Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)
15 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Indipendenza tal-membri tal-ġudikatura – Qorti jew tribunal indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi – Regoli nazzjonali dwar il-modalitajiet għall-assenjazzjoni u l-assenjazzjoni mill-ġdid bix-xorti tal-kawżi fost l-imħallfin ta’ qorti – Riżoluzzjoni tal-kulleġġ ġudikanti ta’ qorti li tiżvesti lil imħallef, fuq talba tiegħu, minn parti mill-kawżi tal-portafoll tiegħu – Assenjazzjoni mill-ġdid bix-xorti ta’ dawn il-kawżi lil imħallfin oħra ta’ din il-qorti”
Fil-Kawża C‑159/25 [Rowicz] (i),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis‑Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, Il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Frar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Frar 2025, fil-proċedura
B. Ż.,
V. sp. z o.o.
vs
T. SA,
Ł.W.,
IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),
komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, Z. Csehi, M. Gavalec u F. Schalin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Spielmann,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann u P. Van Nuffel, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Marzu 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikoli 20 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll mal-premessa 61 tar-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 300/2008, (UE) Nru 167/2013, (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1139 u (UE) 2019/2144 u d-Direttivi 2014/90/UE, (UE) 2016/797 u (UE) 2020/1828 (ĠU L, 2024/1689).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, B. Ż. u T. SA u, min-naħa l-oħra, V. sp. z o.o. u Ł.W. dwar il-ħlas ta’ ammonti b’rabta ma’ tranżazzjonijiet kummerċjali.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”
4 Skont il-premessa 61 tar-Regolament 2024/1689:
“Jenħtieġ li ċerti sistemi tal-[intelliġenza artifiċjali (‘IA’)] maħsuba għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja u għall-proċessi demokratiċi jiġu kklassifikati bħala b’riskju għoli, meta jitqies l-impatt potenzjalment sinifikanti tagħhom fuq id-demokrazija, l-[I]stat tad-dritt, il-libertajiet individwali u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali. B’mod partikolari, biex jiġu indirizzati r-riskji ta’ preġudizzji, żbalji u opaċità potenzjali, jixraq li s-sistemi maħsuba biex jintużaw minn awtorità ġudizzjarja jew f’isimha biex jgħinu lill-awtoritajiet ġudizzjarji fir-riċerka u l-interpretazzjoni tal-fatti u tal-liġi u fl-applikazzjoni tal-liġi għal sett konkret ta’ fatti, jikkwalifikaw bħala sistemi tal-IA b’riskju għoli. [...] L-użu ta’ għodod tal-IA jista’ jappoġġa s-setgħa tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-imħallfin jew l-indipendenza ġudizzjarja, iżda jenħtieġ li ma jissostitwixxihiex: it-teħid finali ta’ deċiżjonijiet irid jibqa’ attività mmexxija mill-bniedem. [...]”
5 Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 113 ta’ dan ir-regolament, dan “[g]ħandu japplika mit‑2 ta’ Awwissu 2026”.
Id‑dritt Pollakk
6 Skont l-Artikolu 41(1) tal-ustawa Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji), tas‑27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. Nru 98, intestatura 1070), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (Dz. U. tal‑2024, intestatura 334, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qrati Ordinarji”):
“Il-Ministru għall-Ġustizzja, wara konsultazzjoni mal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja), għandu jiddetermina, permezz ta’ regolament, ir-regoli ta’ proċedura tal-qrati [ordinarji] billi jispeċifika:
(1) l-organizzazzjoni interna u l-metodi ta’ ħidma tal-qrati,
(2) ir-regoli dettaljati dwar l-assenjazzjoni tal-kawżi, inklużi:
(a) il-modalitajiet tat-tlugħ bix-xorti tal-kawżi,
(b) ir-regoli dwar il-kulleġġi ġudikanti b’diversi mħallfin,
(c) (imħassar),
(d) ir-regoli dwar l-iffissar ta’ koeffiċjent imnaqqas ta’ assenjazzjoni tal-kawżi minħabba l-funzjonijiet assunti u l-assenzi skużati kif ukoll ir-raġunijiet għas-sospensjoni temporanja tal-assenjazzjoni tal-kawżi,
(e) il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fl-assenjazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ kawżi li jinstemgħu biss mid-diviżjoni,
[...]
– fid-dawl tal-prinċipji ta’ effiċjenza, ta’ razzjonalità, ta’ strutttura u ta’ ħeffa kif ukoll tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni leali tal-kompiti fdati lill-qrati u tal-ħtieġa li jiġi żgurat li l-piż tax-xogħol tal-imħallfin, tal-imħallfin bi prova u tal-awżiljarji ġudizzjarji tkun maqsuma b’mod ugwali u oġġettiv, li jiġi żgurat li diversi mħallfin jibbenefikaw minn probabbiltà simili ta’ parteċipazzjoni f’kulleġġ ġudikanti, li jintużaw soluzzjonijiet informatiċi għall-assenjazzjoni bix-xorti tal-kawżi u mezzi oħra ta’ assenjazzjoni bix-xorti tal-kawżi fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet informatiċi.”
7 Skont l-Artikolu 47a(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji:
“1. Il-kawżi għandhom ikunu assenjati lil imħallfin u lil imħallfin bi prova b’mod każwali skont il-kategoriji speċifiċi ta’ kawżi, sakemm il-kawża ma tkunx assenjata lil imħallef tal-għassa.
2. Il-kawżi fi ħdan il-kategoriji speċifiċi għandhom jinqasmu b’mod ugwali, sakemm is-sehem ma jitnaqqasx minħabba l-pożizzjoni okkupata, tal-parteċipazzjoni fl-assenjazzjoni tal-kawżi f’kategorija oħra jew għal raġunijiet oħra previsti mil-liġi.”
