ żvelar pubbliku fis-sens tal-Artikolu 17 tal‑istess regolament, iżda dan l-iżvelar pubbliku jista’ jsir b’modi oħra ( 28 ). |
|
63. |
Dan iwassalni sabiex nagħti risposta għat-tieni domanda. |
B. Fuq it-tieni domanda
1. Rimarki preliminari
|
64. |
Fil-każ li l-informazzjoni tista’ tiġi żvelata lill-pubbliku f’forma oħra minn dik prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 596/2014, il‑qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema huma ċ-ċirkustanzi li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi evalwat jekk l-informazzjoni inkwistjoni tistax tiġi kkunsidrata bħala li “saret pubblika” fis-sens tal‑Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 596/2014. |
|
65. |
Jiena nqis li r-risposta għal din id-domanda għandha tingħata f’żewġ partijiet. |
|
66. |
Fl-ewwel parti, għandu jiġi stabbilit il-grad ta’ żvelar pubbliku jew ta’ aċċessibbiltà rikjest, mill-perspettiva tad-destinatarji kkonċernati, sabiex informazzjoni tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala li “saret pubblika” fis-sens tal‑Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 596/2014 (ara l-punt 2). |
|
67. |
Fit-tieni parti, fid-dawl tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi spjegat f’liema ċirkustanzi dan l-iżvelar pubbliku, jew aċċessibbiltà, jista’ jiġi dedott miċ-ċirkustanzi tal-każ (ara l-punt 3). |
2. Fuq il-grad ta’ żvelar pubbliku jew ta’ aċċessibbiltà rikjest mill-perspettiva tal-investituri sabiex jiġi kkunsidrat li informazzjoni “saret pubblika”
|
68. |
Sabiex jiġi stabbilit il-grad ta’ żvelar pubbliku jew ta’ aċċessibbiltà rikjest, mill-perspettiva tad-destinatarji kkonċernati, jiena nqis li hemm lok li jiġu kkunsidrati mill-ġdid, b’mod partikolari, l-għanijiet li għandhom jiġu milħuqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni u l-kuntest regolatorju rilevanti. |
|
69. |
Fl-ewwel lok, infakkar fil-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 50 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet li jipprovdu li informazzjoni li tista’ tkun magħrufa jew skoperta minn investitur raġonevoli għandha tkun ikkunsidrata li “saret pubblika” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar‑Regolament Nru 596/2014. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk investitur potenzjali huwiex effettivament f’pożizzjoni li jkollu aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni tiddependi mill-karatterizzazzjoni iktar preċiża tal-kwalitajiet tiegħu, kif deskritti fil-punti 56 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, investituri li ma għandhomx dawn il-kwalitajiet u lanqas juru l-grad ta’ diliġenza rikjest jidhirli li ma humiex denji tal-protezzjoni fir-rigward tal-għan ta’ aċċess ugwali għall-informazzjoni sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali bejn l-investituri fis-swieq finanzjarji ( 29 ). |
|
70. |
Fit-tieni lok, din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill‑premessa 28 tar-Regolament Nru 596/2014. Minn din jirriżulta, b’mod partikolari, li “[i]r-riċerka u l-istimi imsejsa fuq data disponibbli pubblikament” ma għandhomx jitqiesu bħala informazzjoni privileġġata. Bl-istess mod, “il-fatt waħdu li tranżazzjoni titwettaq abbażi ta’ riċerka jew stimi” lanqas ma għandha titqies li tikkostitwixxi użu ta’ informazzjoni privileġġata. Min-naħa l-oħra, “meta l-pubblikazzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ informazzjoni tkun mistennija fuq bażi regolari mis-suq u meta tali pubblikazzjoni jew distribuzzjoni tkun tikkontribwixxi għall-proċess tal-formazzjoni tal-prezz ta’ strumenti finanzjarji jew l-informazzjoni tkun tipprovdi fehmiet ta’ kummentatur tas-suq jew istituzzjoni rikonoxxuti li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ strumenti finanzjarji relatati, l-informazzjoni tista’ tikkostitwixxi informazzjoni privileġġata”. F’din il-premessa, huwa konkluż li “[l]-atturi tas-suq għandhom […] jikkunsidraw sa liema punt l‑informazzjoni ma tkunx pubblika u [jeżaminaw] l-effett possibbli fuq strumenti finanzjarji innegozjati qabel il-pubblikazzjoni jew id‑distribuzzjoni tagħha, biex jistabbilixxu jekk ikunux qed jinnegozjaw abbażi ta’ informazzjoni privileġġata” ( 30 ). |
