|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/4052 |
12.7.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Nissalvagwardjaw id-Demokrazija kontra d-Diżinformazzjoni
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2024/4052)
Relaturi: John COMER
Carlos Manuel TRINDADE
|
Konsulenti |
Frank ALLEN (għas-Sur COMER) Paulo PENA (għas-Sur TRINDADE) |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
13.12.2023 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għat-Trasport, Enerġija, Infrastruttura u Soċjetà tal-Informazzjoni |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
4.4.2024 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
24.4.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
587 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
161/0/2 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
F’din l-Opinjoni, Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa mħasseb dwar l-ambitu u t-tixrid ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea qabel l-elezzjonijiet tal-2024. Dan huwa segwitu għall-Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pjan ta’ Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni (1) (2). |
|
1.2. |
jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jirriflettu b’mod urġenti dwar il-fatturi li għadhom jippermettu li d-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni jipperikolaw il-libertà tal-espressjoni pubblika u jqajmu dibattitu polarizzat fejn il-mibegħda tipprevali fuq l-informazzjoni fattwali; |
|
1.3. |
Jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom permezz ta’ strateġija b’diversi fatturi li ssaħħaħ il-miżuri preċedenti kollha għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, li ssaħħaħ ir-regolamenti għall-prevenzjoni tal-ħolqien ta’ identitajiet foloz b’mod organizzat bl-użu ta’ pjattaformi diġitali; li tippermetti liċ-ċittadini jagħżlu kif jużaw il-media soċjali u l-pjattaformi diġitali mingħajr il-monopolju attwali ta’ metodi ta’ “kapitaliżmu ta’ sorveljanza” (3), u li jieħdu azzjoni komuni biex jiżguraw il-kwalità u l-pluraliżmu li l-ġurnaliżmu jeħtieġ sabiex ikun l-ewwel difiża kontra d-diżinformazzjoni; |
|
1.4. |
Minħabba li jeżistu l-mezzi teknoloġiċi kollha għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, hija meħtieġa strateġija artikolata u li għandha tinkludi l-perikli differenti kollha li niffaċċjaw online, id-diżinformazzjoni, it-theddid ibridu u ċ-ċibersigurtà. Din l-istrateġija artikolata trid tittieħed b’rispett sħiħ għall-valuri demokratiċi ewlenin tagħna, bħal-libertà tal-espressjoni. L-interessi privati ma jistgħux jikkoinċidu ma’ dawk pubbliċi. |
|
1.5. |
Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiggarantixxi li l-informazzjoni għandha tkun disponibbli indipendentement mill-kriżi tal-mudell kummerċjali li taffettwa l-media. L-istudji kollha juru li l-Ewropa għandha problema bil-pluraliżmu fil-media (4). L-ewwel pass meħtieġ biex jiġi ggarantit li l-pluraliżmu ma jiddependix fuq regoli stretti tas-suq, huwa li l-ġurnaliżmu jiġi kklassifikat bħala ben pubbliku Ewropew kif issuġġerit mill-UNESCO (5). Il-libertà editorjali tal-ġurnalisti, kif ukoll is-sikurezza u l-aċċess tagħhom għal sorsi ta’ informazzjoni, huma essenzjali. |
|
1.6. |
jitlob, wara studju bir-reqqa tal-politiki pubbliċi rigward il-finanzjament tal-media, azzjoni leġiżlattiva li tiggarantixxi sistema tal-media tas-servizz pubbliku ffinanzjata b’mod adegwat u b’mod indipendenti. Id-drittijiet tal-media indipendenti jeħtieġ ukoll li jiġu protetti biex jiġi żgurat il-pluraliżmu; |
|
1.7. |
