European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2296

13.10.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/2296

tat-12 ta’ Ottubru 2026

dwar Missjoni ta’ Appoġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Libanu (EUSM Lebanon)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-28 ta’ Awwissu 2025, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2790 (2025) li tħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tintensifika l-appoġġ tagħha, inkluż tagħmir, materjal u finanzjament, lill-Forzi Armati Libaniżi (LAF) sabiex jiġi żgurat l-iskjerament effettiv u sostenibbli tagħhom fin-Nofsinhar tax-Xmara Litani u biex jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom biex jimplimentaw ir-Riżoluzzjoni 1701 (2006).

(2)

Fl-10 ta’ Frar 2026, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) laqa’ l-Qafas Politiku għal Approċċ għal Kriżijiet rigward il-Libanu.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2026, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid l-appoġġ tal-Unjoni għall-isforzi biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-poplu Libaniż u għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Libanu. Huwa tenna l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tal-Gvern Libaniż biex isaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-pajjiż, inkluż l-LAF bil-ħsieb li jinkiseb kontroll tat-territorju Libaniż kollu, u biex jistabbilixxi l-monopolju tal-Istat fuq iż-żamma tal-armi. L-Unjoni ser tkompli tappoġġa l-LAF, inkluż permezz ta’ missjoni possibbli tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) u permezz tat-tkomplija tal-appoġġ u appoġġ imsaħħaħ taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi.

(4)

Fl-24 ta’ Lulju 2026, il-Kunsill approva Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi għal missjoni possibbli tal-PSDK fil-Libanu. Jenħtieġ għalhekk li tiġi stabbilita missjoni PSDK.

(5)

Permezz ta’ ittra bid-data tal-5 ta’ Ottubru 2026, il-President tal-Kunsill tal-Ministri tal-Libanu stieden lill-Unjoni tiskjera l-Missjoni tal-PSDK fit-territorju tiegħu.

(6)

Jenħtieġ li l-Missjoni jkollha pilastru ċivili, taħt il-kmand u l-kontroll strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, u pilastru militari, taħt il-kmand u l-kontroll strateġiku ta’ Kmandant Militari. Jenħtieġ li dawn il-pilastri jikkondividu l-istess objettivi politiċi u strateġiċi u mandat tal-Unjoni iżda jwettqu kompiti differenti, għalkemm komplementari, imfassla għall-qasam ta’ kompetenza rispettiv tagħhom, filwaqt li jiżguraw koordinazzjoni mill-qrib fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Missjoni.

(7)

Jenħtieġ li l-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjonijiet Ċivili tkun għad-dispożizzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija tal-pilastru ċivili tal-Missjoni.

(8)

Jenħtieġ li l-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija tkun l-istruttura statika ta’ kmand u kontroll fil-livell strateġiku militari, u jenħtieġ li tkun responsabbli għall-ippjanar u t-tmexxija operazzjonali tal-pilastru militari tal-Missjoni.

(9)

Jenħtieġ li l-kap tal-pilastru ċivili jeżerċita l-istess funzjonijiet fir-rigward tal-pilastru ċivili tal-Missjoni bħala l-Kap tal-Missjoni f’Missjoni ċivili tal-PSDK. Jenħtieġ li l-kap tal-pilastru militari jeżerċita l-istess funzjonijiet fir-rigward tal-pilastru militari tal-Missjoni bħala l-Kap tal-Missjoni f’Missjoni militari tal-PSDK.

(10)

Jenħtieġ li tiġi żgurata koordinazzjoni mill-qrib bejn il-pilastri ċivili u militari, inkluż permezz taċ-Ċellula Konġunta ta’ Koordinazzjoni fil-qasam tal-Appoġġ jew arranġamenti xierqa oħra ta’ koordinazzjoni, sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti u l-użu ta’ sinerġiji possibbli fl-implimentazzjoni tal-mandat u l-attivitajiet tal-Missjoni.

(11)

Skont l-Artikolu 41(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), jenħtieġ li n-nefqa operazzjonali li tirriżulta mill-pilastru ċivili tal-Missjoni titħallas mill-baġit tal-Unjoni, filwaqt li jenħtieġ li n-nefqa operazzjonali li tirriżulta mill-pilastru militari tiġġarrab mill-Istati Membri f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 li tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (1).

(12)

Il-Missjoni ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif jinsabu fl-Artikolu 21 tat-TUE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Stabbiliment

1.   L-Unjoni b’dan tistabbilixxi Missjoni ta’ Appoġġ tal-Unjoni fil-Libanu (“EUSM Lebanon”) taħt il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PKSD).

