Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni u l-effikacja tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjanijiet u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja /* KUMM/2010/0143 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 14.4.2010 KUMM(2010)143 finali RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWR OPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI DWAR L-APPLIKAZZJONI U L-EFFIKAĊJA TAD-DIRETTIVA 2003/35/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL TAS-26 TA’ MEJJU 2003 LI TIPPROVDI GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI PUBBLIKA RIGWARD IT-TFASSIL TA’ ĊERTI PJANIJIET U PROGRAMMI LI GĦANDHOM X’JAQSMU MAL-AMBJENT U LI TEMENDA D-DIRETTIVI TAL-KUNSILL 85/337/KEE U 96/61/KE RIGWARD IL-PARTEĊIPAZZJONI PUBBLIKA U L-AĊĊESS GĦALL-ĠUSTIZZJA DAĦLA Dan ir-rapport huwa stabbilit mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/35/KE (minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Direttiva”). L-għan ta’ din id-Direttiva kien li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-obbligi li jinħolqu mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus tal-25 ta’ Ġunju 1998[1], b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-Artikoli 6, 7 u 9(2) u (4) tagħha. L-Artikolu 5 jgħid: “Sal-15 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja ta’ din id-Direttiva. Bil-ħsieb li jżid il-ħtiġiet tal-integrazzjoni tal-protezzjoni ambjentali, skont l-Artikolu 6 tat-Trattat, u filwaqt li jqis l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri, dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat bi proposti sabiex tiġi emendata din id-Direttiva, jekk approprjat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni trid tikkunsidra l-possibbiltà li jiġi estiż l-iskop ta’ din id-Direttiva għall-pjanijiet u l-programmi l-oħra li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent”. Ta’ min jinnota li l-Artikolu 3 tad-Direttiva emenda d-Direttiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali (l-EIA). Din fil-fatt kienet soġġetta għal analiżi profonda, inkluż tal-aspetti koperti mid-Direttiva 2003/35/KE, li r-riżultati tagħha wasslu għat-tfassil tar-rapport tat-23 ta’ Lulju 2009[2]. Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tad-Direttiva li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE[3] dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (IPPC) ġie rrevokat formalment fil-kodifikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Din ir-revoka hija ta’ natura formali, fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 u tal-Anness II ġew inkorporati mingħajr tibdil fid-Direttiva kkodifikata. B’deċiżjoni tat-2 ta’ Marzu 2006[4], il-Kummissjoni stabbiliet kwestjonarju relatat mal-IPPC dwar l-esperjenza relatata mal-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2008, li jinkludi wkoll l-aspetti koperti mid-Direttiva. Dan ir-rapport ser jintbagħat lill-istituzzjonijiet l-oħrajn skont l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2008/1/KE. F’din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan ir-rapport kellu jkun limitat għall-analiżi tal-applikazzjoni u l-effikaċja tal-Artikolu 2, minħabba li l-aspetti dwar l-EIA ġew analizzati fir-rapport tat-23 ta’ Lulju 2009[5] u dawk dwar l-IPPC sejrin ikunu analizzati fir-rapport li jmiss. Dan ir-rapport ser janalizza wkoll il-kwistjonijiet tal-ħtieġa u ta’ kemm huwa xieraq li jiġu ppreżentati proposti għal emendi u l-possibbiltà li jiġi estiż l-ambitu tad-Direttiva għal pjanijiet u programmi oħrajn minbarra dawk previsti fl-Anness I. L-AMBITU TAD-DIRETTIVA KIF IMSEMMI F’DAN IR-RAPPORT, JIĠIFIERI L-ARTIKOLU 2 DWAR ĊERTI PJANIJIET U PROGRAMMI RELATATI MAL-AMBJENT L-Artikolu 2 tad-Direttiva għandu l-għan li jagħti effett sħiħ lill-Artikolu 7 tal-konvenzjoni ta’ Aarhus. Għaldaqstant, huwa jistipula b’mod partikolari li “l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-pubbliku jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fit-tħejjija