8 L-Artikolu 47b ta’ din il-liġi jipprovdi:
“1. Il-kulleġġ ġudikanti jista’ jinbidel biss meta, fil-kulleġġ ġudikanti attwali, din ma tkunx f’pożizzjoni li teżamina l-kawża jew meta jkun hemm ostakolu fit-tul għat-trattament tal-kawża. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47a għandhom japplikaw mutatis mutandis.
[...]
4. Bidla fil-post fejn iservi l-imħallef jew il-kollokament tiegħu ma’ qorti oħra kif ukoll it-tmiem ta’ kollokament ma għandhomx jostakolaw l-adozzjoni ta’ atti [ta’ proċedura] f’kawżi assenjati fil-post fejn iservi l-imħallef jew fil-post fejn iwettaq il-kompiti tiegħu sakemm il-kawżi jiġu deċiżi.
5. Il-kulleġġ ġudikanti li taħtu jaqa’ l-post ġdid fejn iservi jew il-post fejn huwa kkollokat l-imħallef jista’, fuq talba ta’ dan l-imħallef jew ex officio, iwassal għall-iżvestiment ta’ dan l-imħallef mill-obbligi tiegħu li jisma’ jew jiddeċiedi kawżi kompletament jew parzjalment, b’mod partikolari minħabba d-distanza bejn din il-qorti u l-post il-ġdid fejn iservi jew il-post fejn huwa kkollokat l-imħallef u suġġett għas-sitwazzjoni tal-proċedimenti fil-kawżi pendenti. Qabel ma jadotta riżoluzzjoni, il-kulleġġ ġudikanti għandu jikkonsulta mal-Presidenti tal-qrati kompetenti.
6. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5 japplikaw mutatis mutandis fil-każ ta’ trasferiment lejn awla oħra tal-istess qorti u fil-każ ta’ ħatra bħala mħallef f’qorti superjuri.”
9 L-Artikolu 2 tar-Rozporządzenie Ministra Sprawiedliwości Regulamin urzędowania sądów powszechnych (ir-Regolament tal-Ministru għall-Ġustizzja dwar ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Qrati Ordinarji), tat‑18 ta’ Ġunju 2019 (Dz. U. tal‑2024, intestatura 867), jinkludi, fil-punt 16 tiegħu, id-definizzjoni li ġejja:
“[System Losowego Przydziału Spraw (SLPS) (sistema ta’ assenjazzjoni bix-xorti tal-kawżi)] — sistema informatika intiża li tassenja bix-xorti kawżi u kompiti ġudizzjarji bl-għajnuna ta’ ġeneratur ta’ numri bix-xorti”.
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
10 Fit‑13 u fl‑14 ta’ Ġunju 2024, żewġ appelli (iktar ’il quddiem l-“appelli inkwistjoni fil-kawża prinċipali”) ġew irreġistrati fir-Reġistru tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) mis-sentenzi tal-ewwel istanza mogħtija fil-kuntest ta’ kawżi dwar talbiet għal ħlas fil-qasam ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali, fis-sens tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1).
11 Fis‑17 u fit‑18 ta’ Ġunju 2024, l-Imħallef JD, li dak iż-żmien kienet taqa’ taħt it-tlieta u għoxrin awla ta’ din il-qorti, ġiet allokata bix-xorti sabiex tiddeċiedi dwar dawn l-appelli mis-SLPS, għodda informatika li tiffunzjona abbażi ta’ ġeneratur ta’ numru bix-xorti.
12 Sussegwentement, l-Imħallef JD ġiet ittrasferita f’awla oħra tal-imsemmija qorti.
13 Permezz ta’ deċiżjoni tal-Kulleġġ tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), l-Imħallef JD, wara t-trasferiment tagħha u fuq talba tagħha stess, ġiet żvestita mit‑30 ta’ Ottubru 2024, minn mitt kawża li kienu ġew assenjati lilha matul is-sena 2024 meta kienet sedenti fit-tlieta u għoxrin awla ta’ din il-qorti. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, dan il-kulleġġ identifika wkoll kawżi oħra li l-Imħallef JD kellha tagħlaq. L-imsemmija deċiżjoni ma kinitx tinkludi motivazzjoni.
14 Wara deċiżjoni meħuda, fl‑10 ta’ Jannar 2025, mill-President tat-tlieta u għoxrin Awla tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), fit‑13 ta’ Jannar 2025, saret l-assenjazzjoni mill-ġdid bix-xorti ta’ dawn il-100 kawża lil Imħallfin relaturi ġodda permezz tas-SLPS. Sbatax-il imħallef ta’ din l-awla kienu kkonċernati mit-tlugħ bix-xorti mwettaq minn din is-sistema għall-finijiet ta’ din l-assenjazzjoni mill-ġdid. L-imħallef Aneta Łazarska ingħatat 56, fosthom dawk li għandhom bħala suġġett l-appelli inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, imħallfin oħra rċevew biss numru iktar limitat ta’ kawżi, jew saħansitra ebda kawża.
15 L-ilment imressaq mill-imħallef A. Łazarska kontra l-imsemmija assenjazzjoni ġie miċħud mill-President tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja).
16 L-imħallef A. Łazarska hija mitluba tieħu s-siġġu fuq l-appelli inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), li hija l-qorti tar-rinviju. Hija għandha dubji dwar ir-regolarità tal-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ dawn iż-żewġ kawżi fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, u dwar jekk il-kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku kkostitwit b’dan il-mod huwiex qorti jew tribunal indipendenti u imparzjali, stabbilit minn qabel bil-liġi. Ikun essenzjali, bħala garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità ġudizzjarja, li l-assenjazzjoni tal-kawżi fi ħdan qorti titwettaq permezz ta’ proċess trasparenti, ibbażat fuq kriterji oġġettivi u li ma jkunx jista’ jiġi mmanipulat.
