IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.7.2024
COM(2024) 348 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/2284 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi
1.Introduzzjoni
Id-Direttiva (UE) 2016/2284 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi (id-Direttiva) hija waħda mill-istrumenti leġiżlattivi li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tal-2030 dwar it-tniġġis tal-arja tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero (). Hija tistabbilixxi impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal kull Stat Membru tal-UE għall-2020–2029 u impenji aktar ambizzjużi mill-2030. Hija tiffoka fuq ħames inkwinanti responsabbli għal impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, jiġifieri: id-diossidu tal-kubrit (SO2); l-ossidi tan-nitroġenu (NOx); il-komposti volatili organiċi mhux metaniċi (NMVOC); l-ammonijaka (NH3); u materja partikolata fina (PM2.5).
Id-Direttiva daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2016, u tħassar id-Direttiva 2001/81/KE () dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi b’effett mill-1 ta’ Lulju 2018. Id-Direttiva tistabbilixxi obbligi nazzjonali ta’ tnaqqis għall-emissjonijiet tal-inkwinanti, espressi bħala perċentwal tal-emissjonijiet ta’ kull inkwinant fis-sena bażi 2005. Dawn l-obbligi ilhom japplikaw mill-2020, bid-data dwar l-emissjonijiet irrapportata għall-ewwel darba fl-2022.
L-impenji tad-Direttiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2020 sal-2029 jikkorrispondu mal-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-2020 ’il quddiem meħuda mill-UE u l-Istati Membri tagħha skont il-Protokoll rivedut ta’ Gothenburg () għall-Konvenzjoni fuq it-tniġġis tal-arja transkonfini fuq distanza kbira (). Id-Direttiva tittrasponi dawk l-obbligi internazzjonali fid-dritt tal-UE, u tistabbilixxi impenji aktar ambizzjużi għall-2030 ’il quddiem.
Id-Direttiva tindirizza l-emissjonijiet nazzjonali kumplessivi. Hija parti mill-qafas legali tal-UE dwar l-arja nadifa, flimkien mad-Direttiva(i) tal-UE dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent () u l-leġiżlazzjoni tal-UE li tirregola t-tniġġis tal-arja fis-sors (). L-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni dwar l-arja nadifa hija essenzjali biex jintlaħqu ż-żewġ miri relatati mal-arja għall-2030 tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero, jiġifieri: (i) it-tnaqqis b’aktar minn 55 % tal-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa (espressi bħala mwiet prematuri minħabba t-tniġġis tal-PM2.5 ) fl-UE; u (ii) it-tnaqqis b’ 25 % taż-żona tal-ekosistemi fejn it-tniġġis tal-arja jhedded il-bijodiversità (meta mqabbel mal-livelli tal-2005).
L-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu bis-sħiħ (jiġifieri jintegraw fil-liġi nazzjonali) id-Direttiva (UE) 2016/2284 sal-1 ta’ Lulju 2018.
Il-Kummissjoni għamlet segwitu għat-tmien każijiet ta’ komunikazzjoni tardiva tat-traspożizzjoni tad-Direttiva b’ittri ta’ intimazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). It-tmien każijiet kollha ngħalqu minn dak iż-żmien ’l hawn.
Il-Kummissjoni vverifikat il-konformità tal-miżuri nazzjonali notifikati, u bdiet disa’ proċeduri ta’ ksur minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva. Minn dak iż-żmien ’l hawn ingħalqu l-proċeduri kollha minbarra waħda ().
Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva, il-Kummissjoni Ewropea għandha l-obbligu li tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fl-implimentazzjoni li jkun sar.
L-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni ġie ppreżentat fl-2020 (). Dan it-tieni rapport qed jasal 4 snin wara dak preċedenti, kif meħtieġ mill-Artikolu 11 tad-Direttiva. Dan jippreżenta l-progress li sar s’issa fl-implimentazzjoni tad-Direttiva, u jinkludi valutazzjoni tal-kontribut tiegħu għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1. B’mod aktar preċiż, l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress lejn:
-il-livelli ta’ emissjonijiet indikattivi u l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 u, fejn applikabbli, ir-raġunijiet għal kwalunkwe nuqqas ta’ ksib;
-il-livelli ta’ kwalità tal-arja fl-ambjent f’konformità mal-linji gwida dwar il-kwalità tal-arja ppubblikati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;
-l-objettivi tal-bijodiversità u tal-ekosistema tal-UE stabbiliti fis-seba’ programm ta’ azzjoni ambjentali.
L-Artikolu 11(1) jirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni:
-tidentifika aktar miżuri meħtieġa fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri biex jintlaħqu dawn l-objettivi;
-tirrapporta dwar l-użu tal-fondi tal-UE biex tappoġġa l-miżuri meħuda għall-konformità mal-objettivi tad-Direttiva;
-tippreżenta r-riżultati tal-eżami mill-Kummissjoni tal-programmi nazzjonali għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja u l-aġġornamenti tagħhom f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1);
-tevalwa l-impatti fuq is-saħħa, l-ambjent u dawk soċjoekonomiċi ta’ din id-Direttiva.
L-Artikolu 11(2) jirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tinvestiga l-ħtieġa għal aktar azzjoni, inklużi miżuri leġiżlattivi possibbli, fejn ir-rapport jindika li n-nuqqas ta’ kisba tal-livelli indikattivi tal-emissjonijiet u tal-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet jista’ jkun ir-riżultat ta’ leġiżlazzjoni mhux effettiva tal-UE dwar is-sorsi, inkluża l-implimentazzjoni tagħha fil-livell tal-Istati Membri.
Ir-raba’ Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, ippjanata għal tmiem l-2024, li ssegwi mill-edizzjonijiet preċedenti (), se tikkomplementa dan ir-rapport billi tipprovdi informazzjoni dwar it-trajettorja għall-konformità. B’mod aktar speċifiku, il-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa tal-2024 se tipprovdi valutazzjoni analitika dettaljata tal-punt sa fejn l-Istati Membri u l-UE kollha kemm hi jinsabu fit-triq it-tajba biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u biex itejbu l-kwalità tal-arja, u b’hekk inaqqsu l-impatti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent, kif ukoll tal-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri meħtieġa u l-impatti mistennija.
2.Kisba tal-imgħoddi u projettata tal-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet
2.1.Tnaqqis tal-emissjonijiet miksub s’issa u l-kontrolli tal-konformità
L-obbligu ċentrali għall-Istati Membri, kif stabbilit fid-Direttiva, huwa li jnaqqsu l-emissjonijiet għall-inkwinanti tal-arja SO2, NOx, NMVOC, NH3 u PM2.5 għas-snin 2020–2029 u mill-2030 ’il quddiem. L-impenji tal-Istati Membri għat-tnaqqis huma espressi bħala perċentwal tal-livelli tal-emissjonijiet tal-2005. L-Illustrazzjoni 1 tippreżenta bidliet fl-emissjonijiet ta’ dawn l-inkwinanti fil-livell tal-UE, li turi li l-emissjonijiet tal-inkwinanti kollha minbarra l-ammonijaka naqsu b’mod sostanzjali maż-żmien. Madankollu, dan jaħbi d-diskrepanzi bejn l-Istati Membri, li l-bidliet li sarulhom maż-żmien huma dettaljati fil-pubblikazzjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) ().
L-Illustrazzjoni 1: Ix-xejriet 2005–2021 fl-emissjonijiet tal-UE ta’ NH3, PM2.5, NMVOC, NOX u SO2, bħala perċentwali tal-livelli tal-2005, imqabbla mal-PDG tal-Istati Membri tal-UE bħala perċentwal tal-PDG tal-2005 (sors:
https://www.eea.europa.eu/publications/national-emission-reduction-commitments-directive-2023
)
Abbażi tal-inventarji tal-emissjonijiet irrapportati kull sena mill-Istati Membri skont id-Direttiva, il-Kummissjoni tivverifika l-konformità mal-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. L-inventarji fihom data dwar l-emissjonijiet b’intervall ta’ żmien ta’ sentejn. L-aħħar inventarji rrapportati mill-Istati Membri fi Frar 2024 jinkludu data dwar l-emissjonijiet mill-2022. Fl-2022, il-Kummissjoni għalhekk ivverifikat, għall-ewwel darba, il-konformità tal-Istati Membri mal-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, abbażi tad-data riveduta dwar l-emissjonijiet tal-2020.
