16.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 131/187


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/627

tal-15 ta’ April 2021

li jistabbilixxi regoli dwar iż-żamma u l-aċċess għar-reġistrazzjonijiet fis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) skont ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (1), u b'mod partikulari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 73(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/1240 jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (“ETIAS”) għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mir-rekwiżit li jkunu fil-pussess ta’ viża għall-finijiet tad-dħul u s-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri.

(2)

It-tħaddim tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar jeħtieġ l-iżvilupp u l-implimentazzjoni teknika tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS. Is-sistema għandha tinkludi logs li jirreġistraw l-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-data mwettqa.

(3)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar iż-żamma u l-aċċess għar-reġistrazzjonijiet. Ir-reġistrazzjonijiet jenħtieġ li jintużaw biss għall-verifika tal-konformità mal-obbligi tal-ipproċessar tad-data u għall-iżgurar tal-integrità u s-sigurtà tad-data personali operazzjonali.

(4)

Fir-rigward taż-żamma tal-logs, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat il-post li fih għandhom jinħażnu, il-mod li bih għandhom jiġu rreġistrati teknikament, inkluż meta jkunu ġejjin minn komponenti differenti tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar, kif ukoll ir-regoli applikabbli għat-tħassir tal-logs wara li jintemm il-perjodu taż-żamma tagħhom.

(5)

Fir-rigward tal-aċċess għal-logs, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-awtoritajiet kompetenti inkluż, fejn xieraq, il-persuni fi ħdan tali awtoritajiet, li lilhom għandu jingħata aċċess għal-logs u għall-finijiet li għalihom jistgħu jiġu aċċessati. Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom imwettqa għall-fini ta’ monitoraġġ tal-ammissibbiltà tal-ipproċessar tad-data u għall-iżgurar tas-sigurtà u l-integrità tad-data, l-identifikazzjoni tar-reġistri jenħtieġ li tiġi ffaċilitata permezz ta’ funzjoni effettiva ta’ tiftix.

(6)

Logs li jirreġistraw l-aċċess minn persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ kull Stat Membru u mill-persunal debitament awtorizzat tal-aġenziji tal-Unjoni għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 13 (4a) tar-Regolament (UE) 2018/1240 jenħtieġ li jinżammu f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2019/817.

(7)

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (“eu-LISA”) hija responsabbli għall-fażi tad-disinn u l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS. Il-miżuri stabbiliti b’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jippermettu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja tiddefinixxi d-disinn tal-arkitettura fiżika tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar inkluża l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni tagħha, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema u tiżviluppa s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar. L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja jenħtieġ li tlesti dawk il-miżuri permezz tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi u d-Dokument ta’ Kontroll tal-Interfaċċa tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar.

(8)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1240 u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, peress li r-Regolament (UE) 2018/1240 jimxi fuq il-passi tal-acquis ta’ Schengen, fil-21 ta’ Diċembru 2018, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, innotifikat id-deċiżjoni tagħha li timplimenta r-Regolament (UE) 2018/1240 fil-liġi nazzjonali tagħha.

(9)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (2); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(10)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (3) ta' Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (4).

(11)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (5), ta' Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (6).

(12)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (7) ta' Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (8).

(13)

Fir-rigward ta’ Ċipru, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew huwa marbut mod ieħor miegħu, fit-tifsira, rispettivament, tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, l-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 u l-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011.

(14)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u ta l-opinjoni tiegħu fl-4 ta’ Settembru 2020.

(15)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fruntieri Intelliġenti (ETIAS),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Żamma ta’ reġistrazzjonijiet ta’ operazzjonijiet għall-ipproċessar tad-data

1.   Ir-reġistri tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS li għandhom jinżammu f’konformità mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240, li jinkludu logs li jinvolvu aċċess minn trasportaturi kif previst fl-Artikolu 45(7), mill-awtoritajiet tal-fruntieri u l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni kif previst fl-Artikolu 69(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240 u mill-punti ta’ aċċess ċentrali kif previst fl-Artikolu 70(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240, għandhom jiġu rreġistrati u maħżuna mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS.