17 Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-dritt Pollakk jipprevedi, fl-Artikolu 47(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, prinċipju ta’ immutabbiltà tal-kulleġġ ġudikanti. Tista’ ssir deroga minn dan il-prinċipju biss fil-każijiet legalment iddefiniti, jiġifieri, konformement mal-Artikolu 47b(1) ta’ din il-liġi, meta, fil-kulleġġ ġudikanti attwali kkonċernat, ikun impossibbli li tiġi eżaminata l-kawża jew meta jkun jeżisti ostakolu persistenti għall-eżami tagħha. Issa, l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi li għandhom bħala suġġett l-appelli inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqa’ taħt ebda waħda minn dawn il-każijiet. B’mod partikolari, fid-dawl tal-Artikolu 47b(4) sa (6) tal-imsemmija liġi, il-bidla fl-assenjazzjoni ta’ mħallef, minn awla għal oħra, fi ħdan l-istess qorti ma tistax tiġġustifika bidla fil-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti.
18 Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-assenjazzjoni bix-xorti tal-kawżi permezz tas-SLPS.
19 L-ewwel nett, is-SLPS hija suġġett, sa mill-istabbiliment tagħha, għal żbalji. Minn naħa, ġew ikkonstatati diversi żbalji sistemiċi matul l-ewwel snin ta’ funzjonament ta’ din is-sistema, b’mod partikolari matul is-sena 2018. Min-naħa l-oħra, l-utenti tal-imsemmija sistema jwettqu żbalji.
20 It-tieni nett, minkejja li l-attivitajiet marbuta mad-disinn, mal-operat u mal-funzjonament tas-SLPS jitqiesu li huma ta’ natura pubblika, il-kodiċi sors ta’ din is-sistema ma huwiex magħruf. Huma biss l-algoritmu tal-applikazzjoni u r-rapporti tat-tlugħ bix-xorti tal-imsemmija sistema li jiġu ppubblikati. L-assenza ta’ trasparenza fir-rigward tal-kodiċi sors tqajjem dubji dwar l-imparzjalità reali tal-funzjonament tal-istess sistema.
21 It-tielet, il-modalitajiet speċifiċi tal-assenjazzjoni tal-kawżi lill-imħallfin jaqgħu taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Ministru għall-Ġustizzja.
22 Ir-raba’ nett, l-allokazzjoni każwali tal-kawżi mis-SLPS ma tippermettix li jiġi ggarantit tqassim ugwali tal-piż tax-xogħol bejn l-imħallfin u għalhekk tirriskja li tikkawża dewmien fit-trattament tal-kawżi. Hija tista’ saħansitra tipperikola l-indipendenza ta’ mħallef meta dan, taħt pressjoni taż-żmien, imexxi “proċessi rapidi” u jagħlaq il-kawżi malajr kemm jista’ jkun minflok ma jfittex li jfassal deċiżjonijiet ġusti.
23 Il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li l-kumplessità tas-sistema stabbilita kif ukoll in-nuqqas ta’ trasparenza tagħha jagħmluha vulnerabbli għall-manipulazzjoni, li jwassal għal riskju ta’ kompożizzjoni arbitrarja tal-kulleġġi ġudikanti.
24 Fir-rigward tal-kawżi li għandhom bħala suġġett l-appelli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-qorti żżid li, kuntrarjament għat-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2024, S. (Bidla tal-kulleġġ ġudikanti) (C‑197/23, EU:C:2024:956), id-deċiżjoni tal-kulleġġ tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) ma hijiex suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Minħabba l-assenza ta’ possibbiltà ta’ appell minn din id-deċiżjoni, l-istħarriġ tar-regola ta’ assenjazzjoni tal-kawżi huwa eskluż, b’tali mod li l-proċedura mmexxija mill-qorti tar-rinviju hija vvizzjata b’nullità.
25 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Fid-dawl tal-Artikolu 2 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] moqrija flimkien mal-Artikoli 20 u 47 tal-[Karta], kif ukoll mal-premessa 61 tar-Regolament (UE) [2024/1689], qorti ordinarja tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru hija qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, kif ukoll li tiggarantixxi li kawża tinstema’ mingħajr dewmien inġustifikat b’mod mhux diskriminatorju u li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fejn fil-kulleġġ ġudikanti tagħha huwa sedenti mħallef ta’ din il-qorti li lilu tiġi assenjata kawża permezz ta’ ġeneratur ta’ numri fuq il-bażi ta’ relazzjoni bejn it-tlugħ bix-xorti u d-deċiżjoni minn qabel tal-Kulleġġ ta’ din il-qorti:
– fejn l-organu amministrattiv tal-qorti bħalma huwa l-Kulleġġ tas-Sąd Okręgowy (il-Qorti Reġjonali) arbitrarjament jiżvesti lil imħallef, li sa dak il-mument ikun ġie fdat bil-kompitu ta’ mħallef relatur, mill-obbligu li jittratta l-kawżi li diġà jkunu ġew assenjati lilu bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-assenjazzjoni tal-kawżi, minkejja li ma jkunux ġew issodisfatti l-kriterji legali nazzjonali li jippermettu tali żvestiment kif ukoll bi ksur tal-prinċipju li bidla fil-kulleġġ ġudikanti tista’ sseħħ biss fil-każ ta’ impossibbiltà li l-kawża tinstema’ fil-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti attwali jew jekk ikun hemm ostakolu persistenti għas-smigħ tal-kawża fil-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti ta’ dak il-mument,
– fejn l-allokazzjoni ta’ mħallef ġdid titwettaq permezz [tas-SLPS] maħluq minn rappreżentant tal-poter eżekuttiv tal-Ministru tal-Ġustizzja u [wara] li jkunu ġew stabbiliti r-regoli dwar l-assenjazzjoni tal-kawżi u ta’ tlugħ bix-xorti fil-qrati permezz ta’ att ta’ natura regolamentari mill-istess Ministru [...], bi ksur tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali kif ukoll tad-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi,
– fejn l-allokazzjoni ta’ mħallef ġdid titwettaq permezz [tas-SLPS] fl-assenza ta’ għarfien u tal-possibbiltà li jiġi vverifikat jekk jaħdimx il-kodiċi sors tal-algoritmu ta’ assenjazzjoni bix-xorti tal-kawżi lill-imħallfin permezz tas-SLPS, u fejn fir-rigward ta’ [din] l-applikazzjoni tqiegħdet unikament informazzjoni fuq il-paġna tal-Biuletyn Informacji Publicznej (il-Bullettin tal-Informazzjoni Pubblika), kif ukoll tal-possibbiltà li dan l-instrument ta’ assenjazzjoni bix-xorti tal-kawżi jkun suġġett għal żbalji u manipulazzjonijiet b’mod li jikser id-dritt tal-partijiet għal smigħ xieraq,
