Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
12 ta’ Novembru 2026 (*)
“Rikors għal annullament – Regolament (UE) 2023/956 – Mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri – Bażi legali ta’ dan ir-Regolament – Determinazzjoni – Att li jikkompleta att preeżistenti – Artikolu 192(1) TFUE – Punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE – Dispożizzjonijiet essenzjalment ta’ natura fiskali – Interpretazzjoni stretta – Miżura bbażata fuq is-suq”
Fil-Kawża C‑512/23,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit‑8 ta’ Awwissu 2023
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,
rikorrenti,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn W. Kuzmienko, L. Stefani, bħala aġenti,
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn R. Boucquey, A. Maceroni, A. Sikora-Kalėda u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti, sussegwentement minn R. Boucquey, A. Maceroni u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti, u fl-aħħar nett minn A. Maceroni, K. Pleśniak u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,
konvenuti,
sostnuti minn:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Armenia, F. Moro, J. Norris u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, F. Schalin, M. Gavalec (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla r-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (ĠU 2023, L 130, p. 52, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).
Il-kuntest ġuridiku
It-Trattat FUE
2 L-Artikolu 192(1) u l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE jipprevedu:
“1. Il-Parlament Ewropew u l-[Kunsill tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-[Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)] u lill-[Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR)], għandhom jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni sabiex twettaq l-objettivi msemmija fl-Artikolu 191.
2. B’deroga għall-proċedura ta’ deċizjoni prevista fil-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 114, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’mod unanimu skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-[Parlament] , il-[KESE] u l-[KtR] għandu jadotta:
dispożizzjonijiet essenzjalment ta’ natura fiskali”.
Ir-Regolament ikkontestat
3 Il-premessi 2, 5, 6, 8 sa 12, 14, 15, 19 sa 24, 27 sa 29, 49, 73 u 74 tar-Regolament ikkontestat jipprovdu:
“(2) Il-Ftehim ta’ Pariġi, adottat fit‑12 ta’ Diċembru 2015 [, abbażi tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU 2016, L 282, p. 4, iktar ’il quddiem il-‘Ftehim ta’ Pariġi’), approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal‑5 ta’ Ottubru 2016 (ĠU 2016, L 282, p. 1),] daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Novembru 2016. Il-Partijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi qablu li jżommu ż-żieda fit-temperatura medja globali sew taħt iż-2 °C ‘il fuq mil-livelli preindustrijali u jkomplu bl-isforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura għal 1,5 °C ‘il fuq mil-livelli preindustrijali. Skont il-Patt Klimatiku ta’ Glasgow, adottat fit‑13 ta’ Novembru 2021, il-Konferenza tal-Partijiet tal-[Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC)], li serviet ta’ laqgħa tal-Partijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, irrikonoxxiet ukoll li l-limitazzjoni taż-żieda fit-temperatura medja globali ta’ 1,5 °C ‘il fuq mil-livelli preindustrijali tkun tnaqqas b’mod sinifikanti r-riskji u l-impatti tat-tibdil fil-klima, u impenjat ruħha li ssaħħaħ l-objettivi tal-2030 sa tmiem l-2022 biex titnaqqas id-diskrepanza fl-ambizzjoni.
[...]
(5) Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat‑30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (‘il-Liġi Ewropea dwar il-Klima’) (ĠU 2021, L 243, p. 1)] daħħal fil-leġiżlazzjoni l-objettiv tan-newtralità klimatika fis-setturi kollha tal-ekonomija sa mhux aktar tard mill-2050. Dak ir-Regolament jistabbilixxi wkoll objettiv domestiku vinkolanti tal-Unjoni, sal-2030, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra [(iktar ’il quddiem il-“GES”)] (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) ta’ mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
(6) Ir-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) tal-2018 dwar l-impatti taż-żidiet fit-temperatura globali ta’ 1,5 °C ‘il fuq mil-livelli preindustrijali u l-perkorsi relatati tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra [GES] jipprovdi bażi xjentifika b’saħħitha biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u juri l-ħtieġa li tiżdied l-azzjoni dwar il-klima. Dak ir-rapport jikkonferma li sabiex titnaqqas il-probabbiltà ta’ avvenimenti estremi tat-temp, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jeħtieġ li jitnaqqsu b’mod urġenti, u li t-tibdil fil-klima jeħtieġ li jkun limitat għal żieda fit-temperatura globali ta’ 1,5 °C. Barra minn hekk, jekk il-perkorsi ta’ mitigazzjoni, konsistenti mal-limitu tat-tisħin globali għal 1,5 °C ‘il fuq mil-livelli preindustrijali, ma jiġux attivati malajr, se jkollhom jittieħdu miżuri ta’ adattament ferm aktar kumplessi u li jqumu aktar flus biex jiġu evitati l-impatti ta’ livelli ogħla ta’ tisħin globali. Il-kontribut tal-Grupp ta’ Ħidma I għas-Sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tal-IPCC intitolat “Climate Change 2021: The Physical Science Basis” (It-tibdil fil-klima 2021: il-bażi tax-xjenza fiżika) ifakkar li t-tibdil fil-klima diġà qiegħed jolqot kull reġjun tad-dinja u jipprevedi li fid-deċennji li ġejjin, it-tibdil fil-klima se jiżdied fir-reġjuni kollha. Dak ir-rapport jenfasizza li, sakemm ma jkunx hemm tnaqqis immedjat, rapidu u fuq skala kbira fl-emissjonijiet ta’ [GES], it-trażżin tat-tisħin għal kważi 1,5 °C jew saħansitra 2 °C mhux se jkun jista’ jintlaħaq.
