DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
16 ta’ Marzu 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2009/81/KE – Artikolu 55(4) – Artikolu 57(2) – Interess ġuridiku – Aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni – Offerent eskluż mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li saret definittiva – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ċċaħħad lil tali offerent minn aċċess għal rimedju – Assenza ta’ interess ġuridiku”
Fil-kawża C‑493/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Lulju 2022, fil-proċedura
Armaprocure SRL
vs
Ministerul Apărării Naţionale,
BlueSpace Technology SRL,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 55(4), tal-Artikolu 56(3), tal-Artikolu 57(2), tal-Artikolu 60(1)(b) kif ukoll tal-Artikolu 61 tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2009, L 216, p. 76). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Armaprocure SRL u, min-naħa l-oħra, l-Ministerul Apărării Naţionale (il-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali, ir-Rumanija) u BlueSpace Technology SRL, dwar id-deċiżjoni ta’ dan il-ministeru li jiċħad l-offerta ta’ Armaprocure u li jagħti lill-konsorzju kostitwit minn BlueSpace Technology u mill-kumpannija nazzjonali Romarm SA (iktar ’il quddiem il-“Konsorzju”) kuntratt pubbliku intiż għax-xiri ta’ poligoni tal-isparar. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2009/81
|
3 |
Il-premessa 72 tad-Direttiva 2009/81 tistipula: “Il-konformità mal-obbligi tat-trasparenza u tal-kompetizzjoni għandha tiġi żgurata permezz ta’ sistema ta’ reviżjoni effiċjenti, ibbażata fuq is-sistema li d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE [tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, bir-rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007 L 335, p. 31) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”),] u 92/13/KEE [tal‑25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315)], kif emendat[a] bid-Direttiva 2007/66], jipprevedu għal kuntratti koperti mid-[Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19), u mid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)]. B’mod partikolari, għandha jkun hemm il-possibbiltà li tiġi kkontestata l-proċedura tal-għoti tal-kuntratt qabel ma jkun iffirmat il-kuntratt, u l-istess il-garanziji meħtieġa għall-effiċjenza tar-reviżjoni bħall-perjodu sospensiv. Għandu jsir provvediment ukoll għall-possibbiltà li jiġu kkontestati l-kuntratti diretti illegali konklużi bi ksur ta’ din id-Direttiva.” |
|
4 |
L-Artikolu 55 tad-Direttiva 2009/81, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u disponibbiltà tal-proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi (2) u (4) tiegħu: “2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġi riveduti effettivament u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 56 sa 62, abbażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi [tal-Unjoni] fil-qasam tal-akkwist jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw din il-liġi. […] 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, skont regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.” |
|
5 |
L-Artikolu 56 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti għall-proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu (3) tiegħu: “Meta korp tal-prim istanza, li hu indipendenti mill-awtorità/entità kontraenti, jirrivedi deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità/entità kontraenti ma tkunx tista’ tikkonkludi l-kuntratt qabel ma l-korp ta’ reviżjoni jkun ħa deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal miżuri intermedjarji jew għal reviżjoni. Is-sospensjoni m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza tal-perjodu sospensiv imsemmi fl-Artikoli 57(2) u l-Artikolu 60(4) u (5)”. |
|
6 |
L-Artikolu 57 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Perjodu sospensiv”, huwa fformulat, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu (2) tiegħu, kif ġej: “L-offerent għandu jitqies li jkun ikkonċernat sakemm ma jkunx definittivament eskluż. Esklużjoni hija definittiva jekk tiġi notifikata lill-offerenti konċernati u jew tkun meqjusa leċita minn korp ta’ reviżjoni indipendenti jew ma tistax tkun suġġetta għal proċedura ta’ reviżjoni.” |