2.   L-EUSM Lebanon għandha inizjalment topera fil-Libanu fit-Tramuntana tax-Xmara Litani u, fir-rigward tan-Nofsinhar tax-Xmara Litani, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet politiċi u ta’ sigurtà meħtieġa, u abbażi tal-ftehim tal-gvern Libaniż. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dak l-għan.

Artikolu 2

Mandat

1.   L-EUSM Lebanon għandha tikkontribwixxi għal stabbiltà u paċi dejjiema fil-Libanu kollu, f’konformità mar-Riżoluzzjoni 1701(2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR), billi tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forzi Armati Libaniżi (LAF) u tal-Forzi tas-Sigurtà Interna (ISF) sabiex jiġu żgurati l-awtorità tal-Istat, il-kontroll territorjali u s-sigurtà tal-fruntieri.

2.   Għal dak il-għan, l-EUSM Lebanon għandha:

(a)

għall-pilastru militari, tappoġġa l-kapaċitajiet tal-LAF kif ġej:

i.

Riġmenti tal-Fruntieri tal-Art: tipprovdi appoġġ konsultattiv u taħriġ biex jissaħħu s-sorveljanza tal-fruntieri, l-ippattuljar, il-kontroll tal-fruntieri, u l-kapaċitajiet kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin, inkluż l-esplorazzjoni, fejn xieraq, ta’ possibbiltajiet ta’ appoġġ għall-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni operazzjonali dwar is-sigurtà tal-fruntieri bejn l-awtoritajiet tal-fruntieri Libaniżi rilevanti u, fejn fattibbli, il-kontropartijiet Sirjani tagħhom;

ii.

Kapaċitajiet ta’ Intelligence, Sorveljanza u Rikonjizzjoni (ISR): tipprovdi appoġġ konsultattiv u taħriġ speċjalizzat biex jissaħħu l-kapaċitajiet konġunti ta’ ppjanar tal-ISR, ta’ sorveljanza, ta’ twissija bikrija, ta’ operazzjonijiet tad-droni, u ta’ analiżi tal-immaġni, f’koordinazzjoni mal-miżuri ta’ assistenza rilevanti taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi;

iii.

sigurtà marittima: tipprovdi appoġġ konsultattiv u taħriġ biex jissaħħu s-sorveljanza marittima, l-għarfien tad-dominju marittimu, it-tiftix u s-salvataġġ, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, u l-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi marittima;

(b)

għall-pilastru ċivili, tappoġġa l-kapaċitajiet tal-ISF kif ġej:

i.

kapaċitajiet operazzjonali tal-ISF: tipprovdi appoġġ konsultattiv u taħriġ biex jissaħħu Unitajiet tal-Forza Mobbli u Unitajiet tal-Ġendarmerija Reġjonali magħżula f’oqsma li jinkludu l-ordni pubbliku, ir-rispons tattiku, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin, kif ukoll l-istat tad-dritt;

ii.

governanza tas-sigurtà tal-portijiet: tipprovdi appoġġ għall-iżvilupp ta’ arranġamenti ta’ governanza tas-sigurtà tal-portijiet f’konformità mal-istandards internazzjonali;

iii.

kapaċità ta’ taħriġ tal-ISF: tipprovdi appoġġ għall-Istitut tat-Taħriġ tal-ISF fl-iżvilupp ta’ Qafas Nazzjonali ta’ Taħriġ u programmi ta’ taħriġ speċjalizzati, inkluż f’oqsma bħaċ-ċiberkriminalità u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin.

(c)

attivitajiet ta’ taħriġ speċjalizzat addizzjonali, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (a) jew (b), bħal dwar il-ġlieda kontra l-apparat esplożiv improvviżat (C-IED) u t-tneħħija ta’ mezzi esplożivi, għandhom jiġu definiti fid-dokumenti tal-ippjanar, b’rispons għall-ħtiġijiet artikolati ulterjorment mill-awtoritajiet Libaniżi.

3.   L-EUSM Lebanon għandha ssegwi approċċ skalabbli, modulari u flessibbli li jippermetti aġġustament biż-żmien b’rispons għall-ħtiġijiet li qed jevolvu u l-kundizzjonijiet operazzjonali.

4.   L-EUSM Lebanon għandha tiffaċilita u taħdem f’komplementarjetà ma’ miżuri ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi li jistgħu jiġu deċiżi mill-Kunsill b’appoġġ għal-Libanu.