Jirrakkomanda lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, li tistudja l-vijabbiltà ta’ kanal tal-aħbarijiet pubbliku Ewropew, disponibbli fuq pjattaformi differenti u fil-lingwi nazzjonali kollha, b’impenn editorjali indipendenti li jippermetti liċ-ċittadini Ewropej jiksbu l-informazzjoni li jeħtieġu biex jagħmlu għażliet infurmati. |
|
1.8. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa pjan li jiżgura l-kwalità fl-informazzjoni lokali u reġjonali; |
|
1.9. |
Jippromovi l-adozzjoni ta’ strumenti li jrawmu l-kooperazzjoni bejn il-media tal-aħbarijiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Ewropa. |
|
1.10. |
Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tevalwa l-effett tar-regolamenti attwali applikati għall-media soċjali u l-pjattaformi diġitali fir-rigward tad-diżinformazzjoni u tadotta l-azzjoni leġiżlattiva meħtieġa biex tagħmilha effettiva. |
|
1.11. |
Iqis li huwa essenzjali li jiġu riveduti r-regolamenti attwali dwar ir-reklami mmirati, u għandha tintalab aktar protezzjoni fir-rigward tal-ġbir ta’ data individwali. Il-ġbir ta’ data personali mill-media soċjali u mill-pjattaformi diġitali, f’ħafna każijiet mingħajr il-kunsens infurmat tal-utenti tagħhom, irid jiġi indirizzat fir-reviżjonijiet futuri tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data. |
|
1.12. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Parlament jitolbu lill-kumpaniji diġitali jippubblikaw il-lista tagħhom tat-tipi kollha ta’ data tal-utenti miġbura fil-media/pjattaformi soċjali. F’każ li dan ma jinkisibx permezz ta’ att volontarju tal-kumpaniji, l-UE għandha tilleġiżla biex tipproteġi liċ-ċittadini. |
|
1.13. |
Jipproponi li l-leġiżlazzjoni tal-UE tinkludi kapitolu dwar il-libertà tal-għażla fir-rigward tad-disinn tal-algoritmi. Iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jaqblu, jew jirrifjutaw, karatteristiċi tal-algoritmi. Sabiex jiġu bbilanċjati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-kumpaniji u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, il-media/il-pjattaformi soċjali kollha għandhom jippermettu għażliet algoritmiċi diversi għall-utenti tagħhom. Istituzzjonijiet ta’ interess soċjali għandhom jitħallew jipproponu disinji alternattivi ta’ algoritmi lil dawn in-networks/pjattaformi li jistgħu joffru mudell differenti ta’ organizzazzjoni ta’ flussi ta’ informazzjoni, reklamar u ġbir ta’ data. |
|
1.14. |
Jipproponi li l-Kummissjoni tirregola l-problema kontinwa tal-identitajiet manipulati fil-pjattaformi diġitali. Għandu jkun rekwiżit legali li jiġu identifikati bots ta’ oriġini barranija u li jiġu identifikati bots li jagħmluha ta’ persuni; |
|
1.15. |
Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipproponi sett ta’ kundizzjonijiet għall-aċċess għall-media soċjali u l-pjattaformi diġitali li jirrestrinġu l-użu ta’ identitajiet foloz, mingħajr ma jiġu pperikolati d-drittijiet għall-anonimità u l-protezzjoni tal-informaturi garantiti fil-liġijiet Ewropej attwali għal sforz komprensiv biex jiġu pprovduti għodod tal-litteriżmu medjatiku, tal-kultura u tad-demokrazija, mhux biss fil-livelli edukattivi kollha, iżda wkoll immirati lejn il-gruppi tal-etajiet u l-minoranzi kollha. Fil-Finlandja, l-għodod għall-promozzjoni tal-ħsieb kritiku huma parti integrali mis-sistema edukattiva mill-kindergarten sal-università. Dan iħejji liż-żgħażagħ biex jiġġieldu s-sorsi kollha ta’ diżinformazzjoni. Sistema bħal din għandha tapplika fl-UE kollha. |
|
1.16. |
Jitlob studju li jiġbor u janalizza l-livell attwali ta’ monetizzazzjoni tad-diżinformazzjoni fil-media soċjali u l-pjattaformi diġitali. Li l-manipulazzjoni u d-diskors ta’ mibegħda jinbidlu fi profitt m’għandhiex tkun permessa fil-leġiżlazzjoni tal-UE; |
|
1.17. |
ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill li d-diżinformazzjoni hija wkoll konsegwenza ta’ negliġenza politika. Għal għexieren ta’ snin, rajna żieda kostanti fl-inugwaljanzi fl-introjtu, il-ġid u t-territorju, li wasslet għat-tkissir tas-soċjetà u l-ħolqien ta’ komunitajiet separati li l-konvinzjonijiet tagħhom jissaħħu permezz tal-użu tan-networks tagħhom, li huma msaħħa bl-użu tan-networks diġitali speċifiċi tagħhom. Il-persuni vulnerabbli li jaqgħu lura minħabba dawn l-iżviluppi huma vittmi faċli għal ċerti tipi ta’ diżinformazzjoni; Il-KESE jirrakkomanda li l-politiki kollha tal-UE jissaħħu biex jindirizzaw din il-problema. |
|
1.18. |
Iwissi lill-awtoritajiet Ewropej dwar il-ħtieġa urġenti li jivvalutaw ir-riskji ta’ dipendenza li l-media soċjali u l-pjattaformi diġitali joħolqu fir-rigward ta’ gruppi vulnerabbli tas-soċjetajiet tagħna u li jirregolaw l-użu kummerċjali tal-intelliġenza artifiċjali u l-algoritmi sabiex dan ir-riskju ma jiżdiedx. |
2. Introduzzjoni
|
2.1. |
Id-diżinformazzjoni tista’ tiġi definita bħala informazzjoni falza, mhux preċiża jew qarrieqa li tinħoloq u tinxtered apposta biex tqarraq bil-pubbliku u tinfluwenza l-opinjoni pubblika. Il-miżinformazzjoni tista’ tiġi definita bħala informazzjoni falza jew mhux preċiża, inklużi xnigħat u għajdut li tinxtered mingħajr intenzjoni malizzjuża. |
|
2.2. |
Id-diżinformazzjoni online toħloq theddida sostanzjali għad-demokraziji. Tnaqqas il-fiduċja fl-istituzzjonijiet u fil-media u tagħmel ħsara lid-demokraziji. Id-diżinformazzjoni online twassal biex ċertu nies jemmnu f’konspiraziji biżarri. |
Kwistjonijiet emerġenti
|
2.3. |
Iż-żieda fl-intelliġenza artifiċjali wasslet għall-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ diżinformazzjoni u miżinformazzjoni bl-użu tal-produzzjoni artifiċjali, il-manipulazzjoni u l-modifika tad-data u l-multimedia b’mezzi awtomatizzati, speċjalment algoritmi tal-intelliġenza artifiċjali, biex tiġi żgwidata jew tinbidel it-tifsira oriġinali. |
|
2.4. |
Id-deepfakes jużaw tekniki b’saħħithom permezz tat-tagħlim awtomatiku u l-intelliġenza artifiċjali biex jimmanipulaw u jiġġeneraw kontenut viżiv u awdjo bil-potenzjal li jqarrqu deliberatament lil miljuni ta’ persuni billi jxerrdu aħbarijiet foloz, informazzjoni qarrieqa u frodi finanzjarja. |
|
2.5. |
L-istejjer ta’ diżinformazzjoni xi drabi jistgħu jiġu kkategorizzati bħala aħbarijiet foloz użati għal skopijiet ta’ propaganda u mfassla intenzjonalment biex iqarrqu u jimminaw normi demokratiċi. |
|
2.6. |
Id-diżinformazzjoni spiss tintuża biex jiġu skreditati perspettivi opposti permezz ta’ rappreżentazzjoni ħażina intenzjonata u l-promozzjoni ta’ teoriji ta’ komplott foloz. |
|
2.7. |
L-aktar mod ċar li bih id-diżinformazzjoni tfixkel u ddgħajjef id-dibattitu demokratiku huwa billi tikkonvinċi lin-nies jemmnu affarijiet li mhumiex veri. |
|
2.8. |
Id-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni mhumiex fenomeni ġodda. Il-media soċjali rrivoluzzjonat it-tixrid tagħha. |
|
2.9. |
Id-diżinformazzjoni tintuża biex iddgħajjef l-integrità u l-kompetenza tas-soċjetajiet demokratiċi, tal-gvernijiet u tal-personalitajiet pubbliċi. |
Effetti politiċi
|
2.10. |
Id-diżinformazzjoni hija waħda mill-għodod essenzjali għad-difensuri tar-reġimi awtokratiċi fil-ġlieda politika attwali mad-difensuri tad-demokrazija u l-libertà. Fl-istorja tal-gwerra, il-produzzjoni tal-hekk imsejħa “kontroinformazzjoni” dejjem intużat minn wieħed mill-kontendenti biex joħloq nuqqas ta’ qbil, dgħufija jew dubju fil-bażi ta’ appoġġ soċjali tal-opponent tiegħu. |
|
2.11. |
