KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WAHL
ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 2014 ( 1 )
Kawża C‑213/13
Impresa Pizzarotti & C. Spa
vs
Comune di Bari
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja)]
“Kuntratti pubbliċi — Direttivi 93/37/KEE u 2004/18/KE — Kunċett ta’ ‘kuntratt pubbliku għal xogħlijiet’ — Kuntratt li jrid jiġi konkluż dwar il-kiri ta’ bini li għadu ma nbeniex — Portata tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata f’każ ta’ sitwazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni”
|
1. |
Il-proġett tal-bini tal-belt ġudizzjarja l-ġdida ta’ Bari (l-Italja), intiż għar-razzjonalizzazzjoni tal-użu tar-riżorsi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-qrati li jaqgħu taħt id-distrett tagħha bil-ħolqien ta’ sede unika, kien, b’mod paradossali, it-teatru ta’ ħafna kawżi. Dan huwa rifless fil-fatti li taw lok għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari li saret fil-kuntest ta’ kawża speċifikatament bejn Impresa Pizzarotti & C. SpA (iktar ’il quddiem “Pizzarotti”) u l-awtoritajiet Taljani lokalment kompetenti, wara l-avviż għal studju tas-suq li għandu bħala għan it-twettiq ta’ din il-belt ġudizzjarja l-ġdida. Din it-talba hija konkomitanti għal ilment indirizzat lill-Kummissjoni Ewropea mill-Comune di Bari, ilment li ta lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ ksur kontra r-Repubblika Taljana abbażi tal-Artikolu 258 TFUE. |
|
2. |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tippreċiża, b’estensjoni tad-dicta tal-kawża msejħa “KölnMesse” ( 2 ), jekk il-kuntratt ta’ kiri ta’ bini li ser jinbena fil-futur, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqax taħt ir-regoli li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet. Jekk ikun il-każ, u fil-każ li jiġi konkluż li tali klassifikazzjoni tmur kontra deċiżjonijiet ġudizzjarji li kisbu saħħa ta’ res judicata, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddeċiedi dwar il-portata tar-regola ta’ intanġibbiltà ta’ res judicata fil-preżenza ta’ sitwazzjoni kkunsidrata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
I – Il-kuntest ġuridiku
|
3. |
Skont l-għaxar premessa tad-Direttiva 92/50/KEE ( 3 ), il-“kuntratti li jirrelataw għall-akkwist jew il-kiri ta’ proprjetà immobbli jew għal drittijiet fuqhom għandhom karatteristiċi partikolari, li jagħmlu inapproprjata l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ akkwist”. |
|
4. |
L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50 jiddefinixxi l-“kuntratti ta’ servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi]”, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, bħala “kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti, bl-esklużjoni ta’ […] iii) kuntratti għall-akkwist jew il-kiri, bi kwalunkwe mezz finanzjarju, ta’ l-art, ta’ bini eżistenti, jew proprjetà immobbli oħra jew li jikkonċernaw id-drittijiet fuqhom […]”. |
|
5. |
L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37/KEE ( 4 ) jiddefinixxi l‑“kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet]”, għall-finijiet ta’ din id‑direttiva, bħala “kuntratti għal interess tal-flus konklużi bil-kitba bejn il-kuntrattur u l-awtorità ta’ kuntrattar kif definit fil-paragrafu (b), li għandhom bħala għan tagħhom jew l-attwazzjoni, jew l-attwazzjoni u d-disinn flimkien, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet msemmija fl-Anness II jew xogħol definit f’(ċ) taħt, jew l-attwazzjoni, b’kull mod, ta’ xogħol li jikkorrispondi mal-kundizzjonijiet speċifikati mill-awtorità ta’ kuntrattar”. |
|
6. |
Fost l-attivitajiet professjonali msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 93/37, jinsabu, taħt il-klassi 50, il-“BINI U [L-]INĠINERIJA ĊIVILI”. Din il-klassi tinkludi, b’mod partikolari, “Xogħol ta’ bini u [l-]inġinerija civika ġenerali (mingħajr ebda speċifikazzjoni partikolari” (sub-grupp 500.1), kif ukoll il-“Kostruzzjoni ta’ flats, blokki ta’ uffiċċji, sptarijiet u bini ieħor, kemm residenzjali u kemm non-residenzjali” (grupp 501). |
|
7. |
Il-premessa 24 tad-Direttiva 2004/18 ( 5 ) tistabbilixxi li : “Fil-kuntest tas-servizzi, kuntratti għall-akkwist jew kera ta’ proprjetà immobili jew drittijiet għal proprjetà bħal din għandhom karatteristiċi partikolari li jagħmlu l-applikazzjoni għar-regoli ta’ kisba mhux xierqa”. |
|
8. |
Skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva:
[...]. |
|
9. |
Skont l-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Esklużjonijiet speċ[i]fiċi”: “Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti ta’ servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] għal:
[...]”. |
II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
10. |
Il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali, kif jirriżultaw b’mod partikolari mid-deċiżjoni tar-rinviju, huma kkaratterizzati minn kumplessità relattiva. Għall-finijiet tal-analiżi, għandu jissemma dan li ġej. |
|
11. |
Il-kawża prinċipali għandha l-oriġini tagħha fil-pubblikazzjoni, fl-14 ta’ Awwissu 2003, mill-Comune di Bari ta’ avviż pubbliku ta’ studju tas-suq sabiex fl-iqsar żmien possibbli, l-amministrazzjoni ġudizzjarja tingħata sede unika ġdida, idonea u xierqa sabiex tilqa’ l-qrati kollha li jinsabu f’Bari ( 6 ). |
|
12. |
L-avviż kien jeżiġi li l-offerenti jintrabtu li jibdew ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-binjiet qabel il-31 ta’ Diċembru 2003. Barra minn hekk huwa kien jeżiġi indikazzjonijiet ċari u eżawrjenti dwar l-ispejjeż u l-modalitajiet ta’ ħlas mill-amministrazzjoni komunali u mill-Ministeru tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-fatt li r-riżorsi pubbliċi disponibbli kienu jammontaw għal EUR 43.5 miljun, diġà allokati għall-proġett, li magħhom għandhom jiżdiedu EUR 3 miljun li jikkorrispondu għall-ammonti ta’ kirjiet annwali li dak iż-żmien il-Comune di Bari kien iħallas għall-kiri ta’ immobbli li jospitaw il-qrati kkonċernati. Fl-aħħar nett, dan l-avviż kien akkumpanjat minn dokument, li jistabbilixxi qafas ta’ rekwiżiti, stabbilit mill-Qorti tal-Appell ta’ Bari (l-Italja). |
|
13. |
Fost l-erba’ proposti li ġew ippreżentati, dik ta’ Pizzarotti ġiet magħżula mill-Comune di Bari, permezz tad-Deċiżjoni Nru 1045/2003 tat-18 ta’ Diċembru 2003. Din id-deċiżjoni kienet tipprovdi li parti mill-binjiet kienet ser tinbiegħ lil Comune di Bari għall-ammont ta’ EUR 43 miljun u li l-parti l-oħra kienet ser tkun għad-dispożizzjoni tiegħu b’kirja annwali ta’ EUR 3 miljun. |
|
14. |
Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Frar 2004, il-Ministeru tal-Ġustizzja informa lill-Comune di Bari li r-riżorsi pubbliċi disponibbli kienu mnaqqsa għal EUR 18.5 miljun u talbu jivverifika jekk, fid-dawl tal-proposti riċevuti, kienx possibbli li l-proġett jitwettaq xorta fil-limiti ta’ dan il-qafas ekonomiku l-ġdid. Permezz ta’ nota tal-11 ta’ Frar 2004, il-Comune di Bari saqsa lil Pizzarotti jekk kinitx disposta li tkompli l-proċedura li kienet inbdiet. Pizzarotti rrispondiet favorevolment għal din it-talba, billi fformulat mill-ġdid l-offerta tagħha skont it-tnaqqis tar-riżorsi pubbliċi disponibbli. |
|
15. |