|
71. |
B’hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li, minn naħa, informazzjoni li tista’ tkun skoperta bl-għajnuna ta’ riċerki abbażi ta’ data pubblika ma għandhiex, bħala regola, tkun ikklassifikata bħala informazzjoni privileġġata u, min-naħa l-oħra, l-atturi tas-suq għandhom jikkunsidraw – bid-diliġenza kollha rikjesta – il-portata ta’ din l-informazzjoni u l-impatt eventwali tagħha fuq l-istrumenti finanzjarji nnegozjati. Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju, is-sempliċi fatt li l-informazzjoni hija biss aċċessibbli permezz ta’ ċertu sforz jew ta’ riċerki mill-persuna kkonċernata ma huwiex tali li jeskludi n-natura “pubblika” tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 596/2014. Għall-kuntrarju, in-natura pubblika jew le ta’ din l-informazzjoni tidher tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk, u f’liema kundizzjonijiet, il-persuna kkonċernata, bħala attur tas-suq raġonevoli u normalment diliġenti, hija effettivament f’pożizzjoni li jkollha aċċess għaliha sabiex tingħeleb asimetrija possibbli ta’ informazzjoni ta’ investituri potenzjali li r-Regolament Nru 596/2014 huwa intiż li jevita. |
|
72. |
Fit-tielet u l-aħħar lok, l-idea li l-kunċett ta’ investitur li għandu jiġi protett fis-sens tar-Regolament Nru 596/2014, b’mod partikolari tal-aspett ripressiv tiegħu, huwa investitur raġonevoli u normalment diliġenti u mhux il-pubbliku fis-sens wiesa’, huwa ikkonfermat indirettament mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 596/2014. Din id-dispożizzjoni tiddistingwi bejn tipi differenti ta’ insider dealers, jiġifieri persuni li għandhom informazzjoni privileġġata li tista’ tkun is-suġġett ta’ insider dealings fis-sens tal-paragrafu 1 tiegħu. |
|
73. |
Fil-fatt, iċ-ċirku ta’ persuni li għandhom informazzjoni privileġġata u li jistgħu jwettqu tali insider dealings (ipprojbit), kif imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8(4)(a) sa (d) tar-Regolament Nru 596/2014 ( 31 ), jiġifieri l-insiders imsejħa “primarji”, jitwessa’ permezz tat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu 4 billi jinkludi kull persuna oħra li għandha informazzjoni privileġġata, “meta dik il-persuna tkun taf, jew imissha taf, li dik hi informazzjoni privileġġata”, jiġifieri l-insiders imsejħa “sekondarji” ( 32 ). Għalhekk, filwaqt li l-insiders “primarji” għandhom informazzjoni privileġġata minħabba attività jew aġir partikolari li jiddistingwihom minn investituri oħra, l-insiders “sekondarji” jakkwistaw din il-kwalità ta’ insider biss f’każ li jsiru jafu dwar l-eżistenza ta’ informazzjoni privileġġata jew fin-nuqqas li jkunu jafu biha, li għalhekk hija dovuta għal aġir mhux diliġenti. |
|
74. |
Minn dan nikkonkludi li l-grad ta’ żvelar pubbliku jew ta’ aċċessibbiltà li għandu jiġi kkunsidrat sabiex jiġi kkunsidrat li informazzjoni “saret pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 596/2014, jiddependi mill-perspettiva ta’ investitur raġonevoli u normalment diliġenti. |
3. Fuq il-kriterji u ċ-ċirkustanzi tal-każ li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi evalwat jekk informazzjoni tkunx “saret pubblika”
|
75. |
Il-kundizzjonijiet li fihom il-kriterji msemmija iktar ’il fuq jippermettu li tiġi stabbilita n-natura pubblika ta’ informazzjoni allegatament privileġġata għandhom jiġu evalwati fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fuqhom hija bbażata l-kawża prinċipali, li l-eżami tagħhom jaqa’ taħt l-awtorità u r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju. Fl-opinjoni tiegħi, sabiex jiġu protetti ċ-ċertezza legali u l-preżunzjoni ta’ innoċenza, fid-dawl tal-konsegwenzi severi tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ insider dealings, is-sodisfazzjon ta’ dawn il-kriterji għandu jkun faċilment verifikabbli kemm mill-persuni kkonċernati kif ukoll mill-awtoritajiet u mill-qrati. Għal dan il-għan, kif argumentajt fil-punti 68 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dritt tal-Unjoni jirrikjedi li tittieħed il-perspettiva ta’ investitur raġonevoli u normalment diliġenti. Għall-kuntrarju, l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija kriterji humiex issodisfatti f’każ partikolari jaqa’ essenzjalment fuq l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali. |