|
7 |
L-Artikolu 60 tad-Direttiva 2009/81, intitolat “Ineffettività”, jipprevedi, fil-paragrafu (1)(b) tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità/entità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każi li ġejjin: […]
|
|
8 |
Skont kliem l-Artikolu 61 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ksur ta’ dan it-Titolu u penali [sanzjonijiet] alternattivi”: “1. Fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 55(6), l-Artikolu 56(3) jew l-Artikolu 57(2) li ma jaqax taħt l-Artikolu 60(1)(b), l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-ineffettività taħt l-Artikolu 60(1) sa (3), jew għal penali [sanzjonijiet] alternattivi. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità/entità kontraenti għandu jiddeċiedi, wara li jkun ivvaluta l-aspetti rilevanti kollha, jekk il-kuntratt għandux jitqies bħala ineffettiv jew jekk għandhomx ikunu imposti penali alternattivi. […]”. |
Id‑Direttiva 89/665
|
9 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, intitolat “Skop [kamp ta’ applikazzjoni] u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu (3) tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni huma disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, ta’ l-anqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess li takkwista kuntratt partikolari ta’ provvista pubblika jew xogħlijiet publiċi u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat.” |
|
10 |
L-Artikolu 2a ta’ din id-direttiva, intitolat “Perijodu sospensiv”, jipprevedi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu (2) tiegħu: “L-offerenti għandhom jitqiesu li huma kkonċernati jekk ikun għadhom ma ġewx definittivament esklużi. Esklużjoni tkun definittiva jekk tkun ġiet notifikata lill-offerent ikkonċernat u tkun jew ġiet ikkunsidrata legali minn korp ta’ reviżjoni indipendenti jew ma tkunx għadha tista’ tiġi soġġetta għal proċedura ta’ reviżjoni.” |
Id‑dritt Rumen
Id‑Digriet b’Urġenza Nru 114/2011
|
11 |
L-Artikolu 137 tal-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 114/2011 privind atribuirea anumitor contracte de achiziții publice în domeniile apărării și securității (id-Digriet b’Urġenza tal-Gvern Nru 114/2011 dwar l-għoti ta’ ċerti kuntratti pubbliċi fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà), tal‑21 ta’ Diċembru 2011 (Monitorul Oficial al României, Taqsima I, Nru 932 tad‑29 ta’ Diċembru 2011, iktar ’il quddiem id-“Digriet b’Urġenza Nru 114/2011), jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu: “1. L-awtorità kontraenti hija obbligata tinforma lill-operaturi ekonomiċi involuti fil-proċedura ta’ għoti bid-deċiżjonijiet dwar ir-riżultat tal-għażla, l-eżitu tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt jew dwar il-konklużjoni tal-ftehim qafas jew, jekk ikun il-każ, dwar l-annullament tal-proċedura ta’ għoti u l-eventwali tnedija ulterjuri ta’ proċedura ġdida, bil-miktub u fl-iqsar żmien possibbli, l-iktar tard tliet ġranet tax-xogħol wara l-għoti ta’ dawn id-deċiżjonijiet. 2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, għandu jitqies bħala operatur ekonomiku involut fil-proċedura ta’ għoti kull kandidat/offerent li għadu ma ġiex informat mill-awtorità kontraenti dwar id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw direttament il-kandidatura/offerta tiegħu jew kull kandidat/offerent li l-kandidatura/offerta tiegħu għadha ma ġietx miċħuda definittivament mill-awtorità kontraenti. Ċaħda hija kkunsidrata bħala definittiva jekk din tiġi kkomunikata lill-operatur ekonomiku inkwistjoni u jekk din tiġi ddikjarata legali b’ġudizzju tal-[Consiliului Național de Soluționare a Contestațiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni ta’ Kontestazzjonijiet, ir-Rumanija)], li jkun ġie adit f’dan ir-rigward, jew jekk din ma kinitx jew ma tistax iktar tkun is-suġġett ta’ reviżjoni”. |
|
12 |