Kif muri fit-Tabella 1, il-konformità kumplessiva hija relattivament tajba għall-inkwinanti kollha ħlief għall-ammonijaka. Fl-2022, il-Kummissjoni sabet 19-il każ ta’ nuqqas ta’ konformità, mifruxa fuq 14-il Stat Membru (). Filwaqt li l-ħames inkwinanti kollha huma kkonċernati, il-biċċa l-kbira tal-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità huma relatati mal-ammonijaka. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni ħarġet ittri ta’ intimazzjoni lil dawn l-14-il Stat Membru ().
Il-valutazzjoni tal-konformità tal-2023, ibbażata fuq data rieżaminata tal-2021, uriet li l-biċċa l-kbira tal-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ma ġewx solvuti, u li kien hemm ftit ksur addizzjonali (). Il-Kummissjoni segwiet kif xieraq, bi tliet () ittri ta’ intimazzjoni addizzjonali u disa’ () opinjonijiet motivati maħruġa f’Novembru 2023 ().
Tabella 1: Ħarsa ġenerali lejn in-nuqqas ta’ konformità mal-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet abbażi tad-data tal-2020 u l-2021
|
Inkwinant
|
Stati Membri mhux konformi fl-2020*
|
Stati Membri mhux konformi fl-2021†
|
|
NH3
|
11-il SM: AT, BG, DK, ES, HU, IE, LT, LU, LV, PT, SE
|
10 SM: AT, BG, DK, HU, IE, LT, LU, LV, PT, SE
|
|
PM2.5
|
3 SM: HU, LT, RO
|
3 SM: HU, PL, RO
|
|
NMVOC
|
2 SM: LT, PL
|
3 SM: LT, LU, PL
|
|
NOx
|
2 SM: LT, RO
|
2 SM: LT, RO
|
|
SO2
|
1 SM: CY
|
1 SM: CY
|
*Skont l-inventarji rrapportati mill-Istati Membri fl-2022 (li fuqhom kienu bbażati l-ittri ta’ intimazzjoni maħruġa f’Jannar 2023).
†Skont l-inventarji rrapportati mill-Istati Membri fl-2023 (li fuqhom kienu bbażati l-ittri ta’ intimazzjoni u l-opinjonijiet motivati maħruġa f’Novembru 2023).
L-inventarji jeħtieġ li jkunu ta’ kwalità tajba għal valutazzjoni affidabbli tal-konformità. Il-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-kwalità tal-inventarji u tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex itejbuhom (ara t-Taqsima 5.1 ta’ dan ir-rapport), inkluż billi twettaq u tippubblika rieżamijiet tal-inventarji nazzjonali () u tipprovdi appoġġ għall-bini tal-kapaċità.
Meta tirrieżamina l-inventarji nazzjonali, il-Kummissjoni tivverifika t-trasparenza, l-akkuratezza, il-konsistenza, il-komparabbiltà u l-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta.
Skont ir-rieżami tal-2023 (), il-kwalità tal-inventarji kienet tajba għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, iżda li kien hemm xi varjazzjoni bejn il-pajjiżi, bi ftit inventarji li huma ta’ kwalità partikolarment fqira. Jeżistu oqsma sinifikanti għal titjib fis-setturi u l-inkwinanti kollha, u jinkludu:
-emissjonijiet b’valutazzjoni żejda jew sottovalutati u inkonsistenzi fis-serje kronoloġika tad-data;
-nuqqas ta’ trasparenza dwar metodoloġiji u kalkoli mill-ġdid meta mqabbla ma’ inventarji preċedenti;
-ħtieġa għal metodi aktar sofistikati biex jiġu stmati l-emissjonijiet għal sorsi ewlenin ta’ emissjonijiet kif ukoll għal analiżi tal-inċertezza.
Ir-rieżamijiet tal-inventarju jivvalutaw mhux biss il-kwalità tad-data tal-inventarju iżda wkoll jekk l-applikazzjoni ta’ Stat Membru għall-flessibbiltà skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva tistax tiġi aċċettata. L-Artikolu 5(1) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jistgħu jaġġustaw l-inventarji tagħhom. Jista’ jsir aġġustament b’mod partikolari meta Stat Membru jkun qed japplika metodi ta’ inventarju mtejba aġġornati f’konformità mal-għarfien xjentifiku minn meta tfasslu għall-ewwel darba l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.
Fl-2021, Stat Membru wieħed issottometta applikazzjonijiet ġodda ta’ aġġustament, filwaqt li diversi oħrajn issottomettew mill-ġdid applikazzjonijiet għal aġġustamenti approvati qabel. Mis-sottomissjoni tal-inventarju tal-2022, l-għadd ta’ applikazzjonijiet ta’ flessibbiltà naqas b’mod konsiderevoli. Dan huwa dovut għall-introduzzjoni ta’ impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet espressi f’perċentwali, filwaqt li l-aġġustamenti approvati preċedentement kienu relatati mal-livelli massimi tal-emissjonijiet (li għadhom applikabbli mid-Direttiva 2001/81/KE kif stabbilit fid-dispożizzjoni tranżizzjonali skont l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva) u għalhekk ma għadhomx validi. Minn din il-bidla, applikazzjoni waħda biss għall-aġġustament tal-Artikolu 5(1) waslet fl-2022 u sussegwentement ġiet approvata, u ġiet sottomessa mill-ġdid fl-2023 bħala waħda approvata qabel. Sal-lum, il-Kummissjoni għadha ma rċeviet l-ebda applikazzjoni għal xi waħda mill-flessibbiltajiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva.
2.2.Kisba projettata tal-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet 2020–2029 u 2030 ’il quddiem
L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri jissottomettu, kull sentejn, projezzjonijiet tal-emissjonijiet tal-inkwinanti tal-arja għas-snin 2020, 2025 u 2030 (), biex jivvalutaw sa liema punt jinsabu fit-triq it-tajba biex jissodisfaw l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2020–2029 u għall-2030 ’il quddiem. Il-livelli pprojettati tal-emissjonijiet għall-2025 huma vvalutati wkoll skont trajettorja lineari bejn l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2020-2029 u l-2030 (skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva). Il-projezzjonijiet iridu jkopru xenarju “bil-miżuri” (miżuri eżistenti biss) u, meta rilevanti, xenarju “b’miżuri addizzjonali” (miżuri eżistenti u miżuri addizzjonali ppjanati) (). Jekk Stat Membru jipprojetta li se jissodisfa l-impenji kollha tiegħu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet bis-saħħa tal-miżuri eżistenti, ma jkun hemm bżonn l-ebda xenarju “b’miżuri addizzjonali”. Il-Kummissjoni twettaq ukoll l-eżerċizzju ta’ mmudellar tagħha stess biex tikkomplementa l-projezzjonijiet tal-Istati Membri biex tivvaluta l-prospetti ta’ konformità f’xenarji differenti. It-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa () tiġbor fil-qosor ir-riżultati ta’ dan l-immudellar.
L-aħħar rapportar mill-Istati Membri sar fl-2023. 22 Stat Membru () ssottomettew projezzjonijiet fil-ħin biex jiġu rieżaminati fid-dettall (). Għax-xenarju “bil-miżuri”, in-nuqqas ta’ konformità huwa pprojettat l-aktar ta’ spiss għall-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-NH3 (kemm għall-2020–2029 kif ukoll għall-2030 ’il quddiem), filwaqt li tiġi enfasizzata l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali li jindirizzaw l-emissjonijiet tal-NH3. NMVOC, NOx u PM2.5 juru okkorrenzi simili ta’ nuqqas ta’ konformità pprojettat. Ħlief għal xi każijiet speċifiċi, bħalissa ma jidhirx li l-issodisfar tal-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-SO2 qed joħloq problemi fl-UE.
Fix-xenarju “bil-miżuri”, l-analiżi turi wkoll li 13-il Stat Membru () qed jipprojettaw li fl-2025 jissodisfaw l-impenji kollha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-2020–2029, filwaqt li l-għadd jinżel għal tmienja () għall-impenji tal-2030 (ara l-Anness 1 ta’ dan ir-rapport). L-Istati Membri kollha li ma jissodisfawx l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet b’miżuri eżistenti jridu jistabbilixxu miżuri addizzjonali. Madankollu, żewġ Stati Membri li jipprojettaw nuqqas ta’ konformità ma’ impenn wieħed jew aktar għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fix-xenarju “bil-miżuri” tagħhom ma rrapportawx xenarju “b’miżuri addizzjonali” ().