|
76. |
F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostnu TK u OP, jiena nqis li s-sempliċi possibbiltà għal kull investitur li jikseb informazzjoni li hija formalment ikklassifikata bħala “pubblika” mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-libertà ta’ informazzjoni, bħat-TF jew il-Liġi dwar il-Pubblikazzjoni u dwar il-Kunfidenzjalità, minħabba li huwa miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi u aċċessibbli fuq talba, ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi rrikonoxxuta n-natura “pubblika” ta’ tali informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 596/2014. Fil-fatt, bħad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ( 33 ), min-naħa, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ aċċess jirrikjedi, skont l-Artikolu 4 tal-Kapitolu 6 tat-TF, talba espressa lil dawn l-awtoritajiet, u, min-naħa l-oħra, din it-talba tista’ tiltaqa’ ma’ eċċezzjonijiet, bħar-restrizzjonijiet u l-kriterji li jaqgħu taħt is-sistema ta’ kunfidenzjalità prevista fl-Artikolu 2 tal-Kapitolu 2 tat-TF, kif ukoll fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Kapitolu 19 fl-Artikolu 16 tal-Kapitolu 31 tal-Liġi dwar il-Pubblikazzjoni u dwar il-Kunfidenzjalità. Jidhirli li dawn ir-restrizzjonijiet u kriterji jistgħu jmorru kontra kemm il-kunċett ta’ “żvelar pubbliku” msemmi fl-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan ir-regolament kif ukoll l-għan tal-aspett ripressiv tiegħu li huwa intiż sabiex jipproteġi l-fiduċja tal-investituri. |
|
77. |
Barra minn hekk, għandhom jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi partikolari tal-kuntest li fih żvelar tal-informazzjoni rilevanti jista’ jintervjeni, bħal f’dan il-każ, dak tal-adozzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, skont il-Liġi Nru 1145 tal‑2016 dwar il-Kuntratti Pubbliċi. F’tali sitwazzjoni, il-parteċipanti kollha fil‑proċedura ta’ sejħa għal offerti u ta’ persuni li wrew jew li qegħdin fil‑proċess li juru interess sabiex ikunu jafu r-riżultat tagħha, jikkostitwixxu pubbliku rilevanti ristrett, li jista’ jiġi preżunt li huwa magħmul minn investituri potenzjali raġonevoli li jaġixxu bid-diliġenza rikjesta. Fil-fatt, dawn il-parteċipanti jew persuni huma partikolarment suxxettibbli li jagħmlu investimenti skont ir-riżultat ta’ tali proċedura. |
|
78. |
Il-leġiżlazzjoni Svediża rilevanti tidher li hija bbażata fuq din l‑interpretazzjoni, inkwantu tistipula żvelar f’żewġ fażijiet fir-rigward tal-operaturi tas-suq ikkonċernati. B’hekk, minn naħa, skont l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tal-Kapitolu 12 tal-Liġi Nru 1145 tal‑2016 dwar il-Kuntratti Pubbliċi, l-awtorità kontraenti għandha tinnotifika bil-miktub, mill-iktar fis possibbli, lill-kandidati u offerenti bid-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratt jew tal-konklużjoni ta’ ftehim-qafas. Min-naħa l-oħra, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 19 ta’ din il-liġi, tali deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’avviż li jħabbar ir-riżultat tas-sejħa għal offerti, mhux iktar tard minn 30 jum wara l-konklużjoni tal-kuntratt jew tal-ftehim-qafas inkwistjoni. |
|
79. |
Fl-opinjoni tiegħi, żvelar limitat, kif previst fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tal-Kapitolu 12 tal-Liġi Nru 1145 tal‑2016 dwar il-Kuntratti Pubbliċi, fir-rigward tal-kandidati, tal-offerenti u, jekk ikun il-każ, ta’ persuni oħra li jkunu wrew l-interess tagħhom li jsegwu l-proċedura ta’ sejħa għal offerti huwa, bħala regola, insuffiċjenti sabiex l-informazzjoni inkwistjoni “issir pubblika”, fis-sens tal‑Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 596/2014. Kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 19 ta’ din il-liġi, il-leġiżlatur Svediż stess jidher li jqis li jeżistu persuni interessati oħra, fosthom dawk li jsegwu l-avviżi li jħabbru r-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. F’tali kundizzjonijiet, iċ-ċirku ta’ persuni li rċevew notifika immedjata tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt qabel