5.   Id-dritt umanitarju internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-aġendi skont ir-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, il-UNSCR 2250 (2015) dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà u l-UNSCR 1612 (2005) dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati għandhom jiġu integrati bis-sħiħ u b’mod proattiv fl-ippjanar, l-attivitajiet u r-rappurtar strateġiċi u operazzjonali tal-EUSM Lebanon.

Artikolu 3

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUSM Lebanon. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dan il-għan skont l-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Dik l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħa li jemenda d-dokumenti tal-ippjanar, inkluż il-Pjan Operazzjonali għall-pilastru ċivili tal-EUSM Lebanon u l-Pjan tal-Missjoni u r-regoli ta’ involviment għall-pilastru militari tal-EUSM Lebanon, u l-linja ta’ kmand. Għandha tinkludi wkoll is-setgħa li jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-kapijiet tal-pilastri ċivili u militari. Is-setgħat tat-teħid ta’ deċiżjoni rigward l-objettivi u t-terminazzjoni tal-EUSM Lebanon għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill. Id-deċiżjonijiet tal-KPS dwar il-ħatra tal-kapijiet tal-pilastri ċivili u militari għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari, rapporti mill-president tal-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) rigward l-attivitajiet tal-pilastru militari tal-EUSM Lebanon. Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili dwar l-attivitajiet tal-pilastru ċivili tal-EUSM Lebanon. Il-KPS jista’ jistieden lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u lill-Kmandant Militari għal-laqgħat tiegħu, skont kif ikun meħtieġ.

Artikolu 4

Linja ta’ kmand u struttura

1.   L-EUSM Lebanon għandu jkollha linja ta’ kmand unifikata bħala operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżijiet.

2.   L-EUSM Lebanon għandu jkollha l-kwartieri ġenerali tagħha fil-Libanu.

3.   L-EUSM Lebanon għandu jkollha pilastru ċivili taħt il-kmand u l-kontroll strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili (il-“pilastru ċivili”) u pilastru militari taħt il-kmand u l-kontroll strateġiku tal-Kmandant Militari (il-“pilastru militari”).

4.   Għandha tiġi żgurata koordinazzjoni mill-qrib bejn il-pilastri ċivili u militari, b’mod partikolari permezz taċ-Ċellula Konġunta ta’ Koordinazzjoni fil-qasam tal-Appoġġ, bil-ħsieb li jiġi żgurat approċċ koerenti fl-implimentazzjoni tal-mandat u l-attivitajiet tal-EUSM Lebanon, mingħajr preġudizzju għal-linji ta’ kmand ċivili u militari rispettivi u s-sorsi distinti ta’ finanzjament applikabbli għall-pilastri ċivili u militari.

TAQSIMA II

PILASTRU ĊIVILI

Artikolu 5

Kmandant ta’ Operazzjoni Ċivili

1.   Id-Direttur Maniġerjali tal-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjonijiet Ċivili (CivOpsHQ) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-pilastru ċivili.

2.   Is-CivOpsHQ għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija tal-pilastru ċivili.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli, għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-pilastru ċivili fil-livell strateġiku.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-KPS fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet, inkluż bil-ħruġ ta’ struzzjonijiet fil-livell strateġiku lill-kap tal-pilastru ċivili u billi jagħtih pariri u appoġġ tekniku.

5.   Il-Kmandant ta’ Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lil-Kunsill permezz tar-Rappreżentant Għoli.

6.   Il-persunal kollu ssekondat lill-pilastru ċivili għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah skont ir-regoli nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), kif xieraq. L-awtorità nazzjonali, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE, kif xieraq, għandhom jittrasferixxu l-kontroll operazzjonali tal-persunal is-sekondat tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

7.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat korrettament għall-persunal tal-pilastru ċivili.

Artikolu 6

Kap tal-Pilastru Ċivili

1.   Il-kap tal-pilastru ċivili għandu jassumi r-responsabbiltà għall-pilastru ċivili u għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tiegħu, fil-livell operazzjonali. Il-kap tal-pilastru ċivili għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant ta’ Operazzjoni Ċivili u jaġixxi f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

2.   Il-kap tal-pilastru ċivili għandu jkun ir-rappreżentant tal-pilastru ċivili fil-qasam ta’ responsabbiltà tiegħu.

3.   Il-kap tal-pilastru ċivili għandu jeżerċita r-responsabbiltà amministrattiva u loġistika għall-pilastru ċivili, inkluż ir-responsabbiltà għall-assi, ir-riżorsi u l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pilastru ċivili. Il-kap tal-pilastru ċivili jista’ jiddelega kompiti ta’ ġestjoni fi kwistjonijiet ta’ persunal u dawk finanzjarji lil membri tal-persunal tal-pilastru ċivili, taħt ir-responsabbiltà ġenerali tal-kap tal-pilastru ċivili.

