Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
12 ta’ Novembru 2026 (*)
“Rikors għal annullament – Regolament (UE) 2023/851 – Tisħiħ tal-istandards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 għall-karozzi ġodda tal-passiġġieri u għall-vetturi kummerċjali ħfief ġodda – Punti (a) u (b) tal-Artikolu 1(1) – Emenda tar-Regolament (UE) 2019/631 – Bażi legali tar-Regolament 2023/851 – Determinazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti ta’ dan ir-regolament – Artikolu 192(1) TFUE – Punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE – Miżuri li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu – Benesseri tal-popli tal-Unjoni Ewropea – Promozzjoni tal-ġustizzja soċjali, tal-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri – Promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg u tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali – Nondiskriminazzjoni bbażata fuq il-ġid – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Regolarità tal-analiżi tal-impatt tar-Regolament 2023/851”
Fil-Kawża C‑444/23,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fis‑17 ta’ Lulju 2023
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,
rikorrenti,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn W. Kuzmienko, L. Taïeb, bħala aġenti,
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn R. Boucquey, A. Maceroni, M. Moore, K. Pleśniak u A. Sikora-Kalėda, bħala aġenti, sussegwentement minn R. Boucquey, A. Maceroni u M. Moore, bħala aġenti, u fl-aħħar nett minn A. Maceroni u M. Moore, bħala aġenti,
konvenuti,
sostnuti minn:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. De Meester, D. Milanowska, M. Owsiany-Hornung u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, Z. Csehi, M. Gavalec (Relatur) u F. Schalin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla r-Regolament (UE) 2023/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ April 2023 fir-rigward tat-tisħiħ tal-istandards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 għall-karozzi ġodda tal-passiġġieri u għall-vetturi kummerċjali ħfief ġodda f’konformità mal-ambizzjoni klimatika akbar tal-Unjoni (ĠU 2023, L 110, p. 5, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
2 Fid‑9 ta’ Mejju 1992 ġiet adottata fi New York (l-Istati Uniti) il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1771, p. 107, iktar ’il quddiem l-“UNFCCC”), li l-Artikolu 3 tagħha, intitolat “Prinċipji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“[I]l-Partijiet għandhom iħarsu s-sistema tal-klima għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri tal-bniedem, a bażi tal-ekwità u skont ir-responsabbiltajiet komuni iżda differenti u l-kapaċitajiet rispettivi. Għalhekk, il-pajjiżi żviluppati għandhom jibdew imexxu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-effetti avversi tiegħu”.
3 Il-Ftehim ta’ Pariġi, adottat fit‑12 ta’ Diċembru 2015, abbażi tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU 2016, L 282, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Pariġi”), ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal‑5 ta’ Ottubru 2016 (ĠU 2016, L 282, p. 1).
4 L-Artikolu 2(2) ta’ dan il-ftehim jipprevedi:
“Dan il-Ftehim sejjer jiġi implimentat biex jirrifletti l-ekwità u l-prinċipju ta’ responsabbiltajiet komuni iżda differenzjati u kapaċitajiet rispettivi, fid-dawl ta’ ċirkostanzi nazzjonali differenti.”
Id-dritt tal-Unjoni
It-Trattat UE
5 L-Artikolu 3 TUE jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:
“1. Il-mira ta’ l-Unjoni [Ewropea] hija li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri tal-popli tagħha.
[...]
3. L-Unjoni għandha tistabbilixxi suq intern. Hija għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli ta’ l-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ mpjieg u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent. Hija għandha tippromwovi l-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku.
Hija għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal.
Hija għandha tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.
[...]”
6 L-Artikolu 5 TUE jipprovdi fil-paragrafu 4 tiegħu:
“Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-kontenut u l-forma ta’ l-azzjoni ta’ l-Unjoni m’għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati.
L-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom japplikaw il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fil-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.”
7 Skont l-Artikolu 6(1) TUE:
“L-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2000, kif adattata fit-12 ta’ Diċembru 2007 ġo Strasburgu [iktar ’il quddiem il- ‘Karta’], li għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati.
[...]”
It-Trattat FUE
8 L-Artikolu 9 TFUE jipprevedi:
“Fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. ”
9 L-Artikolu 11 TFUE huwa fformulat kif ġej:
“Il-ħtiġijiet għall-ħarsien ta’ l-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet ta’ l-Unjoni,partikolarment bl-għan li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli.”
10 Skont l-Artikolu 191(2) u (3) TFUE:
“2. Il-politika ta’ l-Unjoni dwar l-ambjent għandha jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni ta’ l-Unjoni. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f'ras il-għajn u li min iniġġeż għandu jħallas.
F’dan il-kuntest, il-miżuri ta’armonizzazzjoni li jirrispondu għall-ħtiġijiet ta’ protezzjoni ambjentali għandhom jinkludu, fejn xieraq, klawsola ta’ salvagwardja li tħalli l-Istati Membri li jieħdu miżuri provviżorji għal raġunijiet ambjentali non-ekonomiċi, suġġett għall-proċedura ta’ monitoraġġ mill-Unjoni.
3. Fil-preparazzjoni tagħha tal-politika dwar l-ambjent, l-Unjoni għandha tieħu in konsiderazzjoni:
– [data] xjentifi[ka] u tekni[ka] eżistenti;
– kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni differenti ta’ l-Unjoni;
– vantaġġi u l-piżijiet li jistgħu jirriżultaw minn azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni;
– iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ l-Unjoni in ġenerali u l-iżvilupp bilanċjat tar-reġjuni tagħha.”
11 L-Artikolu 192(1) u l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE huma fformulati kif ġej:
“1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [Ewropew] u lill-Kumitat [Ewropew] tar-Reġjuni, għandhom jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni sabiex twettaq l-objettivi msemmija fl-Artikolu 191.
2. B’deroga għall-proċedura ta’ deċizjoni prevista fil-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 114, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’mod unanimu skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jadotta:
[...]
c) miżuri li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-għażla ta’ Stat Membru bejn fonti differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ l-enerġija.”
Il-Karta
12 L-Artikolu 21 tal-Karta jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita.”
Ir-Regolament (UE) 2018/1999
13 Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2018, L 328, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Ġunju 2021 (ĠU 2021, L 243, p. 1), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal din il-kawża, jinkludi l-Artikoli 4 u 5, rispettivament intitolati “Objettivi, miri u kontributi nazzjonali għall-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija”, u “Il-proċess tal-istabbiliment tal-kontributi tal-Istati Membri fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli”.
Id-Direttiva (UE) 2018/2001
14 Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2022, L 41, p. 37, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42 u fil-ĠU L, 2025/90854), tinkludi l-Artikolu 3, intitolat “Mira ġenerali vinkolanti tal-Unjoni għall‑2030”, li l-paragrafi 1 u 5 tiegħu jipprevedu:
“1. L-Istati Membri għandhom kollettivament jiżguraw li s-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-Unjoni fl-2030 ikun ta’ mill-inqas 32 %. [...]
[...]
5. Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-ambizzjoni kbira tal-Istati Membri permezz ta’ qafas abilitanti li jinkludi l-użu aħjar tal-fondi tal-Unjoni inkluż il-fondi addizzjonali għall-faċilitazzjoni ta’ tranżizzjoni ġusta tar-reġjuni b'użu intensiv tal-karbonju lejn iżjed ishma ta’ enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari strumenti finanzjarji [...]”
Ir-Regolament (UE) 2019/631
15 Il-premessi 3, 4, 17, 27 u 51 tar-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 (ĠU 2019, L 111, p. 13), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1961 tal‑5 ta’ Awwissu 2021 (ĠU 2021, L 400, p. 14) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2019/631”), jipprovdu:
“(3) Il-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi, fost l-oħrajn, mira fit-tul li hija konformi mal-objettiv li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm ferm aktar baxxa minn 2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u biex jitkomplew l-isforzi biex tinżamm sa 1,5 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali. L-aħħar konstatazzjonijiet xjentifiċi rrappurtati mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) fir-rapport speċjali tiegħu dwar l-impatti tat-tisħin globali ta’ 1,5 °C 'il fuq mil-livelli preindustrijali u l-perkorsi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra [iktar ’il quddiem il-“GES”] globali relatati jikkonfermaw bla ebda dubju l-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima. Dak ir-rapport speċjali jikkonkludi li t-tnaqqis fl-emissjonijiet fis-setturi kollha huwa kruċjali biex jiġi limitat it-tisħin globali.
(4) Sabiex jingħata kontribut għall-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, jeħtieġ li titħaffef it-trasformazzjoni tas-settur kollu tat-trasport biex l-emissjonijiet jinżlu għal żero, [...] biex titwettaq it-tranżizzjoni għal emissjonijiet ta’ gassijiet serra [GES] żero netti sal‑2050. L-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja prodotti mit-trasport li huma ta’ dannu sinifikanti għas-saħħa tagħna u għall-ambjent jenħtieġ li jitnaqqsu b'mod drastiku bla dewmien. L-emissjonijiet mill-vetturi b’magni tal-kombustjoni konvenzjonali jeħtieġ li jkomplu jitnaqqsu wara l-2020. Il-vetturi b’livell ta’ emissjonijiet baxxi jew żero jeħtieġ li jidħlu u jżidu s-sehem tagħhom fis-suq sal-2030. Wara l-2030, se jkun hemm bżonn tnaqqis ulterjuri fl-emissjonijiet ta’ [diossidu tal-karbonju (CO2)] għall-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfief.
[...]
(17) Jenħtieġ għalhekk li jiġu stabbiliti miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-flotot tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali ħfief fl-Unjoni kollha għall‑2025 u l‑2030, filwaqt li jitqies il-perjodu ta’ żmien biex tiġġedded il-flotta tal-vettura u l-ħtieġa biex is-settur tat-trasport bit-triq jikkontribwixxi għall-miri tal-klima u tal-enerġija tal‑2030. Dak l-approċċ fi stadji jipprovdi wkoll sinjal ċar u bikri għall-industrija awtomobilistika biex ma tittardjax l-introduzzjoni fis-suq ta’ teknoloġiji għall-enerġija effiċjenti u vetturi b’livell ta’ emissjonijiet baxxi jew żero.
[...]
(27) Dan ir-Regolament għandu l-għan li jilħaq l-objettivi tiegħu billi, fost l-oħrajn, joħloq inċentivi biex l-industrija awtomobilistika tinvesti f'teknoloġiji ġodda. Dan ir-Regolament jippromwovi attivament l-ekoinnovazzjoni [...]
[...]
(51) Fl‑2024 ser isir rieżami tal-progress magħmul taħt ir-Regolament (UE) 2018/842 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU 2018, L 156, p. 26,] u d-Direttiva 2003/87/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631)]. Huwa għalhekk xieraq li l-effikaċja ta’ dan ir-Regolament tiġi rrieżaminata fid-dettall fl-2023 biex ikun jista’ jkun hemm valutazzjoni koordinata u koerenti tal-miżuri implimentati taħt dawk l-istrumenti kollha. F’dak ir-rieżami tal‑2023, jenħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika wkoll perkors ċar għal tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet ta’ CO2 għall-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfief lil hinn mill‑2030 sabiex jingħata kontribut sinifikanti biex jintlaħaq l-għan fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi. Meta jkun xieraq, jenħtieġ li r-rapport dwar dak ir-rieżami jkun akkumpanjat minn proposta li temenda dan ir-Regolament.”
16 L-Artikolu 1 tar-Regolament 2019/631, intitolat “Suġġett u għanijiet”, jipprevedi, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu:
“4. Mill-1 ta’ Jannar 2035, għandhom japplikaw il-miri li ġejjin għall-flotta kollha tal-UE:
(a) għall-emissjonijiet medji tal-flotta l-ġdida tal-karozzi tal-passiġġieri, mira għall-flotta kollha tal-UE ugwali għal tnaqqis ta’ 15 % tal-mira fl‑2021 iddeterminata f'konformità mal-Parti A, il-punt 6.1.1, tal-Anness I;
(b) għall-emissjonijiet medji tal-flotta ta’ vetturi kummerċjali ħfief, mira għall-flotta kollha tal-UE ugwali għal tnaqqis ta’ 15 % tal-mira fl-2021, stabbilita skont il-punt 6.1.1 tal-Parti B tal-Anness I.
5. Mill‑1 ta’ Jannar 2030 għandhom japplikaw il-miri li ġejjin għall-flotta kollha tal-UE:
(a) għall-emissjonijiet medji tal-flotta ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri, mira għall-flotta kollha tal-UE ugwali għal tnaqqis ta’ 37,5 % tal-mira fl-2021, stabbilita skont il-punt 6.1.2 tal-Parti A tal-Anness I;
(b) għall-emissjonijiet medji tal-flotta ta’ vetturi kummerċjali ħfief, mira għall-flotta kollha tal-UE ugwali għal tnaqqis ta’ 31 % tal-mira fl‑2021, stabbilita skont il-punt 6.1.2 tal-Parti B tal-Anness I.”
Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima
17 Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU 2021, L 243, p. 1), jinkludi l-Artikolu 2 intitolat “Objettiv tan-newtralità klimatika”, li l-paragrafu 1 tiegħu huwa fformulat kif ġej:
“L-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ [GES] madwar l-Unjoni rregolati mil-liġi tal-Unjoni għandhom jiġu bbilanċjati fi ħdan l-Unjoni sa mhux iktar tard mill‑2050, biex b’hekk l-emissjonijiet netti jitnaqqsu għal żero sa dik id-data, u l-Unjoni għandu jkollha l-għan li sussegwentement tikseb emissjonijiet negattivi.”
18 L-Artikolu 4 ta’ din il-liġi, intitolat “Miri klimatiċi tal-Unjoni intermedji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Sabiex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1), il-mira klimatika vinkolanti tal-Unjoni għall-2030 għandha tkun tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet netti tal-[GES] (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
Meta jkunu qegħdin jimplimentaw il-mira msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lit-tnaqqis tal-emissjonijiet rapidu u prevedibbli u, fl-istess ħin, isaħħu l-assorbimenti minn bjar naturali.
[...]”
Ir-Regolament ikkontestat
19 Il-premessi 1 sa 3, 7, 9, 10, 12 sa 15, 17, u 20 sa 22 tar-Regolament ikkontestat jipprovdu:
“(1) Il-Ftehim ta’ Pariġi [...] daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Novembru 2016. Il-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi qablu li jżommu ż-żieda fit-temperatura medja globali sew taħt 2°C 'il fuq mil-livelli preindustrijali u jagħmlu sforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura sa 1.5°C 'il fuq mil-livelli preindustrijali. Dak l-impenn issaħħaħ bl-adozzjoni skont il-UNFCCC tal-Patt Klimatiku ta’ Glasgow fit‑13 ta’ Novembru 2021, li fih il-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC, li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi, tirrikonoxxi li l-impatti tat-tibdil fil-klima ser ikunu ħafna aktar baxxi b'żieda fit-temperatura ta’ 1.5 C, meta mqabbla ma' 2 C, u ddeċidiet li tkompli bl-isforzi biex tillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1.5 C.
(2) L-indirizzar tal-isfidi relatati mal-klima u mal-ambjent u l-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi huma fil-qalba tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar ‘Il-Patt Ekoloġiku Ewropew’ (il-‘Patt Ekoloġiku Ewropew’). [...]
(3) Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jgħaqqad sett komprensiv ta’ miżuri u inizjattivi ta’ tisħiħ reċiproku mmirati lejn il-kisba tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sal-2050, u jistabbilixxi strateġija ġdida ta’ tkabbir iffokata fuq it-trasformazzjoni tal-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b'ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva, b’industriji vibranti, li jibqgħu mexxejja dinjija fis-segmenti rispettivi tagħhom u muturi tal-innovazzjoni globali, filwaqt li jiżguraw impjiegi ta’ kwalità b’remunerazzjoni għolja fl-Unjoni. Huwa għandu l-għan ukoll li jipproteġi, jikkonserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni, u jipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u minn impatti relatati mal-ambjent. [...] [I]t-tranżizzjoni ser taffettwa b’mod differenti r-reġjuni tal-Unjoni, speċjalment ir-reġjuni periferiċi u ultraperiferiċi li huma strutturalment żvantaġġati. Għalhekk irid jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tkun ġusta u inklużiva, u ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura.
[...]
(7) It-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi jenħtieġ li jindirizzaw ukoll l-importanza tad-dimensjoni soċjali biex jiġi żgurat li l-mobbiltà tkun affordabbli u aċċessibbli għal kulħadd, speċjalment għal dawk li jivvjaġġaw mingħajr aċċess għal trasport pubbliku ta’ kwalità jew soluzzjonijiet oħra ta’ mobbiltà. Standards ta’ CO2 aktar ambizzjużi għall-karozzi tal-passiġġieri u għall-vetturi kummerċjali ħfief mistennija jaċċelleraw l-adozzjoni ta’ vetturi b'emissjonijiet żero, iżidu l-affordabbiltà tagħhom u jaċċelleraw ukoll id-dekarbonizzazzjoni tas-suq tal-oġġetti użati fis-segmenti kollha, b’benefiċċji akbar għall-konsumaturi b’introjtu baxx u medju. Meta jiġu adottati dawn l-istandards huwa importanti wkoll li jitqiesu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali sinifikanti tat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi u l-ħtieġa li jiġu salvagwardati l-impjiegi u tiġi ppreservata l-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni.
[...]
(9) Sabiex jinkiseb tnaqqis fl-emissjonijiet netti ta’ [GES] b’mill-anqas 55 % meta mqabbel mal-livelli tal‑1990 sal‑2030, huwa meħtieġ li jissaħħu r-rekwiżiti ta’ tnaqqis stabbiliti fir-Regolament [2019/631] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kemm għall-karozzi tal-passiġġieri kif ukoll għall-vetturi kummerċjali ħfief. Jeħtieġ ukoll li jiġi stabbilit perkors ċar għal aktar tnaqqis lil hinn mill-2030 biex jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050. Mingħajr azzjoni ambizzjuża dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] fit-trasport bit-triq, ikun meħtieġ tnaqqis akbar tal-emissjonijiet f'setturi oħra, inkluż setturi fejn id-dekarbonizzazzjoni hija aktar ta’ sfida.
(10) Ir-rekwiżiti msaħħa għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 jenħtieġ li jħeġġeġ li jintużaw proporzjon dejjem akbar ta’ vetturi b'emissjonijiet żero fis-suq tal-Unjoni filwaqt li jipprovdu benefiċċji lill-konsumaturi u liċ-ċittadini f'termini ta’ kwalità tal-arja, it-tisħiħ tas-sigurtà u l-effiċjenza tal-enerġija, u l-iffrankar tal-enerġija assoċjat, kif ukoll jiżguraw li l-innovazzjoni fil-katina tal-valur tas-settur awtomobilistiku tkun tista’ tinżamm. Fi ħdan dan il-kuntest globali, il-katina tas-settur awtomobilistiku tal-Unjoni wkoll trid tkun attur ewlieni fit-tranżizzjoni li għaddejja lejn mobbiltà b’emissjonijiet żero. L-istandards imsaħħa ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO 2 huma teknoloġikament newtrali fl-ilħuq tal-miri għall-flotta kollha li huma jistabbilixxu. Teknoloġiji differenti huma u jibqgħu disponibbli fl-ilħuq tal-mira għall-flotta kollha ta’ emissjonijiet żero. Fil-preżent, vetturi b'emissjonijiet żero jinkludu vetturi elettriċi bil-batterija, vetturi b'ċellola tal-fjuwil u vetturi oħra li jaħdmu bl-idroġenu, u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi għadhom qed jissoktaw. [...]
[...]
(12) F'dak l-isfond, jenħtieġ li jiġu stabbiliti miri msaħħa ġodda għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 kemm għall-karozzi ġodda tal-passiġġieri kif ukoll għall-vetturi kummerċjali ħfief ġodda għall-perjodu mill-2030 ’il quddiem. Dawk il-miri jenħtieġ li jiġu stabbiliti f'livell li jagħti sinjal qawwi biex tiġi aċċellerata l-adozzjoni ta’ vetturi b'emissjonijiet żero fis-suq tal-Unjoni u biex tiġi stimulata l-innovazzjoni f'teknoloġiji b'emissjonijiet żero b'mod kosteffiċjenti.
(13) L-innovazzjoni teknoloġika hija prerekwiżit għad-dekarbonizzazzjoni tal-mobbiltà fl-Unjoni, u għalhekk jenħtieġ li tiġi appoġġata. Finanzjament sinifikanti huwa disponibbli diġà għall-innovazzjoni fl-ekosistema tal-mobbiltà permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament differenti tal-Unjoni, b'mod partikolari Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [, tat‑28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU 2021, L 170, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 161, p. 128))], InvestEU, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [, tal‑24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU 2021, L 107, p. 30, rettifika fil-ĠU 2022, L 251, p. 19))], il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-fond għall-innovazzjoni, stabbilita bid-Direttiva [2003/87] u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [, tat‑12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU 2021, L 57, p. 17, rettifiki fil-ĠU 2021, L 410, p. 197 u fil-ĠU 2023, L 137, p. 70 u)]. Jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jappoġġaw l-investiment pubbliku u privat fir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur awtomobilistiku Ewropew, inkluż permezz ta’ inizjattivi li jippromwovu sinerġiji fis-settur awtomobilistiku, bħall-Alleanza Ewropea tal-Batteriji. Flimkien ma' sinjali regolatorji ċari, dawk l-isforzi ser jappoġġaw u jħeġġu deċiżjonijiet ta’ investiment mill-manifatturi, iżommu t-tmexxija teknoloġika Ewropea f'dak is-settur, jgħinu biex tiġi żviluppata l-eċċellenza industrijali fit-teknoloġiji tal-futur fl-Unjoni u jiżguraw is-sostenibbiltà u l-kompetittività fit-tul tal-bażi industrijali tagħha.
(14) Jenħtieġ li l-miri fl-istandards ta’ rendiment riveduti tas-CO 2 ikunu akkumpanjati minn strateġija tal-Unjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi ppreżentati miż-żieda fil-manifattura ta’ vetturi b'emissjonijiet żero u teknoloġiji assoċjati, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull Stat Membru, kif ukoll mill-ħtieġa għal titjib fit-taħriġ u għal taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema fis-settur u mid-diversifikazzjoni ekonomika u l-konverżjoni mill-ġdid tal-attivitajiet, filwaqt li jinżammu l-livelli tal-impjiegi fis-settur awtomobilistiku fl-Unjoni. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-impatt li din it-tranżizzjoni ser ikollha fuq l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) tul il-katina tal-provvista awtomobilistika u lir-reġjuni u l-komunitajiet milquta li jistgħu jkunu aktar vulnerabbli minħabba l-preżenza ta’ industrija awtomobilistika intensiva. Jenħtieġ li, fejn xieraq, l-appoġġ finanzjarju jitqies fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri biex jiġi attirat l-investiment privat, inkluż permezz tal-Fond Soċjali Ewropew Plus, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [, tal‑24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU 2021, L 231, p. 21, rettifika fil-ĠU 2021, L 421, p. 75)], il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [, tal‑24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU 2021, L 231, p. 1, rettifika fil-ĠU 2021, L 421, p. 74)], il-fond għall-innovazzjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u strumenti oħrajn tal-qafas finanzjarju pluriennali stabbiliti fir-Regolament [tal-Kunsill] (UE, Euratom) 2020/2093 [, tas‑17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU 2020, L 433 I, p. 11)], u l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 [, tal‑14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropeagħall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU 2020, L 433 I, p. 23)], f'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u strumenti finanzjarji disponibbli oħra, bħal dawk mill-Bank Ewropew tal-Investiment.
[...]
(15) Sabiex jiġu identifikati xi diskrepanzi fil-finanzjament fl-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta fil-katina tal-provvista tas-settur awtomobilistiku, u b'attenzjoni partikolari għall-SMEs u r-reġjuni li huma l-aktar milquta mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, jenħtieġ li l-Kummissjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2025, fid-data ta’ preżentazzjoni tal-ewwel rapport ta’ progress, u filwaqt li tibni fuq inizjattivi li għaddejjin bħalissa, bħall-perkors ta’ tranżizzjoni għall-ekosistema tal-mobbiltà u l-Alleanza tar-Reġjuni Awtomobilistiċi tal-Kumitat tar-Reġjuni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, tippreżenta rapport b'analiżi li tidentifika tali lakuni fil-finanzjament. Dak ir-rapport jenħtieġ li jkun akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposti għal miżuri finanzjarji adegwati biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati.
[...]
(17) Sabiex jiġu protetti l-ambjent u s-saħħa taċ-ċittadini fl-Istati Membri kollha, huwa importanti li l-flotta eżistenti tiġi dekarbonizzata wkoll. Is-suq għall-vetturi użati joħloq ir-riskju li l-emissjonijiet ta’ CO2, kif ukoll it-tniġġis tal-arja, jiġu trasferiti għal reġjuni inqas żviluppati ekonomikament fl-Unjoni. Biex jitħaffef it-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-flotta eżistenti u biex titħaffef it-tranżizzjoni għal trasport b'emissjonijiet żero, huwa tal-akbar importanza li titħeġġeġ il-konverżjoni ta’ vetturi b'magna ta’ kombustjoni interna għal trażmissjoni elettrika bil-batterija jew biċ-ċelloli tal-fjuwil, inkluż b’valutazzjoni ta’ modi kif jiġi ffaċilitat l-użu ta’ tali soluzzjonijiet fl-Istati Membri.
[...]
(20) Il-miri għall-flotta kollha tal-UE għandhom jiġu kkomplementati bil-varar meħtieġ tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment tal-fjuwil li ser ikun stabbilit fir-Regolament dwar infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi u f’riformulazzjoni tad-Direttiva 2010/31/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU 2010, L 153, p. 13)]. F'dak il-kuntest, huwa vitali li l-investiment fl-użu meħtieġ tal-infrastruttura jkompli jsir u jiżdied. B'mod parallel, huwa ta’ importanza kbira li jiġi żgurat użu rapidu tal-enerġija rinnovabbli, kif previst fid-Direttiva [2018/2001].
(21) Jenħtieġ li l-manifatturi jingħataw biżżejjed flessibbiltà biex jadattaw il-flotot tagħhom maż-żmien sabiex jimmaniġġjaw it-tranżizzjoni lejn vetturi b'emissjonijiet żero b'mod kosteffiċjenti, li tappoġġa l-kompetittività tagħhom u tħejji t-triq għal aktar innovazzjonijiet. Għalhekk huwa xieraq li jinżamm l-approċċ ta’ tnaqqis tal-livelli fil-mira fi stadji ta’ ħames snin.
(22) Bil-miri aktar stretti għall-flotta kollha tal-UE mill-2030 ’il quddiem, il-manifatturi ser ikollhom jużaw b’mod sinifikanti aktar vetturi b’emissjonijiet żero fis-suq tal-Unjoni. [...]”
20 L-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 12 tiegħu:
“Ir-Regolament [2019/631] huwa emendat kif ġej:
(1) l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:
a) il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:
(i) fil-punt (a), iċ-ċifra ‘37,5 %’ hija sostitwita bi ‘55 %’;
(ii) fil-punt (b), iċ-ċifra ‘31 %’ hija sostitwita bi ‘50 %’;
b) jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
5a Mill‑1 ta’ Jannar 2035 għandhom japplikaw il-miri li ġejjin għall-flotta kollha tal-UE:
(a) għall-emissjonijiet medji tal-flotta l-ġdida tal-karozzi tal-passiġġieri, mira għall-flotta kollha tal-UE ugwali għal tnaqqis ta’ 100 % tal-mira fl‑2021 iddeterminata f'konformità mal-Parti A, il-punt 6.1.3, tal-Anness I;
(b) għall-emissjonijiet medji tal-flotta l-ġdida ta’ vetturi kummerċjali ħfief, mira għall-flotta kollha tal-UE ugwali għal tnaqqis ta’ 100 % tal-mira fl‑2021 iddeterminata f'konformità mal-Parti B, il-punt 6.1.3, tal-Anness I.
[...]
(12) Ġie inkluż l-artikolu li ġej:
“Artikolu 14a
Rapport tal-progress
1. Sal-31 ta’ Diċembru 2025, u kull sentejn wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress lejn mobbiltà fit-toroq b'emissjonijiet żero. B’mod partikolari, ir-rapport għandu jimmonitorja u jivvaluta l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali possibbli biex tiġi ffaċilitata tranżizzjoni ġusta, inkluż permezz ta’ mezzi finanzjarji.
[...]
3. Fid-data tal-preżentazzjoni tal-ewwel rapport ta’ progress imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha wkoll, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jinkludi analiżi biex tidentifika kwalunkwe diskrepanza fil-finanzjament fl-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta fil-katina tal-provvista tas-settur awtomobilistiku, b'attenzjoni partikolari għall-SMEs u r-reġjuni li huma l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposti għal miżuri finanzjarji adegwati biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati.”
Ir-Regolament (UE) 2023/1804
21 Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Settembru 2023 dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE (ĠU 2023, L 234, p. 1).
“Dan ir-Regolament jistabbilixxi miri nazzjonali obbligatorji li jwasslu għall-varar ta’ infrastruttura suffiċjenti tal-fjuwils alternattivi fl-Unjoni għall-vetturi tat-triq, għall-ferroviji, għall-bastimenti u għall-inġenji tal-ajru stazzjonarji. [...]”
22 L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Miri għall-infrastruttura tal-irriċarġjar intiża għall-vetturi elettriċi ħfief”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fit-territorju tagħhom, stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi elettriċi ħfief jiġu varati b’mod li jkun proporzjonat għall-adozzjoni ta’ vetturi elettriċi ħfief u li jipprovdu potenza tal-output suffiċjenti għal dawk il-vetturi.
Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi tmiem kull sena, u billi jibdew mill‑2024, il-miri tal-potenza tal-output li ġejjin jintlaħqu b’mod kumulattiv:
[...]
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw kopertura minima ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi elettriċi ħfief fuq in-network tat-toroq fit-territorju tagħhom.
Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a) tul in-network ewlieni tat-toroq [tan-Network trans-Ewropew tat-trasport], jiġu varati gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi elettriċi ħfief u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin f’kull direzzjoni tal-ivvjaġġar b’distanza massima ta’ 60 km bejniethom:
[...]”
Il-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet
23 Il-punt 12 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU 2016, L 123, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet”), jipprovdi:
“It-tliet Istituzzjonijiet jaqblu dwar il-kontribut pożittiv tal-valutazzjonijiet tal-impatt fit-titjib tal-kwalità tal-leġislazzjoni tal-Unjoni.
Il-valutazzjonijiet tal-impatt huma għodda biex tgħin lit-tliet Istituzzjonijiet jieħdu deċiżjonijiet abbażi ta’ informazzjoni tajba u mhumiex sostitut għal deċiżjonijiet politiċi fil-proċess demokratiku tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-valutazzjonijiet tal-impatt ma għandhomx iwasslu għal dewmien żejjed fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet jew jippreġudikaw il-kapaċità tal-koleġislatur li jipproponi emendi.
Il-valutazzjonijiet tal-impatt jeħtieġ li jkopru l-eżistenza, l-iskala u l-konsegwenzi ta’ problema u l-kwistjoni dwar jekk hix meħtieġa azzjoni mill-Unjoni jew le. Huma jeħtieġ li jidentifikaw soluzzjonijiet alternattivi u, fejn possibbli, l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali fuq perijodu qasir u fit-tul, filwaqt li jivvalutaw l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali b'mod integrat u bbilanċjat u jużaw kemm l-analiżi kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva. Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità għandhom jiġu rrispettati b'mod sħiħ, hekk kif għandhom jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali. Il-valutazzjonijiet tal-impatt jeħtieġ li jindirizzaw ukoll, kull meta possibbli, ‘kemm tqum in-non-Ewropa’ u l-impatt fuq il-kompetittività u l-piżijiet amministrattivi tal-għażliet differenti, b’kunsiderazzjoni partikolari għall-[impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)] (‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’), l-aspetti diġitali u l-impatt territorjali. Il-valutazzjonijiet tal-impatt jeħtieġ li jkunu bbażati fuq informazzjoni preċiża, oġġettiva u kompluta u li jkunu proporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-enfasi tagħhom.”
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
24 Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– prinċipalment, tannulla r-Regolament ikkontestat fl-intier tiegħu;
– sussidjarjament, tannulla l-punt 1(b) tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament;
– tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.
25 Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors; u
– tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.
26 Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu bħala infondat, u
– tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.
27 Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni ġiet ammessa sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.
Fuq ir-rikors
28 Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka erba’ motivi, ibbażati fuq il-ksur, l-ewwel wieħed, tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, it-tieni wieħed, tal-Artikolu 3(1) u (3) TUE, tal-Artikolu 9 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 6(1) TUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 21 tal-Karta, it-tielet wieħed, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE, interpretat flimkien mal-Artikolu 191(2) TFUE, u, ir-raba’ wieħed, minn naħa, tal-obbligu li ssir analiżi xierqa tal-impatt tar-Regolament ikkontestat u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 191(3) TFUE.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE
L-argumenti tal-partijiet
29 Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li r-Regolament ikkontestat ma kellux jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE, iżda abbażi tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, li jipprovdi li, b’deroga mill-proċedura ta’ deċiżjoni prevista f’dan l-Artikolu 192(1), il-Kunsill, b’deċiżjoni unanima, jadotta miżuri li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura tal-provvista tal-enerġija tiegħu.
30 Fl-ewwel lok, hija ssostni li dan ir-regolament jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-libertà tal-Istati Membri li jiddeterminaw l-istruttura tal-provvista tal-enerġija tagħhom, b’tali mod li kellu jkun ibbażat fuq il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, konformement mal-prinċipju tal-lex specialis, taħt piena li din id-dispożizzjoni tibqa’ mingħajr effett. Fil-każ kuntrarju, ikun biżżejjed li l-leġiżlatur tal-Unjoni jallega li att ma għandux l-għan li jinfluwenza l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija kif ukoll l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu sabiex il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE ma japplikax. Issa, flimkien mas-soluzzjonijiet l-oħra tal-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, l-effett tar-Regolament ikkontestat fuq l-istruttura tal-provvista tal-enerġija tiegħu ma huwiex anċillari jew negliġibbli.
31 Barra minn hekk, mill-premessi 10, 12, 17 u 20 sa 22 ta’ dan ir-regolament jirriżulta b’mod partikolari li l-iffissar ta’ standards imsaħħa ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 huwa intiż prinċipalment sabiex jippermetti l-introduzzjoni fis-suq tal-Unjoni ta’ numru dejjem jikber ta’ vetturi b’emissjonijiet żero, kif ukoll l-aċċellerazzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet iġġenerati mill-flotta ta’ vetturi eżistenti u tat-tranżizzjoni lejn trasport mingħajr emissjonijiet.
32 Il-punt 1(b) tal-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament huwa ta’ tfixkil sa fejn jikkundanna de facto t-teknoloġija tal-magni termiċi. Filwaqt li l-Artikolu 1(4) u (5) tar-Regolament 2019/631 kien jipprevedi tnaqqis progressiv tal-miri fil-qasam tal-emissjonijiet ta’ CO2 minn 15 % għas-sena 2025 għal 37.5 % għas-sena 2030 għall-flotta ta’ karozzi tal-passiġġieri ġodda u minn 15 % għas-sena 2025 għal 31 % għall-flotta tal-vetturi kummerċjali ħfief għas-sena 2030, ir-Regolament ikkontestat jipprojbixxi totalment dawn l-emissjonijiet għal dawn iż-żewġ tipi ta’ vetturi mis-sena 2035.
33 Peress li dan ir-regolament jipprevedi għalhekk li jintużaw biss is-sorsi ta’ enerġija mingħajr emissjonijiet għat-tħaddim tal-vetturi, l-imsemmi regolament għandu bħala konsegwenza diretta żieda fil-konsum tal-elettriku, fatt li d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, tal‑14 ta’ Lulju 2021, intitolat “Rapport dwar l-analiżi tal-impatt, Parti 1, li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2019/631 fir-rigward tat-tisħiħ tal-istandards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda f’konformità mal-ambizzjoni klimatika akbar tal-Unjoni” (iktar ’il quddiem l-“analiżi tal-impatt”), jikkorrobora billi jenfasizza li l-konsum tal-enerġija elettrika tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief fil-konsum totali tal-elettriku fl-Unjoni kollha, li kien żero fl‑2015, għandu jilħaq iktar minn 10 % fl‑2040 (Illustrazzjoni 12, p. 44 ta’ din l-analiżi). Issa, tali domanda addizzjonali ta’ elettriku twassal bilfors għal żieda fil-produzzjoni tiegħu jew fl-importazzjoni tiegħu, sabiex tiġi ssostitwita l-enerġija miksuba minn muturi termiċi.
34 Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-fatt li d-domanda għall-enerġija ser tonqos minħabba ż-żieda fl-effiċjenza tal-muturi elettriċi. Ċertament, l-analiżi tal-impatt tindika li l-konsum tal-enerġija għandu jitnaqqas minħabba t-tiġdid tal-flotta ta’ vetturi. Madankollu, dan jikkonċerna biss il-persuni l-iktar sinjuri. Ma jistax jiġi raġonevolment preżunt li tali evoluzzjoni ser isseħħ ukoll fil-Polonja, tal-inqas, mhux bl-istess mod bħal fl-Istati Membri iktar sinjuri minnha.
35 Barra minn hekk, ir-Regolament ikkontestat ma jaqax fil-kuntest stabbilit minn qabel mir-Regolament 2019/631, li kien ġie adottat abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE. Li jiġi kkunsidrat li att li jemenda att legali tal-Unjoni għandu neċessarjament ikun ibbażat fuq l-istess bażi legali bħall-att li huwa jemenda jimplika li l-emendi magħmula għal dan l-att jistgħu jkunu bbażati fuq il-bażi legali inizjali, indipendentement mill-għan u mill-kontenut tal-bidliet introdotti. L-Unjoni għalhekk ikollha kompetenza regolatorja ġenerali illimitata applikabbli għal kwalunkwe għan, li jmur kontra l-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tirrileva li elementi tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” ġew adottati abbażi ta’ bażijiet legali differenti.
36 Fl-aħħar nett, hija tenfasizza li, ċertament, in-natura xierqa ta’ bażi legali magħżula fil-mument tal-adozzjoni ta’ att ma tistax tiddependi minn analiżi ulterjuri tal-eventwali effetti fattwali li jidhru wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu li jeżamina b’mod preċiż u eżawrjenti l-effetti tal-miżuri proposti.
37 Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li huwa sproporzjonat li tiġi ffissata mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 b’ 100 % għas-sena 2035 sabiex din tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan ta’ newtralità klimatika sas-sena 2050. Dawn l-emissjonijiet kellhom jitnaqqsu progressivament u proporzjonalment. Sal‑2035, huwa improbabbli li jiġu introdotti teknoloġiji innovattivi ġodda u li jkunu żviluppati biżżejjed biex jissostitwixxu l-magna termika.
38 Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-allegata impossibbiltà tat-tnaqqis inqas tal-emissjonijiet ta’ CO2 fis-settur tat-trasport u tat-tnaqqis iktar f’setturi oħra.
39 Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
40 Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li r-Regolament ikkontestat kellu jkun ibbażat fuq il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE u li jikser, essenzjalment, il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
41 F’dak li jirrigwarda l-argument li r-Regolament ikkontestat kellu jkun ibbażat fuq il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, għandu jitfakkar li l-għażla tal-Artikolu 192(2) TFUE bħala bażi legali ta’ att hija bbażata fuq l-istess elementi bħal dawk li jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod stabbilit fil-ġurisprudenza tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 37 sa 39).
42 Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, l-ewwel nett, li l-għażla tal-bażi legali ta’ att ma tistax tiddependi biss mill-konvinzjoni ta’ istituzzjoni fir-rigward tal-għan imfittex, iżda għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, bħall-għan u l-kontenut stess tal-att (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 45/86, EU:C:1987:163, punt 11; tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 54 kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 121).
43 F’dan ir-rigward, jekk l-għażla tal-bażi legali ta’ miżura leġiżlattiva kellha tiddependi mill-evalwazzjoni tal-impatt probabbli tagħha, li, min-natura tagħha, hija ta’ natura spekulattiva, tkun biss analiżi a posteriori li tippermetti li jkunu magħrufa l-effetti reali u konkreti ta’ tali miżura. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni bl-ebda mod ma tista’ tikkostitwixxi element oġġettiv li jista’ jkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 41).
44 Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-validità ta’ att tal-Unjoni ma tistax tiddependi minn kunsiderazzjonijiet retrospettivi dwar il-livell ta’ effikaċja tiegħu (sentenzi tas‑7 ta’ Frar 1973, Schroeder, 40/72, EU:C:1973:14, punt 14; tal‑5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et, C‑133/93, C‑300/93 u C‑362/93, EU:C:1994:364, punt 43, kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 84).
45 Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-effett mistenni ta’ att tal-Unjoni fuq il-politika tal-enerġija ta’ Stat Membru tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-għan jew tal-kontenut ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 42).
46 It-tieni nett, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tista’ tkun ibbażata wkoll fuq il-kuntest li jaqa’ fih, peress li dan il-kuntest jista’ jipprovdi kjarifika dwar l-għan imfittex minn dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑656/11, EU:C:2014:97, punt 50; tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 32; tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 39, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 122).
47 Fuq dan il-punt, għandha ssir distinzjoni bejn att analogu għal att preeżistenti u att li jemenda att diġà eżistenti. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li l-bażi legali ta’ att għandha tiġi ddeterminata b’mod awtonomu, fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tiegħu stess, u mhux fid-dawl tal-bażi legali użata għall-adozzjoni ta’ atti oħra tal-Unjoni li jkollhom, skont il-każ, karatteristiċi simili (sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑178/03, EU:C:2006:4, punt 55, kif ukoll tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 49). Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ att li jemenda leġiżlazzjoni eżistenti, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-bażi legali ta’ dan l-att emendatorju, il-leġiżlazzjoni li huwa jemenda u, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tiegħu (sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 42, kif ukoll tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 40).
48 It-tielet nett, jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li dan ikollu diversi skopijiet jew li jkollu diversi komponenti u jekk wieħed minn dawn l-skopijiet jew minn dawn il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-oħrajn ikunu biss anċillari jew ikollhom biss portata estremament limitata, il-bażi legali sabiex jiġi adottat dan l-att jkollha tiġi ddeterminata skont dan l-iskop jew komponent prinċipali (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑42/97, EU:C:1999:81, punti 39 u 40; tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 38, kif ukoll tal‑21 ta’ Marzu 2024, Landeshauptstadt Wiesbaden, C‑61/22, EU:C:2024:251, punt 47).
49 Ir-raba’ nett, interpretazzjoni wiesgħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE tirriskja li tistabbilixxi bħala regola l-użu ta’ proċedura leġiżlattiva speċjali li għandha n-natura ta’ eċċezzjoni prevista mit-Trattat FUE. Konformement mal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet, il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, ma jistax jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att tal-Unjoni ħlief jekk jirriżulta mill-għan u mill-kontenut tiegħu li r-riżultat tal-ewwel imfittex minn dan l-att ikun jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija ta’ dan tal-aħħar (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 44 sa 46).
50 F’dan il-każ, ir-Regolament ikkontestat jemenda r-Regolament 2019/631, b’mod partikolari billi jdaħħal fih dispożizzjonijiet ġodda, b’tali mod li t-tieni regolament jikkostitwixxi l-kuntest ġuridiku tal-ewwel wieħed. Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, huwa meħtieġ li tiġi identifikata l-bażi legali li fuqha kellu jiġi adottat ir-Regolament ikkontestat u dan b’teħid inkunsiderazzjoni kemm tal-kuntest ikkostitwit mid-Regolament 2019/631 kif ukoll tar-regoli li jirriżultaw mill-emendi li sarulu permezz tar-Regolament ikkontestata.
51 Il-premessi 1 sa 3, 9, 12 u 13 ta’ dan ir-regolament jikkonfermaw li dan tal-aħħar għandu l-istess għan bħar-Regolament 2019/631, jiġifieri t-tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta’ GES fl‑2030 fil-konfront tal-livelli li ntlaħqu fl‑1990 fis-settur tat-trasport kopert minn dawn ir-regolamenti sabiex jintlaħaq livell ta’ emissjonijiet ta’ GES żero netti fi ħdan l-Unjoni sal‑2050, u dan sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.
52 Fil-fatt, b’konformità mal-premessi 3 u 4 tar-Regolament 2019/631, il-premessi 1 sa 3 tar-Regolament ikkontestat jipprovdu li, sabiex tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura medja tal-pjaneta għal ferm inqas minn 2°C meta pparagunata mal-livelli preindustrijali u sabiex titkompla l-azzjoni meħuda sabiex din iż-żieda tiġi limitata għal 1.5°C meta pparagunata mal-livelli preindustrijali, l-Unjoni implimentat sett komplet ta’ miżuri u ta’ inizjattivi, li fih jaqa’ r-Regolament 2019/631, li l-għan tiegħu huwa li jintlaħaq livell ta’ emissjonijiet ta’ GES żero netti fl-Unjoni sas-sena 2050.
53 B’mod partikolari, il-premessa 1 tar-Regolament ikkontestat tirrileva li l-impenn meħud mill-Unjoni, fl-okkażjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, fil-qasam tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, li kien iġġustifika l-adozzjoni tar-Regolament 2019/631, kif enfasizzat fil-premessa 3 tiegħu, “issaħħaħ bl-adozzjoni skont il-UNFCCC tal-Patt Klimatiku ta’ Glasgow fit‑13 ta’ Novembru 2021 ”.
54 Il-premessa 9 tar-Regolament ikkontestat tinsisti wkoll fuq in-neċessità li jissaħħu r-rekwiżiti ta’ tnaqqis stabbiliti fir-Regolament 2019/631 għall-karozzi tal-passiġġieri u għall-vetturi kummerċjali ħfief sabiex jitnaqqsu b’mill-inqas 55 % sas-sena 2030, l-emissjonijiet ta’ GES fil-konfront tal-livelli tas-sena 1990. Din il-premessa tindika wkoll, li, “[j]eħtieġ ukoll li jiġi stabbilit perkors ċar għal aktar tnaqqis lil hinn mill-2030 biex jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050.”
55 Billi tiddikjara li “jenħtieġ li jiġu stabbiliti miri msaħħa ġodda għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 kemm għall-karozzi ġodda tal-passiġġieri kif ukoll għall-vetturi kummerċjali ħfief ġodda għall-perjodu [mis-sena] 2030 'il quddiem [u li] jenħtieġ li jiġu stabbiliti f'livell li jagħti sinjal qawwi biex tiġi aċċellerata l-adozzjoni ta’ vetturi b’emissjonijiet żero fis-suq tal-Unjoni u biex tiġi stimulata l-innovazzjoni f'teknoloġiji b'emissjonijiet żero b'mod kosteffiċjenti”, il-premessa 12 tar-Regolament ikkontestat hija wkoll konformi mar-Regolament 2019/631. Fil-fatt, il-premessa 17 ta’ dan ir-regolamnet kien diġà jindika li “l-approċċ fi stadji [li adotta kien] jipprovdi [...] sinjal ċar u bikri għall-industrija awtomobilistika biex ma tittardjax l-introduzzjoni fis-suq ta’ teknoloġiji għall-enerġija effiċjenti u vetturi b'livell ta’ emissjonijiet baxxi jew żero”.
56 Barra minn hekk, bl-istess mod li l-imsemmi regolament kellu l-intenzjoni li jinkoraġġixxi b’mod attiv l-ekoinnovazzjoni, kif iddikjarat fil-premessa 27 tiegħu, il-premessa 13 tar-Regolament ikkontestat tenfasizza li “[l]-innovazzjoni teknoloġika hija prerekwiżit għad-dekarbonizzazzjoni tal-mobbiltà fl-Unjoni, u għalhekk jenħtieġ li tiġi appoġġata”.
57 Barra minn hekk, il-premessa 51 tar-Regolament 2019/631 kienet issemmi li l-effettività ta’ dan ir-regolament kienet ser tiġi eżaminata b’mod globali fl‑2023, ħaġa li kellha tagħti l-opportunità lill-Kummissjoni “tidentifika wkoll perkors ċar għal tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet ta’ CO2 għall-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfief lil hinn [mis-sena] 2030 sabiex jingħata kontribut sinifikanti biex jintlaħaq l-għan fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi” u li, “[m]eta jkun xieraq, jenħtieġ li r-rapport dwar dak ir-rieżami [kellu] jkun akkumpanjat minn proposta li temenda [l-imsemmi] Regolament”. Għalhekk, sa mill-adozzjoni tar-Regolament 2019/631, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien ippreveda l-possibbiltà li jemendah sabiex itejjeb l-effettività tiegħu.
58 Issa, din hija l-ambizzjoni tar-Regolament ikkontestat. Dan jaqa’ f’kuntest imġedded ikkaratterizzat, minn naħa, mill-amplifikazzjoni rapida tat-tibdil fil-klima u, min-naħa l-oħra, mill-adozzjoni tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, li l-Artikolu 4(1) tiegħu jistabbilixxi mira vinkolanti ta’ tnaqqis, fl-Unjoni, tal-emissjonijiet netti ta’ GES b’mill-inqas 55 % sas-sena 2030 meta pparagunat mal-livelli tal-emissjonijiet ta’ GES tas-sena 1990 u li l-Artikolu 2(1) tiegħu jipprevedi li dawn l-emissjonijiet jitnaqqsu għal żero fl-Unjoni sa mhux iktar tard mis-sena 2050.
59 F’dan il-kuntest, ir-Regolament ikkontestat jinsisti ripetutament, b’mod partikolari fil-premessi 7 u 12 tiegħu, fuq in-neċessità li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ karozzi tal-passiġġieri ġodda u ta’ vetturi kummerċjali ġodda. F’din l-ottika u b’koerenza mal-għanijiet tar-Regolament 2019/631, il-punt 1(a) tal-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat jemenda l-Artikolu 1(5) tar-Regolament 2019/631 billi jistabbilixxi, mill‑1 ta’ Jannar 2030, il-mira ta’ tnaqqis minn 37.5 % għal 55 % tal-emissjonijiet medji tal-flotta ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri u tnaqqis minn 31 % għal 50 %, il-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet medji tal-flotta ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda. Il-punt 1(b) tal-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat jintroduċi, min-naħa tiegħu, il-paragrafu 5a fl-Artikolu 1 tar-Regolament 2019/631, li jipprovdi li, mill‑1 ta’ Jannar 2035, l-emissjonijiet medji tal-flotta ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri u dawk tal-flotta ta’ vetturi kummerċjali ġodda għandhom jitnaqqsu b’100 %.
60 Għalhekk jidher li r-Regolament ikkontestat huwa intiż li jfittex li jilħaq l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi u jinsab f’konformità mar-Regolament 2019/631 billi huwa intiż li jindirizza l-isfidi klimatiċi u ambjentali li l-Unjoni qiegħda taffaċċja.
61 Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jadatta r-Regolament 2019/631 għal kull bidla fiċ-ċirkustanzi jew għal kull żvilupp tal-għarfien fid-dawl tal-kompitu li huwa għandu li jiżgura l-protezzjoni tal-interessi ġenerali rrikonoxxuti mit-Trattati, fosthom il-protezzjoni tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 77; tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 56, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punti 266 u 1426).
62 Barra minn hekk, kif tfakkar mill-punt 49 ta’ din is-sentenza, konformement mal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, ma jistax jikkostitwixxu l-bażi legali ta’ att tal-Unjoni ħlief jekk jirriżulta mill-għan u mill-kontenut tiegħu li r-riżultat ewlieni mfittex minn dan l-att jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija ta’ dan tal-aħħar.
63 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat ma għandhomx, bħala tali u prinċipalment, l-għan li jadottaw miżuri li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija kif ukoll l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu. L-iktar l-iktar, għandhom effetti indiretti u anċillari fuq l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tal-Istati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑63 ta’ Diċembru 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑595/97, EU:C:2015:81, punt 63).
64 Minn dan isegwi li r-Regolament ikkontestat ma jistax ikun ibbażat fuq il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE.
65 Fir-rigward tal-argument li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma eżaminax b’mod suffiċjentement preċiż u eżawrjenti l-effetti tal-miżuri proposti meta adotta r-Regolament ikkontestat, huwa biżżejjed li jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni tal-effett mistenni ta’ att tal-Unjoni fuq il-politika tal-enerġija ta’ Stat Membru tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-għan jew tal-kontenut ta’ dan l-att. Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax jiġi evalwat b’mod awtonomu.
66 Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li r-Regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità huma ineffettivi fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Fil-fatt, ksur ta’ dan il-prinċipju ma jistax jinvalida l-għażla tal-bażi legali ta’ dan ir-regolament.
67 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv tar-Repubblika tal‑Polonja għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, ineffettiv u, parzjalment, infondat.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(1) u (3) TUE, tal-Artikolu 9 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 6(1) TUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 21(1) tal-Karta
L-argumenti tal-partijiet
68 Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tallega li, billi stabbilixxa, fil-punt 1(b) tal-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat, il-miri ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għall-karozzi ġodda tal-passiġġieri u għall-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, il-leġiżlatur tal-Unjoni kiser l-obbligu tiegħu, stabbilit fl-Artikolu 3(1) u (3) TUE, li jippromwovi l-benesseri tal-popli tal-Unjoni u l-ġustizzja soċjali, li jaħdem għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u li jippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif ukoll is-solidarjetà bejn l-Istati Membri. Huwa kiser ukoll l-obbligu tiegħu li jieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u mal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-kapital, li jirriżultaw rispettivament mill-Artikolu 9 TFUE u mill-Artikolu 21(1) tal-Karta.
69 Billi jeżiġi l-eliminazzjoni sħiħa tal-emissjonijiet ta’ CO2 f’dak li jirrigwarda l-vetturi ġodda, dan ir-regolament jintroduċi, barra minn hekk f’terminu estremament qasir, bidliet radikali li jinvolvu riskju serju ta’ tfixkil tas-suq u anki ta’ falliment ta’ diversi impriżi. Barra minn hekk, jidher li din il-miżura ġiet ikkritikata mill-industrija awtomobilistika li tqis din il-miżura bħala prematura. Bl-istess mod, Thierry Breton, li dak iż-żmien kien il-Kummissarju Ewropew għas-Suq Intern, enfasizza l-insuffiċjenza tal-infrastruttura tal-iċċarġjar tal-vetturi b’emissjonijiet ta’ CO2 żero u r-riskju ta’ jintilfu 600 000 impjieg minħabba d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni fl-Unjoni ta’ karozzi termali ġodda wara s-sena 2035. Il-premessa 9 tar-Regolament ikkontestat hija, barra minn hekk, irrilevanti, peress li il-miri msemmija fiha huma purament dikjaratorji. Għalhekk, dan ir-regolament ma jikkonkretizzax l-għan li l-innovazzjoni fil-katina tal-valur tal-karozzi trid tinżamm.
70 L-imsemmi regolament lanqas ma jippromwovi livell għoli ta’ impjieg fl-Unjoni. L-effetti negattivi kkawżati fl-industrija awtomobilistika jaffettwaw b’mod partikolari lill-manifatturi tal-komponenti intiżi għall-muturi termiċi u għal partijiet oħra relatati. Issa, l-industrija awtomobilistika tirrappreżenta, fil-Polonja, 400 000 impjieg dirett, 8 % tal-prodott domestiku gross (PDG) u 13.5 % tal-valur tal-esportazzjonijiet ta’ dan il-pajjiż. It-tħabbir tal-għeluq, wara s-sena 2025, tal-fabbrika tal-magni ta’ Bielsko-Biała (il-Polonja), proprjetà tal-grupp Stellantis, juri li l-effetti negattivi kkawżati mill-introduzzjoni ta’ standards imsaħħa ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 huma reali. Minn dan isegwi li r-Regolament ikkontestat ser inaqqas il-prosperità tal-popli tal-Unjoni.
71 Ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka wkoll ir-rapport “Making The Transition to Zero-emission Mobility, Enabling factors for alternatively-powered cars and vans in the European Union” (“It-tranżizzjoni lejn mobbiltà mingħajr emissjonijiet, fatturi li jiffavorixxu l-karozzi tal-passiġġieri u l-vannijiet bi propulsjoni alternattiva fl-Unjoni Ewropea”) (Rapport ta’ Progress 2022, p. 15), imfassal mill-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi Ewropej tal-Vetturi, li jistabbilixxi li l-penetrazzjoni tal-vetturi elettriċi fis-suq hija fil-parti l-kbira korrelatata mal-PDG per capita ta’ pajjiż. Għalhekk, jekk 18 % tal-vetturi l-ġodda rreġistrati matul is-sena 2021 fl-Unjoni kollha kienu vetturi li jiċċarġjaw bl-elettriku (ECV), is-sehem ta’ dan is-suq ikun għadu inqas minn 4 % f’disa’ Stati Membri li l-PDG medju tagħhom huwa inqas minn EUR 27 000 per capita. Barra minn hekk, 72 % tal-bejgħ kollu ta’ karozzi elettriċi huwa kkonċentrat biss f’erba’ Stati Membri tal-Ewropa tal-Punent li għandhom PGD ta’ iktar minn EUR 45 000 per capita. Għalhekk teżisti distakk evidenti bejn l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u l-Ewropa tal-Punent fil-livell tal-affordabbiltà tal-prezz tal-vetturi elettriċi.
72 F’dan ir-rigward, ikun żbaljat li jiġi affermat, kif indikat fl-analiżi tal-impatt (Parti 1, p. 54 u 55), li l-problema tal-aċċess tal-persuni bi dħul baxx għal vetturi b’emissjonijiet ta’ CO2 żero ser tiġi solvuta, għalkemm b’ċertu dewmien, permezz tal-aċċess ta’ dawn il-persuni għas-suq second hand. Fil-fatt, il-valur ta’ tali vetturi jonqos relattivament ftit maż-żmien, b’tali mod li jkun saħansitra diffiċli li jinxtraw vetturi użati ta’ dan it-tip bi prezz affordabbli. Barra minn hekk, minħabba n-numru żgħir ta’ vetturi ġodda mixtrija ta’ dan it-tip, fil-futur tibqa’ nieqsa offerta adegwata ta’ vetturi użati tal-imsemmi tip. Għandu jingħad ukoll li l-batterija tal-vetturi elettriċi tiddeterjora inevitabbilment bl-użu. Issa, is-sostituzzjoni tagħha tirrappreżenta spiża sinjifikattiva, stmata għal iktar minn nofs il-valur ta’ vettura ġdida, li tista’ teċċedi l-valur ta’ vettura użata.
73 Ir-Repubblika tal-Polonja tirrileva wkoll li l-ostakolu prinċipali għall-iżvilupp tal-“elettromobbiltà” jinsab fin-nuqqas ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi. Jeżistu biss 482 000 stazzjon ta’ ċċarġjar pubbliku fis-servizz fl-Ewropa, li 71 % minnhom huma kkonċentrati f’erba’ Stati Membri, jiġifieri fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja u fil-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll fir-Renju Unit. Bħala eżempju, it-territorju tar-Rumanija, li hija madwar sitt darbiet iktar estiża minn dak tal-Pajjiżi l-Baxxi, għandha biss 0.4 % ta’ dawn l-istazzjonijiet kollha (iktar minn 1 100). Ħdax-il Stat Membru ma għandhom lanqas żewġ stazzjonijiet tal-iċċarġjar għal kull 100 kilometru, filwaqt li sitt Stati Membri ma għandhomx stazzjonijiet kull 100 kilometru. Lanqas l-adozzjoni tar-Regolament 2023/1804 ma timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jestendu n-networks tal-iċċarġjar tagħhom tal-vetturi elettriċi sa punt tali li jippermetti li tiġi ffaċilitata s-sostituzzjoni tal-vetturi termiċi sas-sena 2035.
74 Ir-Regolament ikkontestat għalhekk jobbliga, lir-Repubblika tal-Polonja, tagħmel investimenti eċċezzjonalment kbar fil-kostruzzjoni tal-infrastruttura meħtieġa fil-qasam tal-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi, mingħajr madankollu ma jipprevedi finanzjamenti addizzjonali tal-Unjoni għal dan l-għan, li jista’ biss iżid id-disparitajiet attwali bejn Stati Membri. Fir-rigward ta’ dan il-punt, konformement mal-punt 12 tal-Artikolu 1 u mal-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni ma għandhiex teżamina l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ finanzjament qabel il‑31 ta’ Diċembru 2025 u għalhekk ma tistax tirrimedja għalih qabel din id-data. Issa, tali approċċ huwa irrazzjonali, peress li qabel kollox huwa importanti li jiġu ggarantiti r-riżorsi li jippermettu li jintlaħaq l-għan tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament u huwa biss sussegwentement li jiġi impost l-obbligu li dan jintlaħaq. Barra minn hekk, il-prospett li jinkiseb appoġġ finanzjarju permezz tal-istrumenti finanzjarji disponibbli tal-Unjoni jidher li huwa vag wisq.
75 Peress li r-Regolament ikkontestat jesponi lill-industrija awtomobilistika għal riskju ta’ kollass, meta din tirrappreżenta parti sostanzjali tal-ekonomija tal-Polonja, kif ukoll tal-Unjoni kollha, dan ma jipprommwovix livell għoli ta’ impjieg, ma jiżgurax il-protezzjoni soċjali ta’ dawk bi dħul baxx, ma jiġġielidx l-esklużjoni soċjali u lanqas ma jinkoraġġixxi s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.
76 F’dan ir-rigward, huwa nieqes minn sustanza r-riferiment, magħmul fil-premessa 7 ta’ dan ir-regolament, għat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dimensjoni soċjali sabiex tiġi żgurata mobbiltà affordabbli u aċċessibbli għal kulħadd, tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali sinjifikattivi tat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, kif ukoll tal-ħtieġa li jiġu ppreżervati l-impjiegi u l-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni.
77 Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
78 Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li r-Regolament ikkontestat jikser, qabelxejn, l-Artikolu 3 (1) u (3) TUE, billi ma jippromwovix il-benesseri tal-popli tal-Unjoni u l-ġustizzja soċjali, sussegwentement, l-Artikolu 9 TFUE, billi ma jiħux inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg u mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u, fl-aħħar nett, l-Artikolu 21(1) tal-Karta, billi jistabbilixxi diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġid.
79 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3 (1) u (3) TUE, għandu jiġi rrilevat li dan l-Artikolu 3 jistabbilixxi għanijiet essenzjali differenti mfittxija mill-Unjoni, mingħajr ma jistabbilixxi ġerarkija bejniethom. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni ta’ dawn l-għanijiet, li jinkludu, bl-istess mod bħall-benesseri tal-popli, b’mod partikolari, l-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa, il-protezzjoni ambjentali u l-promozzjoni tal-progress xjentifiku u tekniku, għandha tkun ir-riżultat tal-politiki u tal-azzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni ma tistax għalhekk, b’differenza mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat FUE li jikkonkretizzaw l-għanijiet ġenerali li hija telenka u li jirregolaw il-qasam ikkunsidrat, tagħmel parti mill-parametri li jippermettu li tiġi evalwata l-konformità mad-dritt primarju ta’ att tad-dritt sekondarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 1985, Cullet u Chambre syndicale des réparateurs automobiles et détaillants de produits pétroliers, 231/83, EU:C:1985:29, punt 10; tat‑23 ta’ Novembru 1999, Il‑Portugall vs Il‑Kunsill, C‑149/96, EU:C:1999:574, punt 86, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punti 423 u 424).
80 Għaldaqstant, peress li l-Artikolu 3 TUE ma jistax jiġi invokat, waħdu, insostenn tat-talba għal annullament imressqa kontra att tal-Unjoni, l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(1) u (3) TUE mir-Regolament ikkontestat għandu jiġi miċħud bħala infondat.
81 Fit-tieni lok, l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9 TFUE, minħabba li r-Regolament ikkontestat ma jiħux inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg u mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, ma jistax jintlaqa’, peress li dan ir-regolament, kif iċċarat minn diversi premessi tiegħu u mill-analiżi tal-impatt li ppreċediet l-adozzjoni tiegħu, huwa intiż preċiżament sabiex jiżgura l-osservanza ta’ dawn iż-żewġ rekwiżiti.
82 L-ewwel nett, il-premessa 7 tal-imsemmi regolament tipprovdi li “[i]t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi jenħtieġ li jindirizzaw ukoll l-importanza tad-dimensjoni soċjali biex jiġi żgurat li l-mobbiltà tkun affordabbli u aċċessibbli għal kulħadd”, li “[s]tandards ta’ CO2 aktar ambizzjużi għall-karozzi tal-passiġġieri u għall-vetturi kummerċjali ħfief mistennija jaċċelleraw l-adozzjoni ta’ vetturi b'emissjonijiet żero, iżidu l-affordabbiltà tagħhom [...], b’benefiċċji akbar għall-konsumaturi b'introjtu baxx u medju”, u li “[m]eta jiġu adottati dawn l-istandards huwa importanti wkoll li jitqiesu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali sinifikanti tat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi u l-ħtieġa li jiġu salvagwardati l-impjiegi u tiġi ppreservata l-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni”.
83 It-tieni nett, il-premessa 14 tar-Regolament ikkontestat tindika, essenzjalment, li l-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 għandhom ikunu akkumpanjati minn strateġija tal-Unjoni li tippermetti, b’mod partikolari, “[li] jiġu indirizzati l-isfidi ppreżentati miż-żieda fil-manifattura ta’ vetturi b'emissjonijiet żero u teknoloġiji assoċjati, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull Stat Membru, kif ukoll mill-ħtieġa għal titjib fit-taħriġ u għal taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema fis-settur u mid-diversifikazzjoni ekonomika u l-konverżjoni mill-ġdid tal-attivitajiet, filwaqt li jinżammu l-livelli tal-impjiegi fis-settur awtomobilistiku fl-Unjoni”, li “[j]enħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-impatt li din it-tranżizzjoni ser ikollha fuq l-[SMEs] tul il-katina tal-provvista awtomobilistika u lir-reġjuni u l-komunitajiet milquta li jistgħu jkunu aktar vulnerabbli minħabba l-preżenza ta’ industrija awtomobilistika intensiva ” u li, “[j]enħtieġ li, fejn xieraq, l-appoġġ finanzjarju jitqies fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri biex jiġi attirat l-investiment privat”.
84 It-tielet nett, il-premessa 13 tar-Regolament ikkontestat tenfasizza li finanzjament sinjifikattiv huwa diġà disponibbli bħala appoġġ għall-innovazzjoni fl-ekosistema tal-mobbiltà permezz ta’ diversi strumenti ta’ finanzjament tal-Unjoni. F’din l-ottika, l-Artikolu 14a(3) tar-Regolament 2019/631, kif emendat bil-punt 12 tal-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat, moqri flimkien mal-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2025, miżuri finanzjarji adegwati sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ finanzjament li jkun eventwalment identifikat minnha, fil-każ li dan il-finanzjament jirriżulta insuffiċjenti sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta fil-katina tal-provvista tal-karozzi.
85 Barra minn hekk, kif imfakkar mill-premessa 3 tar-Regolament ikkontestat, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jagħmel parti minnu l-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, huwa sett komplet ta’ miżuri u ta’ inizjattivi li jsaħħu lil xulxin u li għandhom l-għan li jiksbu n-newtralità klimatika fl-Unjoni sas-sena 2050. Issa, sabiex jiġu sostnuti l-popolazzjonijiet l-iktar vulnerabbli matul dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ dan il-pakkett leġiżlattiv u kważi simultanjament ma’ dan ir-regolament, ir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060 (ĠU 2023, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU L, 2025/90562). Bl-istess mod, ir-Regolament 2023/1804, li l-premessa 20 tar-Regolament ikkontestat tagħmel riferiment impliċitu għalih, jimponi, fl-Artikolu 3 tiegħu, fuq l-Istati Membri miri f’termini ta’ introduzzjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar elettriku rriżervata għall-vetturi elettriċi ħfief.
86 Ir-raba’ nett, fit-Taqsima 6.2.1.2 tal-analiżi tal-impatt, iddedikata għall-“[i]mpatti soċjali” tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni eżaminat l-affordabbiltà tal-vetturi b’emissjonijiet ta’ CO2 żero fuq il-bażi tad-dħul tal-konsumaturi. Issa, l-iżviluppi relatati mal-ispiża totali tal-pussess (“total cost ownership”), li jinsabu f’din it-taqsima, jindikaw li, permezz tal-użu ta’ tali vetturi u fix-xenarji kollha previsti, huma l-gruppi bi dħul baxx li l-iktar jiffrankaw fid-dawl tad-dħul annwali tagħhom. Fil-fatt, dawn jistgħu jiffrankaw fuq l-ispiża tal-fjuwil mingħajr ma jkollhom iħallsu prezz għoli għax-xiri ta’ dawn il-vetturi, peress li, bħala t-tieni jew it-tielet xerrejja tal-vetturi, huma jkunu jistgħu jixtruhom bi prezz affordabbli (analiżi tal-impatt, parti 1, p. 54 u 55).
87 Mit-Taqsima 6.2.1.1.3 tal-analiżi tal-impatt jirriżulta wkoll li l-iffrankar imwettaq mill-ewwel u mit-tieni xerrej fuq l-ispejjeż tal-fjuwil waqt l-użu tal-vetturi jaqbeż l-ispejjeż ta’ investiment inizjali ogħla għax-xiri, ta’ vetturi ġodda u użatiiktar effiċjenti u b’emissjonijiet ta’ CO2 żero, rispettivament (Parti 1, p. 36 u 37).
88 Issa, sa fejn is-settur tal-vetturi b’emissjonijiet żero qiegħed jikber b’mod esponenzjali (analiżi tal-impatt, parti 1, p. 40), it-tranżizzjoni mħaffa li jġib miegħu r-Regolament ikkontestat twassal għal disponibbiltà ikbar ta’ tali vetturi fis-suq second hand. F’din l-ottika, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 12 ta’ dan ir-regolament hija intiża li tistimula l-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero.
89 Barra minn hekk, l-analiżi tal-impatt (Parti 1, p. 36) turi li l-iffissar ta’ miri ogħla għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 għal karozzi ġodda tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief ġodda jwassal għal benefiċċji ikbar għas-soċjetà.
90 Barra minn hekk, it-Taqsima 6.2.1.1.8 tal-analiżi tal-impatt dwar l-“[i]mpatti makroekonomiċi, b’mod partikolari fuq l-impjieg” turi li t-tisħiħ tal-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 ser iwassal għal żieda mhux biss fil-produzzjoni ekonomika, iżda wkoll fin-numru ta’ impjiegi fil-livell tal-Unjoni, għalkemm sa ċertu punt limitat meta pparagunat max-xenarju bażi ta’ riferiment. Il-ħolqien ta’ impjiegi addizzjonali għandhom, b’mod partikolari, jiġu osservati fost il-fornituri tas-settur awtomobilistiku kif ukoll fis-settur tal-enerġija. It-telf ta’ impjiegi fis-settur awtomobilistiku huwa spjegat prinċipalment mit-tnaqqis fid-domanda għal vetturi b’mutur termiku. Madankollu, dan it-telf huwa limitat. Barra minn hekk, l-impjiegi fis-settur tal-elettronika u tat-tagħmir elettriku ser jiżdiedu minħabba d-domanda addizzjonali ta’ batteriji u ta’ komponenti għall-muturi elettriċi. Fid-dawl ta’ dan, l-analiżi tal-impatt tenfasizza li, sabiex jittieħed vantaġġ bis-sħiħ mill-opportunitajiet ta’ impjieg offruti mit-tranżizzjoni lejn mobbiltà b’“emissjonijiet żero”, huwa essenzjali li jiġu stimulati l-investimenti f’dawn l-oqsma u sottosetturi b’potenzjal għoli ta’ tkabbir. Barra minn hekk, ser ikun hemm forma ta’ kumpens. Fil-fatt, skont din l-analiżi, l-evoluzzjoni tal-katina tal-valur tal-karozzi ser twassal għal bidliet fit-tqassim tal-impjieg fil-livell settorjali. It-tranżizzjonijiet, f’dak li jirrigwarda l-impjiegi, ser iseħħu fuq livelli differenti: fi ħdan l-istess impriża, fis-settur awtomobilistiku u wkoll barra minn dan is-settur (Parti 1, p. 46 sa 48).
91 F’dan il-kuntest, l-analiżi tal-impatt tinnota li huwa essenzjali li jiġu żgurati politiki u programmi adegwati għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema sabiex jiġu ffaċilitati t-tranżizzjonijiet. Issa, dan huwa preċiżament l-għan tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u tal-FSE+. Dan tal-aħħar ser jikkontribwixxi, b’mod partikolari, b’mod sinjifikattiv għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali billi jistimula l-investiment f’opportunitajiet ta’ taħriġ sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jirnexxu f’soċjetà newtra fuq livell klimatiku, iktar diġitali u iktar inklużiva.
92 L-analiżi tal-impatt (Parti 1, p. 49) tirrileva wkoll li opportunitajiet ġodda ta’ impjieg jistgħu jirriżultaw f’setturi li tradizzjonalment ma jiffurmawx parti mill-katina tal-valur awtomobilistiku, bħall-elettronika, is-software u s-servizzi.
93 Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni, b’mod suffiċjenti, il-konsegwenzi soċjali tat-tranżizzjoni lejn vetturi b’emissjonijiet żero, b’mod partikolari n-neċessità li jiġu żgurati t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib professjonali tal-ħaddiema tas-settur awtomobilistiku, filwaqt li jinżammu l-livelli ta’ impjieg fi ħdan l-Unjoni.
94 Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, għalkemm l-Artikolu 9 TFUE jimponi fuq l-Unjoni l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni rekwiżiti soċjali meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Artikolu 11 TFUE jipprovdi, min-naħa tiegħu, li r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari sabiex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli. Minn dan isegwi li, bl-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu, b’mod partikolari, jirrikonċilja r-rekwiżiti ta’ politika soċjali ma’ dawk marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent.
95 Fit-tielet lok, l-argument li r-Regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 21(1) tal-Karta, sa fejn jistabbilixxi diskriminazzjoni bbażata fuq il-kapital, għandu jiġi miċħud abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 84 sa 92 ta’ din is-sentenza.
96 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv tar-Repubblika tal-Polonja għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 191(2) TFUE
L-argumenti tal-partijiet
97 Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li r-Regolament ikkontestat huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, moqri flimkien mal-Artikolu 191(2) TFUE, sa fejn il-miżuri implimentati minn dan ir-regolament, minn naħa, ma humiex xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minnu u, min-naħa l-oħra, iwasslu għal spejjeż soċjali u ekonomiċi manifestament eċċessivi fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet.
98 L-Artikolu 191(2) TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus (C‑444/15, EU:C:2016:978, punt 44), ċertament jeżiġi li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent timmira għal livell għoli ta’ protezzjoni, madankollu, dan il-livell ma għandux neċessarjament ikun l-ogħla possibbli.
99 Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tipprekludi lil-leġiżlatur tal-Unjoni milli jistabbilixxi obbligi li l-osservanza tagħhom tippermetti li jintlaħaq livell għoli ta’ ambizzjoni f’termini ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES, iżda bi spiża sproporzjonata fuq il-livell soċjali u ekonomiku.
100 Issa, dan huwa l-każ tar-Regolament ikkontestat, peress li t-tranżizzjoni lejn il-mobbiltà b’emissjonijiet żero li jippromwovi tirriskja li jkollha konsegwenzi serjament dannużi għall-industrija awtomobilistika tal-Unjoni, twassal għall-esklużjoni soċjali, iżda wkoll teskludi mill-mobbiltà l-persuni l-inqas sinjuri u żżid id-differenza fil-livell tal-għajxien bejn iċ-ċittadini.
101 Barra minn hekk, billi ma ħax inkunsiderazzjoni d-differenza li teżisti bejn l-Istati Membri f’termini ta’ affordabbiltà għall-vetturi elettriċi u ta’ kapaċità li tiġi pprovduta infrastruttura ta’ ċċarġjar adegwata għal dawn il-vetturi, ir-Regolament ikkontestat jikser ukoll l-Artikolu 191(2) TFUE.
102 Barra minn hekk, il-benefiċċju ambjentali li jirriżulta mit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 huwa biss apparenti, peress li t-tnaqqis tagħhom fis-settur tat-trasport jiġi kkontrobilanċjat biż-żieda tagħhom fis-settur tal-enerġija, peress li, sas-sena 2035, il-fjuwils konvenzjonali ma jkunux ġew issostitwiti minn sorsi ta’ enerġija b’emissjonijiet żero.
103 Miżura iktar proporzjonata kienet tkun tikkonsisti f’inċentivi sabiex jintgħażlu vetturi oħra minbarra l-vetturi termiċi u, jekk leġiżlazzjoni li tillimita n-numru ta’ dawn il-vetturi kellha tapplika, hija kellha tagħmel dan jew permezz ta’ tnaqqis progressiv tal-emissjonijiet ta’ GES tal-imsemmija vetturi, jew permezz ta’ tnaqqis progressiv tan-numru tagħhom, minflok ma tiddeċiedi arbitrarjament li wara s-sena 2035 il-vetturi ta’ dan it-tip ma jkunux jistgħu jibqgħu jiġu rreġistrati.
104 Fl-aħħar nett, peress li t-trasport bit-triq jiġġenera biss 20 % tal-emissjonijiet ta’ GES tal-Unjoni u s-sehem tagħha fl-emissjonijiet globali huwa diġà baxx, ma jkunx raġonevoli li l-Unjoni ġġarrab spejjeż sproporzjonati li jaggravaw il-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tal-industrija awtomobilistika tagħha u l-livell ta’ għajxien taċ-ċittadini tagħha, filwaqt li pajjiżi terzi jagħmlu ħafna inqas sforzi. Azzjoni iktar razzjonali u proporzjonata tal-Unjoni tkun li tħeġġeġ lill-pajjiżi terzi li jarmu iktar GES minnha jadottaw miżuri ta’ tnaqqis adegwati.
105 Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
106 Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, l-ewwel nett, li r-Regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 191(2) TFUE, minħabba li, essenzjalment, il-leġiżlatur tal-Unjoni ipprova jiżgura livell ta’ protezzjoni tal-ambjent għoli wisq. It-tieni nett, dan ir-regolament jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li, minn naħa, il-benefiċċju ambjentali li jirriżulta mit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 huwa biss apparenti u, min-naħa l-oħra, l-imsemmi regolament kellu jeżiġi sforzi ikbar minn pajjiżi terzi li jarmu iktar GES mill-Unjoni.
107 Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 191 TFUE jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent għandu jkollha “mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli” li tieħu inkunsiderazzjoni d-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Unjoni.
108 Fil-punt 44 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus (C‑444/15, EU:C:2016:978), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm huwa paċifiku li din id-dispożizzjoni teżiġi li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent timmira għal livell għoli ta’ protezzjoni, tali livell ta’ protezzjoni, sabiex ikun kompatibbli mal-imsemmija dispożizzjoni, ma għandux neċessarjament ikun teknikament l-ogħla possibbli, peress li l-Artikolu 193 TFUE jawtorizza lill-Istati Membri jżommu jew jistabbilixxu miżuri ta’ protezzjoni msaħħa.
109 Minn din il-formulazzjoni jirriżulta b’mod ċar li, għalkemm l-Artikolu 191(2) TFUE jippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni jagħżel livell ta’ protezzjoni ambjentali li ma għandux neċessarjament ikun teknikament l-ogħla possibbli, din id-dispożizzjoni ma tipprojbixxihx, min-naħa l-oħra, milli jistabbilixxi għan li jikkorrispondi għal tali livell ta’ protezzjoni ambjentali.
110 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi kkritikat li kiser l-Artikolu 191(2) TFUE.
111 Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) TUE, dan il-prinċipju jeżiġi li l-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-għanijiet tat-Trattati.
112 Dan il-prinċipju jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu. Għalhekk, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet imfittxija (sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 13; tat‑13 ta’ Marzu 2019, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑128/17, EU:C:2019:194, punt 94, kif ukoll tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 76).
113 F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-imsemmi prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fl-oqsma fejn l-azzjoni tiegħu tinvolvi għażliet ta’ natura kemm politika kif ukoll ekonomika jew soċjali u fejn huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi, a fortiori meta dawn ikunu jistgħu jevolvu. Din is-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni tapplika għad-determinazzjoni tan-natura u tal-portata tal-miżuri li huwa jadotta, kif ukoll, sa ċertu punt, għall-konstatazzjoni tad-data bażika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 28, 33 u 46; tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 150, 151 u 170, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punti 219 u 242).
114 Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura stabbilita f’wieħed minn dawn l-oqsma, fid-dawl tal-għan li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jikseb, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura. Għaldaqstant, il-kwistjoni ma hijiex jekk miżura adottata f’tali qasam kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-leġiżlatur tal-Unjoni li lilu t-Trattati taw dan il-kompitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punti 82 u 83, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 242).
115 Madankollu, anki bis-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi u għandu jeżamina jekk l-għanijiet imfittxija permezz tal-miżura magħżula jkunux tali li jiġġustifikaw konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki dawk sostanzjali, għal ċerti operaturi. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni, awturi tal-att inkwistjoni, għandhom ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom, li jippreżumi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni li l-imsemmi att kien intiż li jirregola. Minn dan jirriżulta li dawn l-istituzzjonijiet għandhom, tal-inqas, ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu u jesponu b’mod ċar u inekwivoku d-data bażika li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex fuqha jkunu bbażati l-miżuri kkontestati tal-istess att u li fuqha jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, il-validità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma tistax tiddependi minn kunsiderazzjonijiet retrospettivi dwar il-livell ta’ effettività tiegħu(ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Frar 1973, Schroeder, 40/72, EU:C:1973:14, punt 14; tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 84, kif ukoll tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 152 u 153).
116 Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma huwiex obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru meta l-att tal-Unjoni kkonċernat ikollu impatt fl-Istati Membri kollha u jippreżupponi li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet imfittxija minnu, jiġi żgurat bilanċ bejn l-interessi differenti involuti. Għaldaqstant, it-tfittxija ta’ tali bilanċ li tieħu inkunsiderazzjoni mhux is-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru wieħed, iżda dik tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni ma tistax, fiha nnifisha, titqies li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2015, L‑Estonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑508/13, EU:C:2015:403, punt 39; tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 167, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 246).
117 F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, l-ewwel nett, li t-tisħiħ tal-istandards ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 introdotti mir-Regolament ikkontestat jeċċedi b’mod sinjifikattiv il-vantaġġi mistennija minn dawn l-istandards, fid-dawl tal-konsegwenzi serjament dannużi li dawn joħolqu għall-industrija awtomobilistika tal-Unjoni, kif ukoll tar-riskji ta’ esklużjoni soċjali, ta’ esklużjoni mill-aċċess għall-mobbiltà għall-persuni l-inqas sinjuri u ta’ żieda fid-differenzi fil-livell tal-għajxien bejn iċ-ċittadini li dawn joħolqu.
118 Fir-rigward ta’ għażliet ekonomiċi u tekniċi partikolarment kumplessi magħmula f’kuntest evoluttiv, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu, mingħajr ebda dubju, kif tfakkar fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fl-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat. Hija biss in-natura manifestament inadegwata tal-miżuri li dan il-leġiżlatur adotta, fid-dawl tal-għan li huwa kellu l-intenzjoni li jikseb, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, il-kwistjoni ma hijiex jekk dawn il-miżuri kinux l-uniċi jew l-aħjar possibbli, peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-leġiżlatur tal-Unjoni li lilu t-Trattati taw dan il-kompitu
119 Sabiex jiġi evalwat jekk il-miżuri adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-regolament jistgħux jitqiesu li huma proporzjonati, għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li mill-emendi magħmula għar-Regolament 2019/631 mill-punt 1 tal-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li t-twettiq tal-mira ta’ tnaqqis ta’ 100 % tal-emissjonijiet ta’ CO2 sas-sena 2035 għall-flotta ta’ karozzi tal-passiġġieri ġodda u għall-flotta ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda jibqa’ progressiv u gradwali. Madankollu, il-pass ta’ dan it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 kellu jiżdied, minħabba l-ambizzjonijiet klimatiċi msaħħa tal-Unjoni. Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma għolliex il-mira segwita sas-sena 2025 jikkostitwixxi wkoll għażla proporzjonata.
120 Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja bl-ebda mod ma ssostanzjat l-allegati effetti negattivi sinjifikattivi tar-Regolament ikkontestat fuq l-industrija Ewropea tal-karozzi.
121 Fi kwalunkwe każ, mit-Taqsima 6.2.1.1.4 tal-analiżi tal-impatt, intitolata “Spejjeż għall-manifatturi tal-karozzi” (Parti 1, p. 37 et seq.), b’mod partikolari mit-Tabella 5 inkluża f’din it-taqsima, jirriżulta li l-effett tal-investimenti addizzjonali f’termini ta’ spejjeż diretti u indiretti ta’ manifattura meħtieġa minn dan ir-regolament ser ikun relattivament limitat meta pparagunat ma’ dak li kien diġà meħtieġ mir-Regolament 2019/631. Fil-fatt, fil-kuntest tal-għażla ta’ tnaqqis l-iktar ambizzjuża, il-baġit totali ta’ dawn l-ispejjeż għall-perijodu li jkopri s-snin 2021 sa 2030 għandu jiżdied b’0.6 % u b’4 % għall-perijodu mis-sena 2031 sas-sena 2040. Madankollu, l-analiżi tal-impatt (Parti 1, p. 38) tenfasizza wkoll li l-isfida tat-tranżizzjoni f’termini ta’ investiment kienet diġà msemmija fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jipprovdi li l-kisba ta’ tnaqqis addizzjonali fl-emissjonijiet ta’ GES kienet teħtieġ investiment pubbliku massiv kif ukoll sforzi ikbar biex il-kapital privat jiġi dirett lejn azzjonijiet klimatiċi u ambjentali, b’mod li tali investiment inizjali joffri l-opportunità biex l-Ewropa titmexxa lejn tkabbir sostenibbli u inklużiv.
122 Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, fil-kuntest tal-għażla ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES l-iktar ambizzjuża, il-konsum tal-elettriku ta’ karozzi tal-passiġġieri ġodda u ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda jista’ jirrappreżenta 11 % tal-konsum totali tal-enerġija fl‑2040, mit-Taqsima 6.2.1.1.6 tal-analiżi tal-impatt, intitolata “Effetti fuq is-sistema tal-enerġija”, jirriżulta li din l-istima hija kkontrobilanċjata mill-fatt li t-tiġdid tal-flotta tal-karozzi u, għaldaqstant, l-elettrifikazzjoni tagħha tista’ twassal għal tnaqqis globali tal-konsum tal-enerġija ta’ madwar 43 % f’din id-data (analiżi tal-impatt, Parti 1, p. 42 u 43).
123 Għandu jingħad ukoll li, kif isostnu l-Parlament u l-Kunsill, dispożizzjonijiet oħra li jaqgħu taħt il-politika tal-enerġija tal-Unjoni, bħall-Artikolu 3 tad-Direttiva 2018/2001, kif ukoll l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament 2018/1999, kif emendat bil-Liġi Ewropea dwar il-Klima, diġà jikkontribwixxu għas-sehem tal-enerġija prodotta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-Istati Membri kollha. Minn dan isegwi li s-sehem tal-enerġija prodotta minn fjuwils fossili fl-Unjoni huwa intiż li jonqos progressivament fil-futur.
124 Barra minn hekk, kif ġie enfasizzat fil-punti 86 sa 92 ta’ din is-sentenza, l-analiżi tal-impatt turi l-effetti pożittivi tar-Regolament ikkontestat, b’mod partikolari għall-benefiċċju tal-konsumaturi kif ukoll f’termini ta’ impjieg. Hija turi wkoll li dan ir-regolament għandu jkollu impatt ġeneralment pożittiv, għalkemm modest, fuq il-PDG tal-Unjoni (analiżi tal-impatt, Parti 1, p. 46).
125 It-tieni nett, għandu jiġi miċħud ukoll bħala ineffettiv l-argument tar-Repubblika tal-Polonja fis-sens li peress li t-trasport bit-triq jiġġenera biss 20 % tal-emissjonijiet ta’ GES tal-Unjoni u peress li s-sehem tal-Unjoni fl-emissjonijiet globali huwa, diġà, baxx, l-Unjoni kellha tinkoraġġixxi lill-pajjiżi terzi li jarmu iktar GES sabiex jadottaw miżuri ta’ tnaqqis adegwati. Kif isostni, essenzjalment, il-Kunsill fir-risposta tiegħu, huwa diffiċli li jinftiehem kif l-inċentiv jew l-assenza ta’ inċentiv tal-Unjoni tal-Istati terzi sabiex jadottaw miżuri ta’ tnaqqis adegwati jista’ jkollhom effett fuq il-legalità tar-Regolament ikkontestat.
126 Fi kwalunkwe każ, kif sostnew il-Parlament u l-Kunsill, la d-dritt primarju u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-Unjoni għandha tallinja l-politika ambjentali tagħha mal-istandards l-iktar dgħajfa ġeneralment applikati. Tali ġirja lejn l-iktar livell baxx tal-politika ambjentali tal-Unjoni fil-fatt tmur kontra l-Artikolu 191(2) TFUE li jeħtieġ li l-Unjoni timmira għal livell għoli ta’ protezzjoni f’dan il-qasam.
127 Barra minn hekk, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja, li huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ reċiproċità, imur kontra l-Artikolu 2(2) tal-Ftehim ta’ Pariġi, li jistipula b’mod ċar li dan il-ftehim “sejjer jiġi implimentat biex jirrifletti l-ekwità u l-prinċipju ta’ responsabbiltajiet komuni iżda differenzjati u kapaċitajiet rispettivi, fid-dawl ta’ ċirkostanzi nazzjonali differenti”. L-Artikolu 3(1) tal-UNFCCC jippreċiża, f’dan ir-rigward, li “[g]ħalhekk, il-pajjiżi żviluppati għandhom jibdew imexxu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-effetti avversi tiegħu”.
128 Il-Ftehim ta’ Pariġi għalhekk jintroduċi ċerta asimmetrija fl-obbligi tad-diversi partijiet għalih. Issa, kif jirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Parlament u tal-Kunsill, l-Unjoni għandha l-intenzjoni li tqiegħed lilha nnifisha fuq quddiem fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. F’dan ir-rigward, hija barra minn hekk l-ewwel reġjun tad-dinja li ffissat għan ta’ newtralità klimatika f’att legalment vinkolanti, jiġifieri l-Liġi Ewropea dwar il-Klima, bl-għan li tħeġġeġ lis-sħab tagħha jsegwu din it-triq.
129 Fl-aħħar nett, kif isostnu l-Parlament u l-Kunsill, l-istrateġija tar-Repubblika tal-Polonja, li tikkonsisti fl-istennija li pajjiżi oħra jiddeċiedu li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ GES u li sempliċement tinkoraġġihom jieħdu din id-direzzjoni, tipprekludi mhux biss lill-Unjoni milli tkun pijuniera fil-qasam tal-azzjoni klimatika, iżda tista’ twassal ukoll għal inerzja dinjija f’dan il-qasam.
130 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur, minn naħa, tal-obbligu li ssir analiżi xierqa tal-impatt tar-Regolament ikkontestat u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 191(3) TFUE
L-argumenti tal-partijiet
131 Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, fid-dawl tal-portata tal-impatt ekonomiku u soċjali tar-Regolament ikkontestat fuq l-ekonomija u l-kumpanniji tal-Istati Membri, l-analiżi tal-impatt kienet insuffiċjenti, li jikkostitwixxi ksur mhux biss tal-Artikolu 191(3) TFUE, iżda wkoll tar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 12 tal-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
132 F’dan il-każ, diversi elementi juru l-insuffiċjenza tal-analiżi tal-impatt.
133 L-ewwel nett, din kienet tirrigwarda biss l-Unjoni kollha kemm hi, filwaqt li ebda eżami ma sar mill-perspettiva tas-sitwazzjoni tad-diversi Stati Membri u reġjuni tal-Unjoni, ħaġa li ma ppermettietx lill-Istati Membri jevalwaw l-impatt tar-Regolament ikkontestat.
134 It-tieni nett, l-analiżi tal-impatt ma tinkludi ebda previżjoni dwar il-mod kif it-tisħiħ tal-istandards ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 ser jaffettwa l-kapaċità ta’ mobbiltà taċ-ċittadini, b’mod partikolari tal-persuni b’diżabbiltà, kemm fil-livell tal-Unjoni kollha kemm hi kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri individwali jew tar-reġjuni.
135 It-tielet nett, il-ħtiġijiet ta’ riżorsi naturali disponibbli neċessarji sabiex tiġi żviluppata l-“elettromobbiltà”, b’mod partikolari dawk neċessarji għall-produzzjoni ta’ batteriji ta’ vetturi elettriċi, ma ġewx evalwati.
136 Ir-raba’ nett, lanqas ma ġiet eżaminata l-fattibbiltà tat-trasformazzjoni neċessarja tas-settur tal-enerġija, bl-għan li tiġi bbilanċjata d-domanda għall-enerġija elettrika intiża għall-provvista tal-vetturi elettriċi.
137 Il-ħames nett, l-analiżi tal-impatt ma tindirizzax l-impatt tal-influss ta’ vetturi termali użati u li jniġġsu żżejjed fis-suq second hand tal-Istati Membri l-inqas sinjuri li x’aktarx ser jikkawżaw l-introduzzjoni ta’ standards imsaħħa għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2.. Madankollu, dan l-influss jista’ jostakola t-twettiq tal-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (ĠU 2016, L 344, p. 1), id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1), u r-Regolament 2018/842.
138 Is-sitt nett, l-analiżi tal-impatt ma tevalwax l-impatt tat-tisħiħ tal-isforz ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 fuq il-manifatturi awtomobilistiċi tal-Unjoni, fuq il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tal-vetturi termiċi u fuq dak tal-vetturi b’propulsjoni alternattiva, kemm fuq livell dinji kif ukoll fuq dak tal-Unjoni. Lanqas ma ġie eżaminat il-mod kif is-sitwazzjoni tal-manifatturi ta’ vetturi termali u b’propulsjoni alternattiva stabbiliti barra mill-Unjoni ser taffettwa s-swieq tal-karozzi dinjija u tal-Unjoni.
139 Is-seba’ nett, l-analiżi tal-impatt la tieħu inkunsiderazzjoni l-appoġġ mogħti lill-manifatturi mhux Ewropej mill-gvernijiet tagħhom, u lanqas l-impatt li dan l-appoġġ jista’ jkollu fuq il-kompetittività tal-manifatturi tal-karozzi tal-Unjoni.
140 It-tmien nett, l-analiżi tal-impatt ma tinkludi ebda evalwazzjoni tal-effetti prodotti mill-eżistenza jew mill-assenza ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi fuq il-kapaċità li jintlaħqu l-miri mfittxija mir-Regolament ikkontestat.
141 Id-disa’ nett, l-analiżi tal-impatt ma tispjegax kif l-assenza, f’dan ir-regolament, ta’ arranġamenti li jiżguraw il-finanzjament tal-miżuri neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet tiegħu ser taffettwa t-twettiq tagħhom fid-diversi Stati Membri.
142 Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
143 Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li r-Regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 191(3) TFUE kif ukoll il-punt 12 tal-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet sa fejn dan ir-regolament huwa bbażat fuq analiżi tal-impatt mhux iddettaljata biżżejjed.
144 Preliminarjament, sa fejn l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-punt 12 tal-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bl-ebda mod ma huwa ssostanzjat, ma hemmx lok li dan jiġi eżaminat, peress li, bi ksur tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 12(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikors ma jinkludix espożizzjoni sommarja tal-motiv.
145 Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 191(3) TFUE, għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li, kif ġie enfasizzat fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, peress li r-Regolament ikkontestat jipprevedi miri fil-livell tal-flotta tal-Unjoni għall-vetturi tal-passiġġieri ġodda u għall-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx obbligat jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tar-Repubblika tal-Polonja.
146 Barra minn hekk, din bl-ebda mod ma esponiet ir-raġunijiet li għalihom l-analiżi tal-impatt kellha tevalwa l-impatt ta’ dan ir-regolament fuq il-kapaċità ta’ mobbiltà tal-persuni b’diżabbiltà, u lanqas kif dan jirrendi diffiċli l-osservanza ta’ strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni intiżi wkoll sabiex jipproteġu l-ambjent. Barra minn hekk, l-analiżi tal-impatt tindirizza l-kwistjoni tal-integrazzjoni tal-ambizzjoni ikbar ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-imsemmi regolament fil-kuntest ġenerali tal-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, li huwa sett komprensiv ta’ miżuri u ta’ inizjattivi li jsaħħu lil xulxin li l-għan tagħhom huwa li tinkiseb in-newtralità klimatika fl-Unjoni sas-sena 2050, kif jirriżulta b’mod partikolari mit-Taqsimiet 6.2.1.1.6 u 6.2.1.1.7 ta’ din l-analiżi (Parti 1, p. 42 u 44).
147 B’mod partikolari, fir-rigward tad-disponibbiltà tar-riżorsi naturali, l-analiżi tal-impatt (Parti 2, Anness 7) tagħmel riferiment, essenzjalment, għall-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2019/1020, li ġiet adottata bħala r-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2023 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE (ĠU 2023, L 191, p. 1, rettifiki fil-ĠU L, 2024/90243, fil-ĠU L, 2025/90794 u fil-ĠU L, 2026/90285). Ir-Regolament 2023/1542 jistabbilixxi miri għoljin ta’ riċiklaġġ u ta’ rkupru għall-irkupru ta’ materja prima kritika sekondarja, bħal-litju u l-kobalt u li huwa inseparabbli mir-Regolament ikkontestat.
148 Barra minn hekk, anki qabel l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kienet ippreżentat, fis‑16 ta’ Marzu 2023, proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, 2018/1724 u (UE) 2019/1020, li l-għan tagħha huwa li jiżdied il-potenzjal għall-estrazzjoni, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ tal-materja prima kritika fl-Unjoni.
149 Għandu jiġi enfasizzat ukoll li r-Regolament ikkontestat jindika b’mod ċar li dan għandu jkun akkumpanjat mill-introduzzjoni ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar. F’din l-ottika, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta, kważi simultanjament mar-Regolament ikkontestat, ir-Regolament 2023/1804, li l-Artikoli 1 u 3 tiegħu jistabbilixxu miri nazzjonali vinkolanti li jwasslu għall-introduzzjoni ta’ infrastruttura suffiċjenti ta’ fjuwils alternattivi fl-Unjoni u jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jilħquhom fi stadji sas-sena 2030.
150 Barra minn hekk, l-Artikolu 191(3) TFUE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha invokati mir-Repubblika tal-Polonja, kif imfakkra fil-punti 133 sa 141 ta’ din is-sentenza. Peress li l-elementi elenkati f’din id-dispożizzjoni huma fformulati f’termini ġenerali, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-fatturi speċifiċi li huwa jqis utli li jeżamina u l-livell ta’ dettall li jixtieq li l-analiżi jkollha.
151 Fil-fatt, l-Artikolu 191 TFUE jipprevedi sensiela ta’ għanijiet, ta’ prinċipji u ta’ kriterji li l-leġiżlatur Unjoni għandu josserva fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-politika ambjentali. B’mod partikolari, mill-Artikolu 191(3) TFUE jirriżulta li, fit-tfassil tal-politika tagħha fil-qasam ambjentali, l-Unjoni tieħu inkunsiderazzjoni data xjentifika u teknika disponibbli, kundizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni differenti tal-Unjoni, vantaġġi u piżijiet li jistgħu jirriżultaw mill-azzjoni jew mill-assenza ta’ azzjoni, kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Unjoni fl-intier tagħha u l-iżvilupp ibbilanċjat tar-reġjuni tagħha. Madankollu, minħabba l-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn ċerti għanijiet u prinċipji u kif ukoll tal-kumplessità tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-kriterji, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu neċessarjament ikun limitat għall-eżami dwar jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 191 TFUE (sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech, C‑284/95, EU:C:1998:352, punti 36 u 37, kif ukoll tat‑13 ta’ Marzu 2019, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑128/17, EU:C:2019:194, punti 134 u 135).
152 Minn dan isegwi li għalkemm l-Artikolu 191(3) TFUE jobbliga lil-leġiżlatur tal-Unjoni “[j]ieħu in konsiderazzjoni” ċerti aspetti, l-evalwazzjoni li huwa jwettaq f’dan ir-rigward hija suġġetta biss għal stħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. Issa, il-lista twila ta’ elementi li r-Repubblika tal-Polonja tqis rilevanti, fid-dawl tar-raġunijiet u ta’ evalwazzjoni tagħha stess, ma turi, fiha nnifisha, ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-aspetti elenkati f’din id-dispożizzjoni tat-Trattat.
153 Għall-kuntrarju, l-analiżi tal-impatt tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ċċitati mir-Repubblika tal-Polonja. Dan japplika b’mod partikolari fit-Taqsima 1.2 tagħha dwar l-interazzjoni bejn, minn naħa, l-istandards tal-emissjonijiet ta’ CO2 għall-karozzi tal-passiġġieri u għall-vetturi kummerċjali ħfief u, min-naħa l-oħra, politiki oħra intiżi li jsaħħu l-ambizzjoni klimatika tal-Unjoni fis-settur tat-trasport bit-triq, it-Taqsima 6.2.1.1.7 tagħha dwar l-investimenti fl-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, it-Taqsimiet 6.2.1.1.2 u 6.2.1.1.3 tagħha li jirrigwardaw l-iffrankar mill-perspettiva tas-soċjetà u tal-utenti finali, it-Taqsima 6.2.1.1.6 tagħha dwar l-impatti fuq is-sistema tal-enerġija jew it-Taqsima 6.2.1.2 tagħha dwar l-impatti soċjali.
154 Bl-istess mod, kif jirriżulta mill-punti 86 sa 88, 90 sa 93 u 124 ta’ din is-sentenza u kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika tal-Polonja, l-analiżi tal-impatt teżamina l-kwistjonijiet dwar in-natura affordabbli tal-vetturi b’emissjonijiet żero, il-PDG u l-impatt tal-għażliet possibbli fuq l-impjiegi.
155 Fl-aħħar nett, l-analiżi tal-impatt turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni effettivament ħa inkunsiderazzjoni l-problema tal-pożizzjoni tal-industrija awtomobilistika tal-Unjoni fid-dinja. Din l-analiżi tindika, diversi drabi u b’mod partikolari fit-Taqsima 2 tagħha, intitolata “Definizzjoni tal-problema”, u fit-Taqsima 6.2.1.1.5 tagħha, intitolata “Innovazzjoni u kompetittività” (ara, b’mod partikolari, il-Parti 1, p. 14, 15, 40 u 41), li l-uniku mezz għall-Unjoni li tibqa’ fuq quddiem u kompetittiva fis-suq dinji huwa li żżid fit-territorju tagħha l-produzzjoni ta’ tali vetturi u tal-batteriji neċessarji għalihom kif ukoll ir-riċerka u l-iżvilupp f’dan il-qasam. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika tal-Polonja, skont l-analiżi tal-impatt, l-industrija awtomobilistika stess, tirrikonoxxi li l-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni ser jgħinha żżomm u tiżviluppa s-sehem tagħha mis-suq fl-Unjoni u fid-dinja.
156 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi miċħud ir-raba’ motiv tar-Repubblika tal-Polonja bħala infondat u konsegwentement, għandu jiġi miċħud ir-rikors fl-intier tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
157 Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Parlament u l-Kunsill talbu l-kundanna tar-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħha, għal dawk sostnuti mill-Parlament u mill-Kunsill.
158 Konformement mal-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, li jipprovdi li l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħha, għal dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
3) Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.