Il-proċess massiv ta’ diżinformazzjoni li r-reġimi demokratiċi għaddejjin minnu bħalissa, li fih tintuża l-aktar teknoloġija avvanzata tal-komunikazzjoni, huwa parti mill-istess loġika u għandu l-istess objettiv – li tintrebaħ il-battalja bejn id-difensuri tad-demokrazija u dawk li jappoġġjaw l-awtokrazija. |
|
2.12. |
Dan il-proċess kontra d-demokrazija qed jitwettaq mill-forzi tal-lemin estrem u forom oħra ta’ estremiżmu. Il-periklu attwali għad-demokraziji huwa rrappreżentat minn dawk li ma jirrrispettawx id-demokraziji liberali, ir-relazzjonijiet internazzjonali rregolati mill-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-drittijiet tal-bniedem, l-integrazzjoni Ewropea, l-istat soċjali u l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol. B’dan il-mod, dawn l-atturi, xi kultant appoġġjati minn stati awtokratiċi, intervjenew fis-suffraġju demokratiku, b’konsegwenzi negattivi. |
|
2.13. |
Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni hija għalhekk waħda mill-aktar fronti importanti fil-ġlieda usa’ li bħalissa qed issir bejn id-difensuri tal-libertà u d-demokrazija u l-forzi politiċi awtokratiċi. F’dan il-kuntest, biex id-demokrazija tirbaħ din il-battalja fundamentali, hija meħtieġa azzjoni deċiżiva u huma meħtieġa riżorsi sinifikanti ħafna. |
Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni
|
2.14. |
Sabiex tkun tista’ tiġi miġġielda din it-theddida ta’ diżinformazzjoni, l-istati demokratiċi jeħtiġilhom jappoġġjaw bil-qawwa l-istrateġiji tal-litteriżmu medjatiku li huma kapaċi jawtonomizzaw liċ-ċittadini, speċjalment liż-żgħażagħ u lill-anzjani, b’għodod biex jiddistingwu bejn informazzjoni prodotta b’metodu ta’ xettiċiżmu empiriku u teoriji ta’ komplott li jimminaw il-fiduċja tal-pubbliku. |
|
2.15. |
Id-demokraziji madwar id-dinja qed jiffaċċjaw valanga ta’ diżinformazzjoni u operazzjonijiet ta’ interferenza barranija, li għandhom il-potenzjal li jiddestabbilizzaw l-istituzzjonijiet demokratiċi u jaggravaw id-diviżjonijiet fis-soċjetà, u b’hekk idgħajfu l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet demokratiċi. |
|
2.16. |
Atturi b’intenzjonijiet ħżiena joħolqu identità falza fuq il-media soċjali biex jimmiraw lejn gruppi partikolari (eż. gruppi razzjali partikolari jew persuni ta’ orjentazzjoni sesswali partikolari) biex joħolqu diviżjonijiet soċjali u kunflitt. |
|
2.17. |
It-trolls spiss jużaw aggressjoni verbali u diskors ta’ mibegħda, jużaw lingwaġġ razzist jew misoġinist biex jikkawżaw taqlib u polarizzazzjoni deliberata fil-proċess demokratiku. |
|
2.18. |
Fi stħarriġ tal-Ewrobarometru (2018) 83 % tar-rispondenti qalu li l-aħbarijiet foloz jirrappreżentaw periklu għad-demokrazija u kienu partikolarment imħassba dwar id-diżinformazzjoni intenzjonata li għandha l-għan li tinfluwenza l-elezzjonijiet u l-politiki tal-immigrazzjoni. |
|
2.19. |
Id-diżinformazzjoni dwar il-minoranzi kollha hija problema serja f’ħafna Stati Membri. |
|
2.20. |
Ħafna diżinformazzjoni hija mmirata lejn in-nies u l-gruppi bil-għan li ssaħħaħ it-twemmin ideoloġiku tagħhom. It-traċċar mifrux tal-kronoloġija tat-tiftix fuq l-internet tal-individwi jippermetti lill-promoturi tad-diżinformazzjoni jidentifikaw il-preferenzi u t-twemmin tan-nies. |
|
2.21. |
Il-gvernijiet jistgħu wkoll ikunu promoturi ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni. Il-gvern Russu għamel kampanja ta’ diżinformazzjoni fil-gwerra tiegħu kontra l-Ukrajna. It-teoriji ta’ komplott dwar il-pandemija tal-COVID-19 u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni matul ir-referendum dwar il-Brexit, kollha wrew il-konsegwenzi tad-diżinformazzjoni u tan-narrattivi foloz li wasslu għal erożjoni mifruxa tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi. |