4.   Il-kap tal-pilastru ċivili għandu joħroġ struzzjonijiet għat-tmexxija effettiva tal-EUSM Lebanon fuq il-post, filwaqt li jassumi l-koordinazzjoni u l-ġestjoni ta’ kuljum tagħha, skont l-istruzzjoni tal-Kmandant ta’ Operazzjoni Ċivili.

5.   Il-kap tal-pilastru ċivili għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq il-persunal tal-pilastru ċivili. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinari għandha tiġi eżerċitata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah f’konformità mar-regoli nazzjonali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, jew mis-SEAE kif xieraq.

6.   Il-kap tal-pilastru ċivili għandu jirċievi, mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, gwida politika lokali mill-kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni għal-Libanu.

Artikolu 7

Persunal

1.   Il-pilastru ċivili għandu jikkonsisti primarjament minn persunal issekondat mill-Istati Membri, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mis-SEAE. Kull Stat Membru, kull istituzzjoni tal-Unjoni u s-SEAE għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe membru tal-persunal issekondat minnhom, inkluż l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-istazzjonament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances minbarra l-allowances applikabbli ta’ kuljum.

2.   L-Istat Membru, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE, kif xieraq, għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe lment relatat mal-issekondar tal-membri tal-persunal tagħhom issekondati lill-pilastru ċivili tal-Missjoni, jew dwarhom, u biex jieħdu kwalunkwe azzjoni kontra tali persuni.

3.   Il-persunal internazzjonali u lokali jistgħu jiġu rreklutati fuq bażi kuntrattwali mill-pilastru ċivili jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux jistgħu jingħataw minn persunal issekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f’każijiet debitament ġustifikati fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikant kwalifikat mill-Istati Membri, jistgħu jiġu reklutati ċittadini minn Stati terzi parteċipanti fuq bażi kuntrattwali.

4.   Il-kundizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali fil-pilastru ċivili għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-pilastru ċivili u l-membru tal-persunal ikkonċernat.

Artikolu 8

Sigurtà

1.   Il-Kmandant ta’ Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-kap tal-pilastru ċivili tal-miżuri ta’ sigurtà u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva ta’ dawk il-miżuri tas-sigurtà mill-pilastru ċivili f’konformità mal-Artikolu 5.

2.   Il-kap tal-pilastru ċivili għandu jkun responsabbli għat-twettiq tad-dmir ta’ diliġenza fil-pilastru ċivili u għall-iżgurar tal-konformità mar-rekwiżiti applikabbli għall-pilastru ċivili, f’konformità mal-Politika dwar is-Sigurtà u d-Dmir ta’ Diliġenza għal Missjonijiet Ċivili tal-PSDK, u l-istrumenti ta’ appoġġ tagħha.

3.   Il-kap tal-pilastru ċivili għandu jkun assistit minn kap tas-sigurtà u s-saħħa, li għandu jirrapporta lill-kap tal-pilastru ċivili u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mas-CivOpsHQ.

4.   Il-persunal tal-pilastru ċivili għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta’ sigurtà qabel ma jibda dmirijietu, f’konformità mal-Pjan Operattiv. Għandu wkoll jingħata taħriġ regolari ta’ aġġornament fuq il-post tal-operazzjonijiet organizzat mill-kap tas-sigurtà u s-saħħa.

5.   Il-kap tal-pilastru ċivili għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2).

Artikolu 9

Arranġamenti legali

Il-pilastru ċivili għandu jkollu l-kapaċità li jakkwista servizzi u provvisti, li jidħol f’kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li jimpjega persunal, li jkollu kontijiet bankarji, li jakkwista u jiddisponi minn assi u jħallas l-obbligazzjonijiet tiegħu, u li jkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-pilastru ċivili għas-sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun EUR 4 303 135,85. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għal kull perjodu sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

2.   In-nefqa kollha għall-pilastru ċivili għandha tiġi amministrata f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta’ kuntratti ta’ akkwist mill-pilastru ċivili għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet. Barra minn hekk, ma għandha tapplika l-ebda regola ta’ oriġini għall-prodotti mixtrija mill-pilastru ċivili. Soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-pilastru ċivili tista’ tikkonkludi arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri, l-Istat ospitanti, Stati terzi parteċipanti u ma’ atturi internazzjonali oħra, fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u siti għall-pilastru ċivili.

