7.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 154/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/886

tas-16 ta’ Mejju 2022

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi programmi tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 186 u 212 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tal-ittra tal-14 ta’ Mejju 2020, il-Gżejjer Faeroe esprimew l-interess formali tagħhom li jiġu assoċjati ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (“il-Programm Orizzont Ewropa”) (2021-2027), li ġie stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill awtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim bejn l-Unjoni u l-Gżejjer Faeroe dwar il-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi programmi tal-Unjoni u l-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe mal-Programm Orizzont Ewropa.

(3)

In-negozjati ġew konklużi u l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi programmi tal-Unjoni (“il-Ftehim”) ġie inizjalat fit-8 ta’ Ottubru 2021.

(4)

L-objettivi tal-Ftehim huma li jistabbilixxi qafas dejjiemi għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Gżejjer Faeroe u li jistipula t-termini u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-programmi tal-Unjoni li huma miftuħa għall-parteċipazzjoni tagħhom f’konformità mal-atti bażiċi li jistabbilixxu programmi tal-Unjoni kif definiti fil-Ftehim. Skont tal-Ftehim, l-Unjoni ser twettaq miżuri ta’ kooperazzjoni mal-Gżejjer Faeroe skont l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim, it-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi kwalunkwe programm jew attività tal-Unjoni huma soġġetti għall-adozzjoni ta’ protokolli.

(5)

F’konformità mal-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, il-Protokoll dwar l-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faeroe ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) ġie negozjat b’mod parallel mal-Ftehim u, skont l-Artikolu 15(9) tal-Ftehim, jifforma parti integrali minnu.

(6)

Il-Gżejjer Faeroe jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(1), il-punt (d). tar-Regolament(UE) 2021/695.

(7)

Il-Ftehim jikkonforma mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2021/695, li-jeżiġi li l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi terzi mal-Programm Orizzont Ewropa skont l-Artikolu 16(1), il-punt(d), ta’ dak ir-Regolament tkun f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehim li jkopri l-parteċipazzjoni ta’ tali pajjiż jew territorju fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, dment li l-ftehim: jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tal-pajjiż terz li jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni; jistipula l-kondizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni, inkluż il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali, u l-kostijiet amministrattivi tagħhom; ma jagħti lill-pajjiż terz l-ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-programm tal-Unjoni; u jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(8)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(9)

Bil-ħsieb li tiġi żgurata kooperazzjoni mingħajr interruzzjoni bejn l-Unjoni u l-Gżejjer Faeroe fil-qasam tar-riċerka, tal-iżvilupp teknoloġiku u tal-innovazzjoni, u li l-Gżejjer Faeroe jkun jistgħu jipparteċipaw fil-Programm Orizzont Ewropa mill-bidu ta’ dak il- Programm, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2021 u b’mod proviżorju, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi programmi tal-Unjoni (“il-Ftehim”)huwa b’dan awtorizzat soġġett għall-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim (2).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

1.   Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, f’konformità mal-Artikolu 15(2) tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

2.   Il-Ftehim għandu jiġi applikat mill-1 ta’ Jannar 2021 f’konformità mal-Artikolu 15(1) tiegħu.

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill għandu jagħti, f’isem l-Unjoni, in-notifika prevista fl-Artikolu 15(2) tal-Ftehim.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(2)  Ara paġna 4 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.