2.   Kull operazzjoni ta’ pproċessar ta’ data fi ħdan is-sistema ta’ informazzjoni tal-ETIAS għandha tiġi rreġistrata bħala entrata separata fir-reġistru.

Ir-reġistrazzjoni għandu jkollha kamp speċifiku li jippermetti l-identifikazzjoni tad-dettalji relatati mal-operazzjoni mwettqa.

3.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiġi rreġistrata bil-ħin u d-data ta’ kull operazzjoni tal-ipproċessar tad-data (“kronogramma”).

4.   Kull reġistrazzjoni għandha taħżen l-ID unika tal-awtorità kif ukoll tal-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li jaċċessa, jemenda jew iħassar id-data maħżuna fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS.

5.   L-entrati tar-reġistru għandhom jitħassru kuljum mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS f’konformità mal-perjodi taż-żamma previsti fl-Artikolu 45(7), l-Artikolu 69(4) u l-Artikolu 70(4) tar-Regolament (UE) 2018/1240.

Għandha tintuża kronogramma biex jiġu identifikati l-entrati taz-zokk li għandhom jitħassru fi tmiem il-perjodu ta’ żamma rilevanti għal kull tip ta’ reġistru.

Artikolu 2

Żamma ta’ reġistrazzjonijiet ta’ operazzjonijiet għall-ipproċessar tad-data

1.   L-aċċess għar-reġistrazzjonijiet miżmuma mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja skont ir-Regolament (UE) 2018/1240 għandu jkun limitat għal:

(a)

amministraturi debitament awtorizzati tal-ETIAS tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja u Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 58(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240 u b’mod partikolari biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 69(4) ta’ dak ir-Regolament;

(b)

persunal debitament awtorizzat u Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, għall-finijiet stabbiliti fl-Artikoli 7(2)(e) u 61 tar-Regolament (UE) 2018/1240 u biex tiġi żgurata l-legalità tal-ipproċessar tad-data, l-integrità u s-sigurtà tad-data;

(c)

persunal debitament awtorizzat u Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data tal-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS, għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 57(2).

2.   Il-kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti li jwettqu l-funzjonijiet superviżorji msemmija fl-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament (UE) 2018/1240 għandu jkollhom aċċess għar-reġistrazzjonijiet fuq talba lill-eu-LISA jew lill-Unità (jiet) Nazzjonali tal-ETIAS.

3.   L-entrati fir-reġistru u l-oqsma speċifiċi rreġistrati fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, f’konformità mal-Artikolu 1, għandhom ikunu jistgħu jiġu mfittxija mill-inqas b’referenza għall-awtur, għad-data tal-aċċess jew għat-tip ta’ operazzjoni ta’ pproċessar.

4.   Għall-finijiet tal-Artikolu 45(5) u (7) tar-Regolament (UE) 2018/1240, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja tista’ tibgħat reġistrazzjonijiet lill-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS meħtieġa għas-soluzzjoni ta’ tilwim li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

iċ-ċittadin tal-ETIAS ikkonċernat ikun ippreżenta talba motivata espliċita għal tali reġistrazzjonijiet lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta bħala kontrollur tad-data skont it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 57(1) ta’ dak ir-Regolament.

(b)

l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta vverifikat u approvat it-talba.

5.   Ir-reġistrazzjonijiet li jirreġistraw l-aċċess għal-logs imwettqa skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu traċċabbli mill-inqas skont l-awtur jew id-data tal-aċċess.

6.   Reġistrazzjonijiet li jirreġistraw l-aċċess għal reġistrazzjonijiet imwettqa skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu jistgħu jiġu mfittxija mill-inqas b’referenza għall-awtur, għad-data tal-aċċess jew għat-tip ta’ operazzjoni ta’ pproċessar.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(3)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(5)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(7)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).