Brussell, 24.8.2020

COM(2020) 454 final

2020/0224(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

għall-għoti ta’ appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lil Ċipru biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ bis-saħħa ta’ SURE jservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol għal żmien qasir jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.

Fis-6 ta’ Awwissu 2020, Ċipru talab assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament SURE. F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Ċiprijotti biex tivverifika ż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa attwali u ppjanata relatata direttament mal-miżuri li ġejjin li ttieħdu b’rispons għall-COVID-19: a) l-iskema ta’ liv speċjali għall-ġenituri, b) l-iskema tal-benefiċċju tal-mard għall-impjegati tas-settur privat u għal dawk li jaħdmu għal rashom, c) l-iskema li tappoġġa kumpaniji għas-sospensjoni totali tal-operazzjonijiet tagħhom, d) l-iskema li tappoġġa kumpaniji għas-sospensjoni parzjali tal-operazzjonijiet tagħhom, e) l-iskema speċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom, f) l-iskema speċjali għal-lukandi u l-akkomodazzjoni turistika, g) l-iskema speċjali biex jiġu appoġġati negozji relatati mal-industrija tat-turiżmu jew affettwati mit-turiżmu jew assoċjati ma’ negozji soġġetti għal sospensjoni totali obbligatorja, h) l-iskema speċjali biex jiġu appoġġati negozji li jwettqu attivitajiet predefiniti, u i) l-iskema ta’ sussidjar ta’ intrapriżi żgħar u żgħar ħafna u dawk li jaħdmu għal rashom. B’mod partikolari, dawn il-miżuri jikkonċernaw:

(1)l-iskema ta’ liv speċjali li tipprovdi kumpens ta’ pagi lil ġenituri li jaħdmu fis-settur privat u li għandhom tfal mhux akbar minn 15-il sena jew tfal b’diżabbiltà ta’ kwalunkwe età;

(2)l-iskema li tappoġġa lill-kumpaniji għal sospensjoni totali ta’ operazzjonijiet, li tipprovdi kumpens ta’ pagi għal 90 % tal-impjegati tan-negozji li kellhom jissospendu l-operazzjonijiet tagħhom, bil-kundizzjoni taż-żamma tal-impjieg. Il-kumpens ikopri 60 % tas-salarju tal-impjegat jew 60 % tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali tal-impjegat maqlugħin fl-2018 (2019 għall-perjodu 7/2020–8/2020), skont liem ikun l-akbar ammont. Il-kumpens jinsab f’firxa ta’ bejn massimu ta’ EUR 1 214 u minimu ta’ EUR 360 fix-xahar;

(3)l-iskema li tappoġġa l-kumpaniji għal sospensjoni parzjali ta’ operazzjonijiet, li tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati ta’ negozji li qed jesperjenzaw tnaqqis ta’ mill-inqas 25 % fil-fatturat minħabba l-pandemija, bil-kundizzjoni taż-żamma tal-impjieg. Il-kumpens ikopri 60 % tas-salarju tal-impjegat jew 60 % tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali tal-impjegat maqlugħin fl-2018, skont liem ikun l-akbar ammont. Il-kumpens jinsab f’firxa ta’ bejn massimu ta’ EUR 1 214 u minimu ta’ EUR 360 fix-xahar;

(4)l-‘iskema speċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom’, li tipprovdi kumpens għal persuni li jaħdmu għal rashom u li ma jistgħu jwettqu l-ebda attività skont id-digriet tal-Ministeru tas-Saħħa u/jew deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri;

(5)l-‘iskema speċjali għal-lukandi u għall-akkomodazzjoni turistika’, li tipprovdi kumpens ta’ pagi biex jiġu appoġġati l-impjegati fl-industrija tal-lukandi u negozji oħra li jipprovdu akkomodazzjoni turistika u li l-impjegatur tagħhom issospenda għalkollox l-operazzjonijiet tagħhom jew esperjenza tnaqqis ta’ aktar minn 40 % fil-fatturat. Il-parteċipazzjoni fl-iskema hija bil-kundizzjoni li jinżammu l-impjiegi;

(6)l-‘iskema speċjali li tappoġġa negozji relatati mal-industrija tat-turiżmu jew li huma affettwati mit-turiżmu jew assoċjati ma’ negozji li huma soġġetti għal sospensjoni totali obbligatorja’, li tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati f’dawk in-negozji li ssospendew għalkollox l-operazzjonijiet tagħhom jew esperjenzaw tnaqqis ta’ aktar minn 55 % fil-fatturat, bil-kundizzjoni li jinżammu l-impjiegi;

