|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2490 |
20.9.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
tal-4 ta’ Settembru 2024
dwar il-preżentata u n-notifika ta’ atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
Wara li rat ir-Regoli tal-Proċedura u, b’mod partikolari, l-Artikoli 48(2) u 57(7) tagħhom,
Billi:
|
(1) |
Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji ta’ komunikazzjoni, ġiet żviluppata applikazzjoni informatika li tippermetti l-preżentata u n-notifika ta’ atti proċedurali b’mod elettroniku. |
|
(2) |
Din l-applikazzjoni, li fil-preżent hija bbażata fuq mekkaniżmu ta’ awtentifikazzjoni elettronika li jagħmel użu minn kodiċi ta’ identifikazzjoni u password personali, tissodisfa r-rekwiżiti ta’ awtentiċità, ta’ integrità u ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti skambjati. |
|
(3) |
Fid-dawl tas-suċċess li kellha din l-applikazzjoni u fid-dawl tal-vantaġġi tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħeffa tal-iskambji mwettqa b’dan il-mod, fl-2018 il-possibbiltà li wieħed jippreżenta jew jirċievi atti proċedurali permezz ta’ din l-applikazzjoni nfetħet għall-qrati tal-Istati Membri kif ukoll għall-persuni li, mingħajr ma jkunu aġent jew avukat, ikunu xorta waħda awtorizzati, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, jirrappreżentaw parti quddiem il-qrati tal-Istat tagħhom. |
|
(4) |
Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja – u għall-ħtiġijiet esklużivi tat-trattament tal-kawżi għal deċiżjoni preliminari – l-istess possibbiltà issa għandha tingħata wkoll lill-persuni li, skont l-istess regoli proċedurali nazzjonali, huma awtorizzati jirrappreżentaw lilhom innifishom quddiem il-qrati nazzjonali kif ukoll lill-qrati ta’ Stati terzi li jistgħu, skont id-dritt tal-Unjoni, iressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
(5) |
Barra minn hekk, sa fejn din l-applikazzjoni llum il-ġurnata hija l-mezz prinċipali ta’ komunikazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-partijiet fil-kawżi mressqa quddiemha, fl-interess ta’ ċertezza legali ikbar u ta’ trasparenza, hemm lok li l-benefiċċjarji potenzjali kollha tal-istess applikazzjoni jiġu elenkati f’artikolu wieħed. |
TIDDEĊIEDI:
Artikolu 1
Definizzjoni
Applikazzjoni informatika msemmija “e-Curia”, komuni għall-qrati li jifformaw il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandha tippermetti l-preżentata u n-notifika ta’ atti proċedurali b’mod elettroniku fil-kundizzjonijiet previsti f’din id-deċiżjoni.
Artikolu 2
Aċċess għall-applikazzjoni
L-użu ta’ din l-applikazzjoni jirrikjedi l-ftuħ ta’ kont ta’ aċċess u jeħtieġ l-użu ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni u ta’ password personali.
Din l-applikazzjoni hija miftuħa għar-rappreżentanti tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut (kont bħala “rappreżentant”), għall-persuni li jaġixxu f’isem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz li tista’ tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (kont bħala “qorti”) jew, fil-kuntest tal-kawżi għal deċiżjoni preliminari, għall-persuni li, mingħajr ma jkunu aġent jew avukat, ikunu awtorizzati, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, jirrappreżentaw lilhom innifishom jew lil parti quddiem il-qorti tar-rinviju (kont bħala “persuna awtorizzata”).
Barra minn hekk, b’mod komplementari, l-applikazzjoni hija miftuħa għall-assistenti nnominati b’isimhom mid-detentur ta’ wieħed minn dawn il-kontijiet (kont bħala “assistent”).
Artikolu 3
Preżentata ta’ att proċedurali
Att proċedurali ppreżentat permezz ta’ e-Curia għandu jitqies li huwa l-oriġinal ta’ dan l-att, fis-sens tal-Artikolu 57(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-kodiċi ta’ identifikazzjoni u l-password personali tar-rappreżentant ta’ parti jew ta’ parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut, ta’ persuna awtorizzata tirrappreżenta lilha nnifisha jew lil parti fit-tilwima fil-kawża prinċipali fil-kuntest ta’ kawża għal deċiżjoni preliminari, jew ta’ persuna li taġixxi f’isem il-qorti tar-rinviju jkunu ntużaw sabiex titwettaq din il-preżentata. L-użu ta’ dan il-kodiċi ta’ identifikazzjoni u ta’ din il-password jiswa bħala firma tal-att inkwistjoni.
