25.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 377/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/1863

tat-22 ta’ Ottubru 2021

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1866 tat-22 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 (2) jagħti effett lid-Deċiżjoni 2010/788/PESK (3) u jipprevedi ċerti miżuri diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, inkluż l-iffriżar tal-assi tagħhom.

(2)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCR”) 2582 (2021) emendat il-kriterji biex persuni u entitajiet jiġu deżinjati biex ikunu soġġetti għall-miżuri restrittivi mniżżla fil-paragrafi 9 u 11 tal-UNSCR 1807 (2008). Id-Deċiżjoni (PESK) 2021/1866 tagħti effett lill-UNSCR 2582 (2021).

(3)

Dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tiegħu mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex tagħti effett lid-Deċiżjoni (PESK) 2021/1866.

(4)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1183/2005 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2a(1) tar-Regolament (KE) Nru 1183/2005, il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorjar jew il-parteċipazzjoni f’attakki kontra l-forzi taż-żamma tal-paċi tal-MONUSCO jew kontra l-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż il-membri tal-Grupp tal-Esperti, jew kontra l-persunal mediku jew il-persunal umanitarju;”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fIl-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

G. DOVŽAN


(1)  Ara l-paġna 33 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 tat-18 ta’ Lulju 2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 193, 23.7.2005, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal-20 ta’ Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK (ĠU L 336, 21.12.2010, p. 30).