(7)l-‘iskema speċjali li tappoġġa negozji li jwettqu attivitajiet predefiniti speċjali’, li tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati tan-negozji li qed jiffaċċjaw tnaqqis ta’ mill-inqas 55 % fil-fatturat tagħhom, bil-kundizzjoni li jinżamm l-impjieg;

(8)l-iskema ta’ sussidjar għal intrapriżi żgħar u żgħar ħafna u għal dawk li jaħdmu għal rashom li jimpjegaw sa 50 impjegat, li tipprovdi għotja ta’ somma sħiħa biex tappoġġa l-ispejjeż operatorji tan-negozji ż-żgħar u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom;

(9)l-‘iskema ta’ benefiċċji tal-mard’, li tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati fis-settur privat u lil dawk li jaħdmu għal rashom, bil-kundizzjoni li jkunu jew ikklassifikati bħala persuni vulnerabbli skont lista ppubblikata mill-Ministeru tas-Saħħa, jitqiegħdu f’kwarantina mill-Awtoritajiet, jew ikunu infettati bil-COVID-19.

Ċipru pprovda l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.

Filwaqt li tqis l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni biex tingħata assistenza finanzjarja lil Ċipru taħt ir-Regolament SURE b’appoġġ għall-miżuri ta’ hawn fuq.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta preżenti hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill 2020/672, li bis-saħħa tiegħu qed issir il-proposta.

Din il-proposta ġejja apparti strument ieħor tal-liġi tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi kbar ta’ saħħa pubblika u jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’rispons għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkomplementa strumenti oħra li jappoġġaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) / InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill 2020/672.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva) 

Il-proposta ssegwi talba tal-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġja ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ introjtu.

Tali appoġġ se jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku dirett ikkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.

•Proporzjonalità

Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

•Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkuntratta self fis-swieq finanzjarji bil-għan li tisilfu lill-Istat Membru li jkun qed jitlob assistenza finanzjarja taħt l-istrument SURE.

Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istati Membri, jiddaħħlu salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:

·Approċċ rigoruż u konservattiv għall-ġestjoni finanzjarja;

·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u skopertura eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġi żgurat li riżorsi suffiċjenti jistgħu jingħataw lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; kif ukoll

·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.

2020/0224 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

għall-għoti ta’ appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lil Ċipru biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fis-6 ta’ Awwissu 2020, Ċipru talab assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li jikkomplementa l-isforzi nazzjonali tiegħu biex jindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha għall-ħaddiema.

(2)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati minn Ċipru biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku u marbut mas-saħħa tagħha huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, Ċipru kien mistenni li jkollu defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 7 % u 115,7 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-sajf tal-2020 tal-Kummissjoni, il-PDG ta’ Ċipru huwa previst li jonqos b’7,7 % fl-2020.

(3)It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol f’Ċipru. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika minn Ċipru fir-rigward tal-iskema ta’ liv speċjali għall-ġenituri, l-iskemi li jappoġġaw il-kumpaniji rispettivament għas-sospensjoni parzjali u totali tal-operazzjonijiet tagħhom, l-iskema speċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom, l-iskema speċjali għal-lukandi u l-akkomodazzjoni turistika, l-iskema speċjali li tappoġġa negozji relatati mal-industrija tat-turiżmu jew milquta mit-turiżmu jew assoċjati ma’ negozji soġġetti għal sospensjoni totali obbligatorja, l-iskema speċjali li tappoġġa negozji li jwettqu attivitajiet predefiniti speċjali, u l-iskema ta’ sussidjar ta’ intrapriżi żgħar u żgħar ħafna u għal dawk li jaħdmu għal rashom, u insostenn ta’ miżuri tas-saħħa pubblika, rigward l-iskema tal-benefiċċju tal-mard kif stabbiliti fil-premessi minn 4 sa 12.

(4)Il-“Liġi 27(I)/2020”, kif imsemmija fit-talba ta’ Ċipru tas-6 ta’ Awwissu 2020, kienet il-bażi għall-introduzzjoni ta’ għadd ta’ Atti Amministrattivi Regolatorji, li jiddeskrivu l-miżuri li jindirizzaw l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19. Fuq il-bażi tal-Liġi 27(I)/2020, l-awtoritajiet introduċew l-iskema ta’ liv speċjali li tipprovdi kumpens ta’ pagi lil ġenituri li jaħdmu fis-settur privat u li għandhom tfal mhux akbar minn 15-il sena jew tfal b’diżabbiltà ta’ kwalunkwe età. L-iskema ta’ liv speċjali tista’ titqies bħala miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, billi jipprovdi appoġġ għall-introjtu lill-impjegati u jippreserva l-impjiegi, billi jiġi evitat li l-ġenituri li jkollhom jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom waqt li l-iskejjel ikunu magħluqa jkollhom jitterminaw ir-relazzjoni tax-xogħol tagħhom.