Il-finanzjament pubbliku tneħħa kompletament f’Settembru 2004. Pizzarotti ppreżentat lill-Comune di Bari proposta ġdida fejn semmiet il-possibbiltà li jinbnew il-binjiet intiżi għal-kiri, kif kien previst fil-proposta inizjali tagħha. |
|
16. |
Fid-dawl tal-inerzja tal-awtoritajiet komunali, Pizzarotti bdiet proċedura intiża sabiex jiġi ddikjarat li s-silenzju tal-amministrazzjoni huwa illegali u sabiex il-Comune di Bari jiġi obbligat jaġixxi. |
|
17. |
Wara sentenza sfavorevoli tat-Tribunal amministrativo regionale per la Puglia, tat-8 ta’ Frar 2007, il-Consiglio di Stato, permezz tas-sentenza Nru 4267/2007, laqa’ l-appell ta’ Pizzarotti. Billi qies li l-proċedura ma kinitx ġiet magħluqa bl-approvazzjoni tar-riżultat tal-istudju tas-suq, huwa ddeċieda li l-Comune di Bari, “b’osservanza tal-prinċipji ta’ raġonevolezza, ta’ bona fide u ta’ aspettattivi leġittimi, għandu, fl-eżekuzzjoni tal-atti tiegħu, jagħlaq il-proċedura permezz ta’ konklużjoni li tidher xierqa, billi jivverifika, fil-kuntest tal-proposti magħmula, il-possibbiltà li l-bini jinbena fil-limiti tal-kuntest ekonomiku emendat”. |
|
18. |
Adit għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tiegħu Nru 4267/2007, il-Consiglio di Stato, permezz tas-sentenza Nru 3817/2008, ikkonstata l-inerzja tal-Comune di Bari u ordnalu jeżegwixxi fl-intier tiegħu d-dispożittiv tas-sentenza tiegħu Nru 4267/2007 fi żmien 30 ġurnata. Huwa ħatar, f’każ ta’ inerzja estiża, lill-prefett ta’ Bari bħala Commissario ad acta, sabiex jieħu, possibilment anki permezz ta’ persuna delegata, l-azzjonijiet kollha neċessarji għall-eżekuzjoni ta’ din is-sentenza. |
|
19. |
Fil-21 ta’ Novembru 2008, il-Commissario ad acta ddelegat mill-prefett ta’ Bari stabbilixxa l-validità tal-proposti ta’ Pizzarotti u għalhekk ikkonstata li l-proċedura dwar l-istudju tas-suq kienet ġiet konkluża b’mod pożittiv. |
|
20. |
Min-naħa tagħha il-Giunta comunale di Bari temmet il-proċedura mibdija bl-avviż tal-istudju tas-suq, billi sostniet li l-aħħar proposta ta’ Pizzarotti ma kinitx konformi mal-indikazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmi avviż. |
|
21. |
Kemm Pizzarotti kif ukoll il-Comune di Bari ppreżentaw appell quddiem il-Consiglio di Stato. Pizzarotti argumentat li, fin-nuqqas ta’ rabta kuntrattwali sabiex il-Comune di Bari jikri l-bini, dan ma eżegwixxiex b’mod korrett id-digriet li jinsab fis-sentenza Nru 3817/2008. Il-Comune di Bari lmenta n-nuqqas ta’ konstatazzjoni tad-deterjorazzjoni tal-kundizzjonijiet li affettwaw it-twettiq tal-proċedura. |
|
22. |
Permezz tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni Nru 2153/2010, tal-15 ta’ April 2010, il-Consiglio di Stato laqa’ l-appell ta’ Pizzarotti u ċaħad dak tal-Comune di Bari. Fir-rigward tal-azzjoni tal-Commissario ad acta, huwa qies li din, għalkemm kienet xierqa, ma kinitx kompluta, minħabba n-nuqqas ta’ “konklużjoni li tidher xierqa”, fis-sens tas-sentenza Nru 4267/2007. Għalhekk huwa stabbilixxa terminu ta’ 180 ġurnata sabiex tingħalaq il-proċedura għall-adozzjoni tal-atti neċessarji għat-twettiq konkret tal-proposta ta’ Pizzarotti. |
|
23. |
Permezz ta’ att tas-17 ta’ Mejju 2010, il-Commissario ad acta kkonkluda li “l-avviż ta’ studju tas-suq ta’ Awwissu 2003 […] ma kellux riżultat pożittiv”. |
|
24. |
Ippreżentat b’appell ta’ Pizzarotti minn dan l-att, il-Consiglio di Stato, permezz tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni Nru 8420/2010, tat-3 ta’ Diċembru 2010, laqa’ dan l-appell. Filwaqt li enfasizza n-natura inkoerenti tal-konklużjonijiet dwar l-avviż ta’ studju tas-suq li jinsabu, rispettivament, fl-att tal-21 ta’ Novembru 2008 u f’dak tas-27 ta’ Mejju 2010, huwa qies li l-unika konklużjoni li torbot hija dik li tinsab fl-ewwel wieħed minn dawn l-atti. Fir-rigward tal-involviment ta’ xerrej terz u kerrej tal-immobbli li għandhom jiġu allokati għall-belt ġudizzjarja ta’ Bari, kif ukoll tal-att li permezz tiegħu persuna timpenja ruħha tagħti b’kiri, huwa rrileva li l-evalwazzjoni tal-Commissario ad acta ma hijiex ibbażata fuq analiżi profonda u b’hekk kienet tikser l-ordni tal-qorti li kienet li jivverifika l-preżunzjonijiet fattwali u legali tat-twettiq konkret tal-proposta. F’dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ konformità urbana tal-proposta ta’ Pizzarotti, huwa reġa’ kkonferma l-bżonn li l-Commissario ad acta jieħu l-proċeduri neċessarji għall-adozzjoni ta’ din il-proposta, wara verifika tal-preżunzjonijiet leġiżlattivi l-oħra. Konsegwentement, l-att tal-Commissario ad acta ġie annullat għar-raġuni li kien imur kontra l-awtorità ta’ res judicata. |
|
25. |
Sussegwentement, il-Commissario ad acta l-ġdid innominat mill-prefett ta’ Bari implementa l-azzjonijiet kollha neċessarji għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tiegħu, tat-23 ta’ April 2012, ta’ “varjazzjoni tal-pjan ta’ żvilupp urban” dwar il-pjan regolatur ġenerali tal-Comune di Bari f’dak li jirrigwarda l-artijiet ikkonċernati mill-kostruzzjoni tal-belt ġudizzjarja. |
|
26. |
Pizzarotti kkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Consiglio di Stato għaliex din kellha t-tendenza li tevita r-res judicata. |
|
27. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk il-kuntratt għall-kiri ta’ oġġett futur, li għandu jiġi konkluż fil-forma ta’ att li permezz tiegħu persuna timpenja ruħha tagħti b’kiri, huwiex ekwivalenti, minkejja l-presenza ta’ elementi karatteristiċi għal kuntratt ta’ kiri, għal kuntratt għal xogħlijiet li jevita l-applikazzjoni tal-każ ta’ esklużjoni speċifika prevista fl-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva 2004/18. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-portata tat-termini “proprjetà oħra immobbiljari”, li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, kif ukoll dwar is-sinjifikat tal-premessa 24 tal-imsemmija direttiva. |
|
28. |
Fit-tieni lok, jekk ikun preżunt li l-kuntratt inkwistjoni jikkostitwixxi kuntratt għal xogħlijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija tistax tirrendi bla effett ir-res judicata stabbilita, f’dan il-każ, mis-sentenza tiegħu Nru 4267/2007 sa fejn din tal-aħħar wasslet, minħabba deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni ulterjuri u atti tal-Commissario ad acta, għal sitwazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fil‑qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward li, skont il-ġurisprudenza tagħha stess, hija tista’ tikkompleta d-dispożittiv inizjali ta’ waħda mid-deċiżjonijiet tagħha permezz ta’ deċiżjoni ta’ implementazzjoni, li tagħti lok għar-“res judicata li tiżviluppa progressivament”. Hija żżid li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, kif irrikonoxxut permezz tal-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, ma jostakolax l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni għal sitwazzjoni koperta minn tali awtorità. |
|
29. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
30. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Italja u mill-Kummissjoni. |
|
31. |
Inżammet seduta fis-27 ta’ Frar 2014, li għaliha pparteċipaw il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Italja u l-Kummissjoni. |
III – Analiżi
A – Dwar l-ammissibbiltà
|
32. |
Pizzarotti għandha dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, u dan għal żewġ motivi. |
|
33. |