u l-modifika jew ir-reviżjoni tal-pjanijiet jew tal-programmi meħtieġa li jitfasslu skont id-dispożizzjonijiet elenkati fl-Anness I” . Skont il-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu 2, ir-regoli stabbiliti fih ma japplikawx għall-pjanijiet u l-programmi ddisinjati bil-għan waħdieni li jaqdu d-difiża nazzjonali jew meħuda fil-każ ta’ emerġenzi ċivili (il-paragrafu 4) u lanqas għall-pjanijiet u l-programmi ddikjarati fl-Anness I li għalihom il-proċedura ta’ parteċipazzjoni mill-pubbliku titwettaq taħt id-Direttiva 2001/42/KE jew taħt id-Direttiva 2000/60/KE (il-paragrafu 5). Soġġett għall-esklużjonijiet imsemmija hawn fuq, l-Artikolu 2, skont l-Anness 1 tad-Direttiva kif abbozzata fl-2003, kien jirrigwarda l-pjanijiet u l-programmi msemmija: - fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart; - fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/157/KEE dwar il-batteriji u l-akkumulaturi li jkun fihom ċerti sustanzi perikolużi; - fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli; - fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/689/KEE dwar l-iskart perikoluż; - fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ; - fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 96/62/KE dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità tal-arja ċirkostanti. Madankollu, minn naħa waħda, ċerti atti ġew ikkodifikati għall-għanijiet taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, u min-naħa l-oħra, ċerti Direttivi ġew adattati bl-għan li jsaħħu l-ħarsien tal-ambjent. Minħabba l-bidliet leġiżlattivi li saru, il-pjanijiet u l-programmi li huma jew li sejrin ikunu affettwati mill-Artikolu 2 tad-Direttiva huma dawn li ġejjin: - mit-12 ta’ Diċembru 2010, il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-iskart imsemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2008/98/KE[6]; fil-fatt, skont l-Artikolu 41 ta’ din id-Direttiva, id-Direttiva 2006/12/KE (li tikkodifika d-Direttiva 75/442/KEE) u d-Direttiva 91/689/KEE mhumiex sejrin ikunu revokati qabel din id-data; sa dakinhar, il-pjanijiet imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/12/KE u fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/689/KEE huma soġġetti għal dawn id-dispożizzjonijiet; - il-programmi ta’ azzjoni previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli; - mill-11 ta’ Ġunju 2010, il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja msemmija fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50/KE[7]; fil-fatt, skont l-Artikolu 31 ta’ din id-Direttiva, id-Direttiva 96/62/KE mhijiex sejra tkun revokata qabel din id-data; sa dakinhar, il-pjanijiet imsemmija fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62/KE huma rregolati minnha. F’dak li għandu x’jaqsam mal-pjanijiet ta’ ġestjoni msemmija fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 94/62/KE[8], minħabba l-fatt li “kapitolu speċifiku dwar il-ġestjoni tal-imballaġġ u tal-iskart mill-imballaġġ, inklużi l-miżuri meħuda skont l-Artikoli 4 u 5” , għandu jiġi inkluż fil-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-iskart żviluppati skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 75/442/KEE (li issa saret id-Direttiva 2006/12/KE) u li sejrin jinbidlu mit-12 ta’ Diċembru 2010 mill-pjanijiet imsemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2008/98/KE, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku għal dan il-kapitolu sseħħ fl-ambitu tal-pjanijiet. B’differenza mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/157/KEE, li kien jipprovdi b’mod speċifiku programmi li għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri, id-Direttiva 2006/66/KE[9], li rrevokat lil dik id-Direttiva b’effett mis-26 ta’ Settembru 2008, ħadet approċċ differenti sabiex tilħaq l-għanijiet stabbiliti, jiġifieri ftehimiet volontarji bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi kkonċernati (l-Artikolu 27). Huwa biss f’każ li l-ftehimiet ma jiġux irrispettati li l-Istati għandhom