– fejn l-allokazzjoni ta’ mħallef ġdid titwettaq permezz [tas-SLPS] maħluq minn rappreżentant tal-poter eżekuttiv tal-Ministru tal-Ġustizzja u [wara] li jkunu ġew stabbiliti r-regoli dwar l-assenjazzjoni tal-kawżi u ta’ tlugħ bix-xorti fil-qrati permezz ta’ att ta’ natura regolamentari mill-istess Ministru [...] bi ksur tal-prinċipju tad-dritt tal-partijiet li l-kawża tinstema’ mingħajr dewmien inġustifikat dovut għall-fatt li l-SLPS ma jiggarantixxix piż tax-xogħol ugwali għall-imħallfin b’tali mod li l-partijiet jiġu ddiskriminati u jinkiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi,
– li jwassal lill-imħallef jiddeċiedi taħt kundizzjonijiet proċedurali invalidi minħabba li l-kulleġġ ġudikanti [tal-imsemmija qorti] jmur kontra d-dispożizzjonijiet legali inkwantu ma hijiex qed tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-partijiet,
– mingħajr rimedju effettiv fid-dritt nazzjonali li jippermetti lill-imħallef jappella deċiżjoni bil-miktub mogħtija mill-organu amministrattiv tal-[istess] qorti dwar l-assenjazzjoni tal-kawża kif ukoll dwar l-allokazzjoni u l-bidla [tiegħu], jiġifieri nuqqas ta’ rimedju ġudizzjarju li jippermetti lill-imħallef il-possibbiltà li jappella din id-deċiżjoni bil-miktub quddiem qorti imparzjali u indipendenti fi proċeduri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet magħmula mill-Artikolu 47 tal-[Karta?]”
Fuq id‑domanda preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
26 Mill-formulazzjoni tad-domanda magħmula jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tixtieq tiċċara l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikoli 20 u 47 tal-Karta kif ukoll tal-premessa 61 tar-Regolament 2024/1689.
27 F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-riferiment għall-Artikolu 20 tal-Karta, dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza, il-qorti tar-rinviju ma tesponix ir-raġunijiet speċifiċi li għalihom hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Hija tillimita ruħha, fuq dan il-punt, li tosserva li s-SLPS ma jirnexxilux jiżgura li l-imħallfin kollha jkollhom piż tax-xogħol ugwali.
28 Fit-tieni lok, fir-rigward tar-riferiment għall-premessa 61 tar-Regolament 2024/1689, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 113 ta’ dan ir-regolament, dan japplika biss mit‑2 ta’ Awwissu 2026. Issa, l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi li għandhom bħala suġġett l-appelli inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħet fit‑13 ta’ Jannar 2025. Għaldaqstant, l-imsemmi regolament ma huwiex rilevanti għall-bżonnijiet tal-eżami tal-kwistjoni tal-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ dawn il-kawżi.
29 Fit-tielet lok, fir-rigward tat-talba għal interpretazzjoni tal-Artikolu 2 TUE, għandu jitfakkar li l-Artikolu 19 TUE jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt affermat fl-Artikolu 2 TUE, b’tali mod li ma hemmx lok li dan l-Artikolu 2 jiġi interpretat speċifikament.
30 Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja r-responsabbiltà li jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet fil-kawża jisiltu minn dan id-dritt (sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema–Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 108, kif ukoll tas-16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 59).
31 F’din il-perspettiva, din id-dispożizzjoni tipprevedi li huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw lill-partijiet fil-kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.
32 It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jkopri l-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 29, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 62).
33 It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż, b’mod partikolari, li japplika fir-rigward ta’ kull qorti nazzjonali li tista’ tiddeċiedi, bħala qorti, dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu taħt l-oqsma koperti minn dan id-dritt (sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 36).
34 Issa, dan huwa l-każ tal-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, din tista’ tintalab tiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u taqa’, bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens ta’ dan id-dritt, taħt is-sistema Pollakka tar-rimedji ġudizzjarji fl-“oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Għaldaqstant, din il-qorti għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
35 Fir-raba’ u l-aħħar lok, peress li l-qorti tar-rinviju rreferiet ukoll għall-Artikolu 47 tal-Karta fid-domanda tagħha, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 51(1) tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, liema dispożizzjoni tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minnhom (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 31).
36 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li l-appelli inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma diretti kontra sentenzi tal-ewwel istanza mogħtija f’tilwimiet dwar talbiet għal ħlas fil-qasam ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali, fis-sens tad-Direttiva 2011/7, mingħajr madankollu ma tagħmel preċiżazzjonijiet oħra dwar il-punt dwar jekk il-partijiet f’dawn il-kawżi invokawx drittijiet u obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva.
37 F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 47 tal-Karta ma jidhirx li huwa applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.