Fl-ewwel lok, hija ssostni li d-Direttiva 2004/18, li hija l-unika waħda msemmija f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ma tapplikax ratione temporis għall-kawża prinċipali. |
|
34. |
Fit-tieni lok, Pizzarotti ssotni li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jista’ jkollha ebda effett fuq id-deċiżjoni tal-kawża prinċipali, li hija kkaratterizzata mill-presenza ta’ diversi deċiżjonijiet ġudizzjarji ( 7 ) li kisbet saħħa ta’ res judicata skont id-dritt nazzjonali Taljan. |
|
35. |
Ebda motiv dwar l-inammissibbiltà mressaq minn Pizzarotti ma jikkonvinċini. |
|
36. |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà għal dan il-każ tad-Direttiva 2004/18, li hija l-unika waħda msemmija mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li ma huwiex suffiċjenti sabiex din it-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ddikjarata inammissibbli. |
|
37. |
Ċertament, kif enfasizzaw b’mod partikolari Pizzarotti u l-Kummissjoni, hija ġurisprudenza stabbilita ( 8 ) li d-data rilevanti sabiex tiġi identifikata l-leġiżlazzjoni applikabbli għal kuntratt pubbliku hija dik li fiha l-awtorità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li hija ser issegwi u tiddeċiedi b’mod definittiv il-kwistjoni dwar jekk hemmx jew le obbligu li tipproċedi bis-sejħa għal offerti minn qabel għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku. F’dan il-każ, minn dan jirriżulta li hija d-deċiżjoni tal-14 ta’ Awwissu 2003 li hija rilevanti ( 9 ). Issa, f’dik id-data, kienet biss id-Direttiva 93/37, moqrija flimkien mad-Direttiva 92/50, li kienet applikabbli. |
|
38. |
Madankollu jiena tal-opinjoni li din l-identifikazzjoni żbaljata tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli f’dan il-każ hija relattiva u mingħajr konsegwenza f’dan il-każ. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet li huma rilevanti, jiġifieri l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37 u l-Artikolu 1(a)(iii) tad-Direttiva 92/50, ġew riprodotti f’termini simili ħafna fid-Direttiva 2004/18, peress li din tal-aħħar kienet tikkonsisti essenzjalment f’riformulazzjoni u simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli sa dakinhar. |
|
39. |
F’tali kuntest — li b’mod ċar la jbiddel il-problema legali mqajma mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas ma jinvolvi analiżi ta’ punti ta’ liġi li ma humiex diskussi fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali ( 10 ), jiena tal-opinjoni li riformulazzjoni tad-domandi, li fir-realtà hija intiża li tikseb l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/37, hija perfettament possibbli. |
|
40. |
Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-motiv ta’ inammissibbiltà bbażat fuq l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li kisbu saħħa ta’ res judicata li jċaħħdu r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja minn kull utilità għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali, dan lanqas ma jista’ jiġi milqugħ. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tal-awtorità jew tas-saħħa ta’ res judicata marbuta mad-deċiżjonijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju tinsab preċiżament fil-qalba tal-problema prevista fit-tieni domanda. Anki jekk ikun preżunt, li bl-argument tagħha, Pizzarotti trid, fir-realtà, tikkontesta wkoll ir-rilevanza tad-domandi mressqa, huwa biżżejjed li jitfakkar li, bħala regola, meta aditi b’kawża, huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi b’mod ieħor biss jekk ikun jidher “b’mod manifest” li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 11 ). Dan ma jidhirx li huwa l-każ. |
|
41. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli. |
B – Dwar l-ewwel domanda: eżistenza ta ’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet fis-sens tad-Direttiva 93/37
1. Espożizzjoni tal-problema
|
42. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tikseb kjarifiki dwar il-klassifikazzjoni ġuridika, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, ta’ kuntratt indikat mal-qorti tar-rinviju bħala “kuntratt li għandu jiġi konkluż għall-kiri ta’ oġġett futur, b’mod partikolari fil-forma, issuġġerita l-iktar reċentement, ta’ att li permezz tiegħu persuna timpenja ruħha tagħti b’kiri”. |
|
43. |
B’mod iktar preċiż għandu jiġi ddeterminat jekk il-proposta indirizzata mill-Comune di Bari lil Pizzarotti, wara l-kanċellament tal-finanzjament pubbliku inizjalment previst (ara l-punti 14 u 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet), għandhiex tkun analizzata bħala intiża għall-konklużjoni ta’ tranżazzjoni ta’ kiri li tevita l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi jew jekk, għall-kuntrarju, hijiex tali li torbot lill-Comune di Bari li jagħti kuntratt pubbliku għal xogħlijiet u għalhekk li jibda proċedura ġdida. |
|
44. |
Essenzjalment, insibu żewġ pożizzjonijiet opposti. |
|
45. |
Pizzarotti u l-Gvern Taljan, sostnuti fuq diversi aspetti mill-Gvern Ġermaniż, isostnu li l-kuntratt previst fil-kawża prinċipali ma jissodisfax il-kriterji ta’ definizzjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet, li jinsabu fil-leġiżlazzjoni applikabbli u li kienu ppreċiżati mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-imsemmi kuntratt jaqa’ taħt l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(a)(iii) tad-Direttiva 92/50 u taħt l-Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2004/18. |
|
46. |
Fl-ewwel lok, huma jsostnu li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax ir-realizzazzjoni ta’ bini, iżda l-kiri ta’ immobbli. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mit-termini tal-avviż ta’ kuntratt u mid-deċiżjoni tal-Comune di Bari, tat-18 ta’ Diċembru 2003, kif ukoll mill-karatteristiċi tal-kuntratt stess li huma tipiċi għal kuntratt ta’ kiri fis-sens tal-Artikolu 1571 tal-Kodiċi Ċivili Taljan u li huma distinti b’mod ċar minn dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza KölnMesse. |
|
47. |
Fit-tieni lok huma jsostnu li fil-kawża prinċipali, il-Comune di Bari ma huwiex obbligat jagħti xi korrispettiv finanzjarju sabiex jikseb provvista ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li tirrispondi għall-interess ekonomiku dirett tiegħu, u għalhekk il-kuntratt huwa nieqes min-natura oneruża. |
|
48. |
Pizzarotti u l-Gvern Taljan isostnu, fit-tielet lok, li l-Comune di Bari ma għandux is-setgħa li jobbliga lil Pizzarotti, permezz ta’ rimedju ġudizzjarju, teżegwixxi x-xogħlijiet. |
|
49. |
Fir-raba’ lok huma jsostnu li l-Comune di Bari, mad-dokument stabbilit mill-Commissione di manutenzione tal-Corte d’Appello ta’ Bari, la annetta speċifikazzjonijiet tekniċi, fis-sens tal-paragrafu 1 tal-Anness III tad-Direttiva 93/37 jew tal-paragrafu 1(a) tal-Anness VI tad-Direttiva 2004/18, u lanqas ma annetta speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 93/37 jew tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2004/18, u dan jikkonferma li l-intenzjoni tiegħu ma kinitx li jagħti kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, iżda li jikseb studju tas-suq, mhux vinkolanti, intiż sabiex jiġbor inizjattivi privati li huwa ppropona li jevalwa b’mod awtonomu u mingħajr ebda obbligu ta’ deċiżjoni. Pizzarotti u l-Gvern Taljan iżidu li, f’kull każ, il-kuntratt imsemmi fil-kawża prinċipali huwa kkaratterizzat min-nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi preċiżi dwar it-tip ta’ xogħlijiet li jridu jsiru bħal dawk osservati fil-kawża KölnMesse. |