[...]
(8) Filwaqt li l-Unjoni naqqset sostanzjalment l-emissjonijiet interni ta’ gassijiet serra [GES] tagħha, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra [GES] integrati fl-importazzjonijiet lejn l-Unjoni żdiedu, b’hekk ġew kompromessi l-isforzi tal-Unjoni biex tnaqqas l-impronta globali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra [GES] tagħha. L-Unjoni għandha r-responsabbiltà li tkompli tiżvolġi rwol ta’ tmexxija fl-azzjoni globali dwar il-klima.
(9) Sakemm għadd sinifikanti ta’ sħab internazzjonali tal-Unjoni jkollhom approċċi ta’ politika li ma jiksbux fl-istess livell ta’ ambizzjoni dwar il-klima, hemm riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju sseħħ jekk, għal raġunijiet ta’ kostijiet relatati mal-politiki dwar il-klima, in-negozji f’ċerti setturi jew sottosetturi tal-industrija jittrasferixxu l-produzzjoni lejn pajjiżi oħra jew l-importazzjonijiet minn dawk il-pajjiżi jissostitwixxu prodotti ekwivalenti b’intensità aktar baxxa f’termini ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra [GES]. Tali sitwazzjonijiet jistgħu jwasslu għal żieda fl-emissjonijiet globali totali, u b’hekk jipperikolaw it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra [GES] li huwa meħtieġ b’mod urġenti jekk irridu li t-temperatura medja globali tinżamm sew taħt iż-2 °C ‘il fuq mil-livelli preindustrijali u li jkomplu l-isforzi biex nillimitaw iż-żieda fit-temperatura sa 1,5 °C ‘il fuq mil-livelli preindustrijali. Hekk kif l-Unjoni żżid l-ambizzjoni tagħha relatata mal-klima, dak ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jista’ jikkomprometti l-effikaċja tal-politiki tal-Unjoni relatati mat-tnaqqis tal-emissjonijiet
(10) L-inizjattiva għal mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (is-"CBAM") hija parti mill-pakkett leġiżlattiv "lesti għall-mira ta’ 55 %". Is-CBAM għandu jservi bħala element essenzjali tas-sett ta’ għodod tal-Unjoni biex jintlaħaq l-objettiv ta’ Unjoni newtrali għall-klima sa mhux aktar tard mill-2050 f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi billi jiġu indirizzati r-riskji ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju li jirriżultaw miż-żieda fl-ambizzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-klima. Is-CBAM mistenni jikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni tad-dekarbonizzazzjoni fil-pajjiżi terzi.
(11) Il-mekkaniżmi eżistenti biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju f’setturi jew sottosetturi fejn tali riskju jeżisti jikkonsistu mill-allokazzjoni tranżitorja bla ħlas [fil-kuntest tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ GES fl-Unjoni (iktar ’il quddiem l-“EU ETS”)] u minn miżuri finanzjarji biex jikkumpensaw għall-kostijiet tal-emissjonijiet indiretti mġarrba mill-kostijiet tal-emissjonijiet tal-[GES] mgħoddija fil-prezzijiet tal-elettriku. Dawk il-mekkaniżmi huma stabbiliti fl-Artikolu 10a(6) u l-Artikolu 10b tad-Direttiva 2003/87/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631)], rispettivament. L-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti EU ETS fil-livell ta’ dawk bl-aħjar prestazzjoni kienet strument ta’ politika għal ċerti setturi industrijali biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Madankollu, meta mqabbel mal-irkant sħiħ, tali allokazzjoni bla ħlas iddgħajjef is-sinjal tal-prezz li s-sistema tipprovdi u b’hekk taffettwa l-inċentivi għall-investiment f’aktar tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES].
(12) Is-CBAM ifittex li jissostitwixxi dawk il-mekkaniżmi eżistenti billi jindirizza r-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju b'mod differenti, jiġifieri billi jiżgura pprezzar tal-karbonju ekwivalenti għall-importazzjonijiet u l-prodotti interni. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni gradwali mis-sistema attwali ta’ kwoti bla ħlas għas-CBAM, is-CBAM għandu jiddaħħal progressivament filwaqt li l-kwoti bla ħlas fis-setturi koperti mis-CBAM jitneħħew gradwalment. L-applikazzjoni kkombinata u tranżitorja tal-kwoti tal-EU ETS allokati bla ħlas u tas-CBAM ma għandha fl-ebda każ tirriżulta fi trattament aktar favorevoli għall-oġġetti tal-Unjoni meta mqabbla mal-oġġetti importati fit-territorju doganali tal-Unjoni.
[...]
(14