38 Madankollu, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri kollha li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
39 F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.
Fuq il‑mertu
40 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li hemm lok li jitqies li huwa tribunal jew qorti indipendenti u imparzjali, stabbilit minn qabel bil-liġi, kulleġġ ġudikanti ta’ qorti nazzjonali li lilu jkunu ġew assenjati kawżi bix-xorti minn sistema informatika wara l-iżvestiment tal-imħallef inizjalment inkarigat minn dawn il-kawżi, mitlub minnu, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe rimedju li jippermetti speċifikament lill-imħallef ikkonċernat jikkontesta din l-assenjazzjoni mill-ġdid.
41 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn il-Karta tistabbilixxi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet inklużi fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma dan jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti fil-kawża li hija adita biha tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 64).
42 Bil-benefiċċju ta’ din il-preċiżazzjoni, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li kull Stat Membru għandu, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jiżgura li l-istanzi li huma mitluba, bħala “qorti” fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt u li għalhekk jaqgħu taħt is-sistema ta’ rimedji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw l-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom dik tal-indipendenza (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Daka et, C‑422/23, C‑455/23, C‑459/23, C‑486/23 u C‑493/23, EU:C:2025:592, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Din il-kundizzjoni ta’ indipendenza tal-qrati, li hija inerenti fil-kompitu tal-ġudikatura, tagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandhom importanza kardinali bħala garanti tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni u mill-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Daka et, C‑422/23, C‑455/23, C‑459/23, C‑486/23 u C‑493/23, EU:C:2025:592, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 L-imsemmija kundizzjoni ta’ indipendenza tinkludi żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-qorti kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ ħaddieħor u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew struzzjonijiet minn kwalunkwe sors, ikun xi jkun, sabiex b’hekk tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. It-tieni aspett, ta’ natura interna, jorbot mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u jirrigwarda d-distanza ugwali għal dak li jikkonċerna l-partijiet fit-tilwima u l-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Daka et, C‑422/23, C‑455/23, C‑459/23, C‑486/23 u C‑493/23, EU:C:2025:592, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Għalkemm l-aspett “estern” tal-indipendenza huwa intiż essenzjalment li jikkonserva l-indipendenza tal-qrati fir-rigward tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, huwa intiż ukoll li jipproteġi lill-imħallfin kontra influwenzi indebiti li joriġinaw mill-intern tal-qorti kkonċernata (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Daka et, C‑422/23, C‑455/23, C‑459/23, C‑486/23 u C‑493/23, EU:C:2025:592, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja għandu jkun protett mhux biss minn kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll minn forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet ġudizzjarji (sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Daka et, C‑422/23, C‑455/23, C‑459/23, C‑486/23 u C‑493/23, EU:C:2025:592, punt 77).
47 Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli dwar, b’mod partikolari, il-kompożizzjoni tal-qorti kkonċernata, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ din il-qorti fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi inkwistjoni (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Daka et, C‑422/23, C‑455/23, C‑459/23, C‑486/23 u C‑493/23, EU:C:2025:592, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).
48 Barra minn hekk, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 71 tas-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ mħallef) (C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat ukoll li l-importanza primordjali b’mod partikolari tal-indipendenza ġudizzjarja u taċ-ċertezza legali għall-Istat tad-dritt teżiġi ċarezza partikolari tar-regoli applikati f’kull każ u garanziji ċari sabiex tiġi żgurata l-oġġettività u t-trasparenza kif ukoll, fuq kollox, sabiex tiġi evitata kull apparenza ta’ arbitrarjetà fl-attribuzzjoni ta’ kawżi partikolari lil imħallfin (Qorti EDB, 5 ta’ Ottubru 2010, DMD GROUP, a.s. vs Is-Slovakkja, CE:ECHR:2010:1005JUD001933403, punt 66).
49 Fit-tieni lok, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jeħtieġ ukoll l-eżistenza ta’ tribunal jew qorti “stabbilita minn qabel bil-liġi”, fid-dawl tar-rabtiet indissoċjabbli li jeżistu bejn l-aċċess għal tali tribunal jew qorti u l-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-imħallfin (sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Daka et, C‑422/23, C‑455/23, C‑459/23, C‑486/23 u C‑493/23, EU:C:2025:592, punt 79).
50 Issa, il-kunċett ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, li jinsab ukoll fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u jirrifletti b’mod partikolari l-prinċipju tal-Istat tad-dritt, jikkonċerna mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza nnifisha tal-qorti, iżda wkoll il-kulleġġ ġudikanti f’kull kawża kif ukoll kull dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ mħallef jew ta’ numru ta’ mħallfin fl-eżami tal-kawża. Għalhekk, ir-regoli ta’ assenjazzjoni u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi jagħmlu parti mill-kunċett ta’ qorti “stabbilita minn qabel bil-liġi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punti 73 u 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
51 Konsegwentement, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jirrikjedi wkoll, f’dan ir-rigward, li r-regoli li jirregolaw il-kulleġġi ġudikanti jkunu ta’ natura li jeskludu kull indħil indebitu, fil-proċess deċiżjonali relatat ma’ kawża partikolari, ta’ persuni li huma esterni għall-kulleġġ ġudikanti inkarigat minn din il-kawża u li quddiemhom il-partijiet ma setgħux isostnu l-argumenti tagħhom (tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Daka et, C‑422/23, C‑455/23, C‑459/23, C‑486/23 u C‑493/23, EU:C:2025:592, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).
52 Huwa fid-dawl ta’ dan it-tfakkir li għandha tingħata risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju. Din tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-kompatibbiltà mar-rekwiżiti inerenti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif imfakkra fil-punti 41 sa 51 ta’ din is-sentenza, tal-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ kawża lil kulleġġ ġudikanti, meta din l-assenjazzjoni mill-ġdid, l-ewwel nett, isseħħ wara l-iżvestiment tal-imħallef inizjalment maħtur, it-tieni nett, titwettaq permezz ta’ sistema bix-xorti ta’ assenjazzjoni tal-kawżi u, it-tielet nett, ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors mill-imħallef ikkonċernat mill-imsemmija assenjazzjoni mill-ġdid.
