Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BIONDI

ippreżentati fis‑26 ta’ Marzu 2026 (1)

Kawża C‑888/24

Adão da Fonseca-Engenheiros Consultores, Lda

vs

Metro do Porto, S.A.,

Betar Consultores, Lda

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 82 – Proċedura relatata ma’ kompetizzjoni ta’ disinn – Assenza ta’ smigħ minn qabel – Protezzjoni tal-anonimità tal-kandidati – Dritt għal smigħ”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), il-qorti tar-rinviju, toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tinterpreta għall-ewwel darba d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24/UE (2) fuq il-kuntratti pubbliċi li jikkonċernaw speċifikament il-“kompetizzjonijiet ta’ disinn”.

2.        Il-kompetizzjonijiet ta’ disinn huma proċeduri, distinti mis-sejħiet għal offerti, intiżi sabiex jipprovdu lil awtorità kontraenti proposta kunċettwali, pjan jew proġett (tipikament fil-qasam tal-ippjanar, tal-inġinerija jew tal-arkitettura), magħżula minn ġurija abbażi ta’ sejħa għal offerti. Il-partikolarità tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn tinsab fin-natura kreattiva u kunċettwali tal-pjanijiet jew tal-proġetti ppreżentati, fejn il-kwalità u l-oriġinalità tas-soluzzjonijiet proposti għandhom rwol determinanti fl-evalwazzjoni.

3.        Din il-kawża tqajjem, fil-qosor, il-kwistjoni tan-neċessità jew, tal-inqas, tal-ammissibbiltà f’dawn it-tipi ta’ proċeduri, ta’ smigħ minn qabel tal-kandidati qabel id-deċiżjoni finali min-naħa tal-ġurija. Din il-kwistjoni ser tiġi analizzata kemm fil-kuntest regolatorju tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirrikonoxxi d-dritt għal smigħ.

4.        It-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet tressqet fil-kuntest ta’ tilwima mibdija mill-kumpannija tal-inġinerija Adão da Fonseca-Engenheiros Consultores, Lda. (iktar ’il quddiem “Adão da Fonseca”) dwar kompetizzjoni ta’ disinn organizzata mill-kumpannija Metro do Porto, S.A., bħala awtorità kontraenti, għat-tfassil tal-proġett eżekuttiv ta’ pont fuq ix-xmara Douro.

5.        Il-proġett ta’ Adão da Fonseca ma ġiex ikklassifikat fost it-tliet proġetti magħżula mill-ġurija tal-imsemmija kompetizzjoni ta’ disinn. Din il-kumpannija għalhekk adixxiet lill-qrati amministrattivi Portugiżi b’talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ din il-ġurija, kif ukoll tad-deċiżjoni sussegwenti ta’ għoti lil operatur ieħor tal-kuntratt pubbliku għal servizzi.

6.        Wara żewġ ċaħdiet tar-rikors tagħha mill-qrati amministrattivi inferjuri, Adão da Fonseca adixxiet fl-aħħar istanza lill-qorti tar-rinviju. Quddiem din il-qorti, din il-kumpannija tinvoka, fost l-oħrajn, il-ksur tal-allegat dritt tagħha għal smigħ minn qabel (3). Hija ssostni li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ smigħ minn qabel, b’mod partikolari quddiem il-ġurija, wassal għal ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, b’tali mod li kemm il-proċedura ta’ kompetizzjoni ta’ disinn kif ukoll l-għoti sussegwenti (4) huma vvizzjati.

7.        F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hemmx lok li l-kandidati f’kompetizzjoni ta’ disinn għandhomx jiġu rrikonoxxuti d-dritt li jinstemgħu mill-ġurija qabel l-adozzjoni minnha tad-deċiżjoni tagħha dwar l-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-pjanijiet jew tal-proġetti li jkunu ġew ippreżentati lilha. Din il-qorti tirrileva li l-fatt li s-smigħ tal-partijiet ikkonċernati jikkostitwixxi, fid-dritt Portugiż, fażi kruċjali ta’ kull proċedura ma jeskludix li, f’ċerti każijiet debitament iġġustifikati, l-assenza ta’ smigħ preliminari tista’ tiġi ġġustifikata. Hija tenfasizza li, fil-kuntest tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn, l-esklużjoni ta’ smigħ preliminari tal-kandidati tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-prinċipju – fundamentali f’dawn it-tipi ta’ proċeduri – tal-anonimità tal-kandidati, li l-identità tagħhom tista’ tiġi żvelata biss wara r-redazzjoni tar-rapport tal-ġurija. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm ebda regola speċifika dwar il-proċedura ta’ kompetizzjoni ta’ disinn ma tipprevedi, fid-dritt Portugiż, tali smigħ minn qabel, din xorta waħda hija prevista mis-sistema ġenerali tal-proċeduri miftuħa, li għaliha jsir riferiment sussidjarjament mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

8.        F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-regola tal-anonimità tal-kandidati prevista fl-Artikolu 82(4) tad-[Direttiva 2014/24], flimkien mal-possibbiltà ta’ djalogu bejn il-ġurija u l-kandidati sabiex jinkisbu kjarifiki dwar disinni sottomessi, prevista fil-paragrafi (5) u (6) tal-istess artikolu, u flimkien mar-riferiment magħmul fl-Artikolu 80(1) tal-imsemmija direttiva għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu I tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi t-twettiq obbligatorju ta’ smigħ minn qabel tal-partijiet ikkonċernati?”