|
2.22. |
Fl-Istati Uniti, id-diżinformazzjoni promossa minn Donald Trump għall-elezzjonijiet tal-2020, meta sostna li ġie mċaħħad milli jirbaħ l-elezzjoni, ikkawżat diżfunzjoni politika gravi. |
|
2.23. |
Il-pjattaformi soċjali nfushom, u d-diversi korpi regolatorji, ma rnexxilhomx jikkontrollaw id-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni online. Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tistudja soluzzjonijiet biex tindirizza din il-problema, inkluża azzjoni leġiżlattiva. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Id-demokrazija fl-UE qed tiffaċċja sfidi kbar, minn żieda fl-estremiżmu u interferenza elettorali għal theddid ibridu. |
|
3.2. |
L-Osservatorju Ewropew u tal-Media Diġitali (EDMO), li għandu jiġi msaħħaħ, iservi bħala ċentru għall-verifikaturi tal-fatti, għall-akkademiċi u għal partijiet ikkonċernati relatati oħra, u huwa indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi, inkluża l-Kummissjoni. Huwa għandu l-għan li jtejjeb l-identifikazzjoni tad-diżinformazzjoni online u li jagħti s-setgħa liċ-ċittadini biex jirrispondu għad-diżinformazzjoni online. |
|
3.3. |
Fl-2020, l-UE nediet il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea u fl-2023 segwiet dan permezz ta’ pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija. |
|
3.4. |
L-għan ewlieni ta’ dawn il-proposti huwa li tinbena l-kapaċità fl-Istati Membri biex jindirizzaw ir-riskji għall-elezzjonijiet, id-diżinformazzjoni u t-theddid relatat maċ-ċibernetika. |
|
3.5. |
L-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) japplika għal pjattaformi soċjali kbar ħafna minn Awwissu 2023 u se japplika għall-pjattaformi kollha minn Frar 2024. Id-DSA jipproteġi lill-konsumaturi u d-drittijiet fundamentali tagħhom online billi jistabbilixxi regoli ċari u proporzjonati. Huwa għandu l-għan li jimmitiga r-riskji sistemiċi bħall-manipulazzjoni tad-data jew id-diżinformazzjoni. |
|
3.6. |
L-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media huwa wkoll tentattiv pożittiv, mill-Kummissjoni, biex jirregola l-pluraliżmu tal-media u l-libertà tal-informazzjoni fi żmien fejn il-kriżi tal-mudell tan-negozju tal-media qed thedded il-ġurnaliżmu u l-metodu tiegħu ta’ verifika tal-fatti. Id-difiża tal-libertà editorjali tal-ġurnalisti, is-salvagwardja tad-dritt tagħhom ta’ aċċess għal sorsi ta’ informazzjoni, il-protezzjoni tal-integrità tagħhom u l-iżgurar tas-sikurezza tagħhom huma aspetti essenzjali tad-difiża tal-libertà tal-informazzjoni li l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tiżgurahom dejjem. |
|
3.7. |
Il-ġurnaliżmu ħieles u indipendenti għandu jiġi ddikjarat bħala ġid pubbliku Ewropew, meta titqies l-importanza tiegħu bħala l-faċilitatur ta’ dibattitu pubbliku liberu u għażliet infurmati individwali. |
|
3.8. |
Il-KESE jikkunsidra li dawn il-proposti kollha huma żviluppi pożittivi fit-tentattiv li tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni. Madankollu, huwa dubjuż jekk dawn il-proposti humiex biżżejjed biex jindirizzaw il-problema. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1. Dwar Media tas-Servizz Pubbliku
|
4.1.1. |
L-UE għad m’għandhiex “opinjoni pubblika” komuni li tfassal id-dibattitu komuni dwar il-politiki li jaffettwaw lill-Istati Membri kollha. Mingħajr dan, il-proġett Ewropew huwa vulnerabbli għal preġudizzji nazzjonalistiċi. Il-bini ta’ dibattitu pubbliku b’saħħtu, komuni u trasparenti li jevita l-isterjotipi, għandu jkun wieħed mill-għanijiet tagħna għall-futur. L-ewwel pass jista’ jkun li jiġi kkunsidrat li jingħata appoġġ għal kanali ta’ informazzjoni pan-Ewropej u multilingwi. |
|
4.1.2. |