3.   Il-pilastru ċivili għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu. Għal dak il-għan, il-pilastru ċivili għandu jiffirma ftehim mal-Kummissjoni. L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-linja ta’ kmand prevista fl-Artikoli 4, 5 u 6 u r-rekwiżiti operazzjonali tal-EUSM Lebanon.

4.   Il-pilastru ċivili għandu jirrapporta b’mod sħiħ lill-Kummissjoni u jkun issorveljat minnha fir-rigward tal-attivitajiet finanzjarji mwettqa fil-qafas tal-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3.

5.   In-nefqa marbuta mal-pilastru ċivili għandha tkun eliġibbli mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

TAQSIMA III

PILASTRU MILITARI

Artikolu 11

Il-Kmandant Militari

1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) għandu jkun il-Kmandant Militari għall-pilastru militari.

2.   L-MPCC għandha tkun l-istruttura statika ta’ kmand u kontroll fil-livell strateġiku militari barra miż-żona tal-operazzjonijiet u għandha tkun responsabbli għall-ippjanar u t-tmexxija operazzjonali tal-pilastru militari.

3.   Il-Kmandant Militari, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli, għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-pilastru militari fil-livell strateġiku.

4.   Il-Kmandant Militari għandu jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-KPS fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet tal-pilastru militari, inkluż billi joħroġ struzzjonijiet lill-persunal tiegħu.

5.   Il-Kmandant Militari għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-Rappreżentant Għoli.

6.   Il-persunal kollu ssekondat lill-pilastru militari għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah skont ir-regoli nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-SEAE, kif xieraq. L-awtorità nazzjonali, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE, kif xieraq, għandhom jittrasferixxu l-kontroll operazzjonali tal-persunal is-sekondat tagħhom lill-Kmandant Militari.

7.   Il-Kmandant Militari għandu jkollu r-responsabbiltà ġenerali li jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat kif xieraq għall-persunal fil-pilastru militari.

Artikolu 12

Kap tal-pilastru militari

1.   Il-kap tal-pilastru militari għandu jassumi r-responsabbiltà għall-pilastru ċivili u għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tiegħu, fil-livell operazzjonali.

2.   Il-kap tal-pilastru militari għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant Militari u jaġixxi f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-Kmandant Militari.

3.   Il-kap tal-pilastru militari għandu jirċievi, mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, gwida politika lokali mill-kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni għal-Libanu.

Artikolu 13

Direzzjoni militari

1.   L-EUMC għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni xierqa tal-kompiti mill-pilastru militari, immexxija taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant Militari.

2.   L-EUMC għandu jirċievi, fuq bażi regolari, rapporti mill-Kmandant Militari. L-EUMC jista’ jistieden lill-Kmandant Militari u lill-kap tal-pilastru militari għal-laqgħat tiegħu, kif xieraq.

3.   Il-president tal-EUMC għandu jaġixxi bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt mal-Kmandant Militari.

Artikolu 14

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ispejjeż komuni tal-pilastru militari għandhom jiġu amministrati f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-pilastru militari għall-perjodu ta’ sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ EUR 2 880 000. Il-perċentwal tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 51(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 għandu jkun ta’ 70 % għall-impenji u 35 % għall-ħlasijiet. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għal kull perjodu sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

TAQSIMA IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Konsistenza tar-rispons u l-koordinazzjoni tal-Unjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u tal-konsistenza tagħha mal-azzjoni esterna tal-Unjoni inġenerali, inkluż il-programmi għall-iżvilupp tal-Unjoni u l-programmi ta’ assistenza umanitarja tagħha.

2.   Il-kap tal-pilastru ċivili u l-kap tal-pilastru militari għandhom jirċievu, mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, gwida politika lokali mill-kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni fil-Libanu.