B’mod parallel, mill-15-il Stat Membru li rrapportaw xenarju ta’ “bil-miżuri addizzjonali” (), erbgħa xorta naqsu milli jipprojettaw il-konformità mal-impenji kollha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, kemm fl-2025 kif ukoll fl-2030 (). Dawn l-Istati Membri (flimkien ma’ dawk projettati li jkunu f’nuqqas ta’ konformità fix-xenarju “bil-miżuri” u li ma jirrapportawx xenarju “b’miżuri addizzjonali”) se jkollhom bżonn jistabbilixxu miżuri addizzjonali biex jissodisfaw l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.
Il-projezzjonijiet ippreżentati mill-Istati Membri ġew ivvalutati wkoll skont it-trajettorja ta’ tnaqqis lineari bejn l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2020–2029 u l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-2030 (skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva). Filwaqt li 13-il Stat Membru jipprojettaw li l-emissjonijiet tagħhom tal-2025 ikunu konformi mal-impenn għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-2020–2029 skont ix-xenarju “bil-miżuri”, dan l-għadd jonqos għal tmienja () meta vvalutat kontra t-trajettorja ta’ tnaqqis lineari fl-2025 (din l-analiżi tuża x-xenarju “bil-miżuri” peress li ftit li xejn se jkun hemm żmien biex il-miżuri addizzjonali jwasslu għal effetti sal-2025).
Il-projezzjonijiet jeħtieġ li jkunu ta’ kwalità tajba għal valutazzjoni affidabbli tar-riskju futur ta’ nuqqas ta’ konformità. Dan jippermetti wkoll li l-Istati Membri jadottaw miżuri addizzjonali maħsuba sew biex jindirizzaw is-setturi u s-sorsi tat-tniġġis meta jkun meħtieġ aktar sforz. Il-Kummissjoni tirrieżamina l-projezzjonijiet tal-emissjonijiet tal-Istati Membri għal kull ċiklu ta’ rapportar (kull sentejn) () u tqis l-aħħar linji gwida ta’ rapportar. Fl-2023, il-Kummissjoni adottat att delegat () li jagħmel emendi mmirati għal żewġ annessi tad-Direttiva li jirrikjedu li l-Istati Membri jużaw, mill-2025, l-aħħar mudell () għar-rapportar tal-projezzjonijiet adottati skont il-Konvenzjoni fuq it-tniġġis tal-arja transkonfini fuq distanza kbira. Dan se jipproduċi projezzjonijiet tal-emissjonijiet f’riżoluzzjoni ogħla billi jiddiżaggrega s-setturi tas-sors bl-istess mod kif isir għall-inventarji, u jagħti lill-Istati Membri bażi mtejba għat-tfassil ta’ miżuri addizzjonali mmirati. Diġà fl-2023, filwaqt li ma kienx għadu obbligatorju li jintuża, madwar nofs l-Istati Membri rrapportaw il-projezzjonijiet tagħhom fil-verżjoni aktar diżaggregata tal-mudell tas-sottomissjoni.
3.Analiżi tal-programmi nazzjonali għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja
3.1.Issodisfar tar-rekwiżiti legali
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw programm nazzjonali għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja (NAPCP) biex juru kif biħsiebhom jillimitaw l-emissjonijiet antropoġeniċi annwali tagħhom biex jissodisfaw l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. L-NAPCP jikkostitwixxi strument ta’ governanza ċentrali li jippermetti lill-Istati Membri jikkoordinaw u jaqblu dwar il-politiki u l-miżuri (PaMs, Policies and Measures) tagħhom biex jiżguraw li l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet jiġu ssodisfati. It-tħejjija tiegħu teħtieġ konsultazzjoni u l-involviment tal-awtoritajiet kompetenti f’livelli differenti u ta’ diversi setturi differenti, bħall-ambjent, l-agrikoltura, l-enerġija, il-klima, it-trasport, l-industrija u l-finanzi. Issir enfasi partikolari fuq l-iżgurar tal-koerenza mal-pjanijiet u l-programmi għall-oqsma ta’ politika rilevanti kollha. Barra minn hekk, l-NAPCP huwa għodda biex jiġu kkomunikati l-politiki ta’ kontroll tat-tniġġis ta’ Stat Membru u biex il-pubbliku jiġi involut fil-proċess tat-tfassil tal-politika, permezz ta’ konsultazzjonijiet.
F’konformità mal-Artikolu 6(10) tad-Direttiva, il-Kummissjoni speċifikat il-format tal-NAPCP fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1522 () li tistabbilixxi kontenut obbligatorju u fakultattiv abbażi tal-Artikolu 6 u tal-Anness III, il-Parti 1 tad-Direttiva. Il-politiki u l-miżuri addizzjonali magħżula għall-adozzjoni mill-Istati Membri biex ikomplu jnaqqsu l-emissjonijiet, huma parti essenzjali mill-kontenut obbligatorju. Dawn il-politiki u l-miżuri addizzjonali għandhom jiġu rrapportati permezz tal-“għodda EEA-PaM”, għodda tal-web żviluppata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA). Il-Kummissjoni ħejjiet ukoll gwida għall-iżvilupp tal-NAPCPs (), f’konformità mal-Artikolu 6(9) tad-Direttiva. Il-gwida tgħin lill-Istati Membri jfasslu NAPCP fil-format meħtieġ u f’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva. L-ewwel NAPCPs kellhom jintbagħtu sal-1 ta’ April 2019. L-NAPCPs iridu jiġu aġġornati mill-inqas kull 4 snin u anke qabel, jekk data ġdida tkun teħtieġ dan. Fl-2023, l-NAPCPs aġġornati kienu dovuti għal għadd ta’ Stati Membri ().
Minħabba dewmien sostanzjali fil-forniment tal-ewwel NAPCPs, il-proċeduri ta’ ksur għan-nuqqas ta’ sottomissjoni nfetħu għal ħames Stati Membri fi Frar () u Lulju 2020 (). L-Istati Membri kollha kkonċernati sussegwentement ippreżentaw l-NAPCP tagħhom u l-proċeduri ngħalqu.
Minn Mejju 2020 (id-data limitu għas-sottomissjonijiet tal-NAPCP meqjusa fl-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni), il-Kummissjoni rċeviet u analizzat l-ewwel NAPCPs mill- Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu u r-Rumanija, kif ukoll NAPCPs aġġornati mill-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja u Franza. Dan l-aħħar, il-Kummissjoni rċeviet ukoll NAPCPs aġġornati min-Netherlands, mill-Polonja u miċ-Ċekja, iżda dawn kienu għadhom ma ġewx analizzati fid-dettall fiż-żmien meta ġie abbozzat dan ir-rapport (). Barra minn hekk, l-Irlanda u l-Lussemburgu ssottomettew il-politiki u l-miżuri aġġornati f’konformità mal-Artikolu 6(4), koperti fit-taqsima li jmiss.
Mill-10 NAPCPs li waslu minn Mejju 2020, il-format komuni għall-NAPCP intuża minn sitt Stati Membri (), intuża parzjalment minn tlieta () u ma ntużax minn wieħed ().
Skont l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-pubbliku f’konformità mad-Direttiva 2003/35/KE () dwar l-abbozz tal-NAPCP. Mill-erba’ Stati Membri li ssottomettew l-ewwel NAPCPs fil-perjodu kopert minn dan ir-rapport, tlieta () wettqu konsultazzjoni pubblika, filwaqt li wieħed () ma pprovdiex evidenza li kienet saret konsultazzjoni. Mis-sitt NAPCPs aġġornati, tnejn () għaddew minn konsultazzjoni pubblika, f’każ minnhom () ma kienx ċar, u tlieta () ma kien fihom l-ebda evidenza li twettqet konsultazzjoni pubblika.
Dwar ir-rapportar tal-kontenut obbligatorju tal-NAPCP, il-maġġoranza tad-dokumenti analizzati għamlu dan bis-sħiħ jew għamlu dan b’lakuni relattivament żgħar (), iżda hemm nuqqas ġenerali ta’ dettall dwar il-politiki u l-miżuri aġġornati addizzjonali, li għamlu analiżi fil-fond aktar diffiċli. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri pprovdew ftit informazzjoni dwar il-kontenut fakultattiv.