il-pubblikazzjoni ta’ tali avviż jista’ wkoll jiġi kklassifikat bħala insider “sekondarju”, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament, li jista’ (jipprova) iwettaq insider dealings jew jiżvela b’mod illegali informazzjoni privileġġata, fis-sens tal-Artikolu 14(a) jew (c) tal-imsemmi regolament. B’hekk, anki jekk, b’mod parallel meta ntbagħtet lill-ħames kumpanniji offerenti, id-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt ġiet ikkommunikata lil 22 persuna oħra li kienu ddikjaraw l-interess tagħhom li jsegwu l-proċedura tas-sejħa għal offerti, fatt li ma huwiex stabbilit skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju u mill-partijiet, il-kunċett ta’ “żvelar pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tal-istess regolament ma huwiex neċessarjament issodisfatt. |
|
80. |
Min-naħa l-oħra, pubblikazzjoni tar-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti permezz ta’ avviż, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal‑Kapitolu 19 tal-Liġi Nru 1145 tal‑2016, jidhirli li huwa ċertament suffiċjenti sabiex jinforma lil kull investitur potenzjali raġonevoli u normalment diliġenti. Fil-fatt, huwa mistenni minn tali investitur li jsegwi regolarment tali pubblikazzjonijiet li jistgħu jaffettwaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment tiegħu. Tali approċċ jidhirli li huwa kompatibbli mad-drittijiet tad-difiża u mal-preżunzjoni ta’ innoċenza stabbilita fl‑Artikolu 48 tal-Karta, peress li jippermetti kemm lill-awtoritajiet u lill-qrati kif ukoll lill-persuni kkonċernati potenzjalment esposti għal prosekuzzjoni, jekk ikun il-każ, kriminali ( 34 ), li jistabbilixxu jekk l-att ta’ żvelar inkwistjoni kisibx il-grad ta’ żvelar pubbliku rikjest. |
|
81. |
Din l-evalwazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-kwistjoni dwar jekk u sa fejn il-pubblikazzjoni ta’ tali avviż jissodisfa wkoll il‑kundizzjonijiet ta’ żvelar pubbliku skont l-Artikolu 17(1) tar‑Regolament Nru 596/2014, li jista’ jiġi attribwit lill-emittenti, b’mod partikolari dik ta’ informazzjoni rapida u sħiħa, kwistjoni li ma għandhiex tiġi deċiża f’dan il-każ. L-istess japplika għall-kwistjoni dwar jekk l-istqarrija għall-istampa ta’ Hybricon tal‑14 ta’ Mejju 2018, wara l-allegati insider dealings, tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet jew jekk, tal-inqas, din kellhiex bħala konsegwenza li tneħħi n-natura privileġġata tal-informazzjoni żvelata lill-pubbliku, fis‑sens tal-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan ir-regolament. Xorta jibqa’ l-fatt li żvelar pubbliku fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament huwa suffiċjenti sabiex jissodisfa l-kundizzjoni ta’ żvelar rikjesta mill‑Artikolu 7(1)(a) tal-istess regolament. |
|
82. |
Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, jekk, fil-mument tat-twettiq ta’ allegat insider dealings, il-grad ta’ żvelar pubbliku rikjest, mill-perspettiva ta’ investitur potenzjali u normalment diliġenti, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 596/2014, intlaħaqx. |
V. Konklużjoni
|
83. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Högsta domtolen (il-Qorti Suprema, l‑Isvezja) kif ġej: L-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 596/2014 tas‑16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil‑proċedura.
( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU 2014, L 173, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 287, p. 320), kif emendata fl-aħħar lok bir- Regolament (UE) 2024/2809 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1129, (UE) Nru 596/2014 u (UE) Nru 600/2014 sabiex is-swieq kapitali pubbliċi fl-Unjoni jsiru aktar attraenti għall-kumpaniji u sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kapital għall-intrapriżi żgħar u medji (ĠU L, 2024/2809).
( 3 ) Ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck (C‑45/08, EU:C:2009:806); tas‑7 ta’ Lulju 2011, IMC Securities (C‑445/09, EU:C:2011:459); tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Geltl (C‑19/11, EU:C:2012:397); tal‑11 ta’ Marzu 2015, Lafonta (C‑628/13, EU:C:2015:162), u tal‑15 ta’ Marzu 2022, Autorité des marchés financiers (C‑302/20, EU:C:2022:190).