Il-media tas-servizz pubbliku hija essenzjali. Din trid tkun iffinanzjata pubblikament u trid tkun indipendenti mill-gvern. Dan jista’ jkun problematiku fil-każ ta’ reġimi awtoritarji. Huwa meħtieġ ukoll li jkun hemm media indipendenti biex jiġi żgurat bilanċ fil-kummentarju pubbliku u fi kwistjonijiet politiċi. Il-media tradizzjonali ukoll għandha rwol x’taqdi. |
4.2. Dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni
|
4.2.1. |
Il-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni huma mmirati b’mod partikolari lejn persuni li jħossuhom aljenati mis-soċjetà. Jeħtieġ li nibnu soċjetà aktar ġusta u bbilanċjata fejn in-nies iħossuhom parti minn komunità ġenwina, u nnaqqsu d-distakk soċjali u ekonomiku fis-soċjetà tagħna. |
|
4.2.2. |
Il-KESE jikkondividi l-fehma tal-Kummissjoni li rispons komprensiv għad-diżinformazzjoni jirrikjedi wkoll parteċipazzjoni attiva mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fosthom il-KESE. |
|
4.2.3. |
Minħabba l-impatt estremament negattiv/devastanti tal-miżinformazzjoni fuq is-soċjetà ċivili Ewropea, il-KESE se jimpenja ruħu fuq bażi kontinwa fil-ħidma ddedikata għall-ġlieda kontra din l-influwenza. Il-KESE se jappella lill-kumitati ekonomiċi u soċjali kollha tal-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom ukoll b’mod attiv f’dan l-intervent f’pajjiżhom stess għad-demokrazija u kontra d-diżinformazzjoni. |
4.3. Dwar il-pjattaformi u l-algoritmi
|
4.3.1. |
Il-pjattaformi tal-media soċjali mhumiex qed jieħdu biżżejjed azzjoni biex ineħħu d-diżinformazzjoni. Hemm għadd ta’ oqsma regolatorji li jridu jiġu kkunsidrati. |
|
4.3.2. |
Il-kumpaniji tal-media soċjali għandhom ikunu mġiegħla jippowstjaw informazzjoni preċiża dwar l-isponsors tar-reklami. Ir-reklamar immirat għandu jiġi rregolat aktar ukoll. |
|
4.3.3. |
Il-media u l-pjattaformi soċjali għandhom jiksbu l-kunsens infurmat tal-utenti tagħhom rigward il-ġbir tad-data. Il-ġbir ta’ data personali mill-media soċjali u l-pjattaformi diġitali, mingħajr il-kunsens infurmat tal-utenti tagħhom, għandu jitqies bħala problema legali mill-awtoritajiet; Lista tat-tipi kollha ta’ data tal-utenti miġbura mill-media/pjattaformi soċjali għandha ssir pubblika mill-kumpaniji diġitali. |
|
4.3.4. |
Iċ-ċittadini għandhom ukoll ikunu jistgħu jaqblu, jew jirrifjutaw, karatteristiċi tal-algoritmi. Sabiex jiġu bbilanċjati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-kumpaniji u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, il-pjattaformi kollha għandhom jippermettu għażliet algoritmiċi diversi għall-utenti tagħhom. L-istituzzjonijiet ta’ interess soċjali għandhom jitħallew jipproponu disinji alternattivi ta’ algoritmi lil dawn il-pjattaformi li jistgħu joffru mudell differenti ta’ organizzazzjoni ta’ flussi ta’ informazzjoni u ġbir ta’ data. |
|
4.3.5. |
Għandu jkun rekwiżit legali li jiġu identifikati bots ta’ oriġini barranija u bots li jagħmluha ta’ persuni. Huwa essenzjali li jitneħħew kontijiet li mhumiex awtentiċi u impusturi. |
|
4.3.6. |
Il-kontijiet anonimi online m’għandhomx ikunu permessi, ħlief f’każijiet fejn jiggarantixxu drittijiet fundamentali bħall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali skont l-interpretazzjoni tal-liġijiet Ewropej kif sanċit fis-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. |
|
4.3.7. |
L-utenti tal-pjattaformi diġitali għandhom ikunu intitolati biss li jużaw profili anonimi fil-każi previsti fil-leġiżlazzjoni attwali, bħad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-informaturi. |
|
4.3.8. |
Bħala miżura ta’ trasparenza, għandha tingħata kunsiderazzjoni lil sistema ta’ reġistrazzjoni online għall-aċċess għal parti mill-internet jew għall-internet kollu. Il-bnedmin identifikati biss għandu jkollhom aċċess għal kontijiet tal-media soċjali; |