(5)Barra minn hekk, l-awtoritajiet introduċew l-iskema li tappoġġa lill-kumpaniji għal sospensjoni totali ta’ operazzjonijiet, li tipprovdi kumpens ta’ pagi għal 90 % tal-impjegati tan-negozji li kellhom jissospendu l-operazzjonijiet tagħhom, bil-kundizzjoni taż-żamma tal-impjieg. Il-kumpens ikopri 60 % tas-salarju tal-impjegat jew 60 % tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali tal-impjegat maqlugħin fl-2018 (2019 għall-perjodu 7/2020–8/2020), skont liem ikun l-akbar ammont. Il-kumpens jinsab f’firxa ta’ bejn massimu ta’ EUR 1 214 u minimu ta’ EUR 360 fix-xahar.

(6)L-iskema li tappoġġa l-kumpaniji għal sospensjoni parzjali ta’ operazzjonijiet tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati ta’ negozji li qed jesperjenzaw tnaqqis ta’ mill-inqas 25 % fil-fatturat minħabba l-pandemija, bil-kundizzjoni taż-żamma tal-impjieg. Il-kumpens ikopri 60 % tas-salarju tal-impjegat jew 60 % tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali tal-impjegat maqlugħin fl-2018, skont liem ikun l-akbar ammont. Il-kumpens jinsab f’firxa ta’ bejn massimu ta’ EUR 1 214 u minimu ta’ EUR 360 fix-xahar.

(7)L-‘iskema speċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom’ tipprovdi kumpens għall-persuni li jaħdmu għal rashom u li ma jistgħu jwettqu l-ebda attività skont id-digriet tal-Ministeru tas-Saħħa u/jew deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri.

(8)L-‘iskema speċjali għal-lukandi u għall-akkomodazzjoni turistika’ tipprovdi kumpens ta’ pagi biex jiġu appoġġati l-impjegati fl-industrija tal-lukandi u negozji oħra li jipprovdu akkomodazzjoni turistika u li l-impjegatur tagħhom issospenda għalkollox l-operazzjonijiet jew esperjenza tnaqqis ta’ aktar minn 40 % fil-fatturat. Il-parteċipazzjoni fl-iskema hija bil-kundizzjoni li jinżammu l-impjiegi.

(9)L-‘iskema speċjali li tappoġġa negozji relatati mal-industrija tat-turiżmu jew li huma affettwati mit-turiżmu jew assoċjati ma’ negozji li huma soġġetti għal sospensjoni totali obbligatorja’ tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati fl-industrija tal-lukandi u f’negozji oħra li jipprovdu akkomodazzjoni turistika, u li ssospendew għalkollox l-operazzjonijiet tagħhom jew esperjenzaw tnaqqis ta’ aktar minn 55 % fil-fatturat, bil-kundizzjoni li jinżammu l-impjiegi.

(10)L-‘iskema speċjali li tappoġġa negozji li jwettqu attivitajiet predefiniti speċjali’ tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati tan-negozji li qed jiffaċċjaw tnaqqis ta’ mill-inqas 55 % fil-fatturat tagħhom, bil-kundizzjoni li jinżammu l-impjiegi.

(11)Barra minn hekk, il-baġit supplimentari — Qafas temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat insostenn tal-ekonomija fit-tifqigħa attwali tal-COVID-19 — sussidji, kif imsemmi fit-talba Ċiprijotta tas-6 ta’ Awwissu 2020, jintroduċi sussidji għal intrapriżi żgħar u żgħar ħafna u għal dawk li jaħdmu għal rashom u jimpjegaw sa 50 impjegat. Ġiet mitluba biss dik il-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed. Dawn is-sussidji jipprovdu għotja ta’ somma sħiħa biex tappoġġa l-ispejjeż operatorji tan-negozji ż-żgħar u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom. L-iskema ta’ sussidjar tista’ titqies bħala miżura simili għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jaħdmu għal rashom jew kategoriji simili ta’ ħaddiema minn tnaqqis fl-introjtu jew it-telf tiegħu.

(12)Finalment, l-‘iskema ta’ benefiċċji tal-mard’ tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati fis-settur privat u lil dawk li jaħdmu għal rashom, bil-kundizzjoni li jew ikunu ġew ikklassifikati bħala persuni vulnerabbli skont lista ppubblikata mill-Ministeru tas-Saħħa, jew ikunu tqiegħdu f’kwarantina mill-Awtoritajiet, jew ikunu ġew infettati bil-COVID-19.

(13)Ċipru jissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Ċipru pprovda evidenza xierqa lill-Kummissjoni li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 479 070 000 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-ammont miżjud relatat direttament mal-iskema ta’ liv speċjali għall-ġenituri, l-iskemi li jappoġġaw il-kumpaniji għas-sospensjoni parzjali u totali rispettivament tal-operazzjonijiet tagħhom, l-iskema speċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom, l-iskema speċjali għal-lukandi u l-akkomodazzjoni turistika, l-iskema speċjali li tappoġġa negozji relatati mal-industrija tat-turiżmu jew milquta mit-turiżmu jew assoċjati ma’ negozji li huma soġġetti għal sospensjoni totali obbligatorja, l-iskema speċjali li tappoġġa negozji li jwettqu attivitajiet predefiniti speċjali, u l-iskema ta’ sussidjar ta’ intrapriżi żgħar u żgħar ħafna u għal dawk li jaħdmu għal rashom. Dan jikkostitwixxi żieda għal għarrieda u qawwija minħabba li dawn il-miżuri ġodda jkopru proporzjon sinifikanti ta’ kumpaniji u tal-forza tax-xogħol f’Ċipru.

(14)Il-Kummissjoni kkonsultat lil Ċipru u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għal miżuri rilevanti relatati mas-saħħa marbuta mat-tifqigħa tal-COVID-19 imsemmija fit-talba tas-6 ta’ Awwissu 2020, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(15)Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li Ċipru jiġi megħjun jindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19.

(16)Jenħtieġ li din id-deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE. Ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE.

(17)Jenħtieġ li Ċipru jinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn Ċipru implimenta dik in-nefqa.

(18)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet wara li tqiesu l-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija ta’ Ċipru, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ċipru jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

Artikolu 2

1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Ċipru self li jammonta għal massimu ta’ EUR 479 070 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

2.Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

3.L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lil Ċipru f’massimu ta’ tmien ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ segmenti oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.

4.L-ewwel pagament għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

5.Ċipru għandu jħallas il-kost tal-finanzjament tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament.

6.Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-pagamenti parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.

Artikolu 3

Ċipru jista’ jiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

a)l-iskema ta’ liv speċjali għall-ġenituri, kif previst fil-Liġi 27(I)/2020, l-Atti Amministrattivi Regolatorji 127/148/151/184/192/212/213/235/2020;

b)l-iskema li tappoġġa lill-kumpaniji għas-sospensjoni parzjali u totali tal-operazzjonijiet, kif previst fil-Liġi 27(I)/2020, l-Atti Amministrattivi Regolatorji 131/148/151/188/212/213/239/2020 u 151/187/212/213/238/243/273/2020;

c)l-iskema speċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif previst fil-Liġi 27(I)/2020, l-Atti Amministrattivi Regolatorji 129/148/151/186/213/237/322/2020;

d)l-iskema speċjali għal-lukandi u għall-akkomodazzjoni turistika, kif previst fil-Liġi 27(I)/2020, l-Atti Amministrattivi Regolatorji 269/317/2020;

e)l-iskema speċjali li tappoġġa negozji relatati mal-industrija tat-turiżmu jew li huma affettwati mit-turiżmu jew assoċjati ma’ negozji li huma soġġetti għal sospensjoni totali obbligatorja, kif previst fil-Liġi 27(I)/2020, l-Atti Amministrattivi Regolatorji 270/318/2020;

f)l-iskema speċjali biex jiġu appoġġati negozji li jwettqu attivitajiet predefiniti speċjali, kif previst fil-Liġi 27(I)/2020, l-Atti Amministrattivi Regolatorji 272/320/2020;

g)l-iskema ta’ sussidjar għal intrapriżi żgħar u żgħar ħafna u għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif previst fil-Baġit supplimentari, Qafas temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat insostenn tal-ekonomija fit-tifqigħa attwali tal-COVID-19, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u kumpaniji b’membru wieħed;

h)l-iskema ta’ benefiċċju tal-mard, kif previst fil-Liġi 27(I)/2020, l-Atti Amministrattivi Regolatorji 128/148/151/185/212/236/2020.

Artikolu 4

Ċipru għandu jinforma lill-Kummissjoni sa [DATA: 6 xhur wara d-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni], u kull 6 xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sa dak iż-żmien li n-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 159, 20.5.2020, p.1.