L-Artikolu 138(2)(c) ta’ dan id-digriet b’urġenza jipprevedi: “Fil-kuntest tal-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 137(3) l-awtorità kontraenti hija obbligata li tinforma lill-offerenti/kandidati li ġew imwarrba jew li l-offerta tagħhom ma ntgħażlitx dwar ir-raġunijiet li servew ta’ bażi għad-deċiżjoni inkwistjoni, jiġifieri għandha tikkomunika: […]
|
Il‑Liġi Nru 101/2016
|
13 |
Il-Legea nr. 101/2016 privind remediile și căile de atac în materie de atribuire a contractelor de achiziție publică, a contractelor sectoriale și a contractelor de concesiune de lucrări și concesiune de servicii, precum și pentru organizarea și funcționarea Consiliului Național de Soluționare a Contestațiilor (il-Liġi Nru 101/2016 dwar ir-rimedji fil-qasam ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, ta’ kuntratti settorjali u ta’ kuntratti għal xogħlijiet u għal servizzi kif ukoll dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni ta’ Kontestazzjonijiet), tad‑19 ta’ Mejju 2016 (Monitorul Oficial al României, Taqsima I, Nru 393 tat‑23 ta’ Mejju 2016), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 101/2016”), tipprevedi, fl-Artikolu 3 tagħha: “1. Tifsiriet: […]
[…] 3. Għall-finijiet tal-paragrafu (1)(f)(i), persuna titqies li għandha jew li kellha interess marbut ma proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt jekk hija għadha ma ġietx definittivament eskluża minn din il-proċedura. Esklużjoni hija definittiva jekk din ġiet ikkomunikata lill-kandidat/offerent ikkonċernat u jew ġiet ikkunsidrata bħala leċita mill-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni ta’ Kontestazzjonijiet jew minn qorti jew inkella ma tistax iktar tkun is-suġġett ta’ reviżjoni.” |
|
14 |
L-Artikolu 58 tal-Liġi Nru 101/2016 jipprovdi: “1. Kull persuna kkonċernata tista’ titlob lill-qorti tikkonstata n-nullità assoluta tal-kuntratt jew tal-emenda tiegħu konkluż bi ksur tal-kundizzjonijiet ta’ validità meħtieġa, skont il-każ, mil-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, il-kuntratti settorjali jew il-kuntratti għal xogħlijiet u għal servizzi, kif ukoll li jerġa’ jiġi stabbilit l-istatus quo ante fir-rigward tal-partijiet. 2. Il-qorti għandha tikkonstata n-nullità assoluta totali/parzjali tal-kuntratt jew tal-emenda tiegħu u terġa’ tistabbilixxi l-istatus quo ante fir-rigward tal-partijiet, konformement mal-Artikolu 1254(3) tal-[Legea nr. 287/2009 privind Codul civil (il-Liġi Nru 287/2009 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili)], ippubblikata mill-ġdid, kif emendata, fil-każijiet li ġejjin: […]
[…] 6. Fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet relatati mat-terminu legali ta’ stennija għall-konklużjoni tal-kuntratt, il-qorti, wara li tanalizza l-aspetti kollha rilevanti, tikkonstata n-nullità assoluta totali jew parzjali tal-kuntratt jew tal-emenda tiegħu u terġa’ tistabbilixxi l-istatus quo ante fir-rigward tal-partijiet jew, jekk dan ikun suffiċjenti, tordna sanzjonijiet ta’ sostituzzjoni, bħal dawk previsti fil-paragrafu (3).” |
It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
15 |
Fit‑12 ta’ Diċembru 2019, il-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali nieda, abbażi tad-Digriet b’Urġenza Nru 114/2011, li jittrasponi d-Direttiva 2009/81, proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li kienet tinvolvi żewġ lottijiet:
|
|
16 |
Il-valur totali stmat tal-kuntratt kien ta’ RON 43905042 (madwar EUR 8900000), fejn l-għoti kien isir biss fuq il-kriterju tal-“iktar prezz baxx”. |
|
17 |
Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Marzu 2020, l-awtorità kontraenti informat lil Armaprocure, minn naħa, dwar iċ-ċaħda tal-offerta tagħha għaż-żewġ lottijiet, minħabba li hija kienet ġiet iddikjarata mhux konformi għal-Lot Nru 1 u mhux konformi u inammissibbli għal-Lot Nru 2. Min-naħa l-oħra, l-awtorità kontraenti kkomunikat l-għoti tal-kuntratt lill-Konsorzju. |
|
18 |
Fid‑19 ta’ Marzu 2020, Armaprocure adixxiet għall-ewwel darba lill-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni ta’ Kontestazzjonijiet, sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta tagħha, dik tal-ammissjoni tal-offerti l-oħra, kif ukoll dik tal-għoti tal-kuntratt lill-Konsorzju. |
|