jimplimentaw id-dispożizzjonijiet rilevanti permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi. Għaldaqstant, il-programmi previsti fil-bidu fid-Direttiva 91/157/KEE ma baqgħux jeżistu. INFORMAZZJONI MEĦUD A MILL-ESPERJENZA MIKSUBA L-informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2 ġejja kemm mill-esperjenza tal-Kummissjoni nnifisha kif ukoll mir-rapporti mitluba mill-Istati Membri[10], minkejja l-fatt li dawn ir-rapporti ma kinux previsti fid-Direttiva. - Traspożizzjoni tad-Direttiva, u b’mod partikolari tal-Artikolu 2 tagħha Meta ġie adottat dan ir-rapport, l-Istati Membri kollha li wieġbu kienu ttrasponew id-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom - u xi kultant ukoll fil-livell reġjonali (il-Belġju u l-Awstrija) - u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tagħha. Ċerti Stati Membri, b’mod partikolari Franza, ir-Repubblika Ċeka u l-Belġju, ittrasponew, mill-inqas parzjalment, l-Artikolu 2 bl-adozzjoni tat-testi li jittrasponu d-Direttiva 2001/42/KE[11], magħrufa aktar bħala d-Direttiva dwar il-valutazzjoni strateġika ambjentali (id-Direttiva dwar is-SEA). Barra minn hekk, fost is-seba’ Stati li ma weġbux, l-Irlanda biss kien għadha ma ttrasponitx id-Direttiva b’mod sħiħ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha[12]. Dan iżda ma jgħoddx għall-Artikolu 2. Għaldaqstant, jista’ jiġi konkluż li l-Istati Membri kollha ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jittrasponu l-Artikolu 2 fil-liġi tagħhom. - Esperjenza miksuba mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2 Wara t-tibdiliet leġiżlattivi li saru wara l-adozzjoni tad-Direttiva[13], mill-aħħar tal-2010, il-pjanijiet u l-programmi kkonċernaw u sejrin jikkonċernaw b’mod speċjali l-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-iskart u l-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja. Minħabba n-natura u l-iskala tagħhom, id-Direttiva dwar is-SEA, u mhux l-Artikolu 2, tista’, b’mod konkret, tidher bħala strument aktar adattat għall-indirizzar ta’ dawn l-aspetti, inkluż dak tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Barra minn hekk, fl-Artikolu 6 tagħha, id-Direttiva dwar is-SEA, tipprevedi parteċipazzjoni tal-pubbliku komparabbli fl-iskop ma’ dik tal-Artikolu 2 tad-Direttiva. Kunsiderazzjoni bħal din hija riflessa wkoll fl-esperjenza miksuba minn ċerti Stati. F’dan l-istadju, din hija biss tendenza. Se jkunu l-iżviluppi futuri li juru jekk din it-tendenza hix se tiġi kkonsolidata u hix se ssir prattika ġenerali. Ir-relazzjoni li teżisti bejn il-programmi ta’ azzjoni li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-ilmijiet kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati u d-Direttiva dwar is-SEA, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, tqajmet mill-Kunsill tal-Istat tal-Belġju[14] f’żewġ talbiet ta’ interpretazzjoni preliminari, ta’ kontenut identiku. Meta ġie adottat dan ir-rapport, dawn il-kawżi, li jirrigwardaw il-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu adottat mir-Reġjun tal-Vallonja permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2007, kien għadhom pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-informazzjoni tal-Kummissjoni ġiet issupplimentata wkoll permezz tar-rapporti mitluba mill-Istati kollha. Il-kontribuzzjonijiet tal-għoxrin Stat li wieġbu kienu bbażati fuq in-nota ta’ gwida mehmuża mal-ittra tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Lulju 2008. Il-livell tal-informazzjoni u l-ammont ta’ dettalji f’dawn il-kontribuzzjonijiet ivarja b’mod sostanzjali. Fl-analiżi tagħha l-Kummissjoni segwiet l-istruttura tan-nota ta’ gwida tagħha stess. Barra minn hekk, hija kkunsidrat ukoll il-kuntatti li saru kemm mal-esperti nazzjonali kif ukoll mal-NGOs fil-każ tas-seba’ Stati li ma wieġbux. Il-kummenti tal-Istati li wieġbu l-ittra tagħha ma jvarjawx, fil-parti l-kbira tagħhom, mill-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni għas-seba’ Stati li ma weġbux. Żewġ aspetti relatati mal-esperjenza