Il-projezzjonijiet li l-Istati Membri użaw fl-NAPCP tagħhom fil-biċċa l-kbira tal-każijiet () huma konsistenti mal-aħħar sottomissjoni tagħhom tal-emissjonijiet projettati tal-inkwinanti tal-arja skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva. Għal tliet Stati Membri ġew identifikati inkonsistenzi maġġuri (), u għal Stat Membru wieħed () ġew identifikati inkonsistenzi minuri. Projezzjonijiet affidabbli u konsistenti huma importanti għat-tfassil ta’ politiki u l-miżuri aġġornati immirati sew.
L-NAPCPs kollha li jaslu mingħand l-Istati Membri kif ukoll il-valutazzjonijiet tagħhom huma ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni ().
3.2.Analiżi tal-politiki u l-miżuri addizzjonali rrapportati
L-Istati Membri li ma laħqux jew jipprojettaw li ma jilħqux l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet bil-politiki attwali jridu jirrapportaw fl-NAPCPs tagħhom il-politiki u l-miżuri addizzjonali – kemm dawk li qiesu għall-adozzjoni kif ukoll dawk li fil-fatt għażlu - biex jissodisfaw l-impenji tagħhom. Dan ir-rapportar irid isir permezz tal-“għodda EEA-PaM” ibbażata fuq il-web, ġestita mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.
L-Istati Membri kkunsidrati f’din it-taqsima huma dawk li ssottomettew l-ewwel NAPCP jew NAPCP aġġornat (il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, il-Finlandja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u r-Rumanija) kif ukoll iż-żewġ Stati Membri (l-Irlanda u l-Lussemburgu) li rrapportaw aġġornament tal-politiki u l-miżuri biss (skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva), kif stabbilit fit-Taqsima 3.1.
Il-firxa u l-livell ta’ dettall tar-rapportar mill-Istati Membri dwar il-politiki u l-miżuri addizzjonali tagħhom ivarjaw skont il-pajjiż u l-miżura. Abbażi tal-aħħar rieżami tal-NAPCPs u l-politiki u l-miżuri (), jidher ċar li għad hemm diversi nuqqasijiet identifikati f’rieżamijiet preċedenti u miġbura fil-qosor fl-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni. Dawn jinkludu:
-informazzjoni insuffiċjenti biex jiġi ġġudikat jekk il-politiki u l-miżuri humiex verament addizzjonali u bħala tali tgħin biex Stat Membru li ma jkunx konformi jsir konformi; barra minn hekk, għal madwar terz tal-politiki u l-miżuri rrapportati bħala addizzjonali taħt ix-xenarju “b’miżuri addizzjonali”, id-dati tal-bidu tal-implimentazzjoni kienu ferm qabel l-2023, li xeħtu dubju dwar l-istatus tagħhom bħala “addizzjonali”;
-nuqqas ta’ kwantifikazzjoni tal-impatti tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-politiki u l-miżuri (u fejn dawn ġew ikkwantifikati, nuqqas ta’ informazzjoni biex jiġi ġġudikat jekk humiex realistiċi); u
-b’mod aktar ġenerali, u filwaqt li jiġi nnotat li l-kwalità tar-rapportar tvarja bejn l-Istati Membri, nuqqas ta’ informazzjoni dwar it-tfassil u l-fokus tal-politiki u l-miżuri li jippermetti li l-kredibbiltà tagħhom tiġi vvalutata.
Dawn il-punti japplikaw ukoll għall-ewwel NAPCPs li l-Istati Membri ssottomettew wara r-rapport ta’ implimentazzjoni tal-2020. Minn dawn, il-Greċja ma kkunsidratx politiki u miżuri addizzjonali għall-adozzjoni, peress li tipprojetta li tikseb l-impenji kollha tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f’xenarju “bil-miżuri”, filwaqt li l-Italja u r-Rumanija għażlu 24 u 33 politiki u miżuri addizzjonali, rispettivament, immirati lejn l-inkwinanti kollha. Il-politiki u l-miżuri jimmiraw l-aktar lejn is-setturi tal-konsum tal-enerġija, tal-agrikoltura u tat-trasport fil-każ tal-Italja, u s-setturi tal-konsum tal-enerġija, tat-trasport u tal-industrija fil-każ tar-Rumanija. L-ewwel sottomissjonijiet kollha tal-NAPCP għandhom jew jagħżlu l-miżuri agrikoli msemmija fl-Anness III, il-Parti 2 tad-Direttiva fl-NAPCP tagħhom, jew jipprovdu evidenza li dawn il-miżuri huma diġà fis-seħħ u implimentati permezz ta’ programmi jew pjanijiet ta’ azzjoni oħra.
Mis-sitt Stati Membri li minnhom waslu s-sottomissjonijiet mill-ġdid tal-NAPCP fl-2023, il-Belġju, id-Danimarka u l-Finlandja ma kkunsidrawx politiki u miżuri addizzjonali għall-adozzjoni, peress li qed jipprojettaw li jiksbu l-impenji kollha tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f’xenarju “bil-miżuri”. Għall-bqija tas-sottomissjonijiet ta’ politiki u miżuri (), qed isiru l-konklużjonijiet aktar dettaljati li ġejjin:
–Skont l-informazzjoni rrapportata permezz tal-għodda EEA-PaM, mit-78 politiki u miżuri uniċi addizzjonali kkunsidrati għall-adozzjoni, 48 intgħażlu għall-adozzjoni (62 % tal-politiki u l-miżuri kkunsidrati). Il-proporzjon ta’ politiki u miżuri kkunsidrati li sussegwentement intgħażlu għall-adozzjoni varja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri (bl-ebda mill-politiki u l-miżuri kollha kkunsidrati fil-fatt intgħażlu).
–L-isfida ewlenija li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri hija li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-inkwinanti mill-akbar sorsi ta’ emissjonijiet: ammonijaka (NH3); il-kombustjoni fis-setturi kummerċjali, istituzzjonali u domestiċi u t-trasport bit-triq (PM2.5); u l-użu tas-solvent industrijali (NMVOC). L-analiżi tal-politiki u l-miżuri wriet li l-Istati Membri taw prijorità lill-kunsiderazzjoni u l-adozzjoni ta’ politiki u miżuri għal dawk is-setturi li jikkontribwixxu għall-akbar sehem tal-emissjonijiet. Aktar minn żewġ terzi tal-politiki u l-miżuri kkunsidrati għas-settur agrikolu ntgħażlu għall-adozzjoni, u aktar minn nofs il-politiki u l-miżuri kkunsidrati għat-trasport u l-konsum tal-enerġija ntgħażlu għall-adozzjoni. Madankollu, ftit ħafna politiki u miżuri ġew ikkunsidrati u magħżula għall-adozzjoni fis-setturi tal-proċessi industrijali u tal-immaniġġjar tal-iskart.
–Is-sottomissjoni ta’ Stat Membru wieħed () għall-għodda tal-EEA-PaM kienet tikkonsisti f’ “politika u miżura” waħda, li fil-fatt kienet l-NAPCP fl-intier tagħha mingħajr ebda dettall addizzjonali dwar il-politiki u l-miżuri individwali magħżula għall-adozzjoni. Dan huwa meqjus insuffiċjenti.
3.3.Rabtiet bejn l-NAPCPs u pjanijiet oħra
Hemm ħafna rabtiet bejn il-politiki dwar l-arja u l-politiki dwar il-klima/l-enerġija, peress li s-sorsi tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tal-inkwinanti tal-arja spiss ikunu l-istess. Għalhekk, miżura waħda spiss tista’ tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet kemm tal-arja kif ukoll tal-klima (eż. l-iżvilupp ta’ modi tat-trasport nodfa, iżolazzjoni aħjar tal-bini biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija). Madankollu, xi drabi jista’ jkun hemm ukoll kompromessi (eż. l-użu tal-bijoenerġija għat-tisħin domestiku).
Il-leġiżlazzjoni dwar l-arja u l-enerġija/il-klima tirreferi għal xulxin u tirrikjedi li jsiru rabtiet bejn l-NAPCPs u l-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima (NECPs) () sottomessi skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 (). Il-gwida tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tal-NAPCPs tistieden speċifikament lill-Istati Membri, meta jabbozzaw l-NAPCPs rispettivi tagħhom, biex jikkunsidraw il-politiki u l-miżuri ppjanati wkoll bil-ħsieb tal-obbligi tal-klima u l-enerġija. Min-naħa tagħha, il-gwida tal-Kummissjoni () dwar l-abbozzar tal-aġġornamenti tal-NECP tħeġġeġ lill-Istati Membri jaġġornaw l-NECPs tagħhom mill-qrib mal-aġġornamenti tal-NAPCP tagħhom, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lit-tisħiħ tal-valutazzjoni tal-impatt tal-politiki u l-miżuri ppjanati dwar l-emissjonijiet tal-inkwinanti tal-arja.