Fuq l-iżvestiment ta’ mħallef minn parti mill-kawżi tiegħu
53 Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-kulleġġ ġudikanti li lilu tkun ġiet inizjalment assenjata kawża jkun ġie żvestit minn din il-kawża f’ċirkustanzi inkompatibbli mal-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 41 sa 51 ta’ din is-sentenza, il-kulleġġ ġudikanti li lilu l-imsemmija kawża tkun ġiet assenjata mill-ġdid huwa obbligat jastjeni milli jieħu konjizzjoni tal-istess kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija tal-immunità u sospensjoni ta’ mħallef), C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punti 76 u 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
54 F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, l-iżvestiment ta’ mħallef fil-kawżi tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li korp ta’ qorti nazzjonali jista’ jiżvesti mħallef ta’ din il-qorti minn parti mill-kawżi jew mit-totalità tal-kawżi assenjati lilu, mingħajr ma din il-leġiżlazzjoni tipprevedi l-kriterji li għandhom jiggwidaw lil dan il-korp meta jieħu tali deċiżjoni ta’ żvestiment u lanqas ma timponi li din id-deċiżjoni tiġi mmotivata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 86).
55 Għalhekk, sabiex jiġi evitat li jitħalla spazju għall-arbitrarjetà li tista’ tirriżulta minn proċedura mhux trasparenti, li tista’ tippreġudika l-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ irremovabbiltà tal-membri tal-ġudikatura, huwa importanti li r-regoli nazzjonali dwar l-iżvestiment tal-kawżi jipprevedu kriterji oġġettivi ddikjarati b’mod ċar li fuq il-bażi tagħhom imħallef jista’ jiġi żvestit mill-kawżi tiegħu kif ukoll l-obbligu li jiġu mmotivati d-deċiżjonijiet ta’ żvestiment, b’mod partikolari fil-każ ta’ żvestimenti kontra r-rieda tal-imħallef ikkonċernat, sabiex jiġi żgurat li l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura ma tiġix kompromessa minn influwenzi esterni indebiti (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ mħallef), C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143, punt 85).
56 F’dan il-każ, jidher, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 47b(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprovdi li l-bidla fil-kulleġġ ġudikanti hija aċċettata meta jeżisti “ostaklu fit-tul biex il-kawża tinstema’”. Konformement mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu 47, il-kulleġġ ġudikanti kkonċernat għandu l-possibbiltà li jiżvesti mħallef, fuq talba tiegħu jew ex officio, fil-każ ta’ trasferiment ta’ dan l-imħallef lejn awla oħra ta’ din il-qorti.
57 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 77 tas-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, D. K. (Żvestiment ta’ mħallef) (C‑647/21 u C‑648/21, EU:C:2025:143), li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 47b(1) u (4) sa (6) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, ma tinkludix kriterji preċiżi u oġġettivi li jirregolaw il-possibbiltà li mħallef jiġi żvestit minn waħda jew iktar mill-kawżi tiegħu u tippermetti lill-kulleġġ ġudikanti kkonċernat jiżvesti mħallef mill-kawżi tiegħu permezz ta’ deċiżjoni mhux motivata.
58 Madankollu, din l-evalwazzjoni saret fil-kuntest ta’ kawża li tikkonċerna żvestiment mhux kunsenswali tal-imħallef ikkonċernat mill-kawżi tiegħu, wara t-trasferiment, li ma tax il-kunsens tiegħu għalih, ta’ dan tal-aħħar lejn sezzjoni oħra tal-qorti li kien jaqa’ taħtha.
59 Issa, mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-każ, l-Imħallef JD ġiet żvestita minn parti mill-kawżi tagħha permezz ta’ deċiżjoni li ġiet adottata fuq talba tagħha stess. Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, tali żvestiment, fuq talba tal-imħallef ikkonċernat, tidher li taqa’, kif tosserva l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, taħt il-każijiet previsti fl-Artikolu 47(6) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji.
60 Barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li dan l-iżvestiment seħħ wara trasferiment tal-Imħallef JD fi ħdan il-qorti li kienet taqa’ taħtha. Minn dawn l-ispjegazzjonijiet bl-ebda mod ma jirriżulta li dan it-trasferiment ma kienx ingħata kunsens, jew saħansitra arbitrarju, u lanqas li t-talba għall-iżvestiment kienet il-konsegwenza ta’ influwenzi esterni subiti minn dan l-imħallef li setgħu jikkontestaw l-indipendenza tal-imsemmija mħallef.
61 Għalhekk, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li, sa fejn dan l-iżvestiment ġie liberament mitlub mill-Imħallef JD, tali żvestiment parzjali ma huwiex ta’ natura li jqajjem dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jingħad ukoll li, peress li din tal-aħħar ma tidhirx li ġiet żvestita mill-kawżi li għandhom bħala suġġett l-appelli inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’ċirkustanzi inkompatibbli mal-kundizzjonijiet mfakkra fil-punti 41 sa 51 ta’ din is-sentenza, ma jistax jitqies, abbażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 tagħha, li l-kulleġġ ġudikanti li lilu ġew assenjati mill-ġdid dawn il-kawżi huwa obbligat jastjeni milli jieħu konjizzjoni tal-imsemmija kawżi.
62 Fil-fatt, l-iżvestiment parzjali ta’ mħallef minn kawża waħda jew iktar tiegħu ma tistax tippreġudika l-indipendenza tiegħu meta jintervjeni fuq talba tiegħu u fl-assenza ta’ kull indizju li jissuġġerixxi li dan l-iżvestiment ma ġiex liberament mitlub mill-imħallef inkwistjoni.