fil-livell nazzjonali għandhom ikunu enfasizzati: l-effetti pożittivi u negattivi tal-applikazzjoni tad-Direttiva u l-użu effettiv tagħha. - L-effetti pożittivi u negattivi tal-applikazzjoni tad-Direttiva Bosta Stati speċifikaw li, permezz tar-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, il-livell ta’ informazzjoni miksuba mill-pubbliku dwar il-kwistjonijiet ambjentali, inklużi dawk marbuta mal-pjanijiet u l-programmi, żdiedet b’mod sinifikanti. Tinħass ukoll kuxjenza akbar fost l-uffiċjali inkarigati mit-tfassil ta’ pjanijiet jew ta’ programmi kif ukoll fost il-korpi politiċi responsabbli mill-adozzjoni tagħhom dwar il-ħtieġa li tintalab il-fehma tal-pubbliku qabel ma dawn jiġu approvati. Madankollu għad hemm bżonn li jsiru iktar sforzi min-naħa tal-awtoritajiet lokali. Permezz ta’ żieda fl-għarfien tal-kwistjonijiet u tal-isfidi, il-konsultazzjoni tal-pubbliku ffaċilitat l-applikazzjoni tal-miżuri adottati u ħolqot fiduċja akbar fl-istituzzjonijiet involuti. F’ċerti każijiet, il-kummenti tal-pubbliku wasslu għal tibdil fis-soluzzjonijiet maħsuba inizjalment u għat-tneħħija jew il-mitigazzjoni ta’ aspetti li kienu qed joħolqu tħassib fost il-popolazzjoni kkonċernata. Xi drabi, permezz tal-konsultazzjoni, il-korpi pubbliċi setgħu jiġu infurmati dwar oqsma ta’ azzjoni meqjusa ta’ prijorità mis-soċjetà ċivili u b’hekk setgħu jikkunsidrawhom huma u jiddefinixxu mill-ġdid il-prijoritajiet. Ċerti kummenti jindikaw li l-parteċipazzjoni ta’ individwi li ma jagħmlux parti minn xi assoċjazzjoni hija aktar limitata, anki fuq dokumenti strateġiċi[15]. Skont kontribuzzjoni partikulari, dan jista’ jkun marbut mal-fatt li “ l-parti l-kbira tal-pubbliku ” għadha ma tafx li tista’ tieħu sehem fil-konsultazzjonijiet. F’bosta Stati saru sforzi sabiex il-pubbliku jkun infurmat dwar id-drittijiet tiegħu u sabiex ikun hemm l-aktar reklamar wiesa’ possibbli - inkluż, jekk xieraq, fil-midja lokali – dwar il-konsultazzjonijiet li jkunu sejrin isiru fil-ġimgħat ta’ wara. Ċerti kontribuzzjonijiet juru li l-organizzazzjoni ta’ konsultazzjoni tassumi l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji u umani adegwati, pereżempju sabiex issir l-analiżi tal-kummenti tal-pubbliku. F’ċerti Stati Membri, ferm qabel id-Direttiva, kien hemm leġiżlazzjoni kif ukoll prattika stabbilita ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku, b’mod li d-Direttiva ma ġabitx effetti jew bidliet kbar, għall-inqas għall-pjanijiet u l-programmi. Fi kwalunkwe każ, id-Direttiva żgurat li d-dritt tal-pubbliku li jipparteċipa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet ambjentali ġie stabbilit b’mod pożittiv u b’mod ċar u, f’ċerti każijiet, li dan issaħħaħ. Fuq livell differenti, il-kontribuzzjonijiet li ntbagħtu enfasizzaw ukoll aspetti li tqiesu li kienu inqas pożittivi. Għalhekk, instab li: - f’ċerti każijiet, il-pubbliku talab lill-awtoritajiet informazzjoni, dejta jew dokumenti li ma kinux rilevanti għall-konsultazzjoni li kienet għaddejja; - f’diversi każijiet, huwa diffiċli li wieħed jivvaluta b’mod adegwat l-opinjonijiet espressi, minħabba nuqqas ta’ dokumenti xierqa li jappoġġawhom; - fil-każ tal-pjanijiet fuq skala kbira (f’dan il-każ, il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-iskart fil-livell nazzjonali f’żewġ Stati), il-parteċipazzjoni tal-pubbliku ħolqot, f’każ minnhom, ammont ta’ xogħol konsiderevoli u diffikultajiet fit-tiftix ta’ soluzzjonijiet li kienu aċċettabbli għal kulħadd jew għall-parti l-kbira tal-persuni kkonċernati, b’mod li l-approvazzjoni tal-pjan sofriet dewmien konsiderevoli, waqt li, fil-każ l-ieħor, id-dewmien addizzjonali minħabba l-parteċipazzjoni tal-pubbliku wassal biex ċertu dejta ma baqgħetx attwali. Madankollu dawn iż-żewġ każijiet ma jidhrux li jirriflettu s-sitwazzjoni normali. - L-użu effettiv tal-Artikolu 2 B’mod ġenerali, ġie rrappurtat użu limitat ħafna tal-Artikolu 2. Dan jista’ jkun minħabba l-perjodu relattivament qasir bejn l-aħħar data għat-traspożizzjoni (il-25 ta’ Ġunju 2005) u d-data magħżula biex isir ir-rappurtar dwar l-esperjenza miksuba mill-Istati (il-31 ta’ Mejju 2008). Spjegazzjoni oħra, imsemmija wkoll minn ċerti Stati, hija l-fatt li l-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 isiru fil-qafas usa’ tad-Direttiva 2001/42/KE. Fil-kontribuzzjonijiet ma ġewx irrappurtati diffikultajiet partikolari (ta’ interpretazzjoni jew oħrajn) ta’ importanza sinifikanti. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kunsiderazzjonijiet oħrajn relatati mal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, ssemmew l-aspetti li ġejjin: - għall-akbar u l-aktar parteċipazzjoni attiva possibbli, minbarra l-pubblikazzjoni f’ġurnali uffiċjali u fl-istampa, għandha ssir komunikazzjoni iktar proattiva (bħal laqgħat, ittri, seminars) immirata lejn l-assoċjazzjonijiet pubbliċi jew privati li jistgħu jkunu interessati; - il-pubbliku għandu jkun infurmat dwar l-approvazzjoni jew ir-rifjut tal-opinjonijiet espressi u dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-aċċettazzjoni jew ir-rifjut tagħhom, qabel ma tkun adottata d-deċiżjoni finali; għal dan il-għan, ġiet issuġġerita emenda tal-Artikolu 2(2)(c) u (d) fil-kontribuzzjoni ta’ Stat minnhom; - il-parteċipazzjoni fil-konsultazzjoni tista’ tkun affettwata mill-fatt li l-pubbliku ma jkunx jaf kif se jiġu kkunsidrati r-reazzjonijiet tiegħu fid-deċiżjoni finali jew minħabba li jista’ jħoss li, fil-verità, r-reazzjonijiet tiegħu mhux se jiġu kkunsidrati b’mod effettiv. IL-VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI - L-effikaċja tal-Artikolu 2 B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tikkunsidra li, permezz tal-Artikolu 2, - il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet sar aktar trasparenti, u għaldaqstant ħoloq klima ta’ relazzjonijiet aktar kostruttivi u ta’ fiduċja bejn l-awtoritajiet kompetenti u s-soċjetà ċivili; - id-deċiżjonijiet adottati jikkunsidraw aktar il-ħtiġijiet u t-tħassib ta’ proporzjon akbar tal-popolazzjoni, b’mod li jiffaċilitaw l-aċċettazzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet u tal-programmi; - tqajmu għarfien u interess akbar fis-soċjetà dwar il-problemi ambjentali fis-suġġetti speċifiċi koperti (b’mod partikolari l-ġestjoni tal-iskart u l-kwalità tal-arja), b’mod partikolari fil-livell reġjonali jew lokali; id-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-programm ta’ azzjoni għall-protezzjoni tal-ilmijiet kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati, imfassal mir-reġjun tal-Vallonja, hija eżempju sinifikanti ta’ dan. Huwa żgur li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku tassumi bidliet sostanzjali min-naħa tal-awtoritajiet ikkonċernati, minħabba l-fatt li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandu jikkunsidra l-ħtieġa ta’ konsultazzjoni effettiva mal-pubbliku li ssir fi stadju bikri biżżejjed. Għaldaqstant, għandhom jiġu allokati fondi finanzjarji u riżorsi umani adegwati. Hija responsabbiltà tal-Istati Membri li jeżaminaw kemm il-mument l-aktar adattat sabiex jibdew il-konsultazzjoni, sabiex jiżguraw li din isseħħ “meta l-għażliet u s-soluzzjonijiet kollha jkunu għadhom possibbli” (kif mitlub mill-Artikolu 6(4) tal-konvenzjoni ta’ Aarhus li għaliha jirreferi l-Artikolu 7 tal-istess konvenzjoni), kif ukoll kif se jiżguraw l-effikaċja tagħha. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-Istati għandhom jiżguraw li l-pubbliku, l-aktar dak ikkonċernat, ikun jaf fil-verità li tnediet il-konsultazzjoni. Fil-fatt, it-tendenza li toħroġ mhijiex sempliċiment dik li ssir pubblikazzjoni fil-ġurnali uffiċjali, iżda li din tkun ikkumplimentata wkoll minn informazzjoni fil-midja (kemm fl-istampa u kif ukoll fix-xandir bir-radju), minn avviżi fil-muniċipalitajiet ikkonċernati u avviżi fuq is-siti tal-Internet tal-awtoritajiet kompetenti. L-Istati huma mbagħad responsabbli li jaraw jekk tkunx meħtieġa jew xierqa, kif tissuġġerixxi waħda mill-kontribuzzjonijiet, komunikazzjoni aktar proattiva, li tkun tikkonsisti f’ittri individwali, laqgħat jew seminars ta’ informazzjoni, immirati lejn l-assoċjazzjonijiet pubbliċi jew privati li jistgħu jkunu interessati. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li dan il-mezz jista’ jkun utli sabiex jinvolvi aktar ċittadini jew NGOs fil-konsultazzjonijiet. Ġie indikat li parti pjuttost sostanzjali tas-soċjetà ċivili għadha mhix qed tipparteċipa fil-konsultazzjonijiet, ħlief biex tesprimi riżervi meta d-deċiżjoni finali tkun diġà ġiet adottata. Dan l-aspett jista’ jiddependi parzjalment fuq il-fatt li l-pubbliku ma jafx kif jiġu kkunsidrati r-reazzjonijiet tiegħu fid-deċiżjoni finali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati jispjegaw bl-aktar mod ċar possibbli r-raġunijiet li jkunu wassluhom biex jirrifjutaw b’mod totali jew parzjali ċerti suġġerimenti. Tweġiba xierqa tidher li hija wieħed mill-aktar mezzi effettivi biex isaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-pubbliku u joħloq iktar fiduċja. F’dan l-istadju, ma jitqiesx li hemm bżonn isiru xi emendi fl-Artikolu 2(2)(c) u (d), kif issuġġeriet waħda mill-kontribuzzjonijiet. Il-Kummissjoni hija konxja mill-fatt li l-proċess ta’ konsultazzjoni jista’ jkollu l-effett li jtawwal, xi kultant b’mod sinifikanti, l-iskadenzi maħsuba għall-adozzjoni finali tal-pjanijiet jew tal-programmi. Dan id-dewmien ma jidhirx li jiddependi mit-tul tal-konsultazzjoni fih innifsu, iżda pjuttost min-natura tal-proġett maħsub, l-aktar meta jqajjem oġġezzjonijiet jew tħassib fis-soċjetà ċivili. Konsultazzjoni xierqa tal-pubbliku, sa mill-istadju tal-ippjanar, issaħħaħ l-aċċettabbiltà soċjali tal-pjan u tevita jew tnaqqas ostakli ulterjuri, bħall-proċeduri ġudizzjarji, u b’hekk tiffaċilita l-implimentazzjoni tiegħu. L-aspetti pożittivi li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tal-pubbliku b’hekk jidhru li huma ferm iktar minn dawk negattivi. Dan l-aspett ta’ skadenzi itwal, jidher, xi ftit jew wisq b’mod espliċitu, f’diversi kontribuzzjonijiet u jidher li huwa aspett li, fil-futur, għandu jingħata aktar attenzjoni. Esperjenza akbar miksuba fl-applikazzjoni tad-Direttiva tista’ tippermetti li wieħed jasal għal soluzzjonijiet konkreti li jiżguraw bilanċ aħjar bejn il-parteċipazzjoni tal-pubbliku u t-tħassib leġittimu dwar l-effikaċja. Jeħtieġ li l-Istati jkomplu fl-isforzi tagħhom sabiex jinfurmaw lill-pubbliku dwar id-drittijiet u l-garanziji rikonoxxuti mid-Direttiva, u dan fil-livell meqjus l-aktar xieraq, fid-dawl tal-istruttura u t-tradizzjonijiet ta’ kull pajjiż. Ir-rieda li dan isir tinħass f’bosta kontribuzzjonijiet. Iżda dan mhuwiex kompitu tal-Istati biss. L-NGOs infushom jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv, billi jxerrdu l-informazzjoni. - L-emendi proposti Fid-dawl tal-esperjenza limitata miksuba dwar l-Artikolu 2, ma jidhirx li huwa xieraq, f’dan l-istadju, li jiġu proposti xi emendi. Fil-kummenti t’hawn fuq, il-Kummissjoni esprimiet ċerti kunsiderazzjonijiet li jistgħu jżidu l-effikaċja tad-Direttiva. Fid-dawl tal-fatt li huwa kull Stat li jiddeċiedi dwar id-dettalji tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-istruttura u t-tradizzjonijiet partikulari tiegħu, l-Istati Membri huma responsabbli li jaraw jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet humiex rilevanti fir-realtà ta’ kull pajjiż, jekk l-implimentazzjoni tagħhom hijiex prattikabbli jew le, u, fil-każ li tkun, kif għandha ssir. L-applikazzjoni konkreta tal-Artikolu 2 fl-Istati u s-soluzzjonijiet prattiċi misjuba sabiex jiġu llimitati ċerti aspetti meqjusa bħala inqas pożittivi jistgħu, fil-futur, joħolqu l-ħtieġa jew l-opportunità ta’ xi emendi. - It-twessigħ tal-ambitu tal-Artikolu 2 għal pjanijiet u programmi minbarra dawk imsemmija fl-Anness I L-ebda Stat Membru ma qies li t-tali twessigħ huwa meħtieġ jew xieraq. Għall-kuntrarju, ċerti Stati Membri speċifikaw li jeħtieġ li jkun hemm viżjoni ċara dwar l-ambitu tal-lista ta’ pjanijiet u ta’ programmi li jaqgħu fi ħdan id-Direttiva 2001/42/KE, qabel ma wieħed jikkunsidra li jdaħħal