Minħabba skadenzi legali differenti u dewmien fis-sottomissjoni tal-NAPCPs u tal-NECPs, id-dati tas-sottomissjoni jistgħu ma jkunux allinjati. Għalhekk, l-iżgurar tal-konsistenza bejn it-tnejn jista’ jkun meħtieġ li jsir abbażi tal-abbozzi tal-NECPs. Madankollu, ir-rabtiet bejn l-arja u l-klima/l-enerġija għandhom jiġu riflessi fl-NECPs finali li għandhom jiġu sottomessi mill-Istati Membri sat-30 ta’ Ġunju 2024. Skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-2023 tal-abbozzi tal-NECPs aġġornati (), aktar minn nofs il-pjanijiet sottomessi ma kinux jinkludu l-informazzjoni meħtieġa dwar l-impatt tal-politiki fuq l-emissjonijiet projettati tal-inkwinanti ewlenin tal-arja skont id-Direttiva, jew dwar l-allinjament tal-NAPCP mal-programmi tal-enerġija u tal-klima.
Skont l-aħħar valutazzjoni (), l-NAPCPs b’mod ġenerali jiddeskrivu tajjeb il-prijoritajiet tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima fil-qafas ta’ politika. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri inkludew informazzjoni dwar il-miri ewlenin għat-tnaqqis tal-gassijiet serra, kif ukoll dwar l-objettivi tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika tagħhom. Tliet Stati Membri () jiddikjaraw b’mod ċar fis-sottomissjoni tagħhom dwar il-politiki u l-miżuri li l-politiki u l-miżuri kollha ġew żviluppati f’konformità mal-NECP tagħhom.
L-analiżi tal-NAPCPs tindika, madankollu, li r-rabtiet bejn il-politiki dwar l-arja nadifa u dwar il-klima u l-enerġija jistgħu jissaħħu, u li ż-żewġ eżerċizzji ta’ ppjanar għandhom jiġu integrati aktar biex tiżdied l-effettività tal-politiki sottostanti. Dan ikun jinvolvi valutazzjoni aktar sistematika tar-rabtiet bejn il-politiki dwar l-arja u l-klima u l-enerġija, inklużi s-sinerġiji u l-kompromessi () bejniethom. Il-Kummissjoni se tesplora modi biex ittejjeb dan l-aspett f’evalwazzjonijiet futuri kemm skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 kif ukoll skont id-Direttiva.
Minbarra r-rabtiet mal-miżuri tal-enerġija u tal-klima, l-NAPCPs għandhom ifittxu wkoll sinerġiji ma’ miżuri agrikoli biex fuq kollox jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka. L-ammonijaka hija primarjament emessa permezz ta’ attività agrikola, kemm mill-ġestjoni tal-bhejjem kif ukoll mill-kultivazzjoni tal-għelejjel (). Il-ħidma attwali tal-Kummissjoni dwar l-indirizzar tan-nutrijenti b’mod integrat hija rilevanti f’dan il-kuntest peress li tistabbilixxi rabtiet aktar ċari bejn il-politiki dwar l-arja, l-ilma, il-ħamrija, il-bijodiversità u l-agrikoltura. Eżempji notevoli jinkludu l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt () u l-Politika Agrikola Komuni l-ġdida.
Pereżempju, il-Kummissjoni mmonitorjat l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet dwar l-arja nadifa fil-pjanijiet strateġiċi tal-Istati Membri għall-2023 skont il-Politika Agrikola Komuni 2023–2027. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tiffoka fuq li tinċentiva lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw interventi u indikaturi tar-riżultati li huma direttament rilevanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonijaka, minħabba l-isfidi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva NEC, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ ħafna Stati Membri li jkomplu jnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka tagħhom.
4.Analiżi tal-impatti tat-tnaqqis tal-emissjonijiet
4.1.Impatti fuq il-kwalità tal-arja u s-saħħa tal-bniedem
It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-inkwinanti jwassal għal tnaqqis fil-konċentrazzjonijiet tal-inkwinanti, titjib fil-kwalità tal-arja u inqas morbidità u mortalità marbuta mat-tniġġis tal-arja ().
L-Illustrazzjoni 2 turi l-bidliet bejn l-2005 u l-2020 fil-konċentrazzjonijiet medji annwali tal-PM2.5, l-inkwinant tal-arja bl-agħar impatt fuq is-saħħa tal-bniedem.
Dawn il-mapep juru li, għalkemm is-sitwazzjoni tjiebet maż-żmien (), ħafna reġjuni għad għandhom konċentrazzjonijiet ferm ogħla mil-livell annwali ta’ 5 μg/m³ rakkomandat fil-Linji Gwida tad-WHO tal-2021 ().
Ir-rapport tat-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa () jipprojetta aktar titjib fil-futur, iżda dan xorta mhux se jkun biżżejjed biex jinkiseb il-livell tal-linja gwida tad-WHO kullimkien fis-sitwazzjoni tal-linja bażi.
Illustrazzjoni 2: Konċentrazzjonijiet medji annwali ta’ PM2.5 fl-2005 u fl-2020 (sors: adattat mill-istudju ta’ appoġġ tat-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa ())
Dawn il-bidliet fil-konċentrazzjonijiet issarrfu f’bidliet fl-għadd ta’ persuni esposti għal livelli dannużi ta’ konċentrazzjonijiet ta’ inkwinanti.
L-Illustrazzjoni 2 turi tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ persuni esposti għal livelli ta’ PM2.5 ogħla minn 20 μg/m³ (minn 140 għal 14-il miljun). Dan juri wkoll li minoranza biss ta’ persuni fl-UE (31 miljun fl-2020) igawdu l-kwalità tal-arja f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar linji gwida tad-WHO.
Illustrazzjoni 3: Il-popolazzjoni tal-EU-27 (f’miljuni ta’ persuni) esposta għal konċentrazzjonijiet differenti ta’ PM2.5 (sors: adattat mit-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa)
Għalkemm ix-xejriet maż-żmien juru titjib fis-sitwazzjoni, fl-2021, 97 % tal-popolazzjoni urbana tal-UE kienet għadha esposta għal konċentrazzjonijiet ta’ materja partikolata fina ogħla mill-aħħar linji gwida tad-WHO.
L-ogħla konċentrazzjonijiet ta’ materja partikolata dehru fl-Ewropa Ċentrali tal-Lvant u fit-Tramuntana tal-Italja (kif muri wkoll fl-Illustrazzjoni 2), primarjament minħabba l-ħruq ta’ fjuwils solidi għat-tisħin domestiku u fl-industrija ().
Ir-reġjuni ifqar fl-Ewropa (20 % l-inqas PDG per capita) spiss jintlaqtu b’mod partikolari mit-tniġġis tal-arja, bil-livelli tal-PM2.5 ikunu ogħla b’madwar terz milli f’reġjuni aktar sinjuri () (). Gruppi vulnerabbli bħall-anzjani, il-persuni b’kundizzjonijiet tas-saħħa preeżistenti, it-tfal, u n-nisa tqal huma aktar probabbli li jiġu affettwati mir-riskji għas-saħħa minħabba t-tniġġis tal-arja filwaqt li l-fatturi soċjoekonomiċi jistgħu jikkontribwixxu għall-grad ta’ esponiment.
It-tnaqqis kumplessiv fl-impatti negattivi tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa maż-żmien (tnaqqis kważi bin-nofs tal-imwiet prematuri attribwibbli għall-esponiment għall-konċentrazzjoni totali tal-PM2.5 bejn l-2005 u l-2020) ipoġġi lill-UE fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha ta’ “tniġġis żero” li tnaqqas b’aktar minn 55 % l-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa sal-2030 meta mqabbel mal-2005 (). Biex tkompli din ix-xejra, il-Kummissjoni għandha l-għan li tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent. Fi Frar 2024, kien għad hemm 25 każ attiv ta’ ksur minn 16-il Stat Membru dwar l-applikazzjoni ħażina tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent(). Il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet is-sentenza għal 15-il kawża ().