II.    Analiżi

9.        Kif diġà indikajt, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna l-interdipendenza bejn ir-regola tal-anonimità tal-kandidati, li għandha rwol fundamentali fil-kuntest tas-sistema tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn, u d-dritt għal smigħ tal-kandidati li jipparteċipaw f’tali proċedura.

10.      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li d-domanda preliminari ma tidhirx ipotetika kif sostnut minn Metro do Porto S. A. fl-osservazzjonijiet tagħha. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li Adão da Fonseca sostniet quddiemha li l-allegata illegalità li tikkonsisti fin-nuqqas ta’ smigħ minn qabel tal-partijiet ikkonċernati fil-fażi tal-kompetizzjoni ta’ disinn kienet tikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali li jwassal għall-annullament tal-proċedura kollha (5). Id-domanda preliminari magħmula hija b’hekk determinanti għall-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u għalhekk hija ammissibbli.

11.      Fit-tieni lok, nirrileva li l-proċedura dwar il-kompetizzjoni ta’ disinn inkwistjoni tikkonċerna proġett eżekuttiv ta’ pont fuq ix-xmara Douro, imniedi minn Metro do Porto, S.A., il-kumpannija rregolata mid-dritt pubbliku responsabbli għall-ġestjoni tal-infrastruttura tas-sistema metropolitana ta’ Porto. Madankollu, ma jidhirx li jirriżulta b’mod espliċitu la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet tal-partijiet jekk, fil-kuntest ta’ dan il-proġett, huwiex previst li fuq il-pont inkwistjoni hijiex se tgħaddi l-metropolitana jew le. Għalhekk ma huwiex ċar jekk il-kompetizzjoni ta’ disinn inkwistjoni tikkonċernax jew le “attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-forniment […] ta’ netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija” fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/25/UE (6). Jekk dan ikun il-każ, ikunu d-dispożizzjonijiet ta’ din l-aħħar direttiva u mhux dawk tad-Direttiva 2014/24 li jkunu applikabbli għall-kompetizzjoni ta’ disinn inkwistjoni. Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet taż-żewġ direttivi dwar is-sistema tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn ikkontestati f’dan il-każ huma, essenzjalment, identiċi (7), b’tali mod li l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tinbidilx anki kieku kienet applikabbli d-Direttiva 2014/25.

12.      Sabiex nirrispondi d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, ser nesponi, qabelxejn, il-karatteristiċi tal-proċeduri relatati mal-kompetizzjonijiet ta’ disinn kif irregolati mid-Direttiva 2014/24, sabiex jinftiehmu l-aspetti speċifiċi li jimmotivaw din is-sistema legali (A.); sussegwentement, ser neżamina jekk hemmx lok li jiġi rrikonoxxut dritt għal smigħ minn qabel f’dawn it-tipi ta’ proċeduri skont id-Direttiva 2014/24 (B.); fl-aħħar nett, ser neżamina jekk dritt għal smigħ minn qabel f’dawn it-tipi ta’ proċeduri għandux jiġi rrikonoxxut abbażi tad-dritt għal smigħ bħala espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (C).

A.      Il-kompetizzjonijiet ta’ disinn tad-Direttiva 2014/24

13.      Il‑punt 21 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 jiddefinixxi l-“kompetizzjonijiet ta’ disinn” bħala “dawk il-proċeduri li jippermettu lill-awtorità kontraenti biex takkwista, prinċipalment fl-oqsma tal-ippjanar tal-ibliet u l-kampanja, l-arkitettura u l-inġinerija jew l-ipproċessar ta’ data, pjan jew disinn magħżul minn ġurija wara li jkun ġie sottomess għall-kompetizzjoni bl-għoti ta’ premji jew mingħajr” (8).

14.      Il-kompetizzjonijiet ta’ disinn huma “strumenti flessibbli” (9) użati mill-awtoritajiet kontraenti biex jagħżlu xogħol wieħed jew iktar ta’ disinn f’setturi speċifiċi. Bħala tali, dawn iservu sabiex jinġabru ideat u sabiex tinkiseb l-aħjar proposta kunċettwali, mingħajr ma fil-proċedura tkun neċessarjament fdata l-eżekuzzjoni tal-proġett jew jingħata s-servizz ta’ disinn.

15.      Għaldaqstant, il-kompetizzjonijiet ta’ disinn huma differenti mill-kuntratti, li huma ddefiniti b’mod differenti fil-kuntest tad-Direttiva 2014/24 (10). Fil-fatt, il-kompetizzjonijiet ta’ disinn ma għandhomx l-għan li jikkonkludu kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, iżda biss li jintgħażel xogħol ta’ disinn wieħed jew iktar, bi jew mingħajr ħlas ta’ premju. Barra minn hekk, dan ma jeskludix li kompetizzjoni ta’ disinn tista’ tiġi organizzata fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi (11).