Artikolu 4
Annessi
L-att proċedurali ppreżentat permezz ta’ e-Curia għandu jkollu mehmuż miegħu l-annessi msemmija fih kif ukoll l-iskeda li telenka dawn l-annessi.
Artikolu 5
Data u ħin tal-preżentata
Il-mument li fih att proċedurali jitqies li ġie ppreżentat fis-sens tal-Artikolu 57(6) tar-Regoli tal-Proċedura għandu jkun dak tal-validazzjoni tal-preżentata ta’ dan l-att mir-rappreżentant ta’ parti jew ta’ parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut, mill-persuna awtorizzata tirrappreżenta lilha nnifisha jew lil parti fit-tilwima fil-kawża prinċipali fil-kuntest ta’ kawża għal deċiżjoni preliminari, jew mill-persuna li taġixxi f’isem il-qorti tar-rinviju.
Il-ħin li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
Artikolu 6
Notifika tal-atti proċedurali
L-atti proċedurali, inklużi s-sentenzi u d-digrieti, għandhom jiġu nnotifikati permezz ta’ e-Curia lid-detenturi ta’ kont e-Curia li, f’kawża partikolari, ikunu qegħdin jirrappreżentaw lil parti jew lil parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut, jew li jkunu qegħdin jaġixxu f’isimhom stess jew f’isem parti fit-tilwima fil-kawża prinċipali jew f’isem il-qorti tar-rinviju. Dawn in-notifiki għandhom isiru wkoll lill-eventwali assistenti tagħhom.
Fil-każijiet previsti fl-Istatut u fir-Regoli tal-Proċedura, l-atti proċedurali għandhom jiġu nnotifikati wkoll permezz ta’ e-Curia lill-Istati Membri, lill-Istati l-oħra li huma parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, lill-Istati terzi, lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles kif ukoll lill-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni li jkunu aċċettaw dan il-mod ta’ notifika.
L-atti proċedurali jistgħu jiġu nnotifikati wkoll skont il-modi l-oħra ta’ trażmissjoni previsti fir-Regoli tal-Proċedura meta dan ikun meħtieġ mill-volum jew min-natura tal-anness jew meta l-użu ta’ e-Curia jirriżulta teknikament impossibbli.
Artikolu 7
Data u ħin tan-notifika
Id-destinatarji tan-notifiki msemmija fl-artikolu preċedenti għandhom jiġu avżati, permezz ta’ ittra elettronika, b’kull notifika indirizzata lilhom permezz ta’ e-Curia.
L-att proċedurali għandu jitqies li ġie nnotifikat fil-mument li fih id-destinatarju jitlob l-aċċess għal dan l-att. Fin-nuqqas ta’ talba għal aċċess, l-att għandu jitqies li ġie nnotifikat mal-iskadenza tas-seba’ jum mill-jum li fih tkun intbagħtet l-ittra elettronika ta’ avviż.
Fil-każ li parti jew parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tkun irrappreżentata minn diversi persuni jew fil-każ li diversi persuni jkunu awtorizzati sabiex jaġixxu f’isem parti fit-tilwima fil-kawża prinċipali jew f’isem il-qorti tar-rinviju, il-mument li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-termini għandu jkun dak li fih tkun saret l-ewwel talba għal aċċess, irrispettivament minn jekk l-awtur ta’ din it-talba jkunx id-detentur tal-kont jew wieħed mill-assistenti tiegħu.
Il-ħin li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu
Artikolu 8
Kundizzjonijiet ta’ użu tal-applikazzjoni
Ir-Reġistratur għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ użu ta’ e-Curia u għandu jiżgura l-osservanza tagħhom. Użu ta’ e-Curia li ma jkunx konformi ma’ dawn il-kundizzjonijiet jista’ jwassal għad-diżattivazzjoni tal-kont ta’ aċċess ikkonċernat.
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li ma jkun hemm ebda abbuż jew użu ħażin ta’ e-Curia.
L-utent għandu jiġi avżat permezz ta’ ittra elettronika dwar kull miżura meħuda skont dan l-artikolu li twaqqfu milli juża l-kont ta’ aċċess tiegħu.
Artikolu 9
Tħassir
Din id-deċiżjoni tħassar u tissostitwixxi d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ottubru 2018 dwar il-preżentata u n-notifika ta’ atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia (1).
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ
Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-4 ta’ Settembru 2024.
Ir-Reġistratur
A. CALOT ESCOBAR
Il-President
K. LENAERTS
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2490/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)