|
4.3.9. |
Kull pjattaforma għandha tipprovdi regoli dwar il-login sikuri u trasparenti sabiex persuna/organizzazzjoni/istituzzjoni waħda jista’ jkollha profil wieħed biss. |
4.4. Dwar it-theddid ibridu
|
4.4.1. |
It-theddid ibridu qed isir aktar sofistikat u aktar diffiċli biex jiġi identifikat peress li juża tipi differenti ta’ għodod u azzjonijiet organizzattivi. |
|
4.4.2. |
Skont iċ-Ċellola ta’ Fużjoni tal-UE kontra t-Theddid Ibridu (stabbilita fl-2016 fi ħdan is-SEAE), it-theddid ibridu mir-Russja huwa l-akbar theddida minħabba li huwa sistematiku, għandu riżorsi tajbin u jinsab fuq skala differenti minn pajjiżi oħra. |
|
4.4.3. |
Il-Boxxla Strateġika, adottata f’Marzu 2022 mill-UE, tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni għat-tisħiħ tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-UE sal-2030. Wieħed mill-aspetti tiegħu huwa l-iżvilupp ta’ sett ta’ għodod biex jiġi miġġieled it-theddid ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin. |
4.5. Dwar l-effiċjenza fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni
|
4.5.1. |
Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni hija essenzjali għad-demokraziji, għall-istat tad-dritt u għal-libertà tal-vot. |
|
4.5.2. |
Madankollu, hemm differenzi bejn l-interessi pubbliċi u privati involuti. It-tnejn huma essenzjali f’din il-ġlieda. Iżda l-interessi privati ma jistgħux jikkoinċidu mal-interess pubbliku ġenerali. |
|
4.5.3. |
Il-mezzi teknoloġiċi kollha għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni diġà huma disponibbli fil-kumpaniji li jipprovdu servizzi online u media soċjali. |
|
4.5.4. |
Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiddefinixxu strateġija koerenti, jissalvagwardjaw il-libertà tal-espressjoni u l-istat tad-dritt, biex jiġu artikolati r-riżorsi u l-approċċi effiċjenti fir-rigward tad-dimensjonijiet differenti tal-problema. |
|
4.5.5. |
Id-diżinformazzjoni, it-theddid ibridu u ċ-ċibersigurtà għandhom, kull wieħed minnhom, protokolli, salvagwardji u mezzi partikolari. Madankollu, strateġija artikolata, fl-UE, hija meħtieġa għal riżultat effiċjenti. |
|
4.5.6. |
Fil-Finlandja, l-għodod għall-promozzjoni tal-ħsieb kritiku huma parti integrali mis-sistema edukattiva mill-kindergarten sal-università. Dan iħejji liż-żgħażagħ biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni mis-sorsi kollha. Sistema bħal din għandha tapplika fl-UE kollha. |
Brussell, 24 ta’ April 2024
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(3) Zuboff, Shoshana The Age of Surveillance Capitalism – The fight for a human future at the new frontier of power Profile Books Ltd, 2019.
(4) https://cmpf.eui.eu/media-pluralism-monitor-2023/.
(5) Il-beni pubbliċi huma ġeneralment definiti bħala servizzi jew komoditajiet disponibbli għal kulħadd fis-soċjetà mingħajr esklużjoni. Dawn jinkludu l-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni (u l-istituzzjonijiet ta’ appoġġ), it-toroq, id-dawl tat-toroq, u l-parks. Iċ-ċittadini kollha għandhom aċċess għall-beni pubbliċi u/jew li jibbenefikaw minnhom. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-beni pubbliċi jiswew ħafna flus biex jiġu prodotti u jipprovdu ftit redditu finanzjarju. Filwaqt li d-dispożizzjoni ta’ beni pubbliċi aċċessibbli normalment mhijiex profitabbli finanzjarjament, is-soċjetà kollha kemm hi tirrikonoxxi u tagħti valur lill-benefiċċji intrinsiċi tagħhom. https://unesdoc.unesco.org/ark:/48223/pf0000380618
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4052/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)