pjanijiet u programmi oħrajn fl-ambitu tal-Artikolu 2. Fi kliem ieħor, ċerti kontribuzzjonijiet jirrakkomandaw riflessjoni bir-reqqa dwar ir-relazzjoni tal-Artikolu 2 mad-Direttiva 2001/42/KE. Kontribuzzjoni minnhom iżżid li, fl-adozzjoni tad-Direttiva 2003/35/KE, il-lista ta’ pjanijiet u programmi prevista fl-Anness I tagħha kienet imfassla bħala lista eżawrjenti, minħabba li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fi pjanijiet u programmi ġodda kellha tiġi rregolata fl-istrumenti speċifiċi l-ġodda, u dan sabiex tiġi rrispettata l-konvenzjoni ta’ Aarhus. Din il-kunsiderazzjoni tidher li hija bbażata fuq l-għaxar premessa tad-Direttiva. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, f’diversi każijiet, sitwazzjoni unika tista’ tkun soġġetta għaż-żewġ strumenti, b’din il-possibbiltà tidher li tkun aktar frekwenti għall-iskart, b’mod speċjali bil-pjanijiet futuri previsti fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2008/98/KE. Il-leġiżlatur Komunitarju nnifsu kien konxju mill-possibbiltà li ż-żewġ strumenti jistgħu jikkoinċidu, sal-punt li permezz tal-paragrafu 5 huwa kien eskluda l-applikazzjoni tal-Artikolu 2 jekk il-parteċipazzjoni tal-pubbliku tkun diġà implimentata taħt id-Direttiva 2001/42/KE. Barra minn hekk, id-deċiżjoni futura tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-relazzjoni li teżisti bejn il-programmi ta’ azzjoni għall-protezzjoni tal-ilmijiet kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati u d-Direttiva dwar is-SEA sejra tkun element ewlieni fl-analiżi ta’ din il-kwistjoni. Barra minn hekk, fil-Gwida ta’ applikazzjoni tal-konvenzjoni ta’ Aarhus[16] jingħad: “ Wieħed mill-modi kif jiġi applikat l-Artikolu 7…għalhekk jikkonsisti f’li wieħed jiddefinixxi l-proċeduri x-xierqa għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-qafas tal-valutazzjoni strateġika ambjentali (is-SEA). Is-SEA tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jikkunsidraw l-impatti fuq l-ambjent waqt it-tfassil tal-pjanijiet, tal-programmi u tal-politiki. Huwa għalhekk wieħed mill-metodi possibbli adattati għaż-żewġ partijiet tal-Artikolu 7, jiġifieri d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-tfassil tal-pjanijiet u tal-programmi, u d-dispożizzjoni rigward il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-tfassil tal-politiki”. Il-Kummissjoni ppreżentat rapport dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva 2001/42/KE, jiġifieri tad-Direttiva dwar is-SEA[17]. Hija timpenja ruħha li twettaq din l-analiżi, kemm fix-xogħolijiet eventwali li jistgħu jinħolqu mill-analiżi ta’ dan ir-rapport mill-istituzzjonijiet l-oħrajn kif ukoll f’xogħolijiet speċifiċi. Il-konklużjonijiet tagħha sejrin jiġu mgħarrfa kif xieraq lill-istituzzjonijiet l-oħrajn, flimkien ma’ proposti xierqa, jekk ikun meħtieġ. Minn dan jirriżulta li kwalunkwe proposta ta’ twessigħ tal-ambitu ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2 tkun prematura, f’dan l-istadju. KONKLUŻJONIJIET Minkejja applikazzjoni limitata ferm fil-livell nazzjonali fit-tliet snin ta’ wara l-aħħar data għat-traspożizzjoni mill-Istati Membri (il-25 ta’ Ġunju 2005), l-Artikolu 2 tad-Direttiva kellu l-effett li jistabbilixxi, b’mod pożittiv u b’mod uniformi, d-dritt tal-pubbliku li jipparteċipa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-pjanijiet u l-programmi fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri. Dan qajjem l-interess tal-pubbliku dwar il-problemi ambjentali, billi inkorpora aktar u aktar - mill-inqas fost in-nies u l-korpi l-aktar konxji - id-dimensjoni tal-iżvilupp sostenibbli. L-isforzi mibdija għandhom jitkomplew, sabiex jiżdied l-għarfien tal-pubbliku dwar id-drittijiet tiegħu u naslu għal parteċipazzjoni reali fil-konsultazzjonijiet minn numru akbar ta’ individwi. Hija r-responsabbiltà ta’ kull Stat, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet u t-tradizzjonijiet tiegħu, li jilħaq dawn il-miri bl-aktar mezzi xierqa. Barra minn hekk, dawn għandhom jiżguraw li jipprovdu r-riżorsi umani u finanzjarji li tinvolvi l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan l-Artikolu. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni ma tqisx li huwa xieraq li tipproponi bidliet jew li twessa’ l-ambitu tal-Artikolu 2 għal pjanijiet u programmi oħrajn minbarra dawk diġà previsti. Madankollu, minħabba l-interrelazzjonijiet li jistgħu jeżistu bejn dan l-Artikolu u d-Direttiva 2001/42/KE, hija sejra twettaq l-analiżi rrakkomandata minn ċerti Stati dwar dawn iż-żewġ strumenti, li r-riżultati tagħha se jiġu ppreżentati, meta jkun il-waqt, lill-istituzzjonijiet l-oħrajn. [pic][pic][pic] [1] Il-konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 124, 17.5.2005), l-UE hija parti għal din il-konvenzjoni sa mis-17 ta’ Mejju 2005. [2] Rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva EIA, COM (2009)378 tat-23 ta’ Lulju 2009. [3] Id-Direttiva 2008/1/KE tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (verżjoni kkodifikata), ĠU L 24, 29.1.2008. [4] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Marzu 2006 li tistabbilixxi kwestjonarju dwar id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (2006/194/KE), ĠU L 70, 9.3.2006, p. 65. [5] Il-punti li ġejjin tar-rapport tat-23 ta’ Lulju 2009 jirrigwardaw il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-qasam tal-EIA (jiġifieri l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/35/KE): is-sezzjonijiet 2.2 u 3.3 u l-Anness 2. [6] Id-Direttiva 2008/98/KE tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3. Il-premessa 40 issemmi b’mod espliċitu l-parteċipazzjoni tal-pubbliku mitluba mid-Direttiva 2003/35/KE. [7] Id-Direttiva 2008/50/KE tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent, ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1. [8] Id-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003, mid-Direttivi 2004/12/KE u 2005/50/KE u, dan l-aħħar, mir-Regolament (KE) Nru 219/2009. [9] Id-Direttiva 2006/66/KE tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar il-batteriji u l-akkumulaturi u l-iskart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE, ĠU L 266, 26.9.2006. Skont l-Artikolu 28 tagħha, id-Direttiva 91/157/KEE tħassret b’effett mis-26 ta’ Settembru 2008. [10] B’differenza mid-Direttiva 2003/4/KE li kellha l-għan li tadatta l-leġiżlazzjoni Komunitarja għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni ambjentali, id-Direttiva ma tipprevedix b’mod espliċitu li l-Istati Membri jissottomettu rapporti lill-Kummissjoni dwar l-esperjenza li kisbu huma u japplikaw id-Direttiva. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li kien bżonnjuż li tuża l-informazzjoni u l-fehmiet tagħhom. Għalhekk, permezz tal-ittra tad-29 ta’ Lulju 2008, hija talbet lill-Istati jaqsmu magħha l-kummenti tagħhom, fuq il-bażi ta’ nota ta’ gwida. Wieġbu għoxrin Stat, xi wħud minnhom ferm wara l-iskadenza stabbilita tal-14 ta’ Novembru 2008. Is-seba’ Stati li ma taw l-ebda kontribuzzjoni huma l-Finlandja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Portugall, is-Slovenja u s-Slovakkja. [11] Id-Direttiva 2001/42/KE tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30. [12] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2009 fil-kawża C-427/07. [13] Dawn it-tibdiliet huma analizzati fis-sezzjoni 2. [14] Il-kawżi konġunti C-105/09 u C-110/09, li għadhom pendenti. [15] F’dan ir-rigward, kontribuzzjoni partikulari kienet tgħid: “Il-persuni li jwieġbu huma dawk li diġà huma l-aktar konxji dwar il-problemi ambjentali. Biex isib rimedju għal dan, ir-Reġjun (tal-kapitali ta’ Brussell) ipprova għalhekk iwettaq, safejn kien possibbli, minbarra l-inkjesta pubblika, wkoll stħarriġ speċifiku fost kampjun rappreżentattiv tal-popolazzjoni”. [16] Gwida tal-applikazzjoni, NU, New York u Ġinevra, 2000. Din mhijiex interpretazzjoni uffiċjali tal-konvenzjoni. [17] Rapport mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva dwar il-valutazzjoni strateġika ambjentali, COM (2009)469 tal-14 ta’ Settembru 2009.