Fuq l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi permezz ta’ sistema bix-xorti ta’ assenjazzjoni
63 Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sistema ta’ assenjazzjoni tal-kawżi fi ħdan il-qrati nazzjonali li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ selezzjoni bix-xorti tal-kulleġġ ġudikanti, flimkien ma’ ċerti eċċezzjonijiet, ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura li tesponi lill-kulleġġi ġudikanti għal influwenza indebita, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2025, Sinalov, C‑16/24, EU:C:2025:116, punt 51).
64 Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 41 sa 51 ta’ din is-sentenza, għandu madankollu jiżdied li l-funzjonament ta’ tali sistema għandu jkun ibbażat fuq regoli trasparenti, oġġettivi u magħrufa minn qabel, li jippermettu li jiġi eskluż kull użu arbitrarju ta’ din is-sistema u kull indħil indebitu, fil-proċess deċiżjonali relatat ma’ kawża partikolari, ta’ persuni esterni għall-kulleġġ ġudikanti.
65 Peress li l-evalwazzjoni finali tal-fatti kif ukoll l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali jaqgħu, fil-kuntest ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, taħt il-qorti tar-rinviju biss, hija din il-qorti li għandha tiddetermina, b’mod definittiv, jekk il-funzjonament tas-SLPS, b’mod partikolari fil-kuntest tal-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi li għandhom bħala suġġett l-appelli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex konformi mal-kundizzjonijiet inerenti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Madankollu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, abbażi tal-atti tal-proċess li għandha, tipprovdi lil din il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha għal dan l-għan (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u ta’ Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema–Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 133, kif ukoll tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija ta’ immunità u sospensjoni ta’ mħallef), C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 66).
66 F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tas-SLPS ma’ dawn il-kundizzjonijiet għal erba’ raġunijiet li jirrigwardaw, essenzjalment, l-ewwel, in-nuqqas ta’ trasparenza ta’ din is-sistema, it-tieni, ir-rwol tal-Ministru għall-Ġustizzja fid-determinazzjoni tar-regoli ta’ funzjonament tal-imsemmija sistema, it-tielet, l-iżbalji li l-applikazzjoni tiegħu setgħet ħolqot u, ir-raba’ nett, l-iżbilanċ fil-piż ta’ xogħol tal-imħallfin li huwa jikkawża.
67 L-ewwel nett, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija kundizzjonijiet, u b’mod partikolari dawk imsemmija fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, huma ssodisfatti, b’mod partikolari, meta l-funzjonament tas-sistema bix-xorti ta’ assenjazzjoni tal-kawżi kkonċernata jkun ibbażat fuq parametri ddeterminati minn qabel u pubbliċi, li jkun irregolat minn leġiżlazzjoni trasparenti li tiddefinixxi l-modalitajiet u l-kriterji ta’ assenjazzjoni u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi, li jkun maħsub, b’mod partikolari permezz ta’ tlugħ bix-xorti kompletament awtomatizzat, b’mod li tiġi evitata l-assenjazzjoni ta’ kawża lil qorti magħżula b’mod diskrezzjonali u li r-relazzjonijiet ta’ tlugħ bix-xorti tal-kawżi jsiru pubbliċi. Fil-fatt, tali elementi jikkostitwixxu garanziji xierqa sabiex tiġi evitata kull apparenza ta’ arbitrarjetà fl-assenjazzjoni jew fl-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ kawżi partikolari lil imħallfin kif ukoll kull indħil indebitu, min-naħa ta’ persuni esterni għall-kulleġġ ġudikanti adit b’kawża partikolari, fil-proċess deċiżjonali relatat ma’ din il-kawża.
68 Issa, mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-funzjonament tas-SLPS huwa rregolat minn leġiżlazzjoni li tipprevedi l-kriterji u l-modalitajiet ta’ assenjazzjoni jew ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi lill-imħallfin. Barra minn hekk, it-tlugħ bix-xorti jseħħ b’mod awtomatiku. Fl-aħħar nett, kemm l-algoritmu sħiħ ta’ din is-sistema kif ukoll ir-rapporti tat-tlugħ bix-xorti jiġu ppubblikati. F’dan il-kuntest, is-sempliċi fatt li s-sors tal-kodiċi tal-imsemmija sistema, li jirrifletti, fil-lingwa ta’ programmazzjoni, l-istruzzjonijiet li jifformaw l-istess sistema, mhuwiex pubbliku ma huwiex ta’ natura li joħloq riskju ta’ influwenza li tista’ torjenta d-deċiżjonijiet ġudizzjarji jew ta’ manipulazzjoni arbitrarja tal-assenjazzjonijiet u tal-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi. Għall-kuntrarju, kif il-Gvern Pollakk sostna fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kodiċi sors tal-SLPS jista’ jiffaċilita attakk ċibernetiku fuqu.
69 It-tieni nett, fir-rigward tad-dubji marbuta mar-rwol li għandu l-Ministru għall-Ġustizzja fid-determinazzjoni tar-regoli ta’ funzjonament tas-SLPS, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 47 u 51 ta’ din is-sentenza, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità kif ukoll il-kundizzjoni ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi” jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli dwar, b’mod partikolari, il-kulleġġi ġudikanti, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ din il-qorti fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi inkwistjoni.
70 F’dan ir-rigward, konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-qrati għandha b’mod partikolari tiġi ggarantita fir-rigward tal-poter leġiżlattiv u tal-poter eżekuttiv (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C-625/18, EU:C:2019:982, punt 124, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef tal-qorti ordinarja), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 72).
71 Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, għandu l-għan li jevita li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja titħalla għad-diskrezzjoni tas-setgħa eżekuttiva u li jiżgura li dan il-qasam ikun irregolat minn liġi adottata mill-poter leġiżlattiv b’mod konformi mar-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ imħallef ta’ qorti ordinarja), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 73).