( 4 ) Ara, b’mod partikolari, Hansen, J. L., “MAD in a Hurry: The Swift and Promising Adoption of the EU Market Abuse Directive”, European Business Law Review, 2004, pp. 183 et seq.; Gilotta, S., “The Regulation of Outsider Trading in the EU and the US”, European Company and Financial Law Review, 2016, p. 631 et seq.; Klöhn, L., “Wann ist eine Information öffentlich bekannt i.S.v. Art. 7 MAR?”, Zeitschrift für das gesamte Handels-und Wirtschaftsrecht, 2016, p. 707 et seq.; Juan y Mateu, F., “La difusión pública de información privilegiada en los mercados de valores”, Revista de Derecho Mercantil, 2017, Nru 304, p. 113 et seq.; Hössl‑Neumann, M., Information regulierung durch Insiderrecht, 2020, p. 53 et seq.; Hössl-Neumann, M., u Torggler, U., “Inside Information”, f’Kalls, S., Oppitz, M., Torggler, U u Winner, M. (ed.), EU Market Abuse Regulation, Elgar, Cheltenham, 2021, p. 55 et seq., kif ukoll Veil, R., “Insider Dealing”, f’Veil, R. (ed.), European Capital Markets Law, Hart Publishing, Oxford, it-3 edizzjoni, 2022, paragrafu 14, p. 189 et seq.
( 5 ) Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2016 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-mezzi tekniċi għall-iżvelar pubbliku xieraq ta’ informazzjoni privileġġata u biex jiġi ttardjat l‑iżvelar pubbliku ta’ informazzjoni privileġġata skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2016, L 173, p. 47).
( 6 ) Direttiva 2014/57/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (direttiva dwar l-abbuż tas-suq) (ĠU 2014, L 173, p. 179).
( 7 ) Mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ għoti tal‑kuntratt intbagħtet mhux biss lil dawn il-ħames kumpanniji, iżda wkoll lil 22 indirizz elettroniku ta’ persuni li kienu ddikjaraw l-interess tagħhom li jsegwu l-proċedura ta’ sejħa għal offerti mingħajr ma pparteċipaw fiha. L-identità ta’ dawn il-persuni u l-irwol tagħhom fil-kuntest tal-imsemmija proċedura madankollu tibqa’ mhux magħrufa. Fil-fatt, skont kjarifiki mogħtija mill-qorti tar-rinviju, ma huwiex stabbilit li l-informazzjoni inkwistjoni kienet effettivament ġiet innotifikata lill-imsemmija persuni. Barra minn hekk, fis-seduta, l-ebda parti ma kienet f’pożizzjoni li tikkonferma li d-deċiżjoni ta’ għoti kienet mibgħuta b’mod parallel lit-22 destinatarju ieħor.
( 8 ) Madwar EUR 4720.
( 9 ) Madwar EUR 13425.
( 10 ) Il-kjarifiki kienu jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-possibbiltà, issuġġerita minn OP u TK, li d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ sejħa għal offerti kienet ġiet ikkomunikata mill-awtorità kontraenti fl-indirizzi ta’ posta elettronika tal-persuni li kienu wrew l-interess tagħhom għal din is-sejħa għal offerti; it-tieni nett, l-identità ta’ dawn il-persuni u r-raġunijiet tal-interess tagħhom fis-sejħa għal offerti, u, it-tielet nett, il-pubbliċità ġġenerata mill-istqarrija għall-istampa ta’ Hybricon, kif ukoll il-pubblikazzjoni eventwali ta’ stqarrija għall-istampa li segwiet is-sejħa għal offerti mill-awtorità kontraenti u, skont il-każ, il-mument li fih dan seħħ (ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 11 ) Dan huwa s-suġġett ta’ dibattitu kontroversjali ferm fid-duttrina: ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet: Hansen, p. 194 u 195; Gilotta, p. 634 et seq.; Klöhn, p. 714 sa 719; Juan y Mateu, p. 117 et seq; Hössl-Neumann, p. 53 sa 58; Hössl-Neumann u Torggler, p. 62 sa 65, kif ukoll Veil, p. 201.
( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2022, Senatsverwaltung für Inneres und Sport (C‑646/20, EU:C:2022:879, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata: “kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill‑prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmilx riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dik id-dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat, fl‑Unjoni kollha, b’mod awtonomu u uniformi, liema interpretazzjoni għandha tirriżulta minn teħid inkunsiderazzjoni mhux biss tal-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti”).
( 13 ) Ara l-verżjoni fil-lingwa Franċiża (“rendue publique” u “rend publiques”) u dik Spanjola (“no se haya hecho pública” u “hará pública”).
( 14 ) B’hekk, b’mod partikolari, il-verżjoni fil-lingwa Svediża tistipula “Information […] som inte har offentliggjorts” u “informera allmänheten”. L-istess, b’mod partikolari, fil‑verżjoni bil-lingwa Ġermaniża (“nicht öffentlich bekannte Informationen” u “gibt der Öffentlichkeit […] unverzüglich bekannt”), dik Ingliża (“information […] which has not been made public” u “inform the public”), Taljana (“che non è stata resa pubblica” u “comunica al pubblico”), u Portugiża (“não tenha sido tornada pública” u “informa o público”).
( 15 ) Ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso (C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 27), u tal‑21 ta’ Lulju 2016, EUIPO vs Grau Ferrer (C‑597/14 P, EU:C:2016:579, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata li tgħid li “[…] kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha titqiegħed fil-kuntest tagħha u għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan id‑dritt, tal-għanijiet tiegħu u tal-istat tal-iżvilupp tiegħu fid-data li fiha għandha ssir l-applikazzjoni tad‑dispożizzjoni inkwistjoni […]”).
( 16 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Awtorità tas-swieq finanzjarji (C‑302/20, EU:C:2021:747, punt 1).
( 17 ) Ara l-Artikolu 2(1)(a)(i) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2016/1055; ara wkoll Klöhn (nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet), p. 707.
( 18 ) Enfasi miżjuda minni.
( 19 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Awtorità tas-swieq finanzjarji (C‑302/20, EU:C:2021:747, punt 1). Ara wkoll, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni li ġiet qabel ir-Regolament Nru 596/2014, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2007, Georgakis (C‑391/04, EU:C:2007:272, punt 38), u tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck (C‑45/08, EU:C:2009:806, punti 47 u 48).
( 20 ) Fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/57 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 21 ) Ara l-Artikolu 30(2)(h) sa (j) tar-Regolament Nru 596/2014.
( 22 ) Ara, b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Volkswagen Group Italia u Volkswagen Aktiengesellschaft (C‑27/22, EU:C:2023:663, punti 45 et seq.).
( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C-439/19, EU:C:2021:504, punt 89); tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98 (C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 42), u tal‑14 ta’ Settembru 2023, Volkswagen Group Italia u Volkswagen Aktiengesellschaft (C‑27/22, EU:C:2023:663, punt 49).
( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 162 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 56), u tad‑9 ta’ Settembru 2021, Ministère public (Sanzjonijiet extraterritorjali) (C‑906/19, EU:C:2021:715, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Ara wkoll, b’mod partikolari, il-verżjoni fil-lingwa Ingliża (“information a reasonable investor would be likely to use as part of the basis of his or her investment decisions”) u dik fil-lingwa Ġermaniża (“Informationen […], die ein verständiger Anleger wahrscheinlich als Teil der Grundlage seiner Anlageentscheidungen nutzen würde”).
( 26 ) Enfasi miżjuda minni.
( 27 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, Hansen (nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet), p. 195.
( 28 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, ESMA, Questions and Answers on the Market Abuse Regulation, is-17-il edizzjoni, ippubblikata fil‑15 ta’ Novembru 2022, p. 21, A5.10.
( 29 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, Hansen (nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonjiet), p. 195.
( 30 ) Enfasi miżjuda minni.
( 31 ) Jiġifieri kull persuna li hija “membru tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew ta’ sorveljanza tal-emittent”, għandha “sehem fil-kapital tal-emittent”, għandha “aċċess għall-[imsemmija] informazzjoni permezz tal-eżerċizzju ta’ impjieg, professjoni jew dmirijiet” jew involuta “f’attivitajiet kriminali”.
( 32 ) Enfasi miżjuda minni. Id-distinzjoni bejn “insiders primarji” u “insiders sekondarji” saret normali fid-duttrina; ara, b’mod partikolari, Hössl-Neumann (nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet), p. 51, u Veil (nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet), p. 215, punt 78.
( 33 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Specjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck (C‑45/08, EU:C:2009:806, punti 43 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata).