10.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 456/208


P9_TA(2021)0025

L-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (2019/2169(INI))

(2021/C 456/19)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Artikoli 6, 8, 10, 83, 153 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha, b'mod partikolari l-għan 5 u l-miri u l-indikaturi tagħha,

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979,

—

wara li kkunsidra d-direttivi mill-1975 'il quddiem dwar diversi aspetti tat-trattament ugwali għan-nisa u l-irġiel (id-Direttiva 79/7/KEE (1), id-Direttiva 86/613/KEE (2), id-Direttiva 92/85/KEE (3), id-Direttiva 2004/113/KE (4), id-Direttiva 2006/54/KE (5), id-Direttiva 2010/18/UE (6) u d-Direttiva 2010/41/UE (7)),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (8) (Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata),

—

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Marzu 2012 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet) (COM(2012)0614),

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

—

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Marzu 2016 dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (COM(2016)0109),

—

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-6 ta' Marzu 2019 bit-titolu “2019 Report on equality between women and men in the EU” (Rapport tal-2019 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-UE) (SWD(2019)0101),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2020 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-64 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (9),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Jannar 2020 dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri (10),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE (11),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru (12),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur tal-midja fl-UE (13),

—

wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-2019 mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), ippubblikat fil-15 ta' Ottubru 2019,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2019 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-politiki tat-tassazzjoni fl-UE (14),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE (15),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa fis-setturi privati u pubbliċi fl-UE (16),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE biex titwaqqaf u tiġi evitata d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel (17),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea 2014-2015 (18),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka dwar is-saħħa mentali u dik klinika (19),

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 100 dwar ir-Remunerazzjoni Indaqs tal-1951 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), u l-Konvenzjoni 190 dwar il-Vjolenza u l-Fastidju tal-2019 tal-ILO,

—

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Marzu 2014 dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta' pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza (20),

—

wara li kkunsidra l-Impenn Strateġiku tal-Kummissjoni għall-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri 2016-2019,

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2017 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni 2017-2019 tal-UE: L-indirizzar tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa” (COM(2017)0678),

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-2019 tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-UE,

—

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2019 bit-titolu “Innaqqsu d-Differenza bejn il-Pagi tal-Irġiel u n-Nisa: Politiki u Miżuri Ewlenin”,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-faqar: perspettiva tas-sessi (21),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi bħala xprun biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi (22),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi (23),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar fatturi esterni li jirrappreżentaw ostakoli għall-intraprenditorija femminili Ewropea (24),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar in-nisa u r-rwol tagħhom fiż-żoni rurali (25),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2018 dwar is-servizzi tal-kura fl-UE għal ugwaljanza aħjar bejn is-sessi (26),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (27),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2018 dwar in-nisa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġustizzja klimatika (28),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa fl-era diġitali (29),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015 (30),

—

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2019 dwar “Ekonomiji li Jiffavorixxu l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-UE: It-Triq 'il Quddiem”,

—

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u, b'mod partikolari, il-prinċipji 1, 2, 3, 6, 9, 11, 12 u 15 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi II u d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal bit-titolu “L-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw il-Ħajjiet tal-Bniet u tan-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020” (SWD(2015)0182),

—

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħhom,

—

wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD), il-Programm ta' Azzjoni tagħha, u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħha,

—

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi tal-2016 tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCC) u l-Programm ta' ħidma msaħħaħ ta' Lima dwar il-ġeneri u l-Pjan ta' Azzjoni tiegħu dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi ta' Diċembru 2019,

—

wara li kkunsidra l-istħarriġ mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) bit-titolu “Violence against women: an EU-wide survey” (Il-vjolenza fuq in-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha), ippubblikat fl-2014,

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025” (COM(2020)0152),

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-7 ta' Mejju 2020 bit-titolu “L-isfidi demografiċi fl-UE fid-dawl tal-inugwaljanzi ekonomiċi u tal-iżvilupp”,

—

wara li kkunsidra l-Karta Ewropea għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel fil-Ħajja Lokali,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A9-0234/2020),

A.

billi d-dritt għal trattament ugwali huwa dritt fundamentali ta' importanza kbira rikonoxxut fit-Trattati tal-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u huwa essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tiegħu;

B.

billi l-Istati Membri kisbu bħala medja punteġġ ta' 67,4 minn 100 fl-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-UE tal-2019, punteġġ li tjieb b'5,4 punti biss mill-2005;

C.

billi l-istrutturi u l-istereotipi dannużi madwar id-dinja jipperpetwaw l-inugwaljanza, u billi t-tneħħija ta' dawn l-istrutturi u l-istereotipi se ttejjeb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi t-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-investiment fin-nisa u l-bniet mhux biss huma ta' benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi, iżda huwa wkoll għan fih innifsu; billi huwa importanti li jiġu eżaminati l-persistenza u l-kawżi ewlenin tal-fenomenu ta' “leaky pipeline”; billi huwa meħtieġ moviment qawwi favur id-drittijiet tan-nisa biex jiġu difiżi l-valuri demokratiċi, id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tan-nisa b'mod partikolari, u billi t-theddid għad-drittijiet tan-nisa jirrappreżenta wkoll theddid għad-demokrazija;

D.

billi d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru ta' spiss tiġi kkombinata mad-diskriminazzjoni abbażi tal-identitajiet bħalma huma s-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija f'minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità u l-espressjoni tal-ġeneru, u l-klassi u/jew l-istatus ta' immigrant li jwasslu għal diskriminazzjoni doppja u multipla; billi perspettiva intersezzjonali orizzontali hija essenzjali fi kwalunkwe politika ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri sabiex tirrikonoxxi u tindirizza dan it-theddid multiplu ta' diskriminazzjoni; billi l-politiki tal-UE s'issa ma skattawx approċċ intersezzjonali u ffukaw l-aktar fuq id-dimensjoni individwali tad-diskriminazzjoni, li ma tindirizzax id-dimensjonijiet istituzzjonali, strutturali u storiċi tagħha; billi l-applikazzjoni ta' analiżi intersezzjonali mhux biss tippermettilna nifhmu l-ostakli strutturali, iżda toffri wkoll evidenza biex noħolqu punti ta' riferiment u nistabbilixxu triq lejn politiki strateġiċi u effettivi kontra d-diskriminazzjoni sistemika, l-esklużjoni u d-disparitajiet bejn il-ġeneri, u billi sforzi bħal dawn iridu jindirizzaw kull forma ta' diskriminazzjoni biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għan-nisa kollha;

E.

billi l-UE adottat leġiżlazzjoni importanti u għamlet progress kruċjali lejn il-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi, madankollu, dawn l-isforzi naqsu f'dawn l-aħħar snin, filwaqt li l-movimenti li jopponu l-politiki dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa mxew 'il quddiem, billi ppruvaw jistabbilixxu mill-ġdid rwoli tradizzjonali tal-ġeneri bħala n-norma, jixħtu dubju dwar l-istatus quo u jimblukkaw progress ulterjuri; billi dawn il-movimenti jopponu l-politiki dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-diversità tal-familja, iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR), kif ukoll l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, jippruvaw jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika nazzjonali u Ewropea sabiex jitreġġgħu lura, b'mod inkwetanti, drittijiet fundamentali diġà stabbiliti, u billi t-theddid għad-drittijiet tan-nisa dejjem ifisser ukoll theddid għad-demokrazija u l-progress soċjali u ekonomiku;

F.

billi d-drittijiet tas-saħħa, b'mod partikolari d-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva, huma drittijiet fundamentali tan-nisa, għandhom jissaħħu u ma jistgħux jiddgħajfu bi kwalunkwe mod jew jitneħħew;

G.

billi hemm reazzjoni negattiva viżibbli f'xi Stati Membri, inkluż fl-oqsma ta' tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa, u hemm riskju li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tista' taqa' aktar lura fl-aġenda tal-Istati Membri;

H.

billi waħda minn kull tliet nisa fl-UE ta' 15-il sena jew aktar esperjenzat xi forma ta' vjolenza fiżika u/jew sesswali (31), waħda minn kull tnejn esperjenzat fastidju sesswali u 1 minn kull 10 iffaċċjat fastidju online;

I.

billi l-vjolenza kontra n-nisa fil-forom kollha tagħha (vjolenza fiżika, sesswali, psikoloġika, ekonomika jew ċibernetika) hija ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tikkostitwixxi wieħed mill-akbar ostakli għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi ħajja ħielsa mill-vjolenza hija prerekwiżit għall-ugwaljanza; billi l-vjolenza sessista fis-saħħa, bħal, pereżempju, il-vjolenza ostetrika u ġinekoloġika, hija forma ta' vjolenza li ħarġet biss fid-dieher f'dawn l-aħħar snin u billi l-vjolenza kontra n-nisa akbar fl-età għadha fil-biċċa l-kbira ftit rikonoxxuta; billi l-kampanji ta' diżinformazzjoni li jimminaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jimblukkaw ukoll il-progress dwar il-kwistjoni li tiġi eliminata l-vjolenza kontra n-nisa, kif ġie osservat fir-rigward tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, u dan iwassal għal oppożizzjoni pubblika u deċiżjonijiet politiċi dannużi f'xi Stati Membri;

J.

billi t-traffikar tal-bnedmin jirrappreżenta wieħed mill-aktar ksur gravi tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tal-bniedem; billi n-nisa u l-bniet jirrappreżentaw 80 % tal-vittmi rreġistrati tat-traffikar u 95 % tal-vittmi rreġistrati tat-traffikar għal skopijiet ta' sfruttament sesswali; billi t-traffikar tal-bnedmin huwa fergħa dejjem tikber tal-kriminalità organizzata, forma ta' skjavitù u ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jikkonċerna l-aktar lin-nisa u lit-tfal, speċjalment għall-iskop ta' sfruttament sesswali; billi s-suq tal-prostituzzjoni jżid it-traffikar tan-nisa u t-tfal, u jaggrava l-vjolenza kontrihom; billi jeħtieġ li l-Istati Membri jfasslu l-politiki soċjali u ekonomiċi tagħhom b'tali mod li jgħinu lin-nisa u lill-bniet vulnerabbli biex jitilqu mill-prostituzzjoni, inkluż billi jintroduċu politiki soċjali u ekonomiċi speċifiċi maħsuba biex jgħinuhom;

K.

billi l-faqar u l-esklużjoni soċjali għandhom kawżi strutturali li jeħtieġ li jinqerdu u jitreġġgħu lura, b'mod partikolari, permezz ta' politiki dwar l-impjiegi, id-djar, il-mobilità u l-aċċess għas-servizzi pubbliċi; billi l-prostituzzjoni, it-traffikar tal-persuni, b'mod partikolari tan-nisa u t-tfal, għall-isfruttament sesswali hija forma ta' skjavitù u hija inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem, b'mod partikolari f'pajjiżi fejn l-industrija tas-sess ġiet legalizzata; billi, bħala riżultat taż-żieda fil-kriminalità organizzata u l-profittabbiltà tagħha, it-traffikar tal-bnedmin qed jiżdied madwar id-dinja; billi s-suq tal-prostituzzjoni jżid it-traffikar tan-nisa u t-tfal u jaggrava l-vjolenza kontrihom, b'mod partikolari f'pajjiżi fejn l-industrija tas-sess ġiet legalizzata;

L.

billi, skont in-NU, il-fastidju psikoloġiku jew sesswali fuq il-post tax-xogħol jew il-fastidju b'konsegwenzi importanti għall-aspirazzjonijiet personali u professjonali huwa esperjenzat minn kważi 35 % tan-nisa mad-dinja kollha u huwa ta' ħsara għall-awtostima tan-nisa, kif ukoll il-pożizzjoni tan-negozjar tagħhom għal remunerazzjoni aktar ġusta; billi remunerazzjoni ġusta u indipendenza ekonomika huma prerekwiżit essenzjali biex in-nisa jkunu jistgħu jitilqu minn relazzjoni abbużiva u vjolenti;

M.

billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tista' tinkiseb biss billi tiġi żgurata l-ugwaljanza tagħhom quddiem il-liġi, kif ukoll l-opportunitajiet indaqs fl-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi;

N.

billi r-rwoli u l-istereotipi tal-ġeneru tradizzjonali għadhom jinfluwenzaw id-diviżjoni tax-xogħol fid-dar, fl-edukazzjoni, fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà; billi l-kura mhux imħallsa u x-xogħol domestiku jitwettqu l-aktar min-nisa, b'impatt fuq l-impjiegi u l-progress fil-karriera u jikkontribwixxu għad-differenza bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa; billi miżuri ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, bħad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, huma l-ewwel passi importanti, li jeħtieġu, l-ewwel u qabel kollox, li jiġu trasposti kif suppost mill-Istati Membri, implimentati bis-sħiħ fil-ħin u kkumplimentati ukoll b'aktar miżuri sabiex jiġu involuti aktar irġiel f'xogħol ta’ kura mhux imħallas, u jenfasizza l-importanza ugwali tiegħu meta mqabbel ma' xogħol professjonali, id-dmirijiet ta’ kura u biex jitrawwem il-mudell ta' ugwaljanza fir-rigward tad-dħul u l-għoti ta' kura; billi l-istrutturi tradizzjonali, ix-xogħol ta' kura mhux imħallas u d-diżinċentivi fil-politiki nazzjonali tat-tassazzjoni jikkontribwixxu għall-imbuttar jew iż-żamma tan-nisa fl-istatus ta' ħaddiem li huwa t-tieni sors ta' dħul, li għandu konsegwenzi negattivi għan-nisa u l-indipendenza ekonomika tagħhom, kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi;

O.

billi l-istimi juru li 80 % tal-kura kollha madwar l-UE tiġi pprovduta minn persuni li jindukraw b'mod informali li l-biċċa l-kbira tagħhom huma nisa (75 %), li jindika l-eżistenza ta' differenza bejn il-ġeneri fl-indukrar li qed tinfluwenza b'mod qawwi d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi; billi aktar minn 50 % tal-persuni li jindukraw taħt l-età ta' 65 sena jikkombinaw il-kura mal-impjieg, u dan jirriżulta f'diffikultajiet għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; billi l-persuni li jindukraw ta' spiss jiġu impjegati f'impjiegi b'livell baxx ta' ħiliet u b'pagi baxxi, li jistgħu jiġu adattati għall-iskeda ta' indukrar tagħhom, kif ukoll ikunu obbligati jnaqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom jew jitilqu mix-xogħol imħallas; billi bejn 7 % u 21 % mill-persuni li jindukraw b'mod informali jnaqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom, u bejn 3 % u 18 % jirtiraw mis-suq tax-xogħol; billi l-għoti ta' kura ta' kwalità fl-UE jvarja ħafna kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom, u bejn il-kuntesti privati u pubbliċi, iż-żoni urbani u rurali, u l-gruppi ta' etajiet differenti; billi d-data dwar il-provvista tal-kura fl-UE hija pjuttost frammentata u ma jeżistix approċċ olistiku, li jindirizza l-isfidi demografiċi li l-UE qed tiffaċċja bil-pressjoni li tirriżulta fuq in-nefqa pubblika;

P.

billi jeżistu nuqqasijiet fit-tqabbil tas-sistemi tal-kura tat-tfal fid-diversi Stati Membri mal-ħtiġijiet tal-ġenituri, inklużi ġenituri waħedhom (l-aktar ommijiet waħedhom), u għad hemm diffikultajiet fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja, privata u professjonali, speċjalment għan-nisa; billi n-nisa ta' aktar minn 45 sena ta' spiss jitqiesu bħala sottoimpjegati u jiġu impjegati taħt kundizzjonijiet ferm agħar mill-irġiel, speċjalment meta jirritornaw għax-xogħol wara l-leave tal-maternità jew tal-ġenituri jew meta jkunu mġiegħla jirrikonċiljaw ix-xogħol mal-kura tad-dipendenti;

Q.

billi, sabiex jiġi promoss il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, għandha tiġi pprovduta sistema maħsuba sew ta' leave relatat mal-kura b'faċilitajiet ta' kura ta' kwalità għolja, aċċessibbli faċilment u affordabbli, u n-nefqa fuq dawn il-faċilitajiet għandha titqies bħala parti mill-investimenti fl-infrastruttura; billi dawn is-servizzi huma prekundizzjoni għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fil-pożizzjonijiet ewlenin fix-xjenza u r-riċerka;

R.

billi l-protezzjoni tal-maternità huwa dritt li jrid jiġi rrispettat bis-sħiħ, u billi żieda fil-perjodi tal-leave tal-maternità bi drittijiet sħaħ u b'paga sħiħa għandha tkun realtà;

S.

billi d-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali, anke jekk minqux fil-liġi, mhux dejjem ikun garantit; billi n-negozjar kollettiv huwa vantaġġ importanti biex jitreġġgħu lura u jingħelbu l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol; billi d-differenza bejn il-ġeneri fl-UE fir-rigward tal-paga fis-siegħa hija ta' 16 %, għalkemm din tvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri; billi d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa tiżdied għal 40 % meta jitqiesu r-rati ta' impjieg u l-parteċipazzjoni globali fis-suq tax-xogħol; billi r-ramifikazzjonijiet tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa jinkludu differenza ta' 37 % fl-introjtu mill-pensjonijiet bejn il-ġeneri; billi fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, 8 % tal-irġiel fl-UE qed jaħdmu part-time meta mqabbla ma' 31 % tan-nisa, u dan juri inugwaljanzi persistenti, li l-kawżi ewlenin tagħhom jeħtieġ li jiġu indirizzati;

T.

billi, għalkemm il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol żdiedet, hemm diskrepanzi persistenti bejn il-ġeneri li jistgħu jpoġġu lin-nisa f'sitwazzjonijiet vulnerabbli jew prekarji; billi d-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi fl-UE hija ta' 11,6 % (32); billi n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed f'setturi u f'pożizzjonijiet deċiżjonali b'pagi għoljin, u jaħdmu b'mod aktar frekwenti f'impjiegi li huma kkwalifikati żżejjed għalihom, b'waħda minn kull ħames ħaddiema nisa fl-UE tagħmel parti mill-grupp l-aktar baxx ta' pagi, meta mqabbla ma' 1 minn kull 10 irġiel; billi r-ramifikazzjonijiet tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa jinkludu diskrepanza ta' 37 % (33) fl-introjtu mill-pensjonijiet bejn il-ġeneri, sitwazzjoni li se tippersisti għal ħafna deċennji oħra, u livell mhux ugwali ta' indipendenza ekonomika bejn in-nisa u l-irġiel; billi sforzi ambizzjużi huma meħtieġa biex jingħelbu dawn id-diskrepanzi kollha bejn il-ġeneri;

U.

billi n-nuqqas ta' rappreżentanza tan-nisa fis-suq tax-xogħol jirriżulta wkoll fil-parteċipazzjoni mhux ugwali tagħhom fit-teħid ta' deċiżjonijiet jew f'pagi mhux ugwali, u għalhekk jillimita l-potenzjal tan-nisa li jibdlu l-istrutturi ekonomiċi, politiċi, soċjali u kulturali; billi s-segregazzjoni vertikali u orizzontali fix-xogħol u l-prattiki diskriminatorji fir-reklutaġġ u l-promozzjoni huma waħda mill-kawżi ewlenin tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa; billi l-kwoti tal-ġeneru, is-sistemi ta' lista “zipper” u s-sanzjonijiet sussegwenti f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità jew proċeduri li ma jaħdmux urew li huma miżuri effiċjenti biex jiżguraw parità u biex jaħdmu kontra relazzjonijiet tal-poter mhux ugwali;

V.

billi hemm argument ekonomiku fil-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fl-ekonomija, minħabba li d-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi tiswa EUR 370 biljun fis-sena lill-Ewropa (34);

W.

billi l-aċċess għal informazzjoni komprensiva u adatta għall-età, u għal edukazzjoni dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet, kif ukoll l-aċċess għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet, inkluż l-ippjanar tal-familja, il-metodi ta' kontraċezzjoni u l-abort sikur u legali, huma essenzjali biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tiġi eliminata l-vjolenza sessista; billi l-ksur tal-SRHR tan-nisa, inkluża ċ-ċaħda ta' kura sikura u legali f'każ ta' abort, huma forma ta' vjolenza kontra n-nisa; billi edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet, u l-awtonomija tal-bniet u tan-nisa u l-kapaċità tagħhom li jieħdu deċiżjonijiet liberi u indipendenti dwar ġisimhom u ħajjithom, huma prekundizzjonijiet għall-indipendenza ekonomika tagħhom u għalhekk għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-eliminazzjoni tal-vjolenza sessista;

X.

billi n-nisa kienu fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, u billi l-kriżi attwali qed ikollha impatt sproporzjonat fuq in-nisa, il-bniet u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi dawn l-impatti jvarjaw minn żieda inkwetanti fil-vjolenza sessista u l-fastidju sessist, il-kura u r-responsabbiltajiet domestiċi mhux imħallsa u mhux ugwali, permezz ta' aċċess ristrett għall-SRHR, għal impatti ekonomiċi u fuq ix-xogħol enormi għan-nisa, b'mod partikolari l-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, l-indokraturi u l-ħaddiema f'setturi oħra bi prevalenza femminili u prekarji; billi huma meħtieġa miżuri speċifiċi biex jagħmlu tajjeb għal dan; billi l-programmi ta' rkupru jew il-fondi ta' tranżizzjoni għandhom jiġu allokati b'mod ibbilanċjat bejn il-ġeneri; billi l-miżuri ta' awsterità wrew li huma ta' ħsara għan-nisa, għad-drittijiet tan-nisa u għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-passat;

Y.

billi r-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, huwa prerekwiżit għall-ħolqien u d-distribuzzjoni ta' espressjonijiet kulturali u edukattivi varjati, peress li s-setturi kulturali u kreattivi kollha għandhom influwenza konsiderevoli fuq it-twemmin, il-valuri u l-perċezzjoni tagħna tal-kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

Z.

billi n-nisa u l-bniet jiffaċċjaw għadd ta' ostakli fil-qasam tal-isport u mhumiex soġġetti biss għall-vjolenza, iżda jiffaċċjaw ukoll diskriminazzjoni fil-pagi, fil-premji fi flus u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, u mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-bordijiet tal-organizzazzjonijiet sportivi u l-midja;

AA.

billi n-nisa jirrappreżentaw biss 34,4 % ta' dawk li jaħdmu għal rashom fl-UE u 30 % tal-imprendituri ta' negozji ġodda;

AB.

billi l-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa jaffettwaw b'mod sproporzjonat lin-nisa, b'mod partikolari l-ommijiet waħedhom, in-nisa b'diżabilità, in-nisa anzjani, in-nisa li ġejjin minn żoni rurali u remoti, u n-nisa migranti u ta' minoranzi etniċi; billi fil-livell tal-UE 15 % tal-unitajiet domestiċi bit-tfal huma unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed; billi, bħala medja, 85 % minn dawn l-unitajiet domestiċi huma mmexxija minn ommijiet waħedhom, filwaqt li 47 % tal-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed kienu jinsabu f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali fl-2017; billi l-kondizzjoni ta' persuna mingħajr dar fost in-nisa hija problema li qed tikber; billi d-Direttiva kontra d-Diskriminazzjoni, li tipprovdi protezzjoni akbar permezz ta' approċċ orizzontali għadha mblukkata fil-Kunsill;

AC.

billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-inklużjoni tan-nisa fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet huma prerekwiżit għall-iżvilupp sostenibbli u għall-ġestjoni effiċjenti tal-isfidi klimatiċi sabiex tinkiseb tranżizzjoni ekwa u ġusta li ma tħalli lil ħadd jibqa' lura; billi l-kriżi klimatika qed taggrava d-disparitajiet bejn il-ġeneri u tagħmilha aktar diffiċli li tinkiseb ġustizzja bejn il-ġeneri; billi n-nisa jesperjenzaw l-impatt tat-tibdil fil-klima b'mod differenti, peress li huma aktar vulnerabbli u jiffaċċjaw riskji u piżijiet akbar minħabba diversi raġunijiet, li jvarjaw minn aċċess mhux ugwali għar-riżorsi, l-edukazzjoni, l-opportunitajiet ta' impjieg u d-drittijiet tad-dominju ta' art għal normi soċjali u kulturali, stereotipi u l-esperjenzi intersezzjonali varjati tagħhom; billi l-azzjoni dwar il-klima kollha trid tinkludi perspettiva tal-ġeneru kif ukoll perspettiva intersezzjonali; billi d-drittijiet tan-nisa jridu jissaħħu biex itaffu l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq in-nisa, u jridu jinħolqu opportunitajiet biex in-nisa jsibuha aktar faċli biex ikollhom rwoli aktar b'saħħithom fid-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet dwar it-tibdil fil-klima bħala mexxejja, professjonisti u aġenti tekniċi għall-bidla;

AD.

billi n-nisa fiż-żoni rurali jiffaċċjaw bosta sfidi, inklużi standards tal-għajxien aktar baxxi, opportunitajiet ta' impjieg aktar limitati, iżolament relattiv mis-swieq, aċċess limitat għall-infrastruttura, inklużi l-infrastruttura rurali, is-servizzi pubbliċi u l-kura tas-saħħa, aċċess għall-edukazzjoni (inkluża l-edukazzjoni dwar is-sesswalità) u informazzjoni dwar opportunitajiet edukattivi, u mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-fora fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet; billi dawn jistgħu jwettqu xogħol inviżibbli fl-azjendi agrikoli minħabba n-nuqqas ta' status formali għall-konjuġi ta' għajnuna, u dan iwassal għal problemi biex il-ħidma tagħhom tiġi rikonoxxuta mis-sistemi nazzjonali;

AE.

billi 46 miljun mara u tifla b'diżabilità jgħixu fl-Unjoni Ewropea; billi din iċ-ċifra tirrappreżenta kważi 60 % tal-popolazzjoni globali tal-persuni b'diżabilità; billi l-biċċa l-kbira tad-diżabilitajiet jinkisbu bl-età;

AF.

billi aktar minn nofs in-nisa fl-età tax-xogħol u li għandhom diżabilità huma ekonomikament inattivi; billi fl-Istati Membri kollha r-rata ta' privazzjoni materjali estrema tan-nisa b'diżabilità hija ogħla minn dik tan-nisa mingħajr diżabilità;

AG.

billi l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2019 jiżvela inugwaljanzi persistenti bejn l-irġiel u n-nisa fis-settur diġitali u jenfasizza l-ħtieġa ta' perspettiva tal-ġeneru fil-politiki kollha li jindirizzaw it-trasformazzjoni diġitali u l-valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tas-sessi; billi t-tneħħija tad-distakk diġitali bejn il-ġeneri b'aċċess aħjar għat-teknoloġija u l-internet għall-bniet u n-nisa hija tal-akbar importanza; billi n-nisa huma riżorsa mhux sfruttata f'oqsma emerġenti, bħal dawk diġitali, l-IA u l-ICT, bin-nisa jirrappreżentaw biss 16 % tal-kważi tmien miljun persuna li jaħdmu fl-ICT fl-Ewropa; billi l-proporzjon ta' rġiel li jaħdmu fis-settur diġitali huwa tliet darbiet akbar mill-proporzjon ta' nisa; billi t-tisħiħ tal-impjieg ta' aktar nisa fis-settur diġitali u f'setturi oħra tal-ġejjieni huwa ta' importanza vitali fil-ġlieda kontra d-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa u biex tiġi ggarantita l-indipendenza ekonomika tagħhom, kif ukoll biex jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-impjieg, inkluż għal gruppi normalment esklużi mis-suq tax-xogħol; billi f'dan ir-rigward huwa essenzjali li tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-intraprenditorija diġitali, ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u l-edukazzjoni u l-impjieg tal-ITC; billi bl-integrazzjoni ta' aktar nisa fis-suq tax-xogħol diġitali, hemm potenzjal għal spinta ta' EUR 16-il biljun fil-PDG għall-ekonomija Ewropea; billi d-disparitajiet bejn il-ġeneri u d-diskriminazzjoni sesswali ġew riprodotti permezz tad-disinn, l-input u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali (IA); billi settijiet ta' data mhux kompluti u preġudizzju żbaljat jistgħu jfixklu r-razzjonalità ta' sistema tal-IA u jipperikolaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-soċjetà;

AH.

billi l-ġbir ta' data diżaggregata skont il-ġeneru huwa essenzjali biex l-inugwaljanzi jsiru viżibbli u jinħolqu politiki mmirati, u huwa tal-akbar importanza għal approċċ iffukat fuq il-ġeneri għall-kwistjonijiet kollha involuti, bħal, fost l-oħrajn, il-vjolenza sessista, id-diżabilitajiet, il-kanċer u l-mard rari jew kroniku, l-impatt tat-tibdil fil-klima, il-ħiliet diġitali u STEM; billi għad hemm nuqqas ta' data sensittiva għall-ġeneru f'oqsma differenti tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri;

AI.

billi n-nisa huma sottorappreżentati b'mod sproporzjonat fl-aħbarijiet u fil-midja tal-informazzjoni; billi r-rappreżentazzjoni inugwali tan-nisa u l-irġiel fil-midja tipperpetwa l-istereotipi li jaffettwaw l-immaġni tan-nisa u tal-irġiel;

AJ.

billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, l-ibbaġitjar skont il-ġeneru u l-valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-ġeneri huma għodod essenzjali biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-oqsma kollha ta' politika tal-UE; billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija indirizzata fil-politiki tal-UE permezz ta' diversi fondi u strumenti, u billi l-faċilitazzjoni ta' sinerġiji ottimali bejniethom hija għodda importanti ħafna; billi dan huwa partikolarment importanti għall-miżuri soċjoekonomiċi meħuda wara l-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19, inkluż il-Pjan ta' Rkupru tal-UE;

AK.

billi l-istrateġija ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-2020-2025 u t-tisħiħ tal-politiki sensittivi għall-ġeneru fil-livell tal-UE huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 ma jżidx id-disparità bejn il-ġeneri u li r-rispons għaliha jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa;

AL.

billi l-kriżi tal-COVID-19 ħalliet impatt ukoll fuq il-ħaddiema tas-sess, billi żiedet ir-riskju tagħhom li jitilfu l-introjtu u ta' faqar, u hija kkaratterizzata min-nuqqas kontinwu ta' qafas u infurzar tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

AM.

billi azzjoni magħquda hija essenzjali biex id-drittijiet tan-nisa fl-Ewropa jikkonverġu u jiġu armonizzati 'l fuq permezz ta' patt b'saħħtu bejn l-Istati Membri billi jikkondividu u jimpenjaw ruħhom fl-aktar leġiżlazzjoni ambizzjuża u l-aħjar prattiki li hemm fis-seħħ bħalissa fl-UE;

AN.

billi, filwaqt li hemm Kummissarju li huwa esklussivament responsabbli għall-Ugwaljanza u l-Parlament Ewropew għandu kumitat iddedikat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, ma hemm l-ebda konfigurazzjoni speċifika tal-Kunsill dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, u l-ministri u s-segretarji tal-Istat inkarigati mill-ugwaljanza bejn il-ġeneri ma għandhomx forum iddedikat għad-diskussjoni;

Kummenti ġenerali

1.

Jilqa' l-adozzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025”, li seħħet fil-ħin fl-ewwel 100 jum tal-Kummissjoni l-ġdida, bħala sinjal qawwi tal-impenn politiku mal-politiki Ewropej dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u bħala qafas ta' politika deċiżiv, ċar u ambizzjuż biex jiġu realizzati aktar id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u jintlaqgħu l-attakki kontrihom; jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni ta' Unjoni Ewropea mingħajr diskriminazzjoni u inugwaljanzi strutturali, għan-nies kollha fid-diversità kollha tagħhom; jissottolinja l-importanza tal-approċċ doppju magħżul, li jikkonsisti f'miżuri mmirati u l-impenn li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-intersezzjonalità jiġu implimentati b'mod konsistenti bħala prinċipji trasversali, u jilqa' r-rabta qawwija bejn l-oqsma ta' ħidma u l-eliminazzjoni tal-istereotipi, tal-preġudizzji bbażati fuq il-ġeneru u tad-diskriminazzjoni, u jitlob mekkaniżmi ta' monitoraġġ b'saħħithom sabiex ikejlu u jevalwaw b'mod regolari s-suċċess tal-istrateġija u l-miżuri tagħha;

2.

Jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa ta' approċċ ibbażat fuq l-opportunitajiet fi ħdan l-istrateġija ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob lill-Kummissjoni biex bħala l-punt tat-tluq, tieħu “opportunitajiet indaqs għan-nisa” biex tkompli tiġi implimentata l-istrateġija;

3.

Jilqa' l-prijorità mogħtija lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri mill-Kummissjoni l-ġdida u mill-President tagħha, kif ukoll in-nomina ta' Kummissarju ddedikat għall-Ugwaljanza, u jistenna r-rapport annwali dwar l-ugwaljanza bħala għodda ta' evalwazzjoni utli biex tivvaluta l-progress u biex tidentifika d-differenzi eżistenti u l-ħtiġijiet ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-qafas tal-politika;

4.

Jilqa' t-tħabbira ta' diversi inizjattivi komplementari tal-UE, bħal strateġija Ewropea tad-diżabilità b'miżuri vinkolanti wara l-2020, l-istrateġija LGBTI+ u l-Qafas tal-UE għal wara l-2020 dwar l-Istrateġiji għall-Ugwaljanza u l-Inklużjoni tar-Rom, u jitlob li jkun hemm qafas strateġiku biex dawn jiġu konnessi, u approċċ intersezzjonali li għandu jiġi adottat fihom kollha; jisħaq fuq l-importanza tal-monitoraġġ tas-sitwazzjonijiet li qed jiġu indirizzati u tal-adattament flessibbli tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u ta' strateġiji rilevanti oħra għar-riżultati, kif ukoll tal-isfidi li ġejjin, bl-użu tal-politiki attwali jew billi jiġu ssuġġeriti għodod ġodda, kif uriet il-kriżi riċenti tal-COVID-19; itenni l-ħtieġa li jiżdiedu miżuri speċifiċi għan-nondiskriminazzjoni, u l-ugwaljanza u l-protezzjoni tan-nisa soġġetti għal inugwaljanzi strutturali bejn il-ġeneri, u jfakkar lill-Kummissjoni li huma meħtieġa aktar sforzi f'din id-direzzjoni;

5.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-istrateġija għadha vaga dwar il-kwistjoni tal-iskedi ta' żmien għal diversi miżuri, li ntlaqgħu tajjeb ħafna, u li la tistabbilixxi miri konkreti għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri li għandhom jintlaħqu sal-2025 u lanqas għodod ċari ta' monitoraġġ; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjan direzzjonali konkret bi skadenzi, objettivi, mekkaniżmu annwali ta' rieżami u monitoraġġ, indikaturi ċari u li jistgħu jitkejlu ta' suċċess u azzjonijiet immirati addizzjonali; jitlob, barra minn hekk, li jitressqu linji gwida, kif ukoll pjan direzzjonali dwar kif għandhom jiġu implimentati l-approċċi intersezzjonali u tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, inkluż l-ibbaġitjar skont il-ġeneru, b'mod effettiv fit-tfassil tal-politika tal-UE, u li jiġu żviluppati għodod speċifiċi (bħal indikaturi, miri u għodod ta' monitoraġġ), kif ukoll li jiġu allokati riżorsi umani u finanzjarji adegwati, li jippermettu l-applikazzjoni tagħhom fil-politiki kollha tal-UE; jitlob li jkun hemm skadenzi ċari fir-rigward tal-iżvilupp tal-qafas imħabbar għall-kooperazzjoni tal-pjattaformi tal-internet, l-istrateġija tal-UE dwar il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin, l-istrateġija ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-industrija awdjoviżiva (bħala parti mis-sottoprogramm MEDIA) u l-kampanja ta' komunikazzjoni madwar l-UE kollha dwar il-ġlieda kontra l-istereotipi tal-ġeneru;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-impenji tal-Programm ta' Ħidma tal-2020 fi kwalunkwe reviżjoni u tipprovdi proposta għal miżuri vinkolanti ta' trasparenza fil-pagi, strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi u strateġija ġdida tal-UE għall-qerda tat-traffikar tal-bnedmin; jiddispjaċih li l-proposta għal miżuri vinkolanti ta' trasparenza fil-pagi ma ġietx introdotta fl-2020 kif ippjanat;

7.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri japprovaw u jimplimentaw id-Direttiva kontra d-Diskriminazzjoni u jiggarantixxu li diversi forom multipli u intersezzjonali ta' diskriminazzjoni jinqerdu fl-Istati Membri kollha tal-UE;

8.

Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fuq diversi livelli, speċjalment kontra gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa b'diżabilità, in-nisa suwed, in-nisa migranti, ta' minoranzi etniċi u n-nisa Rom, in-nisa akbar fl-età, l-ommijiet waħedhom, il-persuni LGBTIQ+ u n-nisa mingħajr dar, u jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li dawn jibbenefikaw mill-objettivi u l-azzjonijiet tal-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2020-2025; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi linji gwida espliċiti dwar l-implimentazzjoni tal-qafas intersezzjonali, li għandhom jagħtu prijorità lill-parteċipazzjoni tal-gruppi affettwati mill-forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni sabiex jivvalutaw l-impatt differenzjali tal-politiki u l-azzjonijiet biex jitfasslu apposta t-tweġibiet f'kull qasam li huma bbażati fuq il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, f'konformità mal-għanijiet tal-istrateġija, jinkorporaw sistematikament perspettiva tal-ġeneru fl-istadji kollha tar-rispons għall-kriżi tal-COVID-19 u jippromwovu l-involviment tan-nisa fil-livelli kollha tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jissottolinja li jkun sinjal ħażin li xi elementi tal-istrateġija l-ġdida jiġu posposti u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa' fit-triq it-tajba bl-istrateġija l-ġdida; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu kif xieraq il-ħtiġijiet tan-nisa waqt li jfasslu u jqassmu l-fondi miftiehma fi ħdan il-pjan ta' rkupru għall-Ewropa “NextGenerationEU”;

10.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati l-ġbir u l-analiżi affidabbli u adegwati tad-data diżaggregata skont il-ġeneru biex taġixxi bħala l-bażi għat-teħid ta' deċiżjonijiet billi jiġi żgurat u estiż il-finanzjament, u l-kapaċitajiet tal-EIGE;

11.

Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw b'mod regolari l-aħjar prattiki u jimpenjaw ruħhom għal konverġenza u armonizzazzjoni 'l fuq tad-drittijiet tan-nisa fl-Ewropa billi jintroduċu l-aktar miżuri u prattiki nazzjonali ambizzjużi li bħalissa huma fis-seħħ fl-Istati Membri tal-UE fil-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom;

12.

Jitlob, barra minn hekk, li l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-EIGE jiġi inkorporat fil-proċess ta' monitoraġġ tal-Kummissjoni, u li l-iżvilupp ta' indikatur tad-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi, wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE biex titwaqqaf u tiġi evitata d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel (35), jiġi mmonitorjat fi ħdan l-istrateġija ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala l-unika strateġija li tiġbor flimkien l-inugwaljanzi kollha li n-nisa jesperjenzaw matul ħajjithom; jitlob ukoll li jitqiesu indikaturi oħra dwar id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u d-differenza bejn il-ġeneri fl-indukrar, id-distakk diġitali bejn il-ġeneri, eċċ.;

13.

Jistieden lill-Kunsill jistabbilixxi konfigurazzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri li tlaqqa' flimkien lill-ministri u s-segretarji tal-Istat inkarigati mill-ugwaljanza bejn il-ġeneri, sabiex jistabbilixxu miżuri komuni u konkreti biex jiġu indirizzati l-isfidi fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u biex jiġi żgurat li l-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġu diskussi fl-ogħla livell politiku;

14.

Jistieden lill-Istati Membri joħolqu konfigurazzjoni formali ta' Kunsill għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, sabiex il-Ministri u s-Segretarji tal-Istat inkarigati mill-ugwaljanza bejn il-ġeneri jkollhom forum iddedikat għad-diskussjoni u sabiex tiġi ffaċilitata aktar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki kollha tal-UE, inklużi l-impjiegi u l-politika soċjali;

15.

Jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' referenza fl-istrateġija ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-2020-2025 għall-protezzjoni tan-nisa u l-bniet f'riskju ta' esklużjoni soċjali, ta' faqar u li jitilfu djarhom; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza dawn il-kwistjonijiet fil-pjan ta' azzjoni li jmiss dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni, sabiex jiġi evitat li dawn in-nisa jiġu esklużi mill-politiki soċjali u ekonomiċi, u b'hekk iċ-ċiklu tal-faqar jissaħħaħ aktar;

16.

Jistieden lill-Kunsill jadotta konklużjonijiet tal-Kunsill biex japprova l-istrateġija ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri u jidentifika azzjonijiet konkreti biex jimplimentaha;

L-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza sessista

17.

Jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li tiġġieled il-vjolenza sessista, tappoġġja u tipproteġi l-vittmi ta' dawn ir-reati, u tiżgura li dawk responsabbli jinżammu responsabbli għar-reati tagħhom; jappoġġja l-pjan tal-Kummissjoni li tkompli tinsisti fuq ir-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul madwar l-UE kollha; jissottolinja, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa ta' miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati d-disparitajiet eżistenti fil-liġijiet, il-politiki u s-servizzi bejn l-Istati Membri u ż-żieda fil-vjolenza domestika u sessista matul il-pandemija tal-COVID-19; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-fatt li diversi tentattivi biex jikkonvinċu lill-Istati Membri li kienu qed joqogħdu lura fallew u li l-Gvern tal-Ungerija dan l-aħħar iddeċieda li ma jirratifikax il-Konvenzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon, għalhekk, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi miżuri fl-2021 biex jintlaħqu l-objettivi tal-Konvenzjoni ta' Istanbul jekk l-adeżjoni tal-UE tibqa' mblukkata; jitlob li jinbdew azzjonijiet preparatorji issa sabiex jitniedu miżuri legalment vinkolanti addizzjonali u direttiva qafas tal-UE għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza sessista, li tindirizza fost kwistjonijiet oħra, il-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), l-abort, l-isterilizzazzjoni u ż-żwiġijiet sfurzati, u biex tinkludi l-isfruttament sesswali, it-traffikar, il-vjolenza ċibernetika, il-pubblikazzjoni ta' pornografija b'vendetta u d-diskors ta' mibegħda online kontra n-nisa b'approċċ intersezzjonali qawwi; jilqa' l-inizjattiva li testendi l-oqsma tal-kriminalità biex ikopru forom speċifiċi ta' vjolenza sessista skont l-Artikolu 83(1) TFUE; ifakkar li dawn il-miżuri leġiżlattivi ġodda għandhom ikunu komplementari għar-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul;

18.

Jilqa' l-pjan li tiġi ppreżentata rakkomandazzjoni addizzjonali, kif ukoll leġiżlazzjoni possibbli, dwar il-prevenzjoni ta' prattiki dannużi, u li jitnieda network tal-UE dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza kemm sessista kif ukoll dik domestika; jitlob li jiġu applikati d-definizzjonijiet u l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u li l-organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tan-nisa u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) jiġu involuti fuq bażi kontinwa; iħeġġeġ il-preżentazzjoni ta' miżuri ta' segwitu xierqa, li lkoll kemm huma jkunu jirrispettaw il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni; jenfasizza l-importanza tal-impenn – fejn xieraq skont struttura ta' Stat Membru partikolari – tal-gvernijiet lokali u reġjonali f'dan il-proċess; jissottolinja r-rwol tal-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni tas-subien u tal-irġiel, u jitlob li jiġu miġġielda l-istereotipi tal-ġeneru f'dan ir-rigward; jitlob li tiġi żgurata protezzjoni xierqa tan-nisa li huma vittmi ta' vjolenza domestika, filwaqt li jiżdiedu l-mezzi tal-Istati u r-rispons effettiv;

19.

Jissottolinja l-ħtieġa li tinġabar data diżaggregata dwar il-forom kollha ta' vjolenza sessista; jilqa' t-tħabbira ta' stħarriġ ġdid madwar l-UE kollha dwar il-prevalenza u d-dinamika tal-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' data diżaggregata skont il-ġeneru komprensiva u komparabbli fil-livell tal-UE u ta' armonizzazzjoni ta' sistemi ta' ġbir ta' data fost l-Istati Membri;

20.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li n-nisa li huma minorenni, dawk li jappartjenu għal minoranzi jew li jkollhom problema ta' saħħa jew diżabilità jiġu protetti bħala vittmi potenzjali u bħala miri ta' forom differenti ta' vjolenza; jappoġġja l-pjan tal-Kummissjoni li tippreżenta u tiffinanzja miżuri biex jiġu miġġielda l-abbuż, l-isfruttament u l-vjolenza possibbli kontra dawn il-gruppi partikolarment vulnerabbli;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissalvagwardjaw l-ugwaljanza inklużiva għan-nisa u l-bniet b'diżabilità fl-oqsma kollha tal-ħajja, sabiex jiżguraw id-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, jipprovdulhom protezzjoni mill-vjolenza domestika u mill-vjolenza permezz ta' fornituri ta' servizzi tal-kura u ta' appoġġ, u jniedu programmi ta' sensitizzazzjoni u ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet għal dan il-għan għall-professjonisti fl-oqsma tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, soċjali u tal-indukrar, tal-edukazzjoni, it-taħriġ u s-servizzi tal-impjiegi, tal-infurzar tal-liġi u tal-ġudikatura;

22.

Jisħaq fuq il-kamp ta' applikazzjoni u l-impatt tal-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol u l-ħtieġa ta' miżuri konkreti fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet u biex jiġi miġġieled il-fastidju psikoloġiku u sesswali; jinnota li l-persuni li jindukraw, il-ħaddiema domestiċi u l-ħaddiema ta' azjendi agrikoli informali, fost oħrajn, jesperjenzaw b'mod partikolari nuqqas ta' protezzjoni u viżibbiltà, u jistieden lill-Istati Membri jadottaw il-Konvenzjoni Nru 189 tal-ILO, sabiex jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema, speċjalment tan-nisa, fl-ekonomija informali u biex jiġi żgurat li l-mekkaniżmi tal-ilmenti huma indipendenti, kunfidenzjali u aċċessibbli għan-nisa kollha mingħajr diskriminazzjoni, u li jiġu pprovduti miżuri speċifiċi biex l-ilmentaturi jiġu protetti minn ritaljazzjoni tal-impjegatur u vittimizzazzjoni ripetuta; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li, bħala impjegatur, tadotta qafas ġuridiku komprensiv ġdid b'sett ta' miżuri kemm preventivi kif ukoll reattivi kontra l-fastidju fuq il-post tax-xogħol;

23.

Jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' referenza għad-dimensjoni tal-ġeneri tat-traffikar għall-finijiet ta' sfruttament tax-xogħol, speċjalment fil-każ ta' ħaddiema domestiċi, minħabba l-limitazzjonijiet li d-dar tal-familja tippreżenta bħala post tax-xogħol fir-rigward tal-possibbiltajiet li jitwettqu spezzjonijiet u li jsir monitoraġġ tal-attività tax-xogħol; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar il-ħaddiema domestiċi nisa u n-nisa li jaħdmu fis-settur tal-kura fl-UE, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-investigazzjonijiet f'dan il-qasam, sabiex jittejbu l-mekkaniżmi għall-identifikazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi, u biex jiġu involuti l-NGOs, it-trade unions, l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadini kollha fil-proċess ta' identifikazzjoni;

24.

Jinsab ferm imħasseb dwar in-natura, il-portata u l-gravità tal-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol u l-impatt tal-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet f'sitwazzjonijiet ta' xogħol; jilqa', f'dan ir-rigward, il-Konvenzjoni Nru 190 tal-ILO adottata reċentement dwar il-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol u jistieden lill-Istati Membri jirratifikawha u jimplimentawha mingħajr dewmien; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu miżuri effettivi u vinkolanti biex jiddefinixxu u jipprojbixxu l-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol, inkluż li jkun hemm aċċess effettiv għal mekkaniżmi tal-ilmenti u għas-soluzzjoni tat-tilwim reattivi għal kwistjonijiet tal-ġeneru, sikuri u effettivi, taħriġ u kampanji ta' sensibilizzazzjoni, servizzi ta' appoġġ u rimedji;

25.

Jemmen li l-ħaddiema nisa li jsofru minn vjolenza sessista għandhom ikunu intitolati għal tnaqqis fil-ħinijiet tax-xogħol tagħhom jew riorganizzazzjoni ta' dawn il-ħinijiet u għal bidla fil-post tax-xogħol; iqis li l-vjolenza sessista għandha tiġi inkluża fil-valutazzjonijiet tar-riskju tal-post tax-xogħol;

26.

Jikkundanna l-kampanja kontra l-Konvenzjoni ta' Istanbul, li hi mmirata lejn il-vjolenza kontra n-nisa, u l-kampanja intenzjonata biex din tiġi skreditata; huwa preokkupat dwar ir-rifjut tal-liġi dwar it-tolleranza żero għall-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza sessista, li hija bbażata fuq kunsens internazzjonali qawwi; jinnota li dan jixħet dubju dwar l-essenza tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-ugwaljanza, l-awtonomija u d-dinjità; jisħaq fuq ir-rwol ewlieni li l-OSĊ għandhom fil-ġlieda kontra l-vjolenza sessista u fl-għoti ta' appoġġ liċ-ċittadini, u jħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tipprovdi finanzjament adegwat lil assoċjazzjonijiet li qed isegwu dawn l-għanijiet; jilqa' l-impenn fl-istrateġija l-ġdida dwar id-drittijiet tal-vittmi li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u l-bniet li huma vittmi ta' vjolenza, speċjalment bil-għan li jiġu żgurati d-drittijiet, il-protezzjoni u l-kumpens tal-vittmi; jistieden lill-Kunsill jikkonkludi b'urġenza r-ratifika u l-implimentazzjoni sħiħa tal-UE tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u jħeġġeġ ir-ratifika tagħha mill-Istati Membri kollha;

27.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rikonoxxuti u miġġielda t-tipi kollha ta' vjolenza u fastidju fis-sistema edukattiva, l-iskejjel, l-universitajiet, l-apprendistati, il-programmi għall-iżvilupp professjonali u l-programmi l-oħra kollha, fis-settur kollu;

28.

Jilqa' l-miżuri speċifiċi proposti biex tiġi indirizzata l-vjolenza ċibernetika li taffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa u t-tfajliet (inklużi l-fastidju online, il-bullying ċibernetiku u d-dikors ta' mibegħda sessist), b'mod partikolari l-attivisti, il-politiċi nisa u figuri pubbliċi oħra li jidhru fid-diskors pubbliku; jilqa', f'dan il-kuntest, l-aħbar li dan il-fenomenu se jiġi indirizzat fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali u li dan jipprevedi ħidma mal-pjattaformi teknoloġiċi u mas-settur tal-ICT f'qafas ġdid ta' kooperazzjoni, sabiex dan tal-aħħar jindirizza l-kwistjoni permezz ta' miżuri tekniċi adegwati bħal tekniki ta' prevenzjoni u mekkaniżmi ta' rispons għal kontenut dannuż; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-UE jadottaw aktar miżuri, inklużi miżuri leġiżlattivi vinkolanti, biex jiġġieldu dawn il-forom ta' vjolenza fil-qafas ta' Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa, u li l-Istati Membri jingħataw appoġġ fl-iżvilupp ta' għodod ta' taħriġ għas-servizzi involuti fl-istadji kollha, mill-prevenzjoni u l-protezzjoni għall-prosekuzzjoni, bħall-forza tal-pulizija u s-sistema ġudizzjarja, flimkien mas-settur tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati wkoll d-drittijiet fundamentali online;

29.

Huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' projbizzjoni espliċita ta' diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' identità tal-ġeneru u espressjoni tal-ġeneru ta' persuna fid-dritt tal-Unjoni; jinnota l-persistenza tad-diskriminazzjoni, il-fastidju u l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol fil-konfront ta' persuni LGBTIQ+; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar il-futur tal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI (36) u r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar id-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI (37); jilqa' l-adozzjoni tal-ewwel strateġija dwar l-LGBTI+, u jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI tal-UE 2016-2019 tagħha, b’miżuri speċifiċi biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess;

30.

Jilqa' l-ewwel Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025), adottata reċentement, li se tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi ta' vjolenza sessista, b'mod partikolari approċċ speċifiku għall-vjolenza psikoloġika kontra n-nisa u l-impatt fuq is-saħħa mentali tagħhom fit-tul; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-lakuni attwali fil-leġiżlazzjoni tal-UE u jitlob lill-Kummissjoni tressaq, mingħajr dewmien, proposta għal rieżami tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi fir-rigward ta' standards internazzjonali dwar il-vjolenza kontra n-nisa, bħall-Konvenzjoni ta' Istanbul, bil-għan li tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi u l-protezzjoni u l-kumpens tal-vittmi; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-vittmi kollha jkollhom aċċess effettiv għall-ġustizzja permezz tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, li għad hemm nuqqas tiegħu f'xi Stati Membri; jitlob il-promozzjoni kontinwa tad-drittijiet tal-vittmi anke permezz ta' strumenti eżistenti bħall-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni;

31.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għas-sitwazzjoni estremament drammatika ta' tfal li jispiċċaw orfni minħabba vjolenza sessista jew li jiġu mġiegħla jgħixu f'ambjent ta' vjolenza domestika, u jħeġġiġhom iqisu dawn is-sitwazzjonijiet meta jindirizzaw il-problema ta' vjolenza domestika;

32.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-istrateġija tal-UE li ilha mistennija dwar il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin u jissottolinja l-ħtieġa ta' rikonoxximent ċar tan-natura sessista tat-traffikar tal-bnedmin u tal-isfruttament sesswali, fejn in-nisa u l-bniet huma l-aktar affettwati; jirrikonoxxi li l-isfruttament sesswali għal skopijiet ta' maternità surrogata u skopijiet riproduttivi jew skopijiet bħaż-żwiġijiet sfurzati, il-prostituzzjoni u l-pornografija huwa inaċċettabbli u ksur tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob, għalhekk, li l-istrateġija tħares mill-qrib lejn is-sitwazzjoni tan-nisa fil-prostituzzjoni, b'enfasi speċjali fuq ir-rabta bejn il-prostituzzjoni u t-traffikar tan-nisa u l-minorenni, fl-UE u mad-dinja kollha, u l-użu emerġenti tal-internet għal skopijiet ta' sfruttament; jenfasizza r-rwol u l-ħidma importanti tal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar u jħeġġeġ lill-Kummissjoni taħtar Koordinatur ġdid mingħajr aktar dewmien, biex jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar mill-Istati Membri; jinsisti fuq l-importanza li jiġu inklużi miżuri u strateġiji biex titnaqqas id-domanda;

33.

Jitlob li jkun hemm miżuri aktar b'saħħithom fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar ir-reati sesswali u jissottolinja li s-sess dejjem irid ikun volontarju; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri kollha biex jemendaw id-definizzjoni ta' stupru fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom sabiex tkun ibbażata fuq in-nuqqas ta' kunsens;

34.

Jilqa' l-kampanja ta' komunikazzjoni madwar l-UE kollha dwar il-ġlieda kontra l-istereotipi tal-ġeneru, kif ukoll miżuri ta' prevenzjoni tal-vjolenza li jiffukaw fuq l-irġiel, is-subien u l-maskulinità; jitlob li miżuri aktar ċari jiġu mmirati lejn in-normi distruttivi tal-maskulinità, peress li l-istereotipi tal-ġeneru huma kawża ewlenija tad-disparità bejn il-ġeneri u jaffettwaw l-oqsma kollha tas-soċjetà;

35.

Jitlob li jingħataw aktar attenzjoni u appoġġ lill-orfanatrofji u lill-familji foster għall-vittmi ta' vjolenza, li nagħlqu jew li l-kapaċità ta' kenn tagħhom kienet limitata ħafna matul il-pandemija tal-COVID-19, u dan jobbliga lin-nisa jew lit-tfajliet u lit-tfal biex jiffaċċjaw il-prospett ta' kwarantina fid-dar li fiha jkunu qed jiġu abbużati;

36.

Jissottolinja l-fatt li l-vjolenza kontra n-nisa spiss hija r-raġuni ewlenija għaliex in-nisa jesperjenzaw il-kondizzjoni ta' persuna mingħajr dar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tieħu l-miżuri meħtieġa biex tipprevjeni l-vjolenza kontra n-nisa li twassal għall-kondizzjoni ta' persuni mingħajr dar jew li ttawwalha;

37.

Jilqa' t-tħabbira ta' rakkomandazzjoni dwar il-prevenzjoni ta' prattiki dannużi, flimkien ma' leġiżlazzjoni possibbli, biex tiġi miġġielda l-MĠF, l-isterilizzazzjoni furzata, iż-żwieġ prekoċi u sfurzat u l-hekk imsejħa vjolenza relatata mal-unur, li speċifikament tagħmel ħsara lit-tfal u lill-bniet żgħar;

In-nisa u l-ekonomija

38.

Itenni l-appelli tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jtejbu aktar il-ġbir ta' data diżaggregata skont il-ġeneru (38), statistika, riċerka u analiżi, kif ukoll appoġġ u miżuri għat-titjib tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali u tal-OSĊ fir-rigward tal-ġbir u l-analiżi tad-data, b'mod partikolari rigward il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u f'oqsma bħall-impjieg informali, l-intraprenditorija, l-aċċess għall-finanzjament u għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, ix-xogħol mhux imħallas, il-faqar u l-impatt ta' sistemi ta' protezzjoni soċjali; iħeġġeġ ukoll lill-EIGE u lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji l-oħra kollha rilevanti tal-UE jaħdmu fuq indikaturi ġodda bħall-faqar fost min għandu xogħol, il-faqar ta' ħin, id-diskrepanzi fl-użu tal-ħin, il-valur tax-xogħol tal-indukrar (imħallas u/jew mhux imħallas), u r-rati tal-użu tan-nisa u l-irġiel, inkluż b'rabta mad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, u jinkorporawhom; jistieden lill-Kummissjoni tuża din id-data biex timplimenta b'mod effettiv il-valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tas-sessi tal-politiki u l-programmi tagħha, u dawk ta' aġenziji u istituzzjonijiet oħra tal-UE;

39.

Jappoġġja r-reviżjoni tal-miri ta' Barċellona u t-talba lill-Istati Membri biex jiżguraw investimenti adegwati fis-servizzi tal-kura u fis-servizzi tal-kura fit-tul, inkluż minn finanzjament disponibbli tal-UE, kif ukoll biex jiżguraw kura tat-tfal affordabbli, aċċessibbli u ta' kwalità għolja, inkluża l-edukazzjoni bikrija tat-tfal, filwaqt li jagħtu, b'mod partikolari, lill-ommijiet żgħażagħ l-opportunità li jaħdmu u/jew jistudjaw, u jfakkar, f'dan il-kuntest, il-prinċipju 11 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jitlob appoġġ finanzjarju u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri li għadhom ma laħqux il-miri; jilqa', barra minn hekk, l-iżvilupp ta' gwida għall-Istati Membri dwar l-indirizzar ta' diżinċentivi finanzjarji fir-rigward tal-politiki soċjali, ekonomiċi u fiskali; jissottolinja l-għan ta' ugwaljanza fir-rigward tad-dħul u l-għoti ta' kura, li jeħtieġ li jkun fil-qalba ta' dawn l-isforzi u jilqa', f'dan il-kuntest, id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata bħala l-ewwel pass;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq Ftehim ta' Kura għall-Ewropa, billi tieħu approċċ komprensiv lejn il-ħtiġijiet u s-servizzi kollha tal-kura, u tistabbilixxi standards minimi u linji gwida ta' kwalità għall-kura matul iċ-ċiklu tal-ħajja, inkluż għat-tfal, il-persuni anzjani u l-persuni bi bżonnijiet fit-tul; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru data diżaggregata dwar il-provvista ta' servizzi tal-kura; iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw malajr u bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata sabiex jiġi żgurat tqassim ġust tax-xogħol u l-ħajja tal-familja, u jistedinhom imorru lil hinn mill-istandards minimi tad-Direttiva billi jintroduċu miżuri bħal-leave imħallas b'mod sħiħ, il-promozzjoni tar-rwol ugwali tal-irġiel bħala persuni li jindukraw, u b'hekk jiġu indirizzati l-istereotipi tal-ġeneru fit-teħid ta' leave tal-paternità u/jew tal-maternità, ir-rikonoxximent tar-rwol tal-persuni li jindukraw b'mod informali billi jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għas-sigurtà soċjali u d-dritt tagħhom għal intitolamenti tal-pensjoni, appoġġ għal servizzi adattati għall-isfidi u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-ġenituri u/jew tal-membri tal-familja li jieħdu ħsieb persuni b'diżabilità jew b'mard fit-tul jew l-anzjani, u arranġamenti flessibbli tax-xogħol li ma jkunux ta' ħsara jew għad-detriment tal-pagi tal-ħaddiema, l-aċċess għad-drittijiet soċjali u tax-xogħol u l-allowances, u li jirrispettaw id-dritt tal-ħaddiema li jiskonnettjaw; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex kull sena timmonitorja mill-qrib u sistematikament l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata;

41.

Jitlob li jkun hemm servizzi tal-kura tat-tfal affordabbli u ta' kwalità tajba u servizzi ta' kura fit-tul li jippermettu ritorn għall-impjieg, b'mod partikolari għan-nisa, u li jiffaċilitaw bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

42.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jinħoloq network ta' edukazzjoni ta' faċilità għall-indukrar tat-tfal u ta' qabel l-iskola; jinnota li din hija responsabbiltà soċjali wiesgħa u għandha tkun servizz universali li fil-fatt huwa aċċessibbli għat-tfal u l-familji kollha li jixtiequ jużaw dan in-network;

43.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jintroduċu, abbażi ta' ġabra tal-aħjar prattiki, u għall-benefiċċju kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel, “care credits” li jpattu għal interruzzjonijiet mill-impjieg biex tingħata kura informali lil membri tal-familja u għal perjodi ta' kura formali, bħal leave tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri, u li jgħoddu b'mod ġust dawn il-krediti mal-intitolamenti tal-pensjoni; iqis li dawn il-krediti għandhom jingħataw għal perjodu qasir u stabbilit, sabiex ma jkunx hemm stereotipi u inugwaljanzi ulterjuri;

44.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi biex jiġġieldu kontra r-riskju tal-faqar fix-xjuħija u l-irtirar, iżidu l-pensjonijiet u jagħtu spinta lill-benefiċċji soċjali; huwa tal-fehma li l-inugwaljanzi fl-introjtu bejn l-irġiel u n-nisa li jirtiraw iridu jingħelbu u li dan jitlob li jiżdiedu l-pensjonijiet, u li s-sistemi tas-sigurtà soċjali pubbliċi, universali u solidali jinżammu u jittejbu, filwaqt li jiġi żgurat li dawn huma ridistributtivi u jipprovdu introjtu ġust u deċenti wara l-ħajja tax-xogħol, tiġi ssalvagwardjata s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali pubblika billi jinħolqu impjiegi bi drittijiet u jitjiebu l-pagi;

45.

Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill jeżaminaw mill-qrib il-ħtiġijiet u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, kif ukoll is-segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jfasslu programmi fi ħdan il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss, kif ukoll fil-pjan ta' rkupru “NextGenerationEU”;

46.

Iqis li hija prijorità li tittieħed azzjoni biex tiġi appoġġjata l-familja, inkluż f'termini ta' provvista ta' faċilitajiet adegwati u affordabbli għall-kura tat-tfal, li se jagħtu kontribut pożittiv għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-prospetti tal-irtirar tagħhom;

47.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li timmonitorja t-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sal-2022 kif meħtieġ u li tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tagħha;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor data dwar il-provvista ta' tipi differenti ta' kura (kura tat-tfal, kura tal-persuni akbar fl-età u tal-persuni b'diżabilità jew tal-persuni li jirrikjedu kura fit-tul), li tikkontribwixxi għal studju li jeżamina d-differenza fl-indukrar biex jaġixxi bħala l-bażi ta' inizjattiva għal strateġija Ewropea dwar l-indukrar; jinnota li l-istrateġija inkwistjoni għandha tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri kif stabbiliti fit-Trattati, iżda timmira li ttejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-miżuri kollha li jistgħu jkunu ta' benefiċċju kemm għall-persuni li jindukraw b'mod informali fl-UE kif ukoll għall-persuni li jkunu qed jieħdu ħsieb; jisħaq fuq il-fatt li l-kooperazzjoni fil-livell Ewropew, flimkien mal-użu effiċjenti tal-fondi tal-UE, tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' servizzi tal-kura li jkunu ta' kwalità, aċċessibbli u affordabbli;

49.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jattiva l-“klawżola liberatorja ġenerali” u jistieden lill-Istati Membri jinvestu fis-servizzi pubbliċi, inklużi l-kura tat-tfal u l-kura tas-saħħa mingħajr ħlas, sabiex jinħolqu impjiegi ta' kwalità ġodda u jitnaqqas l-impatt soċjoekonomiku tal-kriżi; iqis li miżuri ta' awsterità għandhom konsegwenzi detrimentali fit-tul, b'mod partikolari fuq in-nisa, u ma jridux jiġu infurzati fil-kriżi ta' wara l-COVID-19;

50.

Jilqa' l-istrument għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta' qgħad f'emerġenza (SURE); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li SURE jindirizza t-telf fl-introjtu għan-nisa;

51.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata spinta sinifikanti lill-investiment fis-servizzi, b'mod partikolari fis-servizzi tal-kura tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tat-trasport, bil-għan li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet u li jingħata kontribut għall-indipendenza, l-ugwaljanza u l-emanċipazzjoni tan-nisa;

52.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tressaq miżuri vinkolanti dwar it-trasparenza tal-pagi, li jistgħu jkunu għodda utli biex jiġu identifikati d-diskrepanzi u d-diskriminazzjoni fl-istess settur u biex titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa; jiddispjaċih madankollu għad-dewmien fil-pubblikazzjoni ta' din il-proposta u jitlob lill-Kummissjoni tressaq il-proposta malajr kemm jista' jkun; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza tal-kooperazzjoni u l-involviment sħaħ tas-sħab soċjali u tal-partijiet ikkonċernati kollha f'konformità mal-prattiki u t-tradizzjonijiet nazzjonali; jinnota, madankollu, li l-kwistjoni ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fis-setturi tax-xogħol differenti għad trid tiġi indirizzata biex tkopri d-differenzi fil-paga għal xogħol ta' valur ugwali fis-suq tax-xogħol segregat skont il-ġeneru, b'pagi aktar baxxi f'ċerti setturi, li fil-biċċa l-kbira jimpjegaw nisa, bħall-infermerija, il-kura, il-bejgħ bl-imnut, il-bejgħ u s-settur edukattiv, meta mqabbla ma', pereżempju, is-settur tal-manifattura jew il-professjonijiet tekniċi li jimpjegaw aktar irġiel; jirrakkomanda bil-qawwa l-inklużjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, li jista' jiġi definit kif ġej: “Ix-xogħol għandu jitqies li għandu valur ugwali jekk, abbażi ta' paragun bejn żewġ gruppi ta' ħaddiema li ma ġewx iffurmati b'mod arbitrarju, ix-xogħol imwettaq huwa komparabbli, b'kont meħud ta' fatturi bħall-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-grad ta' responsabbiltà mogħti lill-ħaddiema, u r-rekwiżiti fiżiċi jew mentali tax-xogħol”; jinnota li jeħtieġ jiġu żviluppati għal dan il-għan għodod ta' evalwazzjoni tax-xogħol newtrali fir-rigward tal-ġeneri u kriterji ta' klassifikazzjoni;

53.

Jilqa' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-qafas eżistenti dwar paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali, it-tnedija ta' proċess ta' konsultazzjoni dwar kif tista' titjieb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fid-dinja tax-xogħol, ir-Rapport li jmiss dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet, u l-kunsiderazzjoni tal-provvista ta' krediti tal-pensjoni għal pawżi fil-karriera relatati mal-kura fi skemi ta' pensjoni okkupazzjonali;

54.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, fis-sena li jmiss, tippreżenta reviżjoni tad-Direttiva 2006/54/KE f'konformità mal-evalwazzjoni riċenti tal-funzjonament u l-implimentazzjoni tal-liġijiet tal-UE dwar il-pagi ugwali u skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; iqis li tali reviżjoni għandha tinkludi definizzjoni ta' “xogħol ta' valur ugwali” fis-setturi kollha tax-xogħol, li tinkorpora l-perspettiva tal-ġeneru, kif ukoll referenza għal diversi forom ta' diskriminazzjoni u miżuri addizzjonali biex tiġi żgurata l-infurzabbiltà tad-Direttiva;

55.

Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Jannar 2020 dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri; jitlob reviżjoni immedjata tal-pjan ta' azzjoni dwar id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u li jsir wieħed ġdid u ambizzjuż sa tmiem l-2020, li għandu jistabbilixxi miri ċari biex l-Istati Membri jnaqqsu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa matul il-ħames snin li ġejjin u jiżguraw li tali miri jitqiesu fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi inkluża perspettiva intersezzjonali fil-pjan ta' azzjoni l-ġdid; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu lis-sħab soċjali u lill-OSĊ biex jiżviluppaw il-politiki ġodda biex titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u biex jittejbu u jkomplu jiġu żviluppati l-istatistika, ir-riċerka u l-analiżi sabiex jitkejjel u jiġi mmonitorjat aħjar il-progress biex titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil gruppi li jesperjenzaw forom ta' diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lill-fatturi li jwasslu għad-dispkrepanza fil-pensjonijiet u tappoġġja lill-Istati Membri fil-miżuri tagħhom biex din titnaqqas billi jiġi stabbilit indikatur tad-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi biex jiġu vvalutati l-inugwaljanzi akkumulati li jesperjenzaw in-nisa matul ħajjithom kollha;

56.

Jinnota li l-impatt tal-politiki fiskali jvarjaw skont it-tipi differenti ta' unitajiet domestiċi; jisħaq li t-tassazzjoni individwali tista' tkun strumentali biex tinkiseb ġustizzja fiskali għan-nisa; jissottolinja l-impatti negattivi ta' ċerti forom ta' tassazzjoni fuq ir-rati ta' impjieg tan-nisa u l-indipendenza ekonomika tagħhom, u jinnota li l-politiki fiskali għandhom jiġu ottimizzati biex jissaħħu l-inċentivi għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jiġbed l-attenzjoni għall-konsegwenzi negattivi potenzjali ta' tassazzjoni konġunta dwar id-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi; jisħaq li s-sistemi tat-taxxa għandhom jitbiegħdu mis-suppożizzjoni li l-unitajiet domestiċi jiġbru flimkien u jaqsmu l-fondi tagħhom bl-istess mod; jissottolinja l-impatt tal-faqar relatat mal-pirjid fuq ħafna nisa Ewropej li jirriżulta minn prodotti tal-iġjene menstrwali għaljin u l-livelli għolja ta' tassazzjoni ta' dawn il-prodotti f'ħafna Stati Membri u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni kontra din il-forma ta' diskriminazzjoni fiskali indiretta u kontra l-faqar relatat mal-pirjid;

57.

Ifakkar li l-politiki ta' finanzjament u ta' tassazzjoni għandhom komponent qawwi ta' ġeneru; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni favur l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tul il-QFP, b'mod partikolari fir-rigward tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), sabiex tiġi promossa l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-intraprenditorija femminili, iżda jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' bbaġitjar skont il-ġeneru fil-QFP il-ġdid u l-Fondi Strutturali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi u ttejjeb l-użu tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru, u jistieden lill-Istati Membri jintegraw il-perspettiva tal-ġeneru fil-politiki tat-tassazzjoni, inkluż l-awditjar tal-ġeneru tal-politiki fiskali, sabiex jiġu eliminati l-preġudizzji bbażati fuq il-ġeneru relatati mat-taxxa;

58.

Ifakkar għal darb'oħra fil-ħtieġa li titpoġġa enfasi akbar fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-fażijiet differenti tal-proċess tas-Semestru Ewropew u jitlob l-introduzzjoni ta' pilastru tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u objettiv globali ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suċċessur tal-istrateġija Ewropa 2020; iħeġġeġ li jiġu inkorporati indikaturi ċari dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li jiġu żviluppati metodi u analiżi statistiċi għall-monitoraġġ tal-progress dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b'perspettiva intersezzjonali, fl-isfidi speċifiċi għall-pajjiż identifikati fit-tabella ta' valutazzjoni soċjali;

59.

Jenfasizza li 70 % tal-forza tax-xogħol tas-saħħa u soċjali globali huma nisa, li spiss jitħallsu biss il-paga minima u li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma prekarji, u jitlob li jiġu llivellati l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol f'setturi b'dominanza qawwija tan-nisa bħall-kura, is-saħħa u l-bejgħ bl-imnut, kif ukoll li jinqerdu d-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa, u s-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol;

60.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, jiżviluppaw linji gwida dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol li jkunu sensittivi għall-ġeneru, immirati speċifikament lejn il-professjonijiet li jkunu fl-ewwel linja, sabiex il-ħaddiema f'dawn il-professjonijiet ikunu protetti f'każ ta' tifqigħat futuri; jissottolinja li bidliet fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, bħat-telexogħol, filwaqt li jiġu offruti opportunitajiet għat-titjib ta' arranġamenti tax-xogħol flessibbli u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, jista' jkollhom ukoll impatt fuq il-kapaċità li wieħed jiskonnettja u jżidu l-piż tax-xogħol, bin-nisa jiġu affettwati ħafna aktar mill-irġiel minħabba r-rwol predominanti jew tradizzjonali tagħhom ta' indokraturi tad-dar u tal-familja; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva sensittiva għall-ġeneru dwar id-dritt għall-iskonnessjoni, kif ukoll direttiva dwar il-benessri mentali fuq il-post tax-xogħol, immirata biex tirrikonoxxi l-ansjetà, id-dipressjoni u l-eżawriment bħala mard okkupazzjonali, u biex tistabbilixxi mekkaniżmi għall-prevenzjoni u għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema affettwati fil-forza tax-xogħol;

61.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva 92/85/KEE, bil-għan li jiġi żgurat li n-nisa madwar l-Ewropa jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-moviment liberu tal-ħaddiema fuq livell ugwali mal-irġiel (39);

62.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jippreżentaw politiki u riformi tas-suq tax-xogħol ibbażati fuq l-evidenza u mfassla tajjeb li de facto jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa u jżidu l-impjiegi ta' kwalità;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija Ewropea dwar il-protezzjoni soċjali biex tindirizza l-moviment liberu tal-ħaddiema u, b'mod partikolari, il-femminizzazzjoni tal-faqar, b'enfasi speċjali fuq il-familji b'ġenitur wieħed li hija l-mara;

64.

Jissottolinja li opportunitajiet indaqs u livelli ogħla ta' parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol fost in-nisa jistgħu jżidu l-impjiegi, il-prosperità ekonomika u l-kompetittività fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu għanijiet biex inaqqsu l-impjiegi prekarji u x-xogħol part-time involontarju sabiex titjieb is-sitwazzjoni għan-nisa fis-suq tax-xogħol;

65.

Jistieden lill-Kummissjoni jkollha approċċ speċifiku għall-ommijiet waħedhom, billi l-ommijiet waħedhom huma partikolarment ekonomikament vulnerabbli peress li spiss jaqilgħu inqas mill-irġiel u huma aktar probabbli li jitilqu mis-suq tax-xogħol meta jsiru ġenituri; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ, f'dan il-kuntest, l-infurzar tal-għodod legali eżistenti dwar il-ġbir transfruntier tal-alimenti, bit-tqajjim ta' sensibilizzazzjoni pubblika dwar id-disponibbiltà tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tidentifika l-problemi prattiċi marbuta mal-ġbir tal-alimenti f'sitwazzjonijiet transfruntiera u tiżviluppa għodod biex jiġu infurzati b'mod effettiv l-obbligi ta' pagament;

66.

Jinnota li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija aktar baxxa minn dik tal-irġiel; jissottolinja l-importanza li tonqos it-tassazzjoni fuq l-introjtu sabiex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol;

67.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu aktar azzjoni fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-suq tax-xogħol;

68.

Ifakkar li d-dinja tax-xogħol għadha mhux ugwali f'dak li għandu x'jaqsam ma' introjtu, prospettivi tal-karrieri, setturi bi prevalenza femminili, aċċess għall-protezzjoni soċjali, u l-edukazzjoni u t-taħriġ; ifakkar li dawn id-dimensjonijiet kollha għandhom jiġu indirizzati biex tinkiseb ugwaljanza bejn il-ġeneri;

69.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw parteċipazzjoni u opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol għall-irġiel u n-nisa, u jindirizzaw il-femminizzazzjoni tal-faqar fil-forom kollha tagħha, inkluż il-faqar fix-xjuħija, b'mod partikolari billi jqisu l-ġeneru fid-disponibbiltà u fl-aċċess għal intitolamenti tal-pensjoni adegwati sabiex jeliminaw id-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi, u billi jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol f'setturi u professjonijiet bi prevalenza femminili bħall-ospitalità, it-turiżmu, is-servizzi tat-tindif u s-settur tal-kura; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu indirizzati s-sottovalutazzjoni kulturali tal-impjiegi ddominati min-nisa, il-ħtieġa li jiġu miġġielda tali stereotipi u r-rappreżentanza għolja tan-nisa f'forom atipiċi ta' xogħol; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw trattament ugwali għan-nisa migranti (anke permezz ta' reviżjoni tas-sistema ta' rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali), kif ukoll għal gruppi ta' nisa oħra partikolarment vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kopertura tan-negozjar kollettiv fil-livell settorjali u l-involviment tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika, sabiex jiġi mrawwem impjieg stabbli u ta' kwalità; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' strateġiji li jinkoraġġixxu u jappoġġjaw l-inizjattivi intraprenditorjali tan-nisa;

70.

Jinnota li l-ekonomija tal-gigs li qed tikber għandha implikazzjonijiet għall-ħaddiema, li huma inqas imsieħba fil-junjins u li jinsabu f'riskju li jitilfu xogħlhom minħabba fatturi bħal sigħat ta' xogħol u introjtu instabbli, in-nuqqas ta' kopertura tagħhom mid-drittijiet tal-impjieg, inċertezza marbuta mas-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet, jew nuqqas ta' aċċess għall-iżvilupp tal-karriera u għat-taħriġ mill-ġdid; huwa mħasseb li l-insigurtà u l-prekarjetà assoċjata, li huma aggravati mill-konfinament impost mill-kriżi attwali, għandhom impatt partikolarment negattiv fuq in-nisa li għadhom qed iġorru l-piż tal-kura f'suq tax-xogħol ibbażat ħafna fuq il-ġeneru, speċjalment dawk li qed jesperjenzaw forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri ta' protezzjoni soċjali mmirati għal nisa freelancers u nisa impjegati fl-ekonomija tal-gigs; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/41/UE;

71.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tadotta pjan ta' azzjoni biex timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jissottolinja l-ħtieġa li l-perspettiva tal-ġeneru tiġi integrata bl-użu ta' approċċ intersezzjonali f'konformità mal-prinċipji 2 u 3 tal-Pilastru;

72.

Jisħaq li d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fis-settur tal-midja hija għolja u l-ġurnalisti nisa huma aktar probabbli mill-irġiel li jiffaċċjaw fastidju, vjolenza, sessiżmu u diskriminazzjoni; ifakkar fit-tieni kapitolu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali dwar kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jissalvagwardjaw id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u sikuri tal-ħaddiema kollha fis-settur tal-midja;

73.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw l-aċċess għan-nisa migranti u refuġjati għal servizzi tal-kura tas-saħħa, tal-impjieg, tal-ikel u tal-informazzjoni, u biex itaffu r-riskji ta' protezzjoni, b'mod partikolari l-vjolenza bejn l-irġiel u n-nisa u t-traffikar tan-nisa;

74.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jieħdu miżuri sodi biex jissanzjonaw lin-negozji li ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tax-xogħol u jiddiskriminaw bejn l-irġiel u n-nisa; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li l-kundizzjonalità għandha tiġi applikata fl-allokazzjoni tal-fondi tal-UE lil kumpaniji li għandhom standards tax-xogħol għoljin u li ma jiddiskriminawx kontra n-nisa;

75.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibda kampanja biex ikun hemm aktar nisa f'pożizzjonijiet deċiżjonali fil-kamp ekonomiku billi tenfasizza l-vantaġġi ekonomiċi u soċjetali ta' dan, u tikkondividi l-aħjar prattiki bħall-indiċi pubbliċi dwar il-prestazzjoni ta' ugwaljanza tal-kumpaniji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem mal-Istati Membri, kif ukoll mal-presidenzi attwali u li ġejjin tal-UE, biex b'mod urġenti jintemm l-istaġnar fil-Kunsill u tiġi adottata d-Direttiva proposta dwar in-“Nisa fuq il-Bordijiet” u biex tiġi żviluppata strateġija mal-Istati Membri għal rappreżentanza sinifikanti tan-nisa kollha minn sfondi diversi fi rwoli ta' teħid ta' deċiżjonijiet, inkluż fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE;

76.

Ifakkar li n-nuqqas ta' rappreżentanza tan-nisa fil-ħajja pubblika u politika jfixkel lill-istituzzjonijiet u lill-proċessi demokratiċi milli jiffunzjonaw sew; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jinkoraġġixxu u jappoġġjaw il-miżuri maħsuba biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni bilanċjata tal-irġiel u tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;

77.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jiġġieldu kontra l-fenomenu ta' saqaf tal-ħġieġ, bħal leave tal-ġenituri estensiv, aċċess għal kura tat-tfal ta' kwalità għolja u affordabbli, u l-eliminazzjoni ta' kull forma ta' diskriminazzjoni diretta u indiretta marbuta mal-promozzjonijiet fis-suq tax-xogħol;

78.

Jilqa' l-appoġġ għall-parità bejn il-ġeneri f'korpi eletti bħall-Parlament Ewropew; jitlob l-introduzzjoni ta' miżuri vinkolanti bħal kwoti, u jisħaq li dan irid iservi ta' mudell f'dan ir-rigward; jilqa', barra minn hekk, it-tħabbira tal-Kummissjoni li għandha l-ħsieb li tmexxi bl-eżempju fir-rigward tal-pożizzjonijiet maniġerjali u jitlob li jkun hemm strateġiji li jiggarantixxu rappreżentanza sinifikanti tan-nisa minn sfondi diversi fi rwoli ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-Kummissjoni; jinnota l-isforzi li diġà saru biex dan isir fil-kompożizzjoni tal-Kummissjoni attwali u jisħaq li l-istess ambizzjoni hija meħtieġa għall-Parlament; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu kwoti vinkolanti fis-sistemi elettorali tagħhom biex jiżguraw r-rappreżentanza ugwali tan-nisa u l-irġiel kemm fil-parlamenti Ewropej kif ukoll f'dawk nazzjonali;

79.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tippromwovi l-parteċipazzjoni tan-nisa bħala votanti u kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2024; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa ta' reviżjoni tal-Att Elettorali sabiex jipprevedi l-possibbiltà ta' sostituzzjoni temporanja ta' Membri tal-Parlament Ewropew li jkunu qed jagħmlu użu mid-dritt tagħhom għal-leave tal-maternità, tal-paternità jew tal-ġenituri; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-Att Elettorali skont dan u lill-Kunsill biex japprova din ir-reviżjoni;

80.

Jitlob ukoll li n-nisa jkunu jistgħu jissodisfaw il-pjanijiet ta' ħajjithom fiż-żoni rurali u periferali; jinnota li l-infrastruttura meħtieġa għal dan trid tkun disponibbli, għandhom jiġu żviluppati oqsma ġodda ta' negozju, ir-ritorn lejn ix-xogħol għandu jiġi ffaċilitat u l-parteċipazzjoni ta' firxa sħiħa ta' sħab ta' kooperazzjoni għandha tiġi mħeġġa sabiex jiġi appoġġjat, inkoraġġit, iffaċilitat u promoss l-aċċess għas-suq tax-xogħol għal dawn in-nisa, biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs u tittejjeb il-koeżjoni soċjali fl-irħula;

81.

Jenfasizza r-rwol attiv u kruċjali tan-nisa fl-ekonomija taż-żoni rurali, u jesprimi dispjaċir għall-fatt li għad hemm differenzi sinifikanti bejn il-ġeneri fir-rigward tal-impjiegi agrikoli u fir-rigward tal-aċċess għas-sigurtà soċjali, it-taħriġ, il-leave tal-maternità u l-pensjonijiet tal-irtirar; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jappoġġjaw proġetti indirizzati b'mod partikolari lin-nisa, dwar il-ħolqien ta' attivitajiet agrikoli innovattivi f'żoni rurali u depopolati sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom fis-suq agrikolu, li jistgħu jkunu sors ta' impjiegi ġodda; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tidentifika opportunitajiet ta' finanzjament fl-ambitu tat-tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) sabiex jiżdied l-aċċess tan-nisa għall-art u tindirizza l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom fiż-żoni rurali, speċjalment dawk tal-ħaddiema staġjonali;

82.

Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tressaq miżuri konkreti u fondi speċifiċi għall-ġlieda kontra l-femminizzazzjoni tal-faqar u tax-xogħol prekarju, b'enfasi partikolari fuq in-nisa li qed jiffaċċjaw diversi forom ta' diskriminazzjoni;

83.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar il-ħaddiema domestiċi nisa u n-nisa li jaħdmu fis-settur tal-kura fl-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintroduċi qafas għall-professjonalizzazzjoni ta' xogħol u kura domestiċi, li jwassal għar-rikonoxximent u l-istandardizzazzjoni tal-professjonijiet u l-ħiliet rilevanti u l-possibbiltà ta' bini tal-karriera, u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi għall-professjonalizzazzjoni, it-taħriġ, l-iżvilupp kontinwu tal-ħiliet u r-rikonoxximent tal-kwalifiki domestiċi tan-nisa u tal-ħaddiema tal-kura, kif ukoll joħolqu aġenziji tal-impjieg pubbliċi biex isaħħu l-professjonalizzazzjoni;

84.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jiżviluppaw politiki fis-settur tal-ispettaklu, li jirrispettaw il-valur tal-opportunitajiet indaqs, kif ukoll l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-attivitajiet kollha, b'enfasi fuq il-mitigazzjoni tal-effetti negattivi ta' disparitajiet u inugwaljanzi fit-tul bħad-differenza bejn il-ġeneri fis-settur tal-mużika fejn il-proporzjon ta' rġiel u nisa huwa bejn wieħed u ieħor ta' 70 % u 30 % rispettivament fir-reġjuni kollha u fl-Ewropa, bin-nisa jirrappreżentaw 20 % jew inqas tal-kompożituri u tal-kittieba tal-kanzunetti rreġistrati, u jaqilgħu medja ta' 30 % inqas mill-irġiel li jaħdmu fis-settur, bin-nisa jikkomponu biss 2,3 % tax-xogħlijiet klassiċi mwettqa f'kunċerti u li għandhom biss 15 % tal-kumpaniji tad-diski;

85.

Huwa mħasseb dwar il-mobilità soċjali limitata li xxekkel il-mobilità tax-xogħol fost in-nisa; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitjiebu l-opportunitajiet għall-mobilità tax-xogħol fi ħdan l-UE;

Politiki diġitali għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri

86.

Jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' rappreżentanza tan-nisa fis-setturi tal-ekonomija diġitali, l-IA, l-ICT u STEM f'termini tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg, u jiġbed l-attenzjoni għar-riskju li tali sitwazzjoni ssaħħaħ u tipproduċi stereotipi u preġudizzji bbażati fuq il-ġeneru permezz tal-ipprogrammar tal-IA u ta' programmi oħra; jenfasizza l-benefiċċji u l-opportunitajiet possibbli, iżda wkoll l-isfidi potenzjali tad-diġitalizzazzjoni għan-nisa u l-bniet, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-adozzjoni ta' miżuri konkreti għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-suq uniku u l-aġenda diġitali li jipprevjenu, fi żmien xieraq u minn qabel, kwalunkwe impatt negattiv tad-diġitalizzazzjoni fuq in-nisa u l-bniet, u li tiġi żgurata rabta ċara bejn l-impenji dwar it-tmiem tal-istereotipi u l-azzjonijiet komprensivi biex tiġi żgurata l-indipendenza tan-nisa fil-formazzjoni tas-suq tax-xogħol diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri konkreti biex it-teknoloġiji u l-IA jinbidlu f'għodod li jikkontribwixxu għall-ġlieda biex jiġu eliminati l-istereotipi tal-ġeneru u biex il-bniet u n-nisa jingħataw is-setgħa biex jidħlu fl-oqsma STEM u tal-ICT u biex ikomplu dawn il-perkorsi professjonali;

87.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw is-segregazzjoni orizzontali u vertikali fl-impjieg u l-prattiki diskriminatorji fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw ir-reklutaġġ u l-promozzjoni, inklużi politiki li jippromwovu l-integrazzjoni tan-nisa minn gruppi marġinalizzati fis-suq tax-xogħol;

88.

Jitlob li l-istruttura tan-normi tradizzjonali dwar il-ġeneri u l-attribuzzjoni speċifika għall-ġeneri tal-impjiegi u l-attivitajiet ikomplu jitneħħew bil-għan li jingħelbu l-preġudizzji persistenti u l-istereotipi tal-ġeneru; jisħaq fuq l-importanza li jiġu sensibilizzati dawk kollha involuti fil-proċess tal-għażla tal-korsijiet tal-istudju u l-karrieri f'dan ir-rigward;

89.

Jissottolinja l-importanza tal-aċċess għall-ħiliet diġitali u l-iżvilupp tagħhom għan-nisa akbar fl-età, in-nisa fiż-żoni rurali u n-nisa u l-bniet f'pożizzjonijiet żvantaġġati b'aċċess limitat għal teknoloġiji ġodda, sabiex jibqgħu konnessi mal-ħajja attiva u biex ikun faċli għalihom li jżommu kuntatt mal-ħbieb u l-qraba tagħhom;

90.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tuża l-Orizzont Ewropa biex tipprovdi għarfien u soluzzjonijiet dwar l-indirizzar ta' preġudizzji potenzjali bbażati fuq il-ġeneru fl-IA; jitlob, madankollu, li l-fondi kollha possibbli jintużaw biex jappoġġjaw proġetti li jħeġġu lill-bniet u lin-nisa jtejbu l-ħiliet diġitali tagħhom, u li jagħmluhom familjari ma' STEM;

91.

Jinnota li, fi żminijiet ta' avvenimenti bħall-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa, ir-rwol u l-opportunitajiet għat-telexogħol u x-xogħol mill-bogħod qed jiżdiedu; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi r-rwol tat-telexogħol u x-xogħol mill-bogħod fl-istrateġija bħala fattur importanti fil-kisba ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki kollha tal-UE u l-finanzjament tal-politiki dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

92.

Jisħaq li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-ibbaġitjar skont il-ġeneru huma għodod essenzjali biex jiġu vvalutati u mmirati l-effetti ta' azzjonijiet politiċi differenti u l-użu baġitarju fuq l-irġiel u n-nisa u għandhom jintużaw matul il-proċess tat-tfassil tal-politika u l-azzjonijiet baġitarji;

93.

Itenni l-importanza tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri bħala approċċ sistematiku biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jilqa', għalhekk, it-task force tal-Kummissjoni li għadha kif twaqqfet dwar l-ugwaljanza u jitlob li din it-task force tkun imħarrġa u mgħammra b'riżorsi adegwati u tirrapporta perjodikament lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi dwar xogħlha; jissottolinja l-importanza tat-trasparenza u l-involviment tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u tal-OSĊ minn sfondi diversi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkorpora dispożizzjonijiet li permezz tagħhom il-kunsiderazzjoni tal-kontributi mit-task force ssir obbligatorja għad-Direttorati Ġenerali u tiżviluppa korsijiet ta' taħriġ għall-persunal kollu, kif ukoll proċessi għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-integrazzjoni skont il-missjoni tagħha;

94.

Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill joħolqu sottoprogramm tematiku għan-nisa fiż-żoni rurali permezz tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-Politika Agrikola Komuni ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR); jisħaq li dan is-sottoprogramm għandu jfittex li jinkoraġġixxi l-impjieg tan-nisa u l-intraprenditorija femminili, bl-użu ta' opportunitajiet marbuta mal-agrituriżmu u l-iżvilupp ta' rħula diġitali, it-titjib tal-aċċess tan-nisa bdiewa għall-art, kreditu u strumenti finanzjarji, ħiliet u prestazzjoni permezz ta' edukazzjoni, taħriġ u servizzi ta' konsulenza, parteċipazzjoni akbar fi gruppi ta' azzjoni lokali u l-iżvilupp ta' sħubiji lokali fl-ambitu tal-programm Leader; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-fondi tal-UE jiġu allokati għal kundizzjonijiet aħjar tal-għajxien u tax-xogħol fiż-żoni rurali, inkluż aċċess aħjar għas-servizzi u l-iżvilupp tal-infrastruttura, b'enfasi partikolari fuq l-aċċess għall-internet broadband, kif ukoll appoġġ għal inizjattivi intraprenditorjali u aċċess għall-kreditu, biex b'hekk tingħata s-setgħa lin-nisa fiż-żoni rurali; jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-istatus professjonali għall-konjuġi ta' għajnuna fis-settur agrikolu, biex b'hekk jiġu indirizzati d-drittijiet tas-sigurtà soċjali tan-nisa, inkluż il-leave tal-maternità jew l-intitolamenti tal-pensjoni, u jitlob li l-Kummissjoni tħejji gwida f'dan ir-rigward;

95.

Jistieden lill-Kummissjoni tavvanza l-intraprenditorija femminili u l-aċċess għal self u finanzjament mill-ekwità permezz ta' programmi u fondi tal-UE, u jilqa' l-intenzjoni tagħha li tintroduċi miżuri ġodda għall-promozzjoni ta' negozji ġodda mmexxija min-nisa u intrapriżi żgħar u ta' daqs medju innovattivi fl-2020, u li ssaħħaħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-ambitu tal-Orizzont Ewropa; jisħaq li r-rekwiżit għal pjanijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri mill-applikanti huwa għodda kruċjali għall-avvanz f'dan il-qasam; jisħaq fuq il-ħtieġa li titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta' finanzjament eżistenti u futuri tal-UE għall-imprendituri nisa u bniet, u li tiżdied il-viżibbiltà tal-mexxejja nisa biex jistabbilixxu mudelli aktar b'saħħithom u biex jeliminaw l-istereotipi eżistenti;

96.

Jisħaq li r-rispons għall-epidemija tal-COVID-19 għandu jintuża biex jiġu stabbiliti riżorsi baġitarji addizzjonali li l-Istati Membri jistgħu jimmobilizzaw biex jappoġġjaw lill-vittmi ta' vjolenza;

97.

Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-Patt Ekoloġiku Ewropew u inizjattivi relatati la jinkludu perspettiva tal-ġeneru u lanqas referenza għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; iħeġġeġ li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tiġi inkorporata fil-politiki ambjentali u klimatiċi tal-UE, bħall-Patt Ekoloġiku, u jisħaq li dawn il-politiki jridu jiġu infurmati permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tas-sessi biex jiġi żgurat li jindirizzaw l-inugwaljanzi eżistenti bejn il-ġeneri u forom oħra ta' esklużjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ finanzjarju u istituzzjonali għall-promozzjoni tal-azzjoni dwar il-klima ekwa fir-rigward tal-ġeneru u tistabbilixxi miżuri ta' politika b'saħħithom biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fil-korpi tat-teħid ta' deċiżjonijiet u fil-politika dwar it-tibdil fil-klima fil-livell nazzjonali u lokali, li hija vitali biex tinkiseb ġustizzja klimatika fit-tul, u li jingħataw rikonoxximent u appoġġ lin-nisa u lill-bniet bħala aġenti għall-bidla;

98.

Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan direzzjonali biex jitwettqu l-impenji tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi mġedded li ntlaħaq qbil dwaru fis-COP25 u biex jinħoloq punt fokali permanenti tal-UE dwar il-ġeneri u t-tibdil fil-klima, b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, biex tiġi implimentata u mmonitorjata l-azzjoni dwar il-klima responsabbli għall-ġeneri fl-UE u globalment;

99.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi disponibbli għall-programmi tal-UE ddedikati għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex timplimenta l-ibbaġitjar skont il-ġeneru bħala parti integrali mill-proċedura baġitarja fl-istadji kollha u fil-linji baġitarji kollha tagħha, u tinkludi linji baġitarji indipendenti għal azzjonijiet immirati; jissottolinja li kull miżura, mekkaniżmu jew strateġija ġdida għandha ssirilhom valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex, f'dan il-kuntest, jinvestu fl-ekonomija tal-kura u jadottaw Ftehim ta' Kura għall-Ewropa, li jikkomplementa l-Patt Ekoloġiku Ewropew; jilqa' l-fatt li għall-ewwel darba l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri se tkun prijorità orizzontali fil-QFP u se tkun akkumpanjata minn valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri u monitoraġġ tal-programmi;

100.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja fit-tfassil tal-aħħar politiki u strateġiji Ewropej, li se jikkontribwixxu biex tiżdied l-indipendenza ekonomika tan-nisa u jitnaqqsu l-inugwaljanzi f'dan il-qasam fuq medda twila ta' żmien;

101.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw li n-nisa jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet maħluqa mit-tranżizzjoni ekoloġika; jissottolinja li l-ġeneru għandu jiġi integrat fil-politiki dwar l-impjiegi relatati mas-sostenibbiltà u ma' tranżizzjoni ġusta sabiex jitwasslu politiki li jippermettu bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jiġu żgurati paga ugwali, introjtu deċenti, żvilupp personali u protezzjoni soċjali adegwata; iħeġġeġ li l-proġetti ffinanzjati mill-programmi ambjentali u l-aċċess għall-investimenti għal azzjoni dwar il-klima għandhom jinkorporaw perspettiva tal-ġeneru;

102.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-isport b'mod ġenerali, minħabba r-rwol qawwi u innegabbli li jista' jkollu l-isport biex jgħin lin-nisa u lill-bniet jeliminaw l-istereotipi tal-ġeneru, jibnu l-fiduċja u jsaħħu l-ħiliet ta' tmexxija tagħhom; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipprovdu pjattaformi effettivi biex jippromwovu mudelli u mexxejja nisa b'firxa internazzjonali, nazzjonali u lokali; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jiżviluppaw politiki biex jiġġieldu kontra d-differenza fir-remunerazzjoni bbażata fuq il-ġeneri u d-disparitajiet fil-fondi tal-premju, kwalunkwe tip ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fl-isport u jiżguraw aktar kopertura tan-nisa fil-midja tal-isport u fil-pożizzjonijiet deċiżjonali; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-isport fil-kampanja ppjanata kontra l-istereotipi;

103.

Jitlob li l-UE tadotta perspettiva intersezzjonali u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri biex twieġeb għall-kriżi tal-COVID-19 u biex talloka finanzjament sostanzjali mill-Istrument ta' Rkupru u ta' Reżiljenza għal miżuri ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri, b'mod partikolari f'setturi bi prevalenza femminili qawwija, u għall-avvanz tad-drittijiet tan-nisa; jitlob li l-finanzjament ikun ibbażat fuq prinċipju li jista' jitkejjel tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri li permezz tiegħu tista' tiġi ggarantita distribuzzjoni ġusta, adegwata u koerenti tal-fondi; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm fond tal-coronavirus iddedikat għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri biex jappoġġja l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi eżistenti;

104.

Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-perspettiva tal-ġeneru tiġi inkorporata aktar fl-istrateġija li jmiss għall-ugwaljanza tal-persuni b'diżabilità 2021, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta lit-titjib tal-aċċess għas-suq tax-xogħol permezz ta' miżuri u azzjonijiet immirati;

105.

Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2018 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa b'diżabilità (40); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta kkonsolidata fl-istrateġija Ewropea tad-diżabilità għal wara l-2020 li tinkludi l-iżvilupp ta' azzjonijiet pożittivi li jimmiraw lin-nisa b'diżabilità sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-suq tax-xogħol u biex jiġu eliminati d-diskriminazzjoni u l-preġudizzji li huma jħabbtu wiċċhom magħhom, inklużi miżuri għall-promozzjoni tal-impjieg, taħriġ, kollokamenti tal-impjieg, perkorsi tal-karriera ugwali, paga ugwali, aċċessibbiltà ta' akkomodazzjoni raġonevoli fuq il-post tax-xogħol u edukazzjoni ulterjuri, filwaqt li tingħata attenzjoni lill-inklużjoni diġitali tagħhom u l-ħtieġa li jiġi ssalvagwardjat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jitlob ukoll li l-miżuri dwar id-differenza bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u tan-nisa, u d-differenza bejn il-ġeneri fl-indukrar jindirizzaw b'mod espliċitu l-ħtiġijiet tal-ġenituri u tal-persuni li jindukraw tfal b'diżabilità, speċjalment in-nisa u l-familji b'ġenitur wieħed; jieħu nota tal-ħtieġa ta' Garanzija tad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità b'miżuri speċifiċi li jindirizzaw il-ħtiġijiet tan-nisa b'diżabilità, kif ukoll tat-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

106.

Jitlob lill-Kummissjoni biex b'mod partikolari tilħaq lin-nisa l-aktar vulnerabbli; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tiżgura li l-azzjonijiet rilevanti kollha tal-istrateġija ma jħallu lill-ebda mara tibqa' lura;

107.

Jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta' perspettiva tal-ġeneru fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol; jisħaq li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għandha tkun parti integrali mill-iżvilupp ta' politiki ta' saħħa u sikurezza okkupazzjonali (OSH) u ta' strateġiji ta' prevenzjoni fis-setturi kollha, inkluż fir-rieżami tal-Kummissjoni li jmiss tal-qafas strateġiku ta' saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali wara l-2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jqisu bħala mard okkupazzjonali u mard relatat max-xogħol dak il-mard li għadu ma ġiex rikonoxxut bħala tali, li huwa partikolarment prevalenti f'impjiegi bi prevalenza femminili, kif ukoll mard li jolqot speċifikament lin-nisa, biex tinkiseb integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-saħħa u s-sikurezza fi professjonijiet iddominati mill-irġiel, fejn għad hemm ħafna lakuni, inkluż fir-rigward ta' installazzjonijiet sanitarji, tagħmir tax-xogħol jew tagħmir ta' protezzjoni personali, biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-maternità u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u miżuri għar-ritorn għax-xogħol wara l-leave tal-maternità, u biex jiġu evalwati r-riskji tax-xogħol f'setturi bi prevalenza femminili, inkluż id-dar meta jiġu ttrattati x-xogħol u l-kura domestiċi;

108.

Jitlob lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tal-benefiċċji ppruvati tal-ħalib tal-bniedem għat-trabi tat-twelid, tippromwovi t-treddigħ, speċjalment għat-trabi li jitwieldu qabel iż-żmien; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja politiki li jsaħħu l-użu tal-ħalib tal-bniedem, inkluż kemm ħalib mit-treddigħ kif ukoll ħalib mogħti b'donazzjoni, għal trabi li jitwieldu qabel iż-żmien, u tippromwovi l-użu transfruntier tal-banek tal-ħalib biex tiżgura li n-nisa f'reġjuni tal-fruntiera jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan l-appoġġ meta jkun meħtieġ;

109.

Iħeġġeġ li d-diżabilità tkun inkluża bħala aspett fl-inizjattivi ġenerali kollha ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri promossi fl-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ li l-vittmi b'diżabilità ta' vjolenza sessista li huma taħt tutela tal-qorti jew fi kwalunkwe skema oħra ta' kapaċità legali limitata jkunu ggarantiti l-protezzjoni, u għal dan il-għan jitħeġġeġ l-aċċess effettiv għall-ġustizzja għal dan il-grupp ta' persuni u t-taħriġ u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-professjonisti fis-servizzi speċjali li jaġixxu f'dawn il-proċedimenti (bħall-ġustizzja kriminali jew il-professjonisti tas-saħħa); iħeġġeġ it-twaqqif ta' sistema edukattiva aċċessibbli ħielsa minn stereotipi li tippermetti lill-bniet u lin-nisa b'diżabilitajiet jagħżlu l-oqsma li jistudjaw u jaħdmu fihom fid-dawl tax-xewqat u t-talenti tagħhom stess, mingħajr ma jkunu ristretti minħabba nuqqas ta' aċċessibbiltà, preġudizzju u stereotipi; jappoġġja l-involviment tan-nisa b'diżabilitajiet bħala mudelli għall-bidla fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-movimenti tad-drittijiet tan-nisa; iħeġġeġ l-inklużjoni tan-nisa u l-bniet b'diżabilitajiet, inklużi dawk fl-istituzzjonijiet, fil-pjanijiet kollha għall-prevenzjoni tal-kanċer ċervikali u tas-sider fl-Istati Membri, kif ukoll l-inklużjoni ta' dan il-grupp fil-programmi kollha kontra l-HIV/AIDS u programmi oħra għall-qerda ta' mard trażmess sesswalment; iħeġġeġ li l-indikaturi u d-data kollha miġbura dwar il-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri jitqassmu skont l-età, id-diżabilità u l-ġeneru;

Il-ġlieda kontra r-reazzjonijiet negattivi fil-konfront tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri

110.

Itenni l-ħtieġa ta' skambju regolari tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati ewlenin (bħall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, ir-regolaturi u l-OSĊ) dwar aspetti marbuta mal-ġeneru fis-saħħa, inklużi linji gwida għal edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet, l-SRHR u reazzjonijiet sensittivi għall-ġeneru fir-rigward tal-epidemiji; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar miżuri u appoġġ biex tiggarantixxi l-SRHR matul l-implimentazzjoni tal-istrateġija attwali ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri u tinkludi l-SRHR fl-istrateġija tas-saħħa tagħha li jmiss tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fit-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa tagħhom u fil-provvista ta' aċċess ta' kwalità għolja u universali għas-servizzi kollha tal-kura tas-saħħa, u tnaqqas id-disparitajiet fl-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, inklużi s-servizzi SRHR, bejn u fl-Istati Membri; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri jiggarantixxu aċċess sikur, f'waqtu u sħiħ għall-SRHR u għas-servizzi tal-kura tas-saħħa meħtieġa;

111.

Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-istrateġija tas-saħħa li jmiss tal-UE li għandha tiffoka fuq l-aċċess għall-kura tas-saħħa preventiva fl-istadji kollha tal-ħajja, is-saħħa u s-sikurezza tan-nisa fuq il-post tax-xogħol, u enfasi speċifika fuq il-ġeneri fil-pjan Ewropew biex jingħeleb il-kanċer; jissottolinja għal darb'oħra l-importanza ta' mediċina u riċerka speċifiċi għall-ġeneri, u jisħaq, għalhekk, li l-investiment fid-differenzi bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward tas-saħħa tagħhom għandu jkun appoġġjat permezz ta' Orizzont Ewropa sabiex is-sistemi tal-kura tas-saħħa jkunu jistgħu jirrispondu aktar għall-ħtiġijiet differenti tan-nisa u l-irġiel;

112.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja r-riċerka dwar il-kontraċezzjoni mhux ormonali għan-nisa, billi tipprovdilhom aktar alternattivi, kif ukoll tappoġġja r-riċerka dwar kontraċettivi għall-irġiel, bil-għan li tipprovdi għall-ugwaljanza fl-aċċess għall-kontraċettivi u fl-użu tagħhom, kif ukoll responsabbiltà kondiviża;

113.

Jitlob appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa fl-UE u mad-dinja kollha, inklużi organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq l-SRHR u l-LGBTI+, permezz ta' appoġġ finanzjarju akbar u allokat fil-QFP li jmiss; jissottolinja, barra minn hekk, id-diffikultajiet finanzjarji tagħhom li jirriżultaw mill-kriżi attwali u jitlob żieda fil-finanzjament sabiex tiġi ffinanzjata biżżejjed il-ħidma kontinwa tagħhom; huwa mħasseb ħafna dwar ir-reazzjoni negattiva kontra d-drittijiet stabbiliti tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f'xi Stati Membri u, b'mod partikolari, dwar it-tentattivi biex tiġi kkriminalizzata aktar il-kura f'każ ta' abort u jiddgħajjef l-aċċess taż-żgħażagħ għal edukazzjoni sesswali komprensiva fil-Polonja, u dwar ir-riforma adottata li tattakka d-drittijiet tal-persuni transġeneri u dawk intersesswali fl-Ungerija; jitlob li jkun hemm monitoraġġ kontinwu tas-sitwazzjoni attwali fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluża diżinformazzjoni u inizjattivi rigressivi fl-Istati Membri kollha, u jitlob li jkun sistema ta' twissija biex tiġi enfasizzata r-rigressjoni; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja studji li janalizzaw ir-rabta bejn il-movimenti u l-attakki anti-demokratiċi u l-kampanji ta' diżinformazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll dwar id-demokrazija, u jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-kawżi ewlenin tagħhom u ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tiġġieled kontrihom, filwaqt li tiżviluppa verifiki tal-fatti, kontronarrattivi u kampanji ta' sensibilizzazzjoni;

114.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel kampanja globali kontra ż-żieda fl-attakki li qed isofru minnhom u tiżgura l-ħelsien tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'attenzjoni speċjali fuq id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa; jitlob l-introduzzjoni immedjata fil-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' anness li jkollu l-għan li jirrikonoxxi u jiżviluppa strateġiji u għodod addizzjonali biex jirrispondu aħjar u b'mod aktar effettiv għas-sitwazzjoni speċifika, it-theddid u l-fatturi ta' riskju li jħabbtu wiċċhom magħhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa;

115.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproteġu lin-nisa li huma partikolarment vulnerabbli għal diskriminazzjoni multipla, filwaqt li jirrikonoxxu l-forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni li n-nisa jesperjenzaw fuq il-bażi tal-ġeneru, l-etniċità, in-nazzjonalità, l-età, id-diżabilità, l-istatus soċjali, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, u l-istatus ta' immigrant, u jiżguraw li l-azzjonijiet implimentati jqisu u jwieġbu għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' dawn il-gruppi;

116.

Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-ħtieġa li jissaħħaħ il-Qafas Strateġiku tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom wara l-2020 (41), li tiddikjara li f'ħafna Stati Membri ma ġie osservat l-ebda titjib fl-aċċess għall-impjiegi, li hemm tħassib serju relatat mal-akkomodazzjoni u li ftit li xejn sar progress dwar il-faqar, u hemm ħtieġa ta' dimensjoni tal-ġeneri aktar b'saħħitha fil-qafas tal-UE; huwa mħasseb dwar id-diskors ta' mibegħda kontra r-Rom fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, u r-restrizzjonijiet addizzjonali introdotti minn xi Stati Membri li jpoġġu lill-komunitajiet Rom fi kwarantina, u jibża' mill-konsegwenzi negattivi għall-gruppi l-aktar vulnerabbli fost ir-Rom, bħall-bniet, it-tfajliet, in-nisa akbar fl-età, il-persuni b'diżabilità jew l-LGBTIQ+; jilqa' l-adozzjoni tal-qafas strateġiku tal-UE dwar l-ugwaljanza u l-inklużjoni tar-Rom, li jagħmel possibbli li jiġi analizzat l-impatt li l-coronavirus qed ikollu fuq il-komunitajiet Rom u tadotta miżuri biex tiġi evitata reazzjoni negattiva kontrihom;

117.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas konkret għad-drittijiet u l-protezzjoni tal-ħaddiema tas-sess matul u wara kriżi; jinsisti wkoll fuq l-importanza li jiġu inklużi miżuri u strateġiji li jindirizzaw id-diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħha l-ħaddiema tas-sess fl-aċċess għall-finanzjament, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u servizzi oħra;

118.

Jenfasizza li l-midja awdjoviżiva u tal-istampa hija waħda mis-setturi b'piż kulturali, soċjali u ekonomiku konsiderevoli, peress li tirrifletti kif ukoll tifforma s-soċjetà u l-kultura; jesprimi dispjaċir għall-fatt li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed f'pożizzjonijiet kreattivi ewlenin f'dan is-settur, inkluż fl-industrija tal-films madwar l-Ewropa u mad-dinja kollha; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-istereotipi tal-ġeneru fil-midja u tippromwovi kontenut ugwali bejn il-ġeneri; jisħaq fuq l-importanza li jitrawwem il-litteriżmu fil-media u li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jingħataw inizjattivi ta' edukazzjoni dwar il-midja li jkunu sensittivi għall-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni li tipprojbixxi r-reklamar sessist fil-midja u li tippromwovi taħriġ u korsijiet prattiċi dwar il-ġlieda kontra l-istereotipi tal-ġeneru fl-iskejjel tal-ġurnaliżmu, il-komunikazzjoni, il-midja u r-reklamar; jistieden lill-Kummissjoni tgħin fil-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-ġlieda kontra r-reklami sessisti; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw politiki biex jeqirdu l-inugwaljanzi persistenti fis-settur awdjoviżiv kollu sabiex jipprovdu u jtejbu l-opportunitajiet għan-nisa u l-bniet;

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz tar-relazzjonijiet esterni

119.

Jitlob koerenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE u t-tisħiħ reċiproku tagħhom dwar il-prinċipji ta' diskriminazzjoni multipla, l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-ġlieda kontra l-istereotipi u n-normi tal-ġeneri, kif ukoll il-prattiki dannużi u l-liġijiet diskriminatorji, u l-promozzjoni tat-tgawdija ugwali tan-nisa tal-firxa sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' relazzjonijiet esterni, f'konformità mal-Artikolu 8 TFUE li jiddikjara li l-UE, fl-attivitajiet kollha tagħha, għandu jkollha l-għan li telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; jenfasizza b'mod partikolari, f'dan il-kuntest, il-politiki kummerċjali tal-UE, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-politiki dwar id-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq ir-rwol primarju tal-għoti tas-setgħa lin-nisa sabiex jiġu implimentati b'mod effettiv il-politiki ta' żvilupp; ifakkar fl-importanza tal-edukazzjoni għall-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi sħab; jissottolinja li l-edukazzjoni mhijiex biss dritt, iżda wkoll għodda kruċjali fil-ġlieda kontra ż-żwiġijiet prekoċi u sfurzati u t-tqala fost it-tfajliet adolexxenti; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-politika esterna tal-UE tgħin biex il-bniet jinżammu fl-iskejjel u jkomplu l-edukazzjoni tagħhom f'pajjiżi sħab bħala kwistjoni ta' prijorità; jilqa' l-impenn imġedded għad-drittijiet tan-nisa u l-bniet u r-referenza għall-SDGs u, b'mod partikolari, għall-SDG 5 bħala qafas ewlieni għall-istrateġija ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri;

120.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, bi sħubija mal-Istati Membri, timmonitorja u taħdem lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, il-Programm ta' Azzjoni ICPD u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħhom, u tal-miri kollha tal-SDGs, inklużi l-miri 3.7 u 5.6, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, bl-użu ta' indikaturi f'konformità mal-qafas ta' indikaturi globali tan-NU għall-SDGs;

121.

Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi III (GAPIII) il-ġdid bħala strument ewlieni għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet fir-relazzjonijiet esterni; jisħaq li dan id-dokument jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn indikaturi ċari, li jistgħu jitkejlu u marbuta biż-żmien, inkluża l-allokazzjoni ta' rwoli u responsabbiltajiet lill-atturi differenti; jilqa l-fatt li l-pjan ta' azzjoni l-ġdid iżomm il-mira ta' 85 % għall-programmi l-ġodda kollha biex jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jiddispjaċih li l-mira l-ġdida ta' 20 % għall-programmi biex l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tkun objettiv ewlieni ma ġietx stabbilita; jitlob li l-Istrument il-ġdid ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali jagħti prijorità lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri u lid-drittijiet tan-nisa fil-programmi ġeografiċi u tematiċi f'dan is-sens; jilqa' l-bidla fil-kultura istituzzjonali tas-servizzi tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna sabiex l-impenji tal-UE rigward id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jitwettqu b'mod aktar effettiv;

122.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala katalizzatur għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri mad-dinja kollha;

123.

Jistieden lill-Kummissjoni trawwem fehim aktar profond tal-ħtiġijiet partikolari tan-nisa u l-bniet migranti u li qed ifittxu asil fl-aċċess għall-appoġġ għas-saħħa u l-edukazzjoni u għas-sigurtà finanzjarja biex jiġi evitat ir-riskju li jiġu sfruttati u biex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom jiġu rrispettati;

124.

Jinnota li l-Kummissjoni trid tindirizza s-sitwazzjoni partikolari tal-protezzjoni tan-nisa mill-vjolenza sessista fil-faċilitajiet ta' akkoljenza tal-migrazzjoni u tal-asil, u jitlob infrastruttura adattata għan-nisa u l-bniet, u taħriġ adegwat għall-persunal f'dawn il-faċilitajiet fejn meħtieġ;

125.

Jilqa' politika kummerċjali tal-UE bbażata fuq il-valuri b'livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tax-xogħol u tal-ambjent, kif ukoll ir-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; ifakkar li l-ftehimiet kollha tal-UE dwar il-kummerċ u l-investiment iridu jintegraw il-perspettiva tal-ġeneru u jinkludu kapitolu ambizzjuż u infurzabbli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tiżgura, għall-ewwel darba, l-inklużjoni ta' kapitolu speċifiku dwar il-kummerċ u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat maċ-Ċilì, li jibni fuq l-eżempji internazzjonali eżistenti;

126.

Itenni l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-ħidma tal-Kummissjoni f'dan il-qasam;

o

o o

127.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali (ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24).

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE tal-11 ta' Diċembru 1986 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f'attività, inkluża l-agrikoltura, b'kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom, u dwar il-protezzjoni ta' nisa li jaħdmu għal rashom waqt it-tqala u waqt li qegħdin irabbu t-tfal (ĠU L 359, 19.12.1986, p. 56).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37).

(5)  Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13).

(7)  Id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1).

(8)  ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79.

(9)  Testi adottati, P9_TA(2020)0039.

(10)  Testi adottati, P9_TA(2020)0025.

(11)  Testi adottati, P8_TA(2019)0111.

(12)  Testi adottati, P9_TA(2019)0080.

(13)  ĠU C 390, 18.11.2019, p. 19.

(14)  Testi adottati, P8_TA(2019)0014.

(15)  ĠU C 162, 10.5.2019, p. 9.

(16)  ĠU C 346, 27.9.2018, p. 6.

(17)  ĠU C 331, 18.9.2018, p. 60.

(18)  ĠU C 263, 25.7.2018, p. 49.

(19)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 99.

(20)  ĠU L 69, 8.3.2014, p. 112.

(21)  ĠU C 76, 28.2.2018, p. 93.

(22)  ĠU C 356, 4.10.2018, p. 89.

(23)  ĠU C 285, 29.8.2017, p. 78.

(24)  ĠU C 11, 12.1.2018, p. 35.

(25)  ĠU C 298, 23.8.2018, p. 14.

(26)  ĠU C 363, 28.10.2020, p. 80.

(27)  Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

(28)  ĠU C 458, 19.12.2018, p. 34.

(29)  ĠU C 66, 21.2.2018, p. 44.

(30)  ĠU C 407, 4.11.2016, p. 2.

(31)  Stħarriġ tal-FRA 2014, l-aktar komprensiv fil-livell tal-UE fil-qasam, ibbażat fuq data minn 28 Stat Membru.

(32)  Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025” (COM(2020)0152).

(33)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Jannar 2020 dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri (Testi adottati, P9_TA(2020)0025).

(34)  https://www.eurofound.europa.eu/news/news-articles/gender-employment-gap-costs-europe-eu370-billion-per-year

(35)  ĠU C 331, 18.9.2018, p. 60.

(36)  Testi adottati, P8_TA(2019)0129.

(37)  Testi adottati, P8_TA(2019)0101.

(38)  Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Jannar 2020 dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri.

(39)  Id-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ĠU L 128, 30.4.2014, p. 8).

(40)  ĠU C 363, 28.10.2020, p. 164.

(41)  Testi adottati, P8_TA(2019)0075.