72 Dan ir-rekwiżit huwa ssodisfatt meta, abbażi ta’ delega leġiżlattiva, bħal dik prevista fl-Artikolu 41 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, il-Ministru għall-Ġustizzja għandu s-setgħa li jadotta regoli ġenerali fil-qasam tal-assenjazzjoni tal-kawżi u li jiddefinixxi l-parametri ġenerali tal-funzjonament ta’ sistema bix-xorti ta’ assenjazzjoni tal-kawżi, bħas-SLPS. Barra minn hekk, l-adozzjoni, minn dan il-Ministru, ta’ tali regoli ġenerali ma hijiex, bħala tali, ta’ natura li toħloq dubji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-ġudikatura.
73 It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li żball fl-applikazzjoni tar-regoli ta’ assenjazzjoni tal-kawżi ma jimplikax neċessarjament l-eżistenza ta’ influwenza li tista’ tiggwida d-deċiżjonijiet ġudizzjarji jew ta’ manipulazzjoni arbitrarja tal-kompetenzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2025, Sinalov, C‑16/24, EU:C:2025:116, punt 51). F’dan il-kuntest, is-sempliċi fatt, irrilevat mill-qorti tar-rinviju, li l-funzjonament ta’ sistema bix-xorti ta’ assenjazzjoni tal-kawżi seta’ kien ivvizzjat bi żbalji ma huwiex fih innifsu ta’ natura li jiżvela, f’mument sussegwenti, influwenzi indebiti fil-proċess deċiżjonali relatat ma’ kawżi speċifiċi. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, kif il-Gvern Pollakk sostna fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-kritika dwar il-funzjonament tas-SLPS imsemmija mill-qorti tar-rinviju tidher li għandha natura purament storika, peress li n-nuqqasijiet ta’ funzjonament imsemmija kollha seħħew matul is-sena 2018.
74 Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-fatt li sistema bix-xorti ta’ assenjazzjoni tal-kawżi tista’ twassal għal tqassim mhux ugwali tal-piż tax-xogħol bejn l-imħallfin tal-qorti, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju tirreferi essenzjalment għan-numru ta’ kawżi assenjati lid-diversi mħallfin. Issa, sempliċi żbilanċ fin-numru ta’ kawżi assenjati, li jista’ jkun ibbażat fuq motivi ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ma jikkostitwixxix neċessarjament żbilanċ fil-piż tax-xogħol.
75 Fi kwalunkwe każ, il-fatt li sistema bix-xorti ta’ assenjazzjoni tal-kawżi tista’ twassal għal tqassim mhux ugwali tal-piż tax-xogħol bejn l-imħallfin ta’ qorti ma huwiex ta’ natura li joħloq riskju ta’ ndħil indebitu fil-proċess deċiżjonali relatat ma’ kawża partikolari u lanqas ta’ stħarriġ fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.
Fuq l‑istħarriġ ġudizzjarju tal‑assenjazzjoni mill‑ġdid tal‑kawżi
76 Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-applikazzjoni ta’ sistema bix-xorti ta’ assenjazzjoni tal-kawżi, għandu jitfakkar li l-possibbiltà ta’ verifika tal-osservanza tal-garanziji marbuta mal-kunċett ta’ “qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi” hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fil-parti fil-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2024, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” (Assoċjazzjonijiet ta’ membri tal-ġudikatura), C‑53/23, EU:C:2024:388, punt 55, u tas‑27 ta’ Frar 2025, Sinalov, C‑16/24, EU:C:2025:116, punt 53).
77 Għalhekk, l-osservanza tar-regoli tad-dritt intern dwar l-assenjazzjoni u l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi, jekk ikun il-każ permezz ta’ sistema bix-xorti ta’ assenjazzjoni tal-kawżi, għandha tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fuq talba ta’ parti, jew ex officio fil-preżenza ta’ dubju serju, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kulleġġ ġudikanti li lilu tkun ġiet assenjata jew assenjata mill-ġdid kawża partikolari jikkostitwixxix qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2024, S. (Bidla tal-kulleġġ ġudikanti), C‑197/23, EU:C:2024:956, punti 65 u 67, kif ukoll tas‑27 ta’ Frar 2025, Sinalov, C‑16/24, EU:C:2025:116, punti 54 u 55).
78 Għalhekk, peress li l-qorti nazzjonali adita hija f’pożizzjoni li tistħarreġ ir-regolarità tal-kulleġġ ġudikanti sabiex tiddeċiedi l-kawża mressqa quddiemha, ma huwiex neċessarju li jiġi previst, għal dan l-għan, rimedju legali separat favur il-qorti kkonċernata minn din l-assenjazzjoni mill-ġdid (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Daka et, C‑422/23, C‑455/23, C‑459/23, C‑486/23 u C‑493/23, EU:C:2025:592, punt 99).
79 F’dan il-każ, il-kawżi li għandhom bħala suġġett l-appelli inkwistjoni fil-kawża prinċipali juru preċiżament li l-qorti tar-rinviju tista’ tistħarreġ ir-regolarità tal-kulleġġ ġudikanti tagħha sabiex tiddeċiedi dwar dawn l-appelli.
80 Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm lok li jitqies li huwa qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, kulleġġ ġudikanti ta’ qorti nazzjonali li lilu jkunu ġew assenjati kawżi bix-xorti minn sistema informatika wara l-iżvestiment tal-imħallef inizjalment inkarigat minn dawn il-kawżi, mitlub minnu, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe rimedju ġudizzjarju li jippermetti speċifikament lill-imħallef ikkonċernat jikkontesta din l-assenjazzjoni mill-ġdid.
Fuq l-ispejjeż
81 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
hemm lok li jitqies li huwa qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, kulleġġ ġudikanti ta’ qorti nazzjonali li lilu jkunu ġew assenjati kawżi bix-xorti minn sistema informatika wara l-iżvestiment tal-imħallef inizjalment inkarigat minn dawn il-kawżi, mitlub minnu, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe rimedju ġudizzjarju li jippermetti speċifikament lill-imħallef ikkonċernat jikkontesta din l-assenjazzjoni mill-ġdid.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.