European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1334

15.6.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1334

tat-12 ta’ Ġunju 2026

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 (1).

(2)

Fl-14 ta’ April 2026 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2819 (2026), li tafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tiegħu għas-sovranità, l-indipendenza, l-integrità territorjali u l-unità nazzjonali tal-Libja.

(3)

Ir-Riżoluzzjoni 2819 (2026) tal-KSNU tintroduċi emenda għal kriterju tal-elenkar għal dawk soġġetti għal miżuri restrittivi.

(4)

Barra minn hekk, ir-Riżoluzzjoni 2819 (2026) tal-KSNU timmodifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri imposti fuq il-Libyan Investment Authority (Awtorità tal-Investiment Libjana).

(5)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta’ persuni ddeżinjati u soġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat f’konformità mal-paragrafu 22 tal-UNSCR 1970 (2011), il-paragrafu 23 tal-UNSCR 1973 (2011), il-paragrafu 4 tal-UNSCR 2174 (2014), il-paragrafu 11 tal-UNSCR 2213 (2015), il-paragrafu 11 tal-UNSCR 2362 (2017), il-paragrafu 11 tal-UNSCR 2441 (2018), il-paragrafu 18 tal-UNSCR 2769 (2025) jew il-paragrafu 19 tal-UNSCR 2819 (2026), kif elenkat fl-Anness I.”

;

(2)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandhom jiġu ffriżati l-fondi, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi l-oħra kollha, li huma l-proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn, direttament jew indirettament, persuni u entitajiet iddeżinjati u soġġetti għal iffriżar tal-assi mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat f’konformità mal-paragrafu 22 tal-UNSCR 1970 (2011), il-paragrafi 19 u 23 tal-UNSCR 1973 (2011), il-paragrafu 4 tal-UNSCR 2174 (2014), il-paragrafu 11 tal-UNSCR 2213 (2015), il-paragrafu 11 tal-UNSCR 2362 (2017), il-paragrafu 11 tal-UNSCR 2441 (2018), il-paragrafu 18 tal-UNSCR 2769 (2025) jew il-paragrafu 19 tal-UNSCR 2819 (2026), kif elenkat fl-Anness III.”

;

(b)

il-paragrafu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“15.   Wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat, u dment li l-Kumitat ikun approva l-użu ta’ riżervi ta’ flus ffriżati kif imsemmija fi, u f’konformità ma’, il-paragrafu 14 tal-UNSCR 2769 (2025), li jinkludi konsultazzjoni mal-Gvern tal-Libja, u l-paragrafu 14 tal-UNSCR 2819 (2026), l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandhom jawtorizzaw l-użu ta’ riżervi ta’ flus ffriżati li jappartjenu lill-entità elenkata taħt l-entrata numru 1 fl-Anness VI, esklużivament għal investiment fi:";

(a)

depożitu b’terminu ta’ żmien b’riskju baxx ma’ istituzzjoni finanzjarja xierqa magħżula mill-entità elenkata taħt l-entrata numru 1 fl-Anness VI u li tinsab fl-Istat Membru fejn ikunu ġew iffriżati l-fondi, fil-każ ta’ riżervi ta’ flus iffriżati msemmija fir-‘rakkomandazzjoni 7.1’ imsemmija fl-UNSCR 2769 (2025), jew

(b)

strumenti ta’ introjtu fiss, fil-każ ta’ riżervi ta’ flus iffriżati msemmija fir-‘rakkomandazzjoni 7.2’ msemmija fl-UNSCR 2769 (2025),

f’konformità mal-approvazzjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet.”

;

(c)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“18.   Wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat u dment li l-Kumitat ikun approva t-trasferiment ta’ fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra ffriżati, u f’konformità mal-paragrafu 15 tal-UNSCR 2819 (2026), l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandhom jawtorizzaw it-trasferiment ta’ ċerti fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra ffriżati li jappartjenu lill-entità elenkata taħt l-entrata numru 1 fl-Anness VI, fl-istess ġurisdizzjoni, bejn il-bank ta’ kustodja, jew l-istituzzjoni finanzjarja li taġixxi bħala kustodju globali (jew kwalunkwe sottokustodju li jaġixxi f’isimhom), u bank ta’ kustodja ieħor, jew istituzzjoni finanzjarja (jew kwalunkwe sottokustodju li jaġixxi f’isimhom), għall-fini tat-trasferiment tar-rwol ta’ kustodju globali lil dak il-bank ta’ kustodja jew istituzzjoni finanzjarja, dment li:

(a)

matul it-trasferiment u malli jitlesta, l-assi jiġu ttrattati bħala ffriżati u soġġetti għall-miżuri imposti minn din id-Deċiżjoni;

(b)

it-trasferiment jiġi eżegwit b’mod li jżomm il-forma u l-valur tal-fondi, l-assi finanzjarji jew ir-riżorsi ekonomiċi l-oħra li jkunu qed jiġu ttrasferiti.

19.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 18 mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat għandha tinkludi l-ammont u n-natura tal-fondi l-assi finanzjarji jew ir-riżorsi ekonomiċi l-oħrajn iffriżati li għandhom jiġu ttrasferiti, u l-identità tal-banek ta’ kustodja attwali u proposti jew tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jkunu qed jaġixxu f’kapaċità ta’ kustodja.

20.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 18, fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. KERAVNOS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta’ Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK ( ĠU L 206, 1.8.2015, p. 34 ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1333/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1334/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)