4.2.Impatti fuq l-ekosistemi
It-tniġġis tal-arja mhux biss jagħmel ħsara lis-saħħa tal-bniedem, iżda jwassal ukoll għall-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-formazzjoni tal-ożonu troposferiku, li kollha huma ta’ detriment għall-ekosistemi (tal-ilma ħelu u dawk terrestri, seminaturali u agrikoli) u għall-bijodiversità.
It-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa wriet li ż-żona tal-ekosistema tal-UE meta jinqabżu t-tagħbijiet kritiċi għall-aċidifikazzjoni naqset minn 9,0 % għal 5.5 % taż-żona totali tal-ekosistema bejn l-2015 u l-2020. Meta mqabbla maż-żona affettwata mill-aċidifikazzjoni, iż-żona tal-ekosistemi fejn id-depożizzjoni tan-nitroġenu taqbeż it-tagħbijiet kritiċi għall-ewtrofikazzjoni hija ħafna akbar. Kien hemm ukoll titjib inqas relattiv, peress li s-sehem taż-żona tal-ekosistema bid-depożizzjoni tan-nitroġenu li jaqbeż it-tagħbijiet kritiċi naqas minn 80,2 % għal 74,9 % bejn l-2015 u l-2020.
Fil-livell tal-Istati Membri, l-ogħla qabżiet ta’ tagħbijiet kritiċi tan-nitroġenu fl-2021 instabu fil-Wied tal-Po fl-Italja, fiż-żoni tal-fruntiera bejn in-Netherlands u l-Ġermanja, tul il-fruntiera bejn id-Danimarka u l-Ġermanja u fil-Grigal ta’ Spanja, b’xi hotspots addizzjonali fin-Netherlands u ż-żoni tal-fruntiera tiegħu mal-Belġju ().
Dan ifisser li l-Istati Membri se jkollhom jintroduċu aktar miżuri () biex inaqqsu l-impatti tal-ewtrofikazzjoni tat-tniġġis tal-arja biex, sal-2030, jiksbu l-mira ta’ tniġġis żero tal-UE li jitnaqqsu b’25 % l-ekosistemi tal-UE fejn it-tniġġis tal-arja jhedded il-bijodiversità.
L-Artikoli 9 u 10(4) tad-Direttiva jirrikjedu li l-Istati Membri jirrapportaw dawn l-impatti tal-ekosistema kull 4 snin mill-1 ta’ Lulju 2019, abbażi ta’ network rappreżentattiv ta’ siti li kellu jiġi rrapportat sal-1 ta’ Lulju 2018. Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Avviż tal-Kummissjoni () u mudell ta’ rapportar fakultattiv, flimkien mal-gwida li takkumpanjah (), sabiex tiffaċilita r-rapportar mill-Istati Membri tal-impatti tal-ekosistema u l-analiżi sussegwenti. Fiż-żewġ ċikli ta’ rapportar (2018–2019 u 2022–2023), l-Istati Membri kollha kkonformaw mal-obbligi ta’ rapportar tagħhom.
Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-ewwel ċiklu ta’ rapportar tal-Istati Membri wriet li n-network tas-siti u d-data rrapportata ma kinux rappreżentattivi u adegwati biżżejjed biex jimmonitorjaw l-effetti tat-tniġġis tal-arja fuq l-ekosistemi. Filwaqt li tibni fuq it-tagħlimiet meħuda minn dan l-ewwel ċiklu ta’ rapportar, il-Kummissjoni ħejjiet nota ta’ gwida dwar l-għażla tas-sit (), appoġġata mill-esperti tal-EEA u tal-Istati Membri. Hija maħsuba biex tgħin lil kull Stat Membru jistabbilixxi network ta’ monitoraġġ rappreżentattiv. Il-mudell ta’ rapportar fakultattiv() ġie adattat wara l-feedback mill-Istati Membri u mill-EEA. L-analiżi tat-tieni ċiklu ta’ rapportar turi żieda fl-għadd totali ta’ siti u parametri rrapportati meta mqabbla mal-ewwel sottomissjoni (+14 %). Għalkemm id-distribuzzjoni tas-siti hija aktar allinjata mad-distribuzzjoni tat-tipi ta’ ekosistemi fl-UE, it-tipi ta’ ekosistemi “xmajjar u lagi” u “msaġar u foresti” għadhom irrappreżentati żżejjed, filwaqt li l-art tal-għelejjel, l-art mistagħdra u s-siti ta’ xagħri/arbuxelli għadhom sottorappreżentati. Id-differenzi konsiderevoli bejn is-settijiet tad-data rrapportati mill-Istati Membri matul dawn iż-żewġ ċikli (kemm fl-ispazju kif ukoll fil-ħin, u f’termini ta’ tipi ta’ siti ta’ monitoraġġ, protokolli ta’ kejl u parametri mmonitorjati) jagħmluha diffiċli li ssir valutazzjoni fl-UE kollha. Dan jipprevjeni wkoll li jiġi stabbilit punt ta’ referenza għall-valutazzjoni futura tal-effettività fit-tul tad-Direttiva.
Mhuwiex neċessarju li l-Istati Membri jridujistabbilixxu stazzjonijiet ta’ monitoraġġ ġodda biex jissodisfaw l-obbligi ta’ monitoraġġ tagħhom dwar l-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq l-ekosistemi. Id-Direttiva tirrikjedi b’mod espliċitu li l-Istati Membri jieħdu approċċ kosteffettiv, billi jikkoordinaw ma’ programmi oħra ta’ monitoraġġ. Dan l-approċċ jidher li jintuża b’mod wiesa’ mill-Istati Membri, peress li l-biċċa l-kbira tad-data pprovduta ssegwi protokolli internazzjonali, bħal dik mill-Programmi Kooperattivi Internazzjonali (International Cooperative Programmes, ICP) jew minn direttivi oħra tal-UE. Dan jillimita l-kostijiet amministrattivi tar-rekwiżiti tad-Direttiva għall-monitoraġġ tal-impatti tal-ekosistema.
Għalkemm il-mudell tal-NAPCP jispeċifika li l-Istati Membri jenħtieġ li jirrapportaw (bħala kontenut fakultattiv) l-impatti fuq l-ambjent tax-xenarju ta’ projezzjoni “b’miżuri addizzjonali”, l-ebda wieħed mill-NAPCPs jew il-politiki u l-miżuri addizzjonali sottomessi sal-lum ma rrapporta dawn l-impatti.
4.3.Kostijiet u benefiċċji ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet tal-inkwinanti tal-arja
L-informazzjoni dwar il-kostijiet u l-benefiċċji tal-politiki u l-miżuri magħżula mill-Istati Membri xi drabi tingħata fl-NAPCPs, iżda din mhijiex obbligatorja. Mill-10 NAPCPs analizzati għal dan ir-rapport, tnejn biss () irrapportaw tali informazzjoni. Filwaqt li huwa apprezzat li dawn iż-żewġ Stati Membri għamlu sforz biex jipprovdu stimi, kien hemm xi inkonsistenzi u lakuni fl-informazzjoni. Pereżempju, fl-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija dwar pakketti maħsuba għal diversi inkwinanti, mhuwiex ċar kif il-kostijiet, il-benefiċċji u l-kost għal kull tunnellata ta’ inkwinant mnaqqsa jitqassmu għal diversi inkwinanti. Barra minn hekk, għalkemm Ċipru pprovda stimi tal-kostijiet għal żewġ politiki u miżuri individwali, il-kost għal kull tunnellata ta’ NH3 imnaqqas mhuwiex meqjus realistiku. Dan ir-rapportar limitat ħafna dwar il-kostijiet tal-miżuri proposti mill-Istati Membri jista’ jagħti lok għal dubji dwar jekk il-finanzjament sħiħ għall-implimentazzjoni tagħhom huwiex żgurat. Filwaqt li l-istimi tal-kostijiet jiddependu ħafna fuq iċ-ċirkostanzi nazzjonali, ir-rapportar ta’ dawn l-istimi jippermetti analiżi tal-effiċjenza relattiva ta’ diversi miżuri. Dan imbagħad jgħin biex jiġu infurmati l-għażliet ta’ politika futuri fl-Istati Membri kkonċernati jew f’oħrajn (permezz ta’ tagħlim bejn il-pari).
Il-Kummissjoni tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu aktar informazzjoni dwar il-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-inkwinanti tal-arja fir-rapporti li ġejjin, peress li din l-informazzjoni hija kruċjali għall-iżvilupp ta’ miżuri futuri. Sadanittant, dan l-aspett se jiġi analizzat fil-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa li jmiss, permezz ta’ metodoloġija ta’ mmudellar.
Il-Kummissjoni wettqet analiżi tal-kostijiet-benefiċċji għas-snin li ġejjin taħt it-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa. Għal dan l-għan, hija qieset il-benefiċċji ta’ tnaqqis fit-tniġġis (inqas ħsara għas-saħħa u għall-ekosistema, u inqas ħsara lill-materjali) meta mqabbla mal-kostijiet tal-miżuri għat-tnaqqis tat-tniġġis. Bħala parti mill-analiżi tal-kostijiet-benefiċċji, l-impatti tat-tniġġis tal-arja relatati mas-saħħa u mhux relatati mas-saħħa ġew stmati u assenjati valur monetarju (). Dan żvela li l-impatti relatati mas-saħħa jaqbżu b’mod ċar l-impatti mhux relatati mas-saħħa. Fix-xenarju bażi, pereżempju, il-ħsara totali għas-saħħa minħabba t-tniġġis tal-arja fl-2025 hija stmata b’mod konservattiv għal madwar EUR 173 biljun fis-sena (), filwaqt li l-ħsara mhux relatata mas-saħħa (materjali, għelejjel, foresti, ekosistemi) hija stmata għal bejn EUR 33 u 41 biljun fis-sena (kollha fi prezzijiet tal-2015), skont il-metodu ta’ valutazzjoni użat għall-kalkolu tal-ħsara lill-ekosistemi. Min-naħa l-oħra, il-kostijiet tal-miżuri għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja fl-EU-27 fl-2025 huma stmati għal EUR 77 biljun fis-sena (fi prezzijiet tal-2015) — ferm inqas mill-kostijiet tal-impatti tat-tniġġis tal-arja. Ir-riżultati tal-immudellar juru li x-xenarji b’politiki aktar ambizzjużi dwar l-arja nadifa sistematikament jipprovdu benefiċċji diretti netti (jiġifieri l-benefiċċji bil-kostijiet imnaqqsa minnhom) meta mqabbla mal-linja bażi. Politiki aktar ambizzjużi dwar l-arja nadifa jaffettwaw ukoll b’mod pożittiv il-PDG tal-UE fl-2030, li jiżdied bejn 0,26 sa 0,28 % meta mqabbel mal-linja bażi.
5.Aspetti oħra tal-implimentazzjoni tad-Direttiva
5.1.Azzjonijiet tal-UE li jappoġġaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva
Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi b’mod regolari Forum Ewropew dwar l-Arja Nadifa biex jgħin fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE dwar il-kwalità tal-arja b’mod koordinat. Sa mill-ewwel rapport fl-2020, il-Kummissjoni organizzat, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri rispettivi, żewġ Fora Ewropej oħra dwar l-Arja Nadifa, f’Madrid fit-18–19 ta’ Novembru 2021 u f’Rotterdam fit-23–24 ta’ Novembru 2023 (). Iż-żewġ avvenimenti ntlaqgħu b’interess qawwi mill-partijiet ikkonċernati tal-gvern u tal-industrija, l-NGOs u l-membri tal-pubbliku.
Il-Forum dwar l-Arja Nadifa tal-2021 sar wara l-pubblikazzjoni tal-aħħar linji gwida tad-WHO dwar il-kwalità tal-arja u waqt it-tħejjija tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja. Dan iffoka fuq it-temi ta’ tniġġis żero u tas-saħħa, l-involviment mal-bliet u ċ-ċittadini, l-aċċess għall-ġustizzja, u r-rabta tal-politiki dwar l-arja nadifa mal-politiki dwar il-klima u l-bijodiversità.
Il-Forum dwar l-Arja Nadifa tal-2023 ta segwitu għar-reviżjoni li għaddejja tar-regoli tal-UE dwar il-kwalità tal-arja, u ffoka wkoll fuq it-temi tal-inugwaljanza soċjali marbuta mal-kwalità tal-arja, l-ippjanar spazjali u t-trasport multimodali, l-emissjonijiet tal-inkwinanti tal-arja mit-trasport marittimu, stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa, ħiliet u impjiegi għal arja nadifa, u l-kondiviżjoni tal-għarfien.
Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni, stabbiliet ukoll Pjattaforma għall-Partijiet Ikkonċernati b’rabta mat-Tniġġis Żero () biex tgħin fit-twettiq tal-inizjattivi u l-azzjonijiet ewlenin stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero.
Il-pjattaforma tlaqqa’ flimkien partijiet ikkonċernati u esperti f’oqsma ta’ politika differenti, bħas-saħħa, l-agrikoltura, ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-trasport, id-diġitalizzazzjoni u l-ambjent. L-objettivi tagħha jinkludu l-istabbiliment ta’ viżjoni komuni dwar kif jinkiseb it-tniġġis żero, l-indirizzar tal-isfidi interkonnessi, bħat-tisħiħ ta’ aġenda konġunta dwar l-ambjent u s-saħħa, u l-iżvilupp u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin dwar suġġetti trasversali.
Il-Kummissjoni tappoġġa wkoll lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva permezz tal-bini tal-kapaċità u l-grupp ta’ esperti dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent. Fl-2022, il-Kummissjoni ospitat workshop dwar il-bini tal-kapaċità () biex ixxerred prattiki tajbin dwar diversi aspetti tat-tħejjija tal-projezzjonijiet tal-emissjonijiet tal-inkwinanti tal-arja u tal-NAPCPs.
Il-Kummissjoni tappoġġa wkoll lill-Istati Membri permezz tal-għodda bejn il-pari TAIEX-EIR (). Eżempju reċenti kien missjoni esperta tat-TAIEX biex tgħin lil Stat Membru jtejjeb l-inventarju tiegħu tal-emissjonijiet tal-inkwinanti tal-arja. Għall-ħarifa tal-2024, hemm ippjanata sessjoni ta’ ħidma bejn diversi pajjiżi tat-TAIEX dwar il-miżuri agrikoli biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka . L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku () jista’ jgħin ukoll lill-Istati Membri jirriformaw jew itejbu l-effettività tal-politiki dwar l-arja nadifa.
Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni żviluppa l-għodda tal-Istima tal-Emissjonijiet Agrikoli () biex jgħin lill-Istati Membri jtejbu l-inventarji tal-emissjonijiet tagħhom għas-settur agrikolu.
Mill-2014, Copernicus () jipprovdi, permezz tas-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Atmosfera Ewlenija tiegħu, data u informazzjoni kontinwi li jiddeskrivu l-livelli u x-xejriet tal-kwalità tal-arja fil-livell nazzjonali u Ewropew. Il-kooperazzjoni mas-Servizzi dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Copernicus wasslet għall-iżvilupp ta’ għodda bbażata fuq il-web () biex jiġi identifikat jekk xi Stat Membru tal-UE esperjenzax xitwa eċċezzjonalment kiesħa jew sajf eċċezzjonalment xott f’sena speċifika, peress li din l-informazzjoni hija essenzjali għall-użu tal-flessibbiltà prevista fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva. Din l-għodda tal-web tiżgura li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dawk l-applikazzjonijiet ta’ flessibbiltà tkun konsistenti u trasparenti.
Fl-2021, il-Kummissjoni flimkien mal-EEA nediet il-paġna web tal-Indiċi tal-Kwalità tal-Arja Ewropew () u l-applikazzjoni għall-apparati mobbli li jippermettu lill-utenti jifhmu aktar dwar il-kwalità tal-arja qrib id-dar jew il-postijiet tax-xogħol tagħhom.
5.2.Użu tal-fondi tal-UE biex jiġu appoġġati l-objettivi tad-Direttiva
L-Artikolu 7 tad-Direttiva jirrikjedi li l-Kummissjoni “tagħmel ħilitha biex tiffaċilita l-aċċess [tal-Istati Membri] għall-fondi eżistenti tal-Unjoni” biex tappoġġa l-kisba tal-objettivi tad-Direttiva. Skont l-Artikolu 11(1)(c) tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar dan l-użu.
Il-finanzjament tal-UE sar disponibbli taħt diversi programmi ta’ finanzjament, u matul is-snin intuża b’suċċess mill-Istati Membri biex itejbu l-kwalità tal-arja. Dan il-finanzjament jew jappoġġa direttament proġetti dwar l-arja nadifa jew jinkludi b’mod effettiv objettivi tal-arja nadifa f’investimenti oħra (eż. infrastruttura, żvilupp rurali u reġjonali). Diversi proġetti LIFE, Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa appoġġaw it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-inkwinanti kif ukoll il-monitoraġġ u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar kwistjonijiet ta’ tniġġis tal-arja.