16.      L-ispeċifiċità tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn tinsab għalhekk, kif diġà indikajt, preċiżament fin-natura kreattiva u kunċettwali tagħhom, fejn il-valur kwalitattiv u l-innovazzjoni tas-soluzzjonijiet proposti jirriżultaw deċiżivi. B’mod differenti minn proċedura ta’ sejħa għal offerti, fil-kompetizzjonijiet ta’ disinn, il-kandidati ma jifformulawx offerti ekonomiċi, iżda jippreżentaw dokumenti ta’ disinn li jirriflettu l-viżjoni tal-proġett (tipikament pjanijiet jew skemi fl-oqsma tal-ippjanar urban, tal-inġinerija, tal-arkitettura jew oħrajn). Konsegwentement, l-awtorità kontraenti ma tipproċedix bl-għoti ta’ kuntratt innifsu, iżda sempliċement tagħżel, u eventwalment tippremja, proposta kunċettwali. Għalhekk, l-għan tal-paragun ma huwiex l-offerta kuntrattwali, iżda l-kontenut tekniku tal-proġetti ppreżentati. Dak li jinteressa l-awtorità kontraenti f’dawn it-tipi ta’ proċeduri huwa r-riżultat finali tal-attività ta’ disinn u ta’ ppjanar, li għandu jissodisfa l-ħtiġijiet speċifikati minn qabel tal-awtorità. L-għan ma huwiex madankollu li tiġi ddeterminata l-persuna li tissodisfa r-rekwiżiti tali sabiex jiġi żgurat l-professjonaliżmu għat-twettiq tal-inkarigu fdat.

17.      Il-kompetizzjonijiet ta’ disinn kienu diġà s-suġġett ta’ sistema speċifika fid-Direttiva 2004/18/KE (12). Madankollu, id-Direttiva 2014/24 saħħet ir-regolamentazzjoni u rregolathom permezz ta’ kapitolu speċifiku, il-Kapitolu II (Artikoli minn 78 sa 82), li jinsab fit-Titolu III, dwar l-iskemi speċjali ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi (13).

18.      Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu ma jipprevedux proċedura ġenerali speċifika għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn. Huma jinkludu biss xi dispożizzjonijiet proċedurali intiżi sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari msemmija iktar ’il fuq ta’ dan it-tip ta’ kompetizzjoni, kif ukoll obbligu għall-awtoritajiet kontraenti – li jinsab fl-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/24, imsemmi fid-domanda preliminari – li jiġu applikati proċeduri adattati għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu I ta’ din id-direttiva dwar il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet ġenerali. Minn din il-leġiżlazzjoni relattivament limitata jirriżulta li d-Direttiva 2014/24 ma hijiex intiża sabiex tistabbilixxi armonizzazzjoni kompleta tas-sistema tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn.

19.      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24, l-Artikolu 78 jispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjonijiet ta’ disinn. Mill-qari ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kompetizzjonijiet ta’ disinn jistgħu jiġu organizzati skont tliet modalitajiet: l-ewwel, b’mod totalment indipendenti minn kull proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku (14); it-tieni, bħala fażi preliminari lejn proċedura ta’ kuntratt li tista’ tiġi organizzata suċċessivament (15); it-tielet, direttament bħala parti integrali minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi (16). Il-kompetizzjonijiet ta’ disinn jistgħu, barra minn hekk, ikunu miftuħa għall-operaturi kollha jew ikunu limitati għal numru limitat ta’ kandidati (17).

20.      L-Artikolu 79 tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi l-obbligu għall-awtoritajiet kontraenti li jixtiequ jorganizzaw kompetizzjoni ta’ disinn li jindikaw l-intenzjoni tagħhom permezz ta’ avviż ta’ kompetizzjoni (18). L-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi ċerti regoli dwar l-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn u dwar l-għażla tal-parteċipanti (19). L-Artikolu 81 tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kompożizzjoni tal-ġurija (20).

21.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 82 tad-Direttiva 2014/24 li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba fid-domanda preliminari jipprevedi dispożizzjonijiet fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-ġurija.

22.      B’mod partikolari, il-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-artikolu jesprimu r-regola tal-anonimità. Skont l-Artikolu 82(2) tad-Direttiva 2014/24, il-ġurija għandha teżamina l-pjanijiet u l-proġetti ppreżentati mill-kandidati b’mod anonimu u billi tibbaża ruħha esklużivament fuq il-kriterji indikati fl-avviż ta’ kompetizzjoni. Skont il-paragrafu 4, l-anonimità għandha tiġi osservata sakemm il-ġurija tagħti l-opinjoni jew id-deċiżjoni tagħha.

23.      Ir-raġuni għall-anonimità hija biex tiġi ggarantita l-oġġettività u l-imparzjalità tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-proġetti sottomessi. L-anonimità tiżgura fil-fatt li l-ġurija tevalwa dawn il-proġetti esklużivament abbażi tal-merti intrinsiċi tagħhom, skont kriterji ta’ għażla stabbiliti minn qabel, ċari u nondiskriminatorji, u mingħajr ma tkun influwenzata, konxjament jew inkonxjament, mill-identità, mir-reputazzjoni tal-kandidati. Fil-fatt, peress li, kif intqal, kompetizzjoni ta’ disinn għandha l-għan li tevalwa xogħlijiet kreattivi abbażi tal-kwalitajiet estetiċi, kunċettwali, funzjonali jew tekniċi tagħhom, fid-dawl tan-natura intrinsikament artistika u kunċettwali ta’ dawn ix-xogħlijiet, l-evalwazzjoni tagħhom timplika neċessarjament ċertu livell ta’ suġġettività, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kunsiderazzjoni tal-aspetti estetiċi u tal-kontenut kunċettwali. Għaldaqstant, jeżisti riskju ikbar ta’ parzjalità min-naħa tal-ġurija, li jista’ jiffavorixxi, anki b’mod inkonxju, professjonisti rinomati. L-anonimità tiggarantixxi l-oġġettività tal-ġurija u l-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ kompetizzjoni leali. Għalhekk, iż-żamma ta’ anonimità stretta fl-evalwazzjoni tal-proġetti tiżgura t-trattament ugwali bejn il-parteċipanti u ssaħħaħ il-leġittimità u t-trasparenza tal-proċedura, u b’hekk ikollha rwol fundamentali f’dawn it-tipi ta’ proċeduri.

24.      Barra minn hekk, id-Direttiva 2014/24 ma teskludix b’mod assolut l-eżistenza ta’ forma ta’ djalogu bejn il-ġurija u l-kandidati. Fil-fatt, l-Artikolu 82(5) jipprovdi li “[j]ekk ikun hemm bżonn, il-kandidati jistgħu jiġu mistiedna jwieġbu mistoqsijiet li l-ġurija rreġistrat fil-minuti sabiex jiċċaraw kwalunkwe aspett mill-proġetti”. Il-paragrafu 6 tal-istess artikolu jipprovdi li “[g]ħandhom jinżammu minuti sħaħ tad-djalogu bejn il-membri tal-ġurija u l-kandidati”.

25.      Huwa fil-kuntest regolatorju tad-Direttiva 2014/24 deskritt fil-punti preċedenti li għandha tiġi analizzata d-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

B.      Fuq ir-rikonoxximent ta’ dritt għal smigħ minn qabel waqt il-kompetizzjonijiet ta’ disinn fil-kuntest tad-Direttiva 2014/24

26.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu qabel kollox jiġi vverifikat jekk dan il-qafas regolatorju jistax jinkludi t-twettiq obbligatorju ta’ smigħ minn qabel tal-kandidati fil-kompetizzjonijiet ta’ disinn, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-ġurija.

27.      F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Kapitolu II tat-Titolu III tad-Direttiva 2014/24 ma jipprevedux espliċitament it-twettiq ta’ smigħ minn qabel tal-persuni kkonċernati fil-kompetizzjonijiet ta’ disinn.

28.      Filwaqt li tirriproduċi argument ta’ Adão da Fonseca, il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk il-possibbiltà li jinbeda djalogu bejn il-kandidati u l-ġurija prevista fil-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 82 tad-Direttiva 2014/24 tistax tiġġustifika l-possibbiltà li jiġu eżaminati u magħrufa l-proġetti proposti mill-kandidati waqt smigħ mingħajr ksur tal-kunfidenzjalità u tal-anonimità.

29.      F’dan ir-rigward, inqis madankollu li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82(5) u (6) tad-Direttiva 2014/24 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jagħtu dritt lill-kandidati għal smigħ minn qabel fil-kuntest tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn.

30.      Mill-formulazzjoni tal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-kandidati “jistgħu” jkunu mistiedna “[jekk meħtieġ]” iwieġbu għall-mistoqsijiet li l-ġurija inkludiet fil-minuti bl-għan li jipprovdu kjarifiki dwar il-proġetti. Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi għalhekk espliċitament setgħa diskrezzjonali tal-ġurija li titlob kjarifiki mingħand il-kandidati fir-rigward tal-proġetti, u mhux dritt għall-kandidati li jeżiġu li tali kjarifiki jiġu pprovduti.

31.      Il-previżjoni ta’ din it-talba eventwali għal kjarifiki għandha l-għan li tneħħi d-dubji li l-ġurija jista’ jkollha dwar aspetti speċifiċi tal-proġett ippreżentat, u b’hekk tikkontribwixxi għal evalwazzjoni iktar infurmata u iktar ekwa. Barra minn hekk, din hija sempliċement talba għal kjarifiki. Fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni ċertament ma hijiex intiża sabiex tippermetti lill-kandidati jikkompletaw il-proġett ex post, lil hinn mit-talbiet għal kjarifika tal-ġurija.

