12006E133

Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea (Verżjoni konsolidata) - It-Tielet parti - Politika tal-Komunita' - TITOLU IX - Il-Politika Kummerċjali Komuni . - Artikolu 133

Official Journal C 321 E , 29/12/2006 P. 0104 - 0105
Official Journal C 325 , 24/12/2002 P. 0090 - Consolidated version
Official Journal C 340 , 10/11/1997 P. 0237 - Consolidated version
Official Journal C 224 , 31/08/1992 P. 0044 - Consolidated version
(EEC Treaty - no official publication available)


Artikolu 133

1. Il-politika kummerċjali komuni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi, partikolarment fir-rigward ta’ tibdil fit-tariffi, il-konklużjoni ta’ ftehim dwar tariffi u kummerċ, il-kisba ta’ uniformità f’miżuri ta’ liberalizzazzjoni, il-politika ta’ l-esportazzjoni u miżuri biex jipproteġu l-kummerċ bħal dawk li jittieħdu f’każi ta’dumping u fil-każ ta’ sussidji.

2. Il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti lill-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni.

3. Meta jkun meħtieg li jiġu negozjati ftehim ma’ Stat jew Stati jew organizzazzjonijiet internazzjonali il-Kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jawtorizza l-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati meħtieġa. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu responsabbli li jiżguraw li l-ftehim li jiġu negozjati jkunu kompatibbli mal-politika u r-regoli interni tal-Komunità.

Il-Kummissjoni għandha tmexxi dawn in-negozjati b’konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill biex jgħin lill-Kummissjoni f’dan ix-xogħol u fil-qafas tad-direttivi li l-Kunsill jista’ joħroġlu. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-kumitat speċjali dwar il-progress tan-negozjati.

Id-disposizzjonijiet relattivi li għandhom x’jaqsmu ta’ l-Artikolu 300 japplikaw.

4. Fl-eżerċizzju tal-poteri lilu konferiti b’dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

5. Il-paragafi 1 sa 4 japplikaw ukoll għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim fl-oqsma tal-kummerċ f’servizzi u fl-aspetti kummerċjali tal-propjetà intellettwali, safejn dawn il-ftehim ma jkunux koperti bil-paragrafu msemmi u bla preġudizzju għall-paragrafu 6.

B’deroga għall-paragrafu 4, il-Kunsill għandu jaġixxi b’unanimità meta jkun jinnegozja u jikkonkludi ftehim f’wieħed mill-oqsma msemmija fl-ewwel subparagrafu meta dak il-ftehim jkun jinkludi disposizzjonijiet li għalihom tkun meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni ta’ regoli interni jew meta jirrigwarda xi qasam li fih il-Komunità tkun għadha ma eżerċitatx il-poteri lilha konferiti minn dan it-Trattat bl-adozzjoni ta’ regoli interni.

Il-Kunsill għandu jaġixxi b’unanimità fir-rigward tan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ natura oriżżontali safejn dan ikun jirrigwarda wkoll is-subparagrafu preċedenti jew it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 6.

Dan il-paragrafu m’għandux jaffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li jżommu u jikkonkludu ftehim ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali sakemm dan il-ftehim ikun jaqbel mal-liġi tal-Komunità u ftehim ieħor internazzjonali pertinenti.

6. Il-Kunsill ma jistax jikkonkludi ftehim li jkun jinkludi disposizzjoniiet li jeċċedu l-poteri interni tal-Komunità, partikolarment meta jwasslu għall-armonizzazzjoni tal-liġijiet jew tar-regolamenti ta’ l-Istati Membri f’qasam li fih dan it-Trattat jeskludi din l-armonizzazzjoni.

F’dan ir-rigward, b’deroga għall-ewwel subparagrafu ta’ paragrafu 5, ftehim li għandu x’jaqsam mal-kummerċ f’servizzi kulturali u awdjoviżivi, servizzi edukattivi, servizzi soċjali u tas-saħħa umana, għandhom jaqgħu fil-kompetenza komuni tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha. Għaldaqstant, barra minn deċiżjoni tal-Kunsill meħuda skond id-disposizzjonijiet relattivi ta’ l-Artikolu 300, in-negozjar ta’ ftehim bħal dawn, ikun jeħtieġ il-kunsens komuni ta’ l-Istati Membri. Ftehim hekk negozjat għandu jiġi konkluż flimkien mill-Komunità u l-Istati Membri.

In-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam tat-trasport għandhom jibqgħu jiġu regolati bid-disposizzjonijiet tat-Titolu V u ta' l-Artikolu 300.

7. Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 6, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew, jista’ jestendi l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 4 għan-negozjati u ftehim internazzjonali dwar proprjetà intellettwali sakemm dawn ma jkunux koperti bil-paragrafu 5.

--------------------------------------------------