19 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2020, il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni ta’ Kontestazzjonijiet laqa’ parzjalment it-talbiet ta’ Armaprocure, b’mod partikolari billi ordnat lill-awtorità kontraenti tevalwa mill-ġdid l-offerta ta’ Armaprocure għal-Lot Nru 1 kif ukoll l-offerti tal-Konsorzju u tal-offerenti l-oħra, jiġifieri Electro Optic Components SRL u Stimpex SA, għaż-żewġ lottijiet. L-imsemmi kunsill, min-naħa l-oħra, ċaħad il-kontestazzjoni ta’ Armaprocure sa fejn din kienet indirizzata kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta tagħha għal-Lot Nru 2. |
|
20 |
Wara li l-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), adita kemm mill-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali kif ukoll minn Electro Optic Components u mill-Konsorzju, kienet parzjalment emendat id-deċiżjoni tal-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni ta’ Kontestazzjonijiet, permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2020, l-awtorità kontraenti wettqet evalwazzjoni ġdida tal-offerti. Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Novembru 2020, hija informat lil Armaprocure li l-offerta tagħha kienet ġiet miċħuda bħala mhux konformi għal-Lot Nru 1 u li l-offerta tal-Konsorzju kienet rebħet għal dan il-lot. Fir-rigward tal-offerta ta’ Armaprocure għal-Lot Nru 2, din ġiet miċħuda definittivament. |
|
21 |
Permezz ta’ att irreġistrat fil‑25 ta’ Novembru 2020, Armaprocure adixxiet għat-tieni darba lill-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni ta’ Kontestazzjonijiet, sabiex tikkontesta r-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni l-ġdida tal-offerti. |
|
22 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Mejju 2021, l-imsemmi Kunsill annulla r-rapport dwar il-proċedura, stabbilit mill-awtorità kontraenti, biss f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni finanzjarja tal-offerti tal-Konsorzju u ta’ Electro Optic Components (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑24 ta’ Mejju 2021”). |
|
23 |
Fl‑14 ta’ Ġunju 2021, wara li evalwat mill-ġdid dawn l-offerti, l-awtorità kontraenti informat lil Electro Optic Components li l-offerta tagħha kienet ġiet iddikjarata inammissibbli. Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 137(2) u tal-Artikolu 138(2)(c) tad-Digriet b’Urġenza Nru 114/2011, ir-riżultat tal-evalwazzjoni l-ġdida ma ġietx ikkomunikata lil Armaprocure, peress li l-offerta ppreżentata minn din l-impriża kienet ġiet miċħuda minn qabel u li din iċ-ċaħda kienet ġiet ikkunsidrata legali mill-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni ta’ Kontestazzjonijiet. |
|
24 |
Fit‑8 ta’ Ġunju 2021, Armaprocure ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal‑24 ta’ Mejju 2021. Peress li dan ir-rikors ġie miċħud bħala infondat mill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2021, Armaprocure ppreżentat rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza li ġie miċħud mill-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), fil‑25 ta’ Mejju 2022. |
|
25 |
Fuq talba Armaprocure, l-awtorità kontraenti, permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Novembru 2021, informata li l-offerti tal-Konsorzju u ta’ Electro Optic Components kienu ġew evalwati mill-ġdid fl‑14 ta’ Ġunju 2021, b’applikazzjoni tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Mejju 2021. |
|
26 |
Fi tmiem ix-xahar ta’ Novembru 2021, il-kuntratt għall-provvista tal-prodotti “Poligonu tal-isparar ta’ tip 2” u “Poligonu tal-isparar ta’ tip 3” ġie ffirmat bejn l-awtorità kontraenti u l-Konsorzju. L-avviż ta’ għoti tal-kuntratt lill-Konsorzju ġie ppubblikat fuq il-pjattaforma online msemmija “sistema elettronika tal-kuntratti pubbliċi”, fil‑31 ta’ Diċembru 2021. |
|
27 |
Permezz tat-tielet kontestazzjoni ppreżentata fl‑10 ta’ Jannar 2022, Armaprocure talbet, b’mod partikolari, li l-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni ta’ Kontestazzjonijiet, f’dak li jirrigwarda l-Lot Nru 1, jannulla l-atti kollha tal-awtorità kontraenti adottati b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Mejju 2021, jerġa’ jistabbilixxi l-istatus quo ante fir-rigward tal-partijiet, jannulla l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u jissospendi l-eżekuzzjoni tal-kuntratt fir-rigward ta’ dan il-lot. |
|
28 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Jannar 2022, il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni ta’ Kontestazzjonijiet ċaħad it-talbiet Armaprocure, li, b’konsegwenza ta’ dan, adixxiet lit-Tribunalul București (il-Qorti ta’ Bukarest, ir-Rumanija). |
|
29 |
Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, il-qorti msemmija l-aħħar ċaħdet ir-rikors ta’ Armaprocure, billi osservat li l-offerta tagħha għal-Lot Nru 2 kienet ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni ta’ Kontestazzjonijiet tal‑10 ta’ April 2020, punt li ma kienx ġie kkontestat quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest). It-Tribunalul București (il-Qorti ta’ Bukarest) enfasizzat ukoll li d-deċiżjoni tal‑24 ta’ Mejju 2021 kienet ċaħdet it-talbiet ippreżentati minn Armaprocure intiżi, minn naħa, għall-ksib tal-annullament tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tiddikjara li l-offerta tagħha għal-Lot Nru 1 ma hijiex konformi u, min-naħa l-oħra, sabiex l-awtorità kontraenti tiġi ordnata terġa’ tevalwa din l-offerta. |
|
30 |
It-Tribunalul București (il-Qorti ta’ Bukarest) osservat, wara dan, li r-rikors ippreżentat minn Armaprocure kontra d-deċiżjoni tal‑24 ta’ Mejju 2021 kien ġie miċħud permezz tas-sentenza tal-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) tas‑27 ta’ Ottubru 2021. Għaldaqstant, skont it-Tribunalul București (il-Qorti ta’ Bukarest), Armaprocure ma kienx għad għandha interess tqajjem ilmenti fir-rigward tal-offerta magħżula u tal-atti tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt għal-Lot Nru 1, peress li n-nuqqas ta’ konformità tal-offerta li hija kienet ippreżentat kien ġie kkonstatat b’mod definittiv u kellu l-awtorità ta’ res judicata. |
|
31 |
Armaprocure ppreżentat appell kontra s-sentenza tat-Tribunalul București (il-Qorti ta’ Bukarest) tad‑29 ta’ Marzu 2022 quddiem il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), li hija l-qorti tar-rinviju. Armaprocure b’mod partikolari osservat li l-awtorità kontraenti kienet kisret id-Direttiva 2009/81 sa fejn l-imsemmija awtorità kienet iffirmat il-kuntratt ta’ provvista tal-prodotti kkonċernati għal-Lottijiet Nri 1 u 2 ma’ offerent li kien ippreżenta offerta inammissibbli u mhux konformi. Armaprocure allegat ukoll li hija kienet adixxiet lit-Tribunalul București (il-Qorti ta’ Bukarest) b’rikors għall-annullament tal-kuntratt pubbliku li wassal għall-iffirmar ta’ dan il-kuntratt, ibbażat fuq l-Artikolu 58(1) tal-Liġi Nru 101/2016. Għaldaqstant, huwa suffiċjenti li hija turi li hija “persuna kkonċernata”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex tkun ammissibbli li tikkontesta dan il-kuntratt, u dan mingħajr ma jkollha għalfejn tistabbilixxi li hija persuna “leża”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(f) tal-imsemmija liġi. Għalhekk, ma huwiex neċessarju li hija jkollha l-kwalità ta’ offerent jew ta’ kandidat. |
|
32 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li d-Direttiva 2009/81 tipprevedi dritt għal rimedju biss favur l-offerent jew il-kandidat ikkonċernat, sa fejn l-interess tal-offerent jew tal-kandidat fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi jirriżulta mill-parteċipazzjoni tiegħu f’tali proċedura. Madankollu, f’dan il-każ, fid-data tal-iffirmar tal-kuntratt mill-offerent magħżul, fi tmiem ix-xahar ta’ Novembru 2021, Armaprocure kienet ġiet definittivament eskluża mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt li wassal għall-iffirmar ta’ dan il-kuntratt. Billi rraġunat b’analoġija mas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Bietergemeinschaft Technische Gebäudebetreuung und Caverion Österreich (C‑355/15, EU:C:2016:988), li kienet tirrigwarda d-Direttiva 89/665, dik il-qorti tistaqsi jekk id-Direttiva 2009/81 tipprekludix li offerent li ġie eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li saret definittiva għandux rimedju kontra l-kuntratt konkluż mal-offerent magħżul. |
|
33 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “[L-Artikolu 55(4), l-Artikolu 56(3), l-Artikolu 57(2), l-Artikolu 60(1)(b) u l-Artikolu 61] tad-Direttiva [2009/81], jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li offerent eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li saret definittiva jista’ jkollu rimedju kontra l-kuntratt konkluż mal-offerent magħżul?” |
Fuq it‑talba għal proċedura mħaffa
|
34 |
Il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura mħaffa, abbażi tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
35 |
Madankollu, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċeduri, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar din it-talba (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑10 ta’ Jannar 2023, Ambisig, C‑469/22, EU:C:2023:25, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
Fuq id‑domanda preliminari
|
36 |
Abbażi tal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċeduri, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat. |
|
37 |
Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
|
38 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 55(4) u l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2009/81 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li offerent eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li saret definittiva jista’ jkollu rimedju kontra l-kuntratt konkluż mal-offerent magħżul. |
|
39 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, li permezz tad-deċiżjonijiet tiegħu tal‑10 ta’ April 2020 u tal‑24 ta’ Mejju 2021, li fihom huwa ddeċieda dwar l-ewwel żewġ kontestazzjonijiet ta’ Armaprocure, il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni ta’ Kontestazzjonijiet ċaħad, rispettivament, il-kontestazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta ta’ din il-kumpannija fir-rigward tal-Lottijiet Nri 1 u 2, fejn għandu jiġi speċifikat li, skont l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, dawn id-deċiżjonijiet saru definittivi qabel l-iffirmar tal-kuntratt konkluż mal-offerent magħżul. Wara li ressqet it-tielet kontestazzjoni, Armaprocure adixxiet lill-qorti tar-rinviju sabiex tikseb l-annullament tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni u, sussegwentement, li dan jingħata lilha. |
|
40 |
Qabel kollox, għandu jiġi osservat li mill-premessa 72 tad-Direttiva 2009/81 jirriżulta li, bl-adozzjoni ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi sistema ta’ reviżjoni effiċjenti, ibbażata fuq is-sistema prevista fid-Direttiva 89/665. |
|
41 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont kliem l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665, li l-formulazzjoni tiegħu hija essenzjalment riprodotta fl-Artikolu 55(4) tad-Direttiva 2009/81, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, skont regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat. B’dan il-mod, dawn id-dispożizzjonijiet ma jimponux fuq l-Istati Membri l-obbligu li jrendu lill-imsemmija proċeduri ta’ reviżjoni aċċessibbli għal kull persuna li tkun tixtieq tikseb l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, iżda tippermettilhom li jeżiġu, barra minn dan, li l-persuna kkonċernata tkun ġiet leża jew hemm ir-riskju li tiġi leża mill-ksur li hija tallega (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2003, Hackermüller, C‑249/01, EU:C:2003:359, punt 18, u d-digriet tas‑17 ta’ Mejju 2022, Estaleiros Navais de Peniche, C‑787/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:414, punt 22). |
|
42 |
Mitluba tinterpreta l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku l-offerenti, li l-esklużjoni tagħhom hija mitluba, għandhom interess leġittimu ekwivalenti għall-esklużjoni tal-offerta tal-offerenti l-oħra għall-finijiet tal-ksib tal-kuntratt, u dan irrispettivament min-numru ta’ parteċipanti fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, min-numru ta’ parteċipanti li ppreżentaw rikorsi jew saħansitra mid-differenza bejn il-motivi li huma qajmu. Fil-fatt, l-esklużjoni ta’ offerent tista’ twassal sabiex l-offerent l-ieħor jikseb direttament il-kuntratt skont l-istess proċedura. Barra minn hekk, fl-ipoteżi ta’ esklużjoni taż-żewġ offerenti u tal-ftuħ ta’ proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, kull wieħed mill-offerenti jista’ jipparteċipa fih u, għalhekk, jikseb il-kuntratt indirettament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2013, Fastweb, C‑100/12, EU:C:2013:448, punt 33; tal‑5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punti 24, 27 u 29; tal‑24 ta’ Marzu 2021, NAMA et, C‑771/19, EU:C:2021:232, punt 31, kif ukoll id-digriet tas‑17 ta’ Mejju 2022, Estaleiros Navais de Peniche, C‑787/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:414, punt 23). |
|
43 |
Fit-tieni lok, il-prinċipju ġurisprudenzjali mfakkar fil-punt preċedenti japplika biss sakemm l-esklużjoni tal-offerent ma tkunx saret definittiva, b’mod partikolari, wara li tkun ġiet ikkonfermata minn deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Bietergemeinschaft Technische Gebäudebetreuung und Caverion Österreich, C‑355/15, EU:C:2016:988, punt 36; tal‑11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama, C‑131/16, EU:C:2017:358, punti 57 u 58; tal-24 ta’ Marzu 2021, NAMA et, C‑771/19, EU:C:2021:232, punt 42, kif ukoll id-digriet tas‑17 ta’ Mejju 2022, Estaleiros Navais de Peniche, C‑787/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:414, punt 24). |
|
44 |
Madankollu, skont kliem it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2009/81, li huwa fformulat fl-istess termini bħal-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 89/665, l-esklużjoni ta’ offerent hija definittiva jekk din tkun ġiet innotifikata lilu u ġiet ikkunsidrata legali minn korp ta’ reviżjoni indipendenti jew ma tkunx għadha tista’ tiġi suġġetta għal proċedura ta’ reviżjoni. Minn dan isegwi li n-natura li għadha ma hijiex definittiva tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni tiddetermina għalhekk, għal dawn l-offerenti, il-locus standi kontra d-deċiżjoni ta’ għoti (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 74, u d-digriet tas‑17 ta’ Mejju 2022, Estaleiros Navais de Peniche, C‑787/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:414, punt 25). |
|
45 |
L-interess ġuridiku ta’ offerent eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt huwa għalhekk intrinsikament marbut mal-persistenza ta’ interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni li eskludietu minn din il-proċedura. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni li teskludi l-offerta tiegħu, offerent eskluż ma jistax jippretendi li għad fadallu interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt. Tali interess ġuridiku ma jistax jinsilet mill-fatt li l-imsemmi offerent jista’ eventwalment jingħata l-kuntratt fl-ipoteżi fejn, insegwitu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li tniedi proċedura ġdida ta’ għoti (digriet tas‑17 ta’ Mejju 2022, Estaleiros Navais de Peniche, C‑787/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:414, punti 26 u 27). |
|
46 |
L-interess ġuridiku ta’ offerent eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt huwa għalhekk manifestament nieqes meta l-esklużjoni ta’ dan l-offerent tirriżulta minn deċiżjoni li saret definittiva jew għaliex ma għadux possibbli li tkun is-suġġett ta’ rikors kontenzjuż, peress li ma ġietx ikkontestata fit-termini previsti mir-regoli proċedurali nazzjonali, jew minħabba li ntużaw ir-rimedji kollha disponibbli fuq livell nazzjonali. |
|
47 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 55(4) u l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2009/81 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li offerent eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li saret definittiva jista’ jkollu rimedju kontra l-kuntratt konkluż mal-offerent magħżul. |
Fuq l‑ispejjeż
|
48 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 55(4) u l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
jipprekludu li offerent eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li saret definittiva jista’ jkollu rimedju kontra l-kuntratt konkluż mal-offerent magħżul. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.