3.   L-EUSM Lebanon għandha tikkoordina l-attivitajiet tagħha mal-attivitajiet bilaterali tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża fil-Libanu, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-aġenziji rilevanti tan-NU u tal-Unjoni, kif adatt. L-EUSM Lebanon għandha tikkoordina, fejn xieraq, ma’ Stati terzi tal-istess fehma. Il-pilastru militari għandu jaħdem ukoll f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Tekniku Militari għal-Libanu (MTC4L), fl-ambitu tar-rwol tiegħu fil-koordinazzjoni tal-appoġġ internazzjonali għall-Forzi Armati Libaniżi.

Artikolu 16

Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, u f’konformità mal-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-EUSM Lebanon.

2.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jistieden lil Stati terzi biex joffru kontributi u biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar li jiġu aċċettati l-kontributi proposti, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant Militari u l-EUMC, jew tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, rispettivament.

3.   L-arranġamenti dettaljati fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 37 TUE u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Fejn l-Unjoni u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’missjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżi tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUSM Lebanon.

4.   Stati terzi li jagħmlu kontributi għall-pilastru ċivili jew kontributi militari sinifikanti għall-pilastru militari tiegħu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-Istati Membri mil-lat tal-ġestjoni ta’ kuljum tal-EUSM Lebanon.

5.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Kontributuri ċivili jew militari, jekk Stati terzi jagħmlu kontributi għall-pilastru ċivili jew kontributi militari sinifikanti għall-pilastru militari.

Artikolu 17

Status tal-EUSM Lebanon u l-persunal tagħha

L-istatus tal-EUSM Lebanon u tal-persunal tagħha, inkluż il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-EUSM Lebanon, għandu jkun is-suġġett ta’ ftehim konkluż mill-Unjoni mal-Libanu skont l-Artikolu 37 TUE u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 TFUE.

Artikolu 18

Rilaxx ta’ informazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lil Stati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, kif xieraq u f’konformità mal-ħtiġijiet tal-EUSM Lebanon, informazzjoni klassifikata tal-UE ġġenerata għall-finijiet tal-EUSM Lebanon, f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE:

(a)

sal-livell previst mill-ftehimiet applikabbli dwar is-sigurtà tal-informazzjoni konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat terz ikkonċernat; jew

(b)

sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” f’każijiet oħrajn.

2.   Fil-każ ta’ ħtieġa operazzjonali speċifika u immedjata, ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat ukoll li jirrilaxxa lill-awtoritajiet rilevanti tal-Libanu kwalunkwe informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li hija ġġenerata għall-finijiet tal-EUSM Lebanon, f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għal dak il-għan għandhom jitfasslu arranġamenti bejn ir-Rappreżentant Għoli u l-awtoritajiet kompetenti tal-Libanu.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-EUSM Lebanon u kopert mill-obbligu ta’ segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (3).

4.   Ir-Rappreżentant Għoli jista’ jiddelega s-setgħat imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3, kif ukoll il-kapaċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 2, lil persuni mqiegħda taħt l-awtorità tiegħu jew tagħha, lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili jew lill-Kmandant Militari.

Artikolu 19

Kapaċità ta’ Sorveljanza

Il-Kapaċità ta’ Sorveljanza għandha tiġi attivata għall-EUSM Lebanon.

Artikolu 20

Ippjanar u tnedija tal-EUSM Lebanon

1.   Id-Deċiżjoni biex titnieda l-EUSM Lebanon għandha tiġi adottata mill-Kunsill wara l-approvazzjoni tal-Pjan Operattiv għall-pilastru ċivili u tal-Pjan tal-Missjoni, inkluż ir-Regoli tal-Ingaġġ, għall-pilastru militari. L-EUSM Lebanon għandha titnieda fid-data rrakkomandata mill-Kmandant Militari u l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-EUSM Lebanon.

2.   It-timijiet ewlenin tal-ippjanar militari u ċivili tal-EUSM Lebanon għandhom jagħmlu t-tħejjijiet meħtieġa biex jippermettu lill-EUSM Lebanon tilħaq il-kapaċità operazzjonali inizjali tagħha. Kwalunkwe skjerament fiż-żona tal-operazzjonijiet għandu jkun preċedut minn valutazzjoni fil-fond tas-sitwazzjoni tas-sigurtà u tar-rekwiżiti assoċjati li jridu jiġu ssodisfati.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Għandha tapplika għal perjodu ta’ tliet snin mit-tnedija tal-EUSM Lebanon.

3.   Din id-Deċiżjoni għandha titħassar f’konformità mal-pjanijiet approvati għat-tmiem tal-EUSM Lebanon, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li jirrigwardaw l-awditjar u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-pilastru militari, stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14 ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/488/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/937/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2296/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)