32.      Barra minn hekk, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li ngħatatilha, il-ġurija għandha tittratta l-kandidati differenti b’mod ugwali u leali, b’tali mod li, fi tmiem il-proċedura relatata mal-kompetizzjoni ta’ disinn, ma jistax jidher li t-talba għal kjarifiki ffavorixxiet jew żvantaġġat indebitament lill-kandidat jew lill-kandidati li lilhom hija indirizzata (21).

33.      Sussegwentement, huwa evidenti wkoll li l-possibbiltà għall-ġurija li tressaq l-imsemmija talba għal kjarifiki lil kandidat wieħed jew iktar għandha tiġi rrikonċiljata mar-regola tal-anonimità, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 82(4) tad-Direttiva 2014/24, għandha tiġi osservata sal-adozzjoni tad-deċiżjoni. Fil-fatt, li kieku dan ma kienx il-każ, kif jirrileva ġustament il-Gvern Portugiż, l-effett utli tar-regola tal-anonimità jirriskja li jispiċċa fix-xejn fit-talba għal kjarifiki. Il-konformità mar-regola tal-anonimità tal-kandidati tista’ tiġi żgurata, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, pereżempju permezz tal-użu ta’ intermedjarju (bħall-awtorità kontraenti jew terzi indipendenti) jew bl-użu ta’ mezzi tekniċi/informatiċi (bħal pereżempju pjattaforma informatika).

34.      Fit-tieni lok, in-neċessità tat-twettiq ta’ smigħ minn qabel tal-persuni kkonċernati matul il-kompetizzjonijiet ta’ disinn, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ġurija, lanqas ma tirriżulta minn dispożizzjoni tat-Titolu I tad-Direttiva 2014/24 stess, li għalih jirreferi l-Artikolu 80(1) ta’ din tal-aħħar.

35.      B’mod partikolari, din in-neċessità ma tirriżulta minn ebda wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-għoti ta’ kuntratti stabbiliti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24 u, b’mod speċifiku, mill-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, li jidhru li saħansitra jmorru kontra r-rikonoxximent ta’ dritt għal smigħ minn qabel tal-kandidati f’dawn il-proċeduri.

36.      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu l-għan li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u effettiva bejn il-persuni li jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti li għandhom ikunu fuq livell ugwali kemm fil-mument meta huma jippreparaw il-proġetti tagħhom kif ukoll fil-mument meta dawn jiġu evalwati. Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ trasparenza għandu l-għan li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskji ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-ġurija (22).

37.      Smigħ preliminari, tkun xi tkun il-forma li fiha jsir, dejjem jinvolvi r-riskju, tal-inqas potenzjali, li tiġi ppreġudikata l-anonimità tal-parteċipanti li, kif rajna iktar ’il fuq, għandha rwol fundamentali fil-proċeduri relatati mal-kompetizzjonijiet ta’ disinn, fid-dawl tan-natura partikolari tagħhom (23). Fil-kuntest partikolari tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn, it-twettiq ta’ smigħ minn qabel tal-kandidati għalhekk dejjem huwa bbażat fuq ir-riskju kemm li tiġi ppreġudikata l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati kif ukoll li tiġi affettwata l-indipendenza ta’ evalwazzjoni tal-ġurija bi ksur taż-żewġ prinċipji msemmija iktar ’il fuq.

38.      Fit-tielet lok, tqum il-kwistjoni dwar jekk, fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika f’dan ir-rigward fid-Direttiva 2014/24, din id-direttiva u b’mod partikolari r-regola tal-anonimità jippermettux jew jipprekludux li Stat Membru jipprevedi, fid-dritt nazzjonali tiegħu, it-twettiq obbligatorju ta’ smigħ minn qabel tal-persuni kkonċernati fil-kuntest tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-ġurija.

39.      F’dan ir-rigward, sa fejn, kif irrilevajt fil-punt 18 iktar ’il fuq, id-Direttiva 2014/24 ma tistabbilixxix armonizzazzjoni kompleta tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn, huwa kull Stat Membru, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet tal-proċeduri amministrattivi, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, filwaqt li josserva l-prinċipji fundamentali fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti msemmija fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24. Madankollu, dawn il-modalitajiet proċedurali ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili previsti għall-protezzjoni tad-drittijiet ibbażati fuq l-ordinament ġuridiku intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (24).

40.      Madankollu, inqis li r-rikonoxximent fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dritt għat-twettiq obbligatorju ta’ smigħ minn qabel tal-kandidati fil-kompetizzjonijiet ta’ disinn imur kontra l-loġika tal-leġiżlazzjoni prevista mid-Direttiva 2014/24 għal dawn il-kompetizzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżit fundamentali tal-osservanza tal-anonimità sal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ġurija.

41.      Fil-fatt, kif issemma fil-punti preċedenti, anki jekk fl-astratt, ma huwiex eskluż li jistgħu jinstabu forom li fihom it-twettiq ta’ smigħ preliminari jista’ jiggarantixxi l-osservanza tal-anonimità, kull kuntatt bejn il-ġurija u l-kandidati jżid ir-riskju tal-ksur tagħha, billi jippreġudika l-effett utli tar-regola tal-anonimità.

42.      F’din il-perspettiva, ma jidhirx fortuwitu li d-Direttiva 2014/24 tipprevedi possibbiltà ta’ kuntatt bejn il-ġurija u l-kandidati biss “[j]ekk ikun hemm bżonn” (25). Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 82 tad-Direttiva 2014/24 jiżvelaw l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jsib bilanċ bejn, minn naħa, il-prinċipju tal-anonimità, essenzjali sabiex tiġi ggarantita l-imparzjalità tal-evalwazzjoni tal-ġurija, u, min-naħa l-oħra, il-flessibbiltà neċessarja sabiex ikun jistgħu jiftiehmu b’mod sħiħ ix-xogħlijiet ippreżentati, filwaqt li jiġi ppreżervat ir-rekwiżit essenzjali tal-anonimità, li, bħala garanzija tal-imparzjalità tal-evalwazzjoni għandu jitqies li huwa intanġibbli.

43.      Barra minn hekk, anki fil-kuntest tal-libertà li jiġu ddeterminati r-regoli proċedurali mogħtija lill-Istati Membri mill-prinċipju tal-awtonomija proċedurali fl-osservanza tal-prinċipji fundamentali fil-qasam tal-kuntratti, jeħtieġ li l-proġett ippreżentat mill-kandidati jkun komplet u komprensibbli u b’xi mod jew ieħor “self standing” u awtospjegattiv. Huwa l-kandidat li huwa responsabbli għall-preżentazzjoni ta’ proġett komplet u fuqu jaqa’ l-obbligu ta’ diliġenza fir-redazzjoni tal-proġett tiegħu sabiex dan ikun ċar (26). Fil-kuntest tal-proċedura ddefinita mid-Direttiva 2014/24, bl-eċċezzjoni tat-talba għal kjarifika skont l-Artikolu 82(5), ma hija prevista ebda emenda sussegwenti tal-proġett, u lanqas fażijiet proċedurali sussegwenti. Għalhekk, ir-rikonoxximent ta’ smigħ obbligatorju wara l-preżentazzjoni tal-proġett imur ukoll kontra l-istruttura tal-proċedura kif iddefinita mid-Direttiva 2014/24.

44.      Fl-istess perspettiva, b’applikazzjoni analoga tal-ġurisprudenza fil-qasam tal-kuntratti, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, previsti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24, kif applikabbli wkoll għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn, jipprekludu kull negozjati bejn il-ġurija u kandidat fil-kuntest ta’ proċedura relatata ma’ kompetizzjoni ta’ disinn, li jimplika li, bħala prinċipju, proġett, ladarba ppreżentat, ma jistax jinbidel wara l-preżentazzjoni tiegħu, la fuq l-inizjattiva tal-awtorità kontraenti u lanqas fuq tal-kandidat (27).

45.      Għalhekk inqis li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li d-Direttiva 2014/24 tipprekludi li Stat Membru jipprevedi, fid-dritt nazzjonali tiegħu, it-twettiq obbligatorju ta’ smigħ minn qabel tal-persuni kkonċernati fil-kuntest tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-ġurija.

C.      Fuq in-neċessità ta’ smigħ minn qabel waqt il-kompetizzjonijiet ta’ disinn bis-saħħa tad-dritt għal smigħ

46.      Barra minn hekk, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk dritt għall-parteċipanti fil-kompetizzjonijiet ta’ disinn għat-twettiq ta’ smigħ minn qabel, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-ġurija, jistax jiġi kkostitwit bis-saħħa tad-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed fil-konfront tagħha miżura individwali li tikkawżalha preġudizzju.

47.      Dan id-dritt huwa espressament previst fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – li għalih jirreferu l-Kummissjoni u l-Gvern Portugiż fl-osservazzjonijiet tagħhom – bħala espressjoni partikolari tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

48.      Madankollu, l-Artikolu 41 tal-Karta huwa indirizzat lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni u mhux lill-korpi jew lill-entitajiet tal-Istati Membri, b’tali mod li l-individwu ma jistax jinvoka dan l-artikolu fil-konfront ta’ awtoritajiet kontraenti nazzjonali. Meta Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, id-drittijiet li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ fil-proċeduri amministrattivi, huma applikabbli fil-kuntest tal-proċeduri mmexxija mill-awtoritajiet kontraenti nazzjonali kompetenti (28).

49.      Fir-rigward tal-kontenut tad-dritt għal smigħ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dan id-dritt jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod negattiv l-interessi tagħha, inkluż meta din il-formalità ma tkunx prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli (29). Dan id-dritt jimplika wkoll li l-amministrazzjoni kompetenti għandha tagħti l-attenzjoni neċessarja kollha għall-osservazzjonijiet tal-persuna kkonċernata billi teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u billi timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti (30). Id-dritt għal smigħ huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jiggarantixxi li kull deċiżjoni li jkollha effett sfavorevoli fir-rigward ta’ persuna tittieħed b’għarfien sħiħ tal-fatti (31).

50.      B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat b’mod espliċitu li l-modalitajiet li bihom il-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonċernaha għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (32).

51.      Barra minn hekk, id-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għal smigħ, ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jinvolvu restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-miżura inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (33).

52.      F’dan il-każ, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li deċiżjoni tal-ġurija adottata fi proċedura dwar kompetizzjoni ta’ disinn bħal dik inkwistjoni hija ta’ natura li tikkawża preġudizzju lil parteċipant bħal Adão da Fonseca. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-deċiżjoni hija vinkolanti għall-awtorità kontraenti u li huma biss il-proġetti li ġew ikklassifikati fl-ewwel tliet postijiet tal-klassifika stabbilita mill-imsemmija ġurija li jintgħażlu sabiex jipparteċipaw fi proċedura ta’ għoti dirett. L-assenza ta’ klassifika fost dawn it-tliet proġetti twassal għalhekk għan-nuqqas ta’ għoti ċert tal-kuntratt għal servizzi għall-proġett u għalhekk għal telf ta’ opportunitajiet ta’ natura ekonomika.

53.      Imbagħad, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-Direttiva 2014/24, jistabbilixxi ċerti regoli mhux eżawrjenti li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn.

54.      Peress li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ għandhom jiġu evalwati skont ir-regoli legali li jirregolaw il-qasam ikkonċernat kif ukoll skont l-għan ta’ dawn tal-aħħar, il-mekkaniżmi li permezz tagħhom il-kandidati għal kompetizzjoni ta’ disinn għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-ġurija għandhom jiġu evalwati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tat-Titolu III tad-Direttiva 2014/24. Dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jistabbilixxu standards minimi ta’ armonizzazzjoni tal-proċeduri li jikkonċernaw il-kompetizzjonijiet ta’ disinn, b’mod partikolari bl-għan li jiġi żgurat ugwaljanza fit-trattament u trattament nondiskriminatorju bejn il-kandidati.

55.      F’dan ir-rigward, mill-kunsiderazzjonijiet magħmula f’dawn il-konklużjonijiet dwar dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta, l-ewwel, li, sabiex tiddeċiedi dwar il-proġetti ppreżentati fil-kuntest tal-kompetizzjoni ta’ disinn, il-ġurija għandha teżamina l-pjanijiet u l-proġetti ppreżentati mill-kandidati f’forma anonima u abbażi biss tal-kriterji speċifikati fl-avviż ta’ kompetizzjoni (34). It-tieni, jidher ukoll li r-regola tal-anonimità hija intanġibbli sa fejn, minħabba l-karatteristiċi partikolari tal-proċedura ta’ kompetizzjoni ta’ disinn, hija neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-ġurija u sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati (35); fit-tielet lok, irrilevajt li l-kandidat għandu obbligu ta’ diliġenza fir-redazzjoni tal-proġett tiegħu li għandu jkun ċar, intelliġibbli, komplet u awtospjegattiv (36); ir-raba’, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 jipprevedu, madankollu, possibbiltà rregolata sew ta’ djalogu bejn il-kandidati u l-ġurija, esklużivament fuq inizjattiva ta’ din tal-aħħar u fl-osservanza tar-regola tal-anonimità, sabiex jiġi kkjarifikat kwalunkwe aspett tal-proġett (37). Kif osservajt din hija s-soluzzjoni magħżula mil-leġiżlatur sabiex jiżgura l-bilanċ bejn iż-żamma tal-prinċipju tal-anonimità u l-flessibbiltà neċessarja sabiex ikun jistgħu jinftehmu b’mod sħiħ ix-xogħlijiet ippreżentati min-naħa tal-ġurija.

56.      F’dan il-kuntest, inqis li dawn id-dispożizzjonijiet kollha jippermettu lil kandidat jesponi l-opinjoni tiegħu dwar l-elementi rilevanti kollha tal-proġett li huwa jippreżenta fil-kompetizzjoni ta’ disinn u li, għalhekk, id-dritt tiegħu għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-ġurija jista’ jitqies li ġie effettivament osservat fil-kuntest ta’ dawn it-tipi ta’ proċeduri.

57.      B’mod partikolari, il-fatt li l-kandidat jista’ juri din il-perspettiva fundamentalment fil-kuntest tal-preżentazzjoni tal-proġett tiegħu u biss meta l-ġurija tqis li dan huwa neċessarju, taħt forom oħra eventwali, u dejjem fl-osservanza tar-regola tal-anonimità, ma jikkostitwixxix ostakolu għar-rispett effettiv tad-dritt tiegħu għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni ta’ disinn li jipparteċipa fiha (38).

58.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirrikonoxxi d-dritt għal smigħ ma jimponix it-twettiq ta’ smigħ minn qabel tal-parteċipanti fil-kompetizzjonijiet ta’ disinn, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-ġurija.

D.      Konklużjoni

59.      Għar-raġunijiet preċedenti, nipproponi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall):

L-Artikolu 82(4), (5) u (6) tal-Artikolu 82 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, kif ukoll l-Artikolu 80(1) ta’ din id-direttiva, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirrikonoxxi d-dritt għal smigħ fil-proċeduri amministrattivi,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi t-twettiq obbligatorju ta’ smigħ minn qabel tal-persuni kkonċernati fil-kompetizzjonijiet ta’ disinn imsemmija minn din id-direttiva.


1      Lingwa oriġinali: it‑Taljan.


2      Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifiki fil-ĠU 2015, L 275, p. 68, fil-ĠU 2023, L 90063 u fil-ĠU 2025, L 90115).


3      Adão da Fonseca tikkontesta wkoll li l-proċedura inkwistjoni tikkostitwixxi kompetizzjoni ta’ disinn, iżda dan l-argument huwa miċħud mill-qorti tar-rinviju. Ara l-punt 14 tat-Taqsima III.B tad-deċiżjoni tar-rinviju.


4      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li t-tilwima pendenti quddiemha ma tikkonċernax il-proċedura sussegwenti ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt pubbliku għal servizzi. Ara l-punt 15.2 tat-Taqsima III.B tad-deċiżjoni tar-rinviju.


5      Ara l-punt 4 tad-deċiżjoni tar-rinviju b’riferiment għall-punt 63 tar-rikors ta’ Adão da Fonseca.


6      Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014 L 94, p. 243, rettifika fil‑ĠU L, 2023/90064).


7      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 80(1) u l-Artikolu 82 tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll l-Artikolu 97(1) u l-Artikolu 98 tad-Direttiva 2014/25.


8      Ara wkoll l-Artikolu 2(17) tad-Direttiva 2014/25.


9      Ara l-premessa 120 tad-Direttiva 2014/24.


10      Il-punti 5 u 9 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 jinkludu d-definizzjonijiet ta’ “kuntratti pubbliċi” u ta’ “kuntratti pubbliċi ta’ servizzi”.


11      Ara infra l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12      Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132). Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 66 sa 74.


13      Fid-Direttiva 2014/25, il-kompetizzjonijiet ta’ disinn huma rregolati wkoll mill- Kapitolu II tat-Titolu III (Artikoli 95 sa 98).


14      Ara l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva 2014/24.


15      Ara t-tielet paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva 2014/24, flimkien mal-Artikolu 32(4) tal-istess direttiva.


16      Ara l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva 2014/24.


17      Ara l-Artikolu 80(3) tad-Direttiva 2014/24.


18      Ara wkoll l-Artikolu 96 tad-Direttiva 2014/25.


19      Ara wkoll l-Artikolu 97 tad-Direttiva 2014/25.


20      Skont l-Artikolu 81 tad-Direttiva 2014/24, il-ġurija għandha tkun komposta esklużivament minn persuni fiżiċi indipendenti mill-parteċipanti fil-kompetizzjoni. Barra minn hekk, meta l-parteċipanti f’kompetizzjoni għandu jkollhom kwalifika professjonali partikolari, mill-inqas terz tal-membri tal-ġurija għandu jkollhom din il-kwalifika jew kwalifika ekwivalenti. F’dan ir-rigward, ara wkoll l-Artikolu 97(4) tad-Direttiva 2014/25.


21      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et (C‑599/10, EU:C:2012:191, punt 41).


22      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, BibMedia (C‑737/22, EU:C:2024:495, punti 30 u 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara, wkoll, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2026, AESTE (C‑210/24, EU:C:2026:145, punt 52).


23      Ara l-punti 18 u 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 2015, eVigilo (C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 39), u tas‑7 ta’ Settembru 2021, „Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras“ (C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 146).


25      Ara l-Artikolu 82(5) tad-Direttiva 2014/24 u l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


26      Ara, b’analoġija u għal dan l-għan, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et (C‑599/10, EU:C:2012:191, punt 38).


27      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, BibMedia (C‑737/22, EU:C:2024:495, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara, f’dan is-sens, ex multis u b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, Obshtina Veliko Tarnovo u Obshtina Belovo (C‑471/23 u C‑477/23, EU:C:2025:155, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Ara, f’dan is-sens, ex multis, ibidem, il-punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata.


30      Sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, M.M. (C‑277/11EU:C:2012:744, punt 88) u tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13EU:C:2014:2336, punt 48).


31      F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża M (C‑560/14, EU:C:2016:320, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2017, M (C‑560/14, EU:C:2017:101, punt 33).


33      Ara, ex multis, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Prequ' Italia (C‑276/16, EU:C:2017:1010, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara l-Artikolu 82(2) tad-Direttiva 2014/24. u l-punt 22 iktar ’il fuq.


35      Ara l-punti 22, 23 u 42 iktar ’il fuq.


36      Ara l-punt 43 iktar ’il fuq.


37      Ara l-punti 24 u 29 sa 33 iktar ’il fuq.


38      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2017, M (C‑560/14, EU:C:2017:101, punt 38).