|
50. |
Il-Comune di Bari u l-Kummissjoni jqisu, min-naħa tagħhom, li l-kuntratt imsemmi fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37, li l-għoti tiegħu kellu jsir b’osservanza tar-regoli ta’ proċedura u tat-trasparenza previsti mill-imsemmija direttiva. |
|
51. |
Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti żviluppati mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mid-diversi intervenjenti f’din il-proċedura, jirrigwardaw essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżiti mfakkra u ppreċiżati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha KölnMesse, sabiex jiġi kkunsidrat li jeżisti kuntratt pubbliku għal xogħlijiet fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, humiex sodisfatti fil-kawża prinċipali. |
|
52. |
Issa, nirrileva li l-kawża KölnMesse kienet tirrigwarda problema ta’ klassifikazzjoni ġuridika tat-tranżazzjoni inkwistjoni differenti minn dik li tqajjem l-ewwel domanda magħmula f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Fl-imsemmija kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tiddetermina jekk l-aspett tal-“kiri” tal-kuntratt mogħti bejn il-belt ta’ Cologne u Grundstücksgesellschaft Köln Messe 8‑11 GbR kienx jipprevali fuq l-għan ta’ kostruzzjoni ta’ binjiet. L-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(a)(iii) tad-Direttiva 92/50 u fl-Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2004/18 ma kienet bl-ebda mod inkwistjoni. |
|
53. |
Fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-formulazzjoni magħżula mill-qorti tar-rinviju, tqum, qabel xejn, il-kwistjoni dwar jekk it-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw propretajiet li għad iridu jinbnew jistgħux jaqgħu taħt l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet. Dan jimplika li l-qorti tar-rinviju donnha telqet mill-premessa li l-kuntratt imsemmi jirrigwarda kuntratt pubbliku għal servizzi li jista’, fid-dawl tal-aspetti speċifiċi tiegħu, jevita l-applikazzjoni tar-regoli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
|
54. |
Għalhekk, għall-ewwel, ser nesponi għal liema raġunijiet, hemm lok, fl-opinjoni tiegħi, li jiġi kkunsidrat li l-eċċezzjoni inkwistjoni ma tistax, f’kull każ, tkopri binjiet li għadhom ma bdewx jinbnew. |
|
55. |
Madankollu, ladarba jista’ jkun deċiż li għandha, saħansitra lil hinn minn din id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, tingħata deċiżjoni wkoll dwar il-punt jekk ir-rekwiżiti humiex, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, sodisfatti sabiex jiġi kkunsidrat li jeżisti “kuntratt pubbliku għal xogħlijiet” pjuttost milli kuntratt pubbliku għal servizzi, ser nindika b’liema mod, fl-opinjoni tiegħi, hemm lok, u dan b’estensjoni tad-dicta tas-sentenza KölnMesse, li jiġi indirizzata l-abbozz ta’kuntratt ikkontestat fil-kawża prinċipali. |
2. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(a)(iii) tad-Direttiva 92/50 jistipulaw neċessarjament tranżazzjonijiet li jirrigwardaw proprjetà immobbli eżistenti.
|
56. |
Jidhirli li huwa xieraq li jitfakkar parametru prinċipali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk tranżazzjoni taqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi li jirrigwardaw il-koordinazzjoni tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratt pubbliċi: il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għandha l-għan ewlieni li telimina r-restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali u li tiffavorixxi kompetizzjoni effettiva ( 12 ). |
|
57. |
Għalhekk dan l-iskop huwa kompromess meta awtorità kontraenti, mingħajr ma tkun minn qabel implementat il-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratt previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, tobbliga impriża teżegwixxi xogħlijiet jew servizzi, irrispettivament mir-raġunijiet u mill-kuntest tat-twettiq tal-imsemmija xogħlijiet jew servizzi u irrispettivament mil-użu li għalih huma intiżi ( 13 ). |
|
58. |
It-twettiq effettiv tal-imsemmi għan jimplika neċessarjament li l-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni partikolari bħala kuntratt għal xogħlijiet għandha tinftiehem b’mod wiesa’ u, b’mod parallel, li l-każijiet ta’ esklużjoni għandhom, min-naħa tagħhom, jiġu interpretati b’mod restrittiv. |
|
59. |
Dan japplika wkoll fir-rigward tal-esklużjonijiet speċifiċi ta’ ċerti kuntratti pubbliċi għal servizzi previsti fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50 (li huma essenzjalment riprodotti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/18) ( 14 ). Kif jissemma fil-premessa 24 tad-Direttiva 2004/18, huma l-“karatteristiċi partikolari” ta’ ċerti kuntratti li jirrendu inadegwata l-applikazzjoni ta’ regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
|
60. |
F’dak li jirrigwarda l-esklużjoni dwar l-akkwist jew il-kiri ta’ proprjetà immobbli ( 15 ), meħuda f’sens wiesa’, fl-opinjoni tiegħi, din tista’ biss tinkludi proprjetà eżistenti. Is-sejħa għal offerti li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, fil-fatt, ftit għandha sens f’dak li jirrigwarda l-kiri jew il-bejgħ ta’ proprjetà eżistenti partikolari, li, minħabba li hija unika, ma tistax tkun imqabbla ma’ proprjeta oħra. Barra minn hekk, minn ċertu xogħol preparatorju jirriżulta li l-esklużjoni ta’ kuntratti li jirrigwardaw kiri jew akkwist ta’ proprjetà immobbli hija spjegata, oriġinarjament, min-natura lokali u mhux transkonfinali ta’ dawn il-kuntratti ( 16 ). Min-naħa l-oħra, peress li l-attivitajiet inkwistjoni jinvolvu r-realizzazzjoni futura ta’ proprjetajiet immobbli, u għalhekk l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, is-sejħa għal offerti u t-trasparenza meħtieġa minn dawn ir-regoli ma huma bl-ebda mod inadegwati u l-imsemmija regoli huma tali li jistgħu japplikaw. Barra minn hekk, ir-riferiment magħmul fid-dispożizzjonijiet inkwistjoni għal “proprjetà oħra immobbiljari” għandha, fl-opinjoni tiegħi, tinftiehem bħala li tinkludi proprjetà ta’ natura oħra minbarra l-art u l-bini u mhux proprjetajiet li għadhom ma nbnewx. |
|
61. |
Mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni preċiżament fuq il-punt dwar minn liema stadju proprjetà immobbli tibda teżisti, minn dan jirriżulta li l-eċċezzjoni dwar ix-xiri jew il-kiri ta’ “art, bini jew proprjetà oħra immobbiljari” ma tistax, fl-ebda każ, tinkludi proprjetajiet li l-bini tagħhom għadu ma bediex, bħalma jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali. Fil-każ fejn amministrazzjoni pubblika tagħżel, fil-kuntest tal-installazzjoni ta’ ċerti servizzi, forma ta’ xiri jew ta’ kiri ta’ bini li jrid jinbeda, hija għandha tissuġġetta t-tranżazzjoni għall-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti prevista mil-leġiżlazzjoni rilevanti. |
3. Ir-rekwiżiti ta’ eżistenza ta’ kuntratt għal xogħlijiet huma f’kull każ issodisfatti f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali
|
62. |