Sabiex timmonitorja l-progress tal-Istati Membri fl-użu ta’ dawn il-fondi tal-UE, il-Kummissjoni żviluppat metodoloġija () li tivvaluta sa liema punt kull fluss ta’ finanzjament jikkontribwixxi għall-objettivi tal-arja nadifa. Il-Kummissjoni tirrapporta kull sena dwar il-finanzjament tal-arja nadifa bħala parti mill-abbozz tal-baġit tagħha, għal kull programm ta’ finanzjament rilevanti. In-numri ppubblikati fl-2023 juru li, għall-2021–2027, il-baġit tal-UE — inkluż NextGenerationEU — qed jiddedika madwar EUR 147 biljun, jew 8,3 % tal-qafas finanzjarju pluriennali, għall-objettiv tal-arja nadifa. L-Illustrazzjoni 4 turi s-sehem tal-infiq ipprojettat fuq l-arja nadifa fil-programmi kollha (). L-akbar kontribuzzjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali hija pprojettata li tiġi mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif ukoll mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali u ta’ Koeżjoni.
Illustrazzjoni 4: Il-kontribuzzjoni projettata għall-arja nadifa mill-2021 sal-2027 (f’miljuni ta’ EUR). Nota: L-istima għall-finanzjament tal-PAK tkopri biss l-2021 u l-2022 (sors: Il-Kummissjoni Ewropea ())
5.3.Rabtiet ma’ ftehimiet internazzjonali
Id-Direttiva torbot mill-qrib mal-Konvenzjoni tal-UNECE dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja fuq Distanza Twila (il-Konvenzjoni dwar l-Arja) u l-protokolli tagħha (), u ż-żewġ reġimi legali jikkooperaw kemm jista’ jkun ma’ xulxin, b’mod partikolari dwar ir-rapportar tal-inventarji u l-projezzjonijiet tal-emissjonijiet. Ġie żviluppat manwal ta’ gwida konġunt dwar l-inventarju għal metodoloġija komuni u dan qed jittejjeb kontinwament bl-appoġġ tal-EEA (). Id-dokumenti ta’ gwida (, ) jiġu wkoll ippubblikati regolarment skont il-Konvenzjoni dwar l-Arja.
Il-Protokoll emendat ta’ Gothenburg għall-Konvenzjoni dwar l-Arja, li daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 2019, u d-Direttiva huma allinjati b’mod ġenerali f’termini ta’ impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2020–2029. Il-Protokoll ta’ Gothenburg ġie rieżaminat reċentement fi ħdan il-qafas tal-Konvenzjoni dwar l-Arja, u pprovda opportunità biex jiġi kkunsidrat allinjament ulterjuri ta’ dawn iż-żewġ reġimi legali, inkluż billi jiġi żviluppat approċċ komuni, pereżempju, għall-emissjonijiet tal-metan u tal-karbonju iswed. Ir-rieżami wassal biex il-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar l-Arja jieħdu d-deċiżjoni, f’Diċembru 2023, li jibdew il-proċess biex jirrevedu l-Protokoll ta’ Gothenburg. Il-proċess ta’ reviżjoni se jibda fl-2024, bl-għan li jitlestew in-negozjati sa tmiem l-2026.
6.Konklużjoni
It-tqegħid tal-implimentazzjoni tad-Direttiva fit-triq it-tajba mill-bidu nett kien kruċjali biex jiġi żgurat tnaqqis f’waqtu fl-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja, jikkontribwixxi b’mod effettiv għal titjib fis-saħħa tal-bniedem u tal-ekosistema u jwettaq l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu ta’ Tniġġis Żero.
Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni tat segwitu mill-bidu nett għall-każijiet fejn l-inventarji tal-emissjonijiet tal-inkwinanti tal-arja tal-Istati Membri wrew nuqqas ta’ konformità. Il-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib ukoll is-segwitu tal-każijiet mill-Istati Membri u tistedinhom jieħdu passi tanġibbli fil-forma ta’ politiki u miżuri aġġornati (u sottomissjonijiet f’waqthom tal-NAPCPs aġġornati, meta dovuti) f’konformità mal-iskadenzi legali.
L-inkwinanti kollha li għalihom id-Direttiva tistabbilixxi impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet jeħtieġu attenzjoni kontinwa. Dan huwa partikolarment importanti hekk kif l-impenji ta’ tnaqqis aktar stretti għall-2030 ’il quddiem qed joqorbu aktar u minħabba l-għan li l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE jiġu allinjati aktar mill-qrib mal-linji gwida tal-2021 tad-WHO dwar il-kwalità tal-arja (). Is-sustanza li tniġġes li tispikka bħala partikolarment problematika tibqa’ l-ammonijaka, li għaliha l-prospetti li jintlaħqu l-impenji tad-Direttiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għadhom diffiċli. Sabiex tgħin lill-Istati Membri jilħqu dan l-objettiv speċifiku, id-Direttiva inkludiet anness li jistabbilixxi miżuri (obbligatorji u mhux obbligatorji) u jelenka prattiki stabbiliti sew li huma ppruvati li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka. Jeħtieġ li l-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li dawn il-miżuri u l-prattiki jiġu effettivament implimentati, inkluż billi jinvolvu ruħhom mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u jiżguraw approċċ koerenti għal proċessi nazzjonali oħra, pereżempju dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi tal-Politika Agrikola Komuni.
Inkwinanti regolati oħra bbenefikaw direttament mill-politiki aktar ambizzjużi dwar l-enerġija u l-klima permezz tal-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, il-pjan REPowerEU u, l-aktar reċenti, il-pjan tal-miri klimatiċi għall-2040 (). Dawn l-inizjattivi jipprovdu spinta kbira wkoll għall-objettivi tal-arja nadifa, fejn ambizzjoni klimatika aktar b’saħħitha tissarraf f’żieda fl-effiċjenza enerġetika u introduzzjoni aktar rapida ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mhux kombustibbli. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-emissjonijiet ta’ materja partikolata fina, ossidi tan-nitroġenu u diossidu tal-kubrit. Sabiex jiġu massimizzati dawn il-kobenefiċċji, huwa importanti li l-Istati Membri jikkoordinaw il-proċessi ta’ ppjanar nazzjonali kif xieraq. Dan ifisser li l-NECPs u l-NAPCPs jenħtieġ li jkunu konsistenti ma’ xulxin, xi ħaġa li l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu meta jiffinalizzaw l-NECPs tagħhom sa Ġunju 2024, u meta jaġġornaw l-NAPCPs tagħhom.
Il-Kummissjoni tkompli tappoġġa lill-Istati Membri b’diversi modi biex tgħinhom jimplimentaw id-Direttiva. Pereżempju, l-appoġġ għall-bini tal-kapaċità, li qabelxejn jieħu l-forma ta’ rieżami rigoruż tal-inventarji, il-projezzjonijiet, l-NAPCPs u s-sottomissjonijiet tad-data tal-ekosistema tal-Istati Membri. Dan l-eżerċizzju jinvolvi skambji ma’ esperti tal-Istati Membri u jirriżulta f’rakkomandazzjonijiet prattiċi għat-titjib tas-sottomissjonijiet futuri. Dan huwa importanti minħabba li hija meħtieġa data ta’ kwalità għolja biex jiġu indirizzati s-sorsi tal-emissjonijiet b’mod infurmat u mmirat tajjeb. Forom oħra ta’ appoġġ disponibbli għall-Istati Membri fuq talba jinkludu l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, l-għodda bejn il-pari TAIEX-EIR u l-iskambji tal-partijiet ikkonċernati. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-finanzjament tal-UE għadu disponibbli biex jappoġġa inizjattivi relatati mal-arja nadifa.
Flimkien ma’ dan ir-rapport, ir-raba’ Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, mistennija għal tmiem l-2024, se tipprovdi analiżi aġġornata tal-kostijiet u l-benefiċċji fil-kisba tal-objettivi tad-Direttiva, u tenfasizza kwalunkwe azzjoni addizzjonali li hija meħtieġa fil-livell nazzjonali u tal-UE. Iż-żewġ dokumenti se jinfurmaw ir-rieżami li jmiss tad-Direttiva, li għandu jiġi ffinalizzat sal-2025, li se janalizza f’aktar dettall id-Direttiva u l-implimentazzjoni tagħha.