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod kostanti, il-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni bħala kuntratt pubbliku għal xogħlijiet taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni u għandha tkun indipendenti minn dik ibbażata fuq id-dritt nazzjonali ( 17 ). Lanqas ma huma determinanti għall-finijiet li jiġi deċiż jekk ftehim jew tranżazzjoni taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-klassifikazzjonijiet ġuridiċi li jistgħu jsiru mill-partijiet kontraenti ( 18 ). |
|
63. |
Għalhekk, fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-klassifikazzjoni formali tal-kuntratt inkwistjoni bħala “kuntratt ta’ kiri” ma huwiex element deċiżiv. Bl-istess mod, lanqas ma huwa rilevanti l-fatt li l-kuntratt inkwistjoni għandu, kif isostnu Pizzarotti u l-Gvern Taljan, ċerti karatteristiċi ta’ kuntratt ta’ kiri fis-sens tal-Artikolu 1571 tal-kodiċi ċivili Taljan, ta’ kumpless immobbiljari. |
|
64. |
F’dan il-kuntest, għandha ssir preċiżazzjoni. Ma hijiex kwistjoni li tiġi kkontestata l-libertà li l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali għandhom fl-għażla tal-proċess kuntrattwali li huma jqisu xieraq għat-twettiq ta’ xogħlijiet jew ta’ servizzi, lanqas ma hija kwistjoni li tiġi kkontestata l-legalità tal-użu ta’ ċerti tipi ta’ kuntratti, iżda li jiġu evitati r-riskji ta’ evażjoni tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi li jista’ jirriżulta mill-użu ta’ ċerti formuli kuntrattwali. Fi kliem ieħor, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi ma tippreġudikax il-legalità tal-użu ta’ kuntratt ta’ kiri, għall-kostruzzjoni ta’ bini, sakemm, qabel ma jiġi konkluż, ir-regoli ta’ pubblikazzjoni u ta’ sejħa għal offerti previsti minn din il-leġiżlazzjoni jkunu osservati. |
|
65. |
Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għandu jkun iddeterminat b’riferiment biss għar-rekwiżiti oġġettivi li huma espressament iddefiniti mid-direttivi adottati f’dan il-qasam. |
|
66. |
Qabelxejn, dan jimplika li l-iskopijiet reali jew preżunti li l-awtoritajiet pubbliċi jridu jilħqu ma humiex rilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk kuntratt għandux jiġi kklassifikat bħala kuntratt għal xogħlijiet. Għalhekk ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza, preżunt li tiġi ppruvata, li l-intenzjoni inizjali tal-Comune di Bari kienet biss li jagħti lill-amministrazzjoni tal-ġustizzja sede waħda ġudizzjarja f’Bari, mingħajr ma dan isir neċessarjament permezz tat-twettiq ta’ xogħlijiet. |
|
67. |
Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt ta’ xogħlijiet pubbliċi [kuntratt pubbliku għal xogħlijiet]” li tinsab fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37 jinkludi t-tranżazzjonijiet kollha li fihom kuntratt b’titolu oneruż jiġi konkluż bejn awtorità kontraenti u imprenditur, u li s-suġġett tiegħu jkun il-bini, minn dan tal-aħħar, ta’ “xogħol [bini]” fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tal-istess direttiva. F’dan ir-rigward, il-kriterju essenzjali huwa li dan il-bini jsir skont il-ħtiġijiet speċifikati mill-awtorità kontraenti, filwaqt li l-mezzi li jintużaw għar-realizzazzjoni ta’ dan il-bini ma humiex rilevanti ( 19 ). Sabiex ikun hekk, jeħtieġ li l-awtorità kontraenti tkun adottat miżuri sabiex tiddefinixxi l-karatteristiċi tal-bini jew, minn tal-inqas, li teżerċita influwenza determinanti fuq id-disinn tiegħu ( 20 ). |
|
68. |
Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta kuntratt jinkludi kemm elementi li jikkonċernaw kuntratt pubbliku għal xogħlijiet kif ukoll elementi li jikkonċernaw tip ieħor ta’ kuntratt, huwa s-suġġett prinċipali tal-kuntratt li jiddetermina r-regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli ( 21 ). |
|
69. |
F’dan il-każ, l-atti tal-proċess iwassluni sabiex nikkunsidra li t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippreżenta l-karatteristiċi kollha ta’ kuntratt għal xogħlijiet, peress li fl-aħħar mill-aħħar l-għan prinċipali tagħha huwa l-bini b’titolu oneruż ta’ bini li jirrispondi għall-bżonnijiet speċifikati mill-awtorità kontraenti. |
|
70. |
Fl-ewwel lok, dawn l-atti juru li l-għan tal-proċedura kollha inkwistjoni f’din il-kawża, li nbdiet permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt fl-14 ta’ Awwissu 2003, kien il-kostruzzjoni, skont ix-xewqat espressi mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, ta’ postijiet ġodda intiżi li jintużaw bħala sede waħda għall-qrati li jinsabu f’Bari. |
|
71. |
Qabelxejn dan jirriżulta mill-avviż pubbliku ta’ sejħa għal kuntratt (“Ricerca di Mercato”) tal-14 ta’ Awwissu 2003 li jsemmi b’mod partikolari li “l-offerent, permezz tal-formulazzjoni tal-offerta tiegħu, jintrabat li jibda x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-binjiet qabel il-31 ta’ Diċembru ta’ din is-sena”. |
|
72. |
Barra minn hekk, mid-dokument anness ma’ dan l-avviż ta’ kuntratt, stabbilit mill-Qorti tal-Appell ta’ Bari u approvat mill-commissione di manutenzione [dokument intitolat “Quadra esigenziale” (qafas ta’ rekwiżiti), li r-rilevanza tiegħu għall-finijiet tal-analiżi tal-kuntratt ippjanat ma hijiex ikkontestata ( 22 ), jirriżulta li l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti speċifikaw numru ta’ rekwiżiti strutturali, funzjonali u organizzattivi li l-proġett ta’ belt ġudizzjarja waħda kellu jissodisfa, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni applikabbli u tal-informazzjoni statistika kollha dwar l-attivitajiet ġudizzjarji ta’ Bari. Dawn ir-rekwiżiti, li huma esposti fuq diversi għaxriet ta’ paġni, jidhirli li jmorru ferm lil hinn mir-rekwiżiti normali ta’ kerrej fir-rigward ta’ proprjetà ġdida ta’ ċertu daqs ( 23 ). |
|
73. |
Fl-aħħar nett, id-deliberazzjoni tal-Kunsill Komunali Nru 1045/2003, tat-18 ta’ Diċembru 2003, dwar is-selezzjoni tal-offerta ppreżentata minn Pizzarotti, tagħmel riferiment espress għal “bini ta’ sede unika” tal-qrati. |
|
74. |
B’mod iktar globali, jiena tal-opinjoni li, fis-sens tad-Direttivi 93/37 u 2004/18, l-għan immedjat u għalhekk prinċipali tal-kuntratt dwar bini li l-kostruzzjoni tiegħu għada ma nbditx ma jistax, bħala prinċipju u b’estensjoni tad-dicta tas-sentenza KölnMesse, jiġi analizzat bħala kera ta’ immobbli, u dan irrispettivament mill-forma kuntrattwali magħżula skont id-dritt nazzjonali. L-għan prijoritarju ta’ dan il-kuntratt loġikament seta’ jkun biss il-kostruzzjoni tal-imsemmija binjiet, li sussegwentement kellhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtorità kontraenti permezz ta’ relazzjoni kuntrattwali kklassifikata bħala kuntratt ta’ kiri ( 24 ). |
|
75. |
Sabiex nerġa’ lura għall-kawża prinċipali, jidher li Pizzarotti fl-ebda każ ma setgħet tissodisfa l-obbligu, stipulat fl-abbozz tal-att li permezz tiegħu persuna timpenja ruħha tagħti b’kiri, li tqiegħed għad-dispożizjoni bini speċifiku fiż-żona ddeterminata mingħajr ma qabel tipproċedi bil-kostruzzjoni tiegħu. |
|
76. |
Id-diversi speċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fid-dokumenti ta’ referenza juru li l-awtorità kontraenti ħadet miżuri sabiex tiddetermina l-karatteristiċi tal-bini jew, minn tal-inqas, sabiex teżerċita influwenza deċiżiva fuq id-disinn tiegħu. Dawn l-elementi flimkien mal-ħafna kawżi li rriżultaw min-nuqqas ta’ konklużjoni tal-kuntratt previst fil-kawża prinċipali jenfasizzaw, fl-opinjoni tiegħi, b’mod ċar il-fatt li Pizzarotti ma kinitx disposta li tibni l-bini inkwistjoni fin-nuqqas ta’ bżonnijiet speċifikatament ifformulati mill-Comune di Bari u tal-aċċettazzjoni, minn dan tal-aħħar, tal-proposta ta’ realizzazzjoni fformulata b’risposta għall-avviż pubbliku ta’ studju tas-suq. |
|
77. |
Fit-tieni lok, jidhirli li huwa evidenti wkoll, għalkemm dwar dan il-punt hemm differenzi mal-kawża KölnMesse ( 25 ), li l-kuntratt previst fil-kawża prinċipali kien konkluż b’titolu oneruż. |
|
78. |
Ċertament, huwa minnu li r-remunerazzjoni taħt il-forma ta’ kera annwali li l-Comune di Bari għandu jħallas matul it-18-il sena tal-kuntratt inkwistjoni hija ’l bogħod milli tkopri l-ispejjeż tar-realizzazzjoni tal-bini. |
|
79. |
Din il-konstatazzjoni ma tistax madankollu twassal sabiex tiġi miċħuda n-natura oneruża tal-kuntratt inkwistjoni. |
|
80. |
Fil-fatt, sabiex issir distinzjoni bejn kuntratt pubbliku għal servizzi u kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ( 26 ), u għall-kuntrarju ta’ dak li donnhom jissuġġerrixxu Pizzarotti u l-Gvernijiet tal-Italja u tal-Ġermanja ( 27 ), ebda piż deċiżiv ma jista’ jingħata lill-ammont tal-korrispettiv finanzjarju tas-servizzi ta’ kostruzzjoni. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-element determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ kuntratt huwa s-suġġett prinċipali tiegħu, u mhux l-ammont tar-remunerazzjoni tal-imprenditur jew kif għandu jsir il-ħlas ( 28 ). Il-fatt li l-ħlas ta’ kera annwali matul perijodu ta’ 18-il sena, issa previst mill-kuntratt ippjanat, ma jkoprix l-ispejjeż kollha ta’ realizzazzjoni tal-bini ma jista’ fl-ebda każ jibdel in-natura oneruża tal-kuntratt u, għalhekk iwassal għall-esklużjoni tal-eżistenza ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet. F’dan ir-rigward, il-kisba effettiva ta’ benefiċċju mill-operatur ekonomiku ma tistax tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ kuntratt bħala kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ( 29 ). |
|
81. |
Il-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ “interess ekonomiku dirett għall-awtorità kontraenti” mhux neċessarjament timplika li din tal-aħħar issir proprjetarja tal-bini, peress li din tista’ tkun issodisfatta b’titolu ta’ kera li jqiegħed il-bini għad-dispożizzjoni tal-awtorità pubblika kkonċernata ( 30 ). |
|
82. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kuntratt ta’ kera ta’ bini li ser jinbeda fil-futur, li għandu l-karatteristiċi tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kklassifikat bħala kuntratt pubbliku għal xogħlijiet fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37. |
C – Dwar it-tieni domanda: rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ta ’ kooperazzjoni leali u mill-osservanza tal-awtorità ta ’ res judicata f’sitwazzjoni preżumibilment inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni
|
83. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija tistax tirrendi bla effett l-eventwali res judicata fil-kawża inkwistjoni, sa fejn din ippermettiet il-ħolqien ta’ sitwazzjoni legali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, u għalhekk jekk huwiex possibbli li teżegwixxi res judicata li hija inkompatibbli mal-imsemmi dritt. |
|
84. |
Qabelxejn, irrid naqsam il-perplessità tiegħi dwar l-identifikazzjoni eżatta ta’ dak li skont il-qorti tar-rinviju jikkostitwixxi r-“res judicata”, jiġifieri kemm it-thema decidendum kif ukoll ir-ratio decidendi, li jirriżultaw problematiċi mill-perspettiva tal-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. |
|
85. |
Waqt li huwa magħruf li fl-aħħar mill-aħħar, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina dak li jikkostitwixxi d-deċiżjoni jew deċiżjonijiet ġudizzjarji li jostakolaw l-applikazzjoni b’mod sħiħ tad-dritt tal-Unjoni, in-neċessità li tingħata l-iktar risposta utli possibbli lill-qorti tar-rinviju twassalni nosserva dan li ġej. |
|
86. |
F’dan il-każ, l-unika “res judicata” li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju ( 31 ) hija kkostitwita mis-sentenza tagħha Nru 4267/2007, b’mod iktar preċiż mid-deċiżjoni li tinsab f’dik is-sentenza li tgħid li l-Comune di Bari, “b’osservanza tal-prinċipji ta’ raġonevolezza, ta’ bona fide u ta’ aspettattivi leġittimi, għandu, fl-eżekuzzjoni tal-atti tiegħu, jagħlaq il-proċedura permezz ta’ konklużjoni li tidher xierqa, billi jivverifika, fil-kuntest tal-proposti magħmula, il-possibbiltà li l-bini jinbena fil-limiti tal-kuntest ekonomiku emendat”. |
|
87. |
Jekk, kif jirrileva l-Consiglio di Stato, din id-deċiżjoni “jista’ jkollha soluzzjonijiet ta’ implementazzjoni numerużi u differenti”, huwa, a priori, diffiċli li jinftiehem għal liema raġunijiet l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza hija neċessarjament kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar preċiż għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet. |
|
88. |
Bħalma jsemmi l-Comune di Bari, jidher li l-unika res judicata (definittiva) mill-Consiglio di Stato fis-sentenza Nru 4267/2007 tirrigwarda l-obbligu impost fuqu (kif ukoll fuq il-Commissario ad acta) li jagħlaq il-proċedura mibdija bl-avviż pubbliku ta’ studju tas-suq. Xejn ma jippermetti, a priori, li jiġi eskluż li l-għeluq ta’ din il-proċedura, fis-sens tal-imsemmija sentenza, jista’ jieħu l-forma tat-tnedija ta’ proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratti b’osservanza tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. |
|
89. |
Madankollu, jidher li l-qorti tar-rinviju, minn tal-inqas parzjalment ( 32 ), qablet mal-interpretazzjoni mressqa minn Pizzarotti li tgħid li din is-sentenza u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li segwewha għandhom ikunu interpretati bħala li jimponu l-konklużjoni tal-kuntratt “ta’ kiri” previst ma’ Pizzarotti, li huwa tali li jiġġenera sitwazzjoni kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, jidher li kienet ingħatat ċerta awtorità lid-deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni meħuda mill-Commissario ad acta (ara d-Deċiżjoni Nru 8420/2010). Issa, skont l-interpretazzjoni tiegħi tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva Taljan, il-qorti għandha teżamina l-kwistjonijiet kollha dwar l-implementazzjoni korretta, inkluż dawk li jirriżultaw mill-atti tal-Commissario ad acta, meta dan tal-aħħar jaġixxi fil-kwalità ta’ uffiċjal awżiljarju tal-qorti. |
|
90. |
Barra minn hekk, għalkemm jidher li, kif donnu jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva ( 33 ), kif interpratati mill-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar għandha s-setgħa li tikkompleta d-dispożittiv tas-sentenza Nru 4267/2007, u tagħti lok għal dik ikklassifikata bħala “res judicata li tiżviluppa progressivament”, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi konkluż li l-prinċipju ta’ intanġibbiltà ta’ res judicata huwa kkontestat. Fil-fatt, peress li l-korp ġudizzjarju għandu s-setgħa li jippreċiża jew imur lura minn deċiżjoni meħuda preċedentement, din il-possibbiltà għandha tkun irrikonoxxuta taħt l-istess kundizzjonijiet sabiex tiġi żgurata applikazzjoni b’mod sħiħ tad-dritt tal-Unjoni. |
|
91. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti nazzjonali li fl-aħħar mill-aħħar għandha tagħti preferenza, fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jistgħu jingħataw diversi interpretazzjonijiet, lil dik li tiggarantixxi li l-amministrazzjoni taġixxi skont id-dritt tal-Unjoni. |
|
92. |
Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tasal biex tikkonkludi li applikazzjoni tajba tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet tmur neċessarjament kontra r-res judicata permezz tas-sentenza tagħha Nru 4267/2007 jew permezz ta’ deċiżjonijiet sussegwenti ( 34 ), ħaġa li hija biss għandha s-setgħa li tivverifika, il-modalitajiet tal-implementazzjoni tal-awtorità ta’ res judicata jaqgħu taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
|
93. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ripetutament l-importanza li għandu l-prinċipju ta’ res judicata, kemm fis-sistema legali tal-Unjoni kif ukoll fis-sistemi legali nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tal-liġi u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li ma jkunx iktar possibbli li jiġu kkonfutati deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ntużaw ir-rimedji kollha disponibbli jew wara li jkunu skadew it-terminu previst għal dawn ir-rimedji ( 35 ). Għalhekk id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jikkonferixxu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni, anki li kieku dan ikun jippermetti li jiġi rimedjat ksur tad-dritt tal-Unjoni mid-deċiżjoni inkwistjoni ( 36 ). |
|
94. |
Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, ir-regoli dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ res judicata jaqgħu fi ħdan is-sistema legali interna tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, ir-regoli proċedurali ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu strutturati b’tali mod li jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) ( 37 ). |
|
95. |
It-tbegħid mill-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata li donnha tikkostitwixxi s-sentenza Lucchini ( 38 ) kien limitat mill-Qorti tal-Ġustizzja stess bħala li jikkonċerna qasam partikolari ħafna tal-għajnuna mill-Istat. |
|
96. |
Fil-fatt f’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li peress li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri tal-għajnuna mill-Istat jew ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti Komunitarja, id-dritt Komunitarju jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li għandha l-għan li tistabbilixxi l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata bħalma huwa l-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, sa fejn l-applikazzjoni tagħha tostakola l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur tad-dritt Komunitarju, u li l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq komuni tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li saret definittiva ( 39 ). |
|
97. |
L-aspetti partikolari tal-kawża Lucchini kienu enfasizzati wkoll fis-sentenza Fallimento Olimpiclub ( 40 ) li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-imsemmija kawża kienet tirrigwarda sitwazzjoni effettivament limitata li fiha kienu inkwistjoni prinċipji li jirregolaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Komunità Ewropea fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, peress li l-Kummissjoni kellha kompetenza esklużiva sabiex teżamina l-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni. |
|
98. |
Dwar l-analoġija magħmula bejn l-obbligi, kif ippreċiżat b’mod partikolari fis-sentenza Kühne & Heitz ( 41 ), tal-korpi amministrattivi skont id-dmir ta’ kooperazzjoni leali tagħhom u dawk li għandhom, skont l-istess dmir, il-qrati nazzjonali, din ma tikkonvinċinix. |
|
99. |
Ċertament, l-osservanza kemm tan-natura definittiva ta’ deċiżjoni amministrattiva kif ukoll tal-awtorità marbuta ma’ deċiżjoni ġudizzjarji huma bbażati fuq in-neċessità, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li tkun ippreżervata l-istabbilità tas-sitwazzjonijiet legali. Bl-istess mod, il-kawża prinċipali hija marbuta ma’ sitwazzjoni singulari fejn, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Consiglio di Stato, huwa jista’ jikkompleta d-dispożittiv ta’ waħda minn dawn id-deċiżjonijiet li kisbet natura definittiva u, jekk ikun il-każ, imur lura minn deċiżjonijiet meħuda fl-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet mill-Commissario ad acta. |
|
100. |
Madankollu, jekk jiġi preżunt li din il-possibbiltà tista’ titqies bħala li tistabbilixxi attenwazzjoni tal-intanġibbiltà tal-awtorità tar-res judicata definittiva, fatt li ma ġiex stabbilit b’mod ċar (ara l-punt 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet), teżisti differenza sinjifikattiva bejn il-possibbiltà ta’ analiżi mill-ġdid ta’ deċiżjoni amministrattiva li saret definittiva u l-possibbiltà li tmur lura minn deċiżjoni ġudizzjarja li kisbet saħħa ta’ res judicata. L-obbligu, taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-korp amministrattiv għandu li jmur lura minn deċiżjoni amministrattiva li saret definittiva, stabbilit mis-sentenza Kühne & Heitz (EU:C:2004:17), huwa bbażat fuq il-premessa li tali eżami mill-ġdid ma huwiex ta’ natura li jippreġudika lil terzi. Din il-kundizzjoni ma jidhirlix li hija ssodisfatta fir-rigward tar-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li għandhom awtorità ta’ res judicata. Barra minn hekk, jiena tal-opinjoni li din is-sentenza tista’, fl-aħħar mill-aħħar, tinftiehem bħala applikazzjoni tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza fid-dawl tal-possibbiltà, rrikonoxxuta fid-dritt intern, li tmur lura, taħt ċerti kundizzjonijiet, minn deċiżjonijiet amministrattivi li saru definittivi. |
|
101. |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, meta deċiżjoni ġudizzjarja, jekk ikun il-każ permezz tal-effetti ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ulterjuri, ħolqot sitwazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju, il-qorti nazzjonali ma għandiex tmur lura minnha. |
|
102. |
Barra minn hekk, teżisti possibbiltà li sitwazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni tiġi rimedjata. Fil-fatt, fil-każ fejn is-saħħa ta’ res judicata tirrendi impossibbli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tibqa’ disponibbli l-possibbiltà ta’ kawża għall-kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi ( 42 ). |
|
103. |
Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-qorti nazzjonali biss għandha tiddetermina t-termini eżatti ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li kisbet saħħa ta’ res judicata. Il-modalitajiet ta’ implementazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li kisbet saħħa ta’ res judicata jaqgħu taħt is-sistema legali interna tal-Istati Membri, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Fil-każ fejn il-qorti nazzjonali għandha, skont regoli nazzjonali, is-setgħa li tikkompleta, jew saħansitra li tissostitwixxi, it-termini tar-res judicata, hija għandha teżerċitahom għall-finijiet ta’ implementazzjoni xierqa tad-dritt tal-Unjoni. |
IV – Konklużjoni
|
104. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑536/07, EU:C:2009:664, iktar ’il quddiem is-“sentenza KölnMesse”).
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322).
( 4 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163).
( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).
( 6 ) Dan l-avviż kien ippubblikat, b’mod partikolari, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew, tat-23 ta’ Awwissu 2003 (ĠU S 161).
( 7 ) Pizzarotti tirreferi għal żewġ deċiżjonijiet: l-ewwel hija dik tat-Tribunale amministrattivo regionale per la Puglia, tat-18 ta’ Mejju 2004, li, fid-deċiżjoni dwar rikors introdott mill-offerent tellief, ġie deċiż li l-avviż ta’ studju tas-suq kellu natura purament esplorattiva intiża sabiex jinstabu soluzzjonijiet xierqa għall‑ħolqien tal-belt ġudizzjarja ta’ Bari, u konsegwentement ma jwassal għal ebda obbligu tal-amministrazzjoni komunali li sussegwentement tagħti kuntratt għal xogħlijiet. It-tieni hija s-sentenza Nru 4267/2007 tal-Consiglio di Stato, li obbligat lill-imsemmija amministrazzjoni tkompli l-proċedura mibdija billi tikkonkludi ma’ Pizzarotti kuntratt għall-kiri ta’ oġġett futur..
( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑576/10, EU:C:2013:510, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 9 ) Kif semma l-Consiglio di Stato, “l-istudju tas-suq imwettaq mill-Comune di Bari, l-għażla, fit-tmiem ta’ dan, ta’ proġett elaborat mill-impriża Pizzarotti, is-sottomissjoni ta’ dan il-proġett lill-Ministeru tal-Ġustizzja u n-nota Nru 249, tal-4 ta’ Frar 2004 ta’ din l-awtorità, jikkostitwixxu wkoll stadji ta’ proċedura kumplessa intiża għat-twettiq ta’ belt ġudizzjarja ġdida”.
( 10 ) F’dan is-sens il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod kostanti li hija għandha l-missjoni li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jkollhom bżonn sabiex jiddeċiedu kawżi mressqa quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex indikati b’mod espress fid-domandi magħmula lilha minn dawn il-qrati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Fuß, C‑243/09, EU:C:2010:609, punt 39, u Worten, C‑342/12, EU:C:2013:355, punt 30).
( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fish Legal u Shirley (C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 30).
( 12 ) Ara t-tieni u l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/37 kif ukoll il-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18.
( 13 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Auroux et (C‑220/05, EU:C:2006:410, punt 43).
( 14 ) Ara wkoll, l-Artikolu 10(a) tad-Direttiva reċenti 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18 (ĠU L 94, p. 65).
( 15 ) Artikolu 1(a)(iii) tad-Direttiva 92/50 u Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2004/18.
( 16 ) Ara, b’mod partikolari, l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ Direttiva tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi, ippreżentata fis-6 ta’ Diċembru 1990, [COM(90) 372 finali — SYN 293).
( 17 ) Ara s-sentenza Auroux et (C‑220/05, EU:C:2007:31, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 18 ) Sentenza KölnMesse (punt 54).
( 19 ) Sentenza KölnMesse (punt 55).
( 20 ) Sentenza Helmut Müller (C‑451/08, EU:C:2010:168, punt 67).
( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza KölnMesse (punt 57).
( 22 ) L-abbozz tal-att li permezz tiegħu persuna timpenja ruħha tagħti b’kiri, datat Mejju 2012, jirreferi, b’mod partikolari fil-premessa 10 u fl-Artikolu 7 tiegħu, għal dan il-qafas ta’ rekwiżiti.
( 23 ) Sentenza KölnMesse (punt 58).
( 24 ) Ibidem (punt 56).
( 25 ) F’din il-kawża, il-Gvern Ġermaniż kien semma ċ-ċirkustanza li l-ammont totali li kellu jitħallas lil Grundstücksgesellschaft Köln Messe 8‑11 GbR bħala kera, li kien jammonta għal madwar EUR 600 miljun, kien ferm superjuri għall-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-binjiet, li kienu jammontaw għal madwar EUR 235 miljun.
( 26 ) U dan b’differenza għad-distinzjoni bejn kuntratt pubbliku għal servizzi u kuntratt pubbliku għal provvisti [ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/50 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 2004/18].
( 27 ) Huma jirreferu, b’mod partikolari, għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑536/07, EU:C:2009:340) li jissuġġerixxu li jsir ukoll “paragun tal-ispejjeż rispettivi” (punt 105).
( 28 ) Ara s-sentenza KölnMesse (punt 61).
( 29 ) Sentenza Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et (C‑159/11, EU:C:2012:817).
( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Helmut Müller (EU:C:2010:168, punti 50 u 51).
( 31 ) U dan anki jekk il-partijiet jidhru li talbu l-konformità mas-sentenza Nru 8420/2010.
( 32 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-espożizzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Consiglio di Stato b’reazzjoni, b’mod partikoli, għall-azzjonijiet tal-Commissario ad acta, tas-27 ta’ Mejju 2010 (punti 23 sa 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 33 ) Digriet Leġiżlattiv Nru 104, tat-2 ta’ Lulju 2010 (GURI Nru 156, tas-7 ta’ Lulju 2010).
( 34 ) Fil-fatt il-Consiglio di Stato jagħti x’jifhem li huma d-deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni tiegħu (tal-15 ta’ April 2010 u tat-3 ta’ Diċembru 2010), li jirrigwardaw l-attivitajiet tal-Commissario ad acta, li wasslu għal sitwazzjoni li potenzjalment tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, peress li ordnaw l-adozzjoni ta’ atti neċessarji għall-konklużjoni tal-kuntratt għall-kiri ta’ oġġett futur li din l-impriża kienet issuġġettat lill-amministrazzjoni bħala l-aħħar proposta wara t-tibdil fil-qafas ekonomiku li seħħ fl-2004.
( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 38); Kapferer (C‑234/04, EU:C:2006:178, punt 20) u Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 22).
( 36 ) Sentenzi Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 48); Kapferer (EU:C:2006:178, punt 21) u Fallimento Olimpiclub (EU:C:2009:506, punt 23).
( 37 ) Sentenzi Kapferer (EU:C:2006:178, punt 22) u Fallimento Olimpiclub, (EU:C:2009:506, punt 24).
( 38 ) C‑119/05, EU:C:2007:434.
( 39 ) Ibidem (punti 62 u 63).
( 40 ) Sentenza Fallimento Olimpiclub (EU:C:2009:506, punt 25).
( 41 ) Sentenza Kühne & Heitz (C‑453/00, EU:C:2004:17, punt 28). Ara, ukoll, is-sentenzi i-21 Germany u Arcor (C‑392/04 u C‑422/04, EU:C:2006:586, punti 51 sa 55), u Kempter (C‑2/06, EU:C:2008:78).
( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Köbler (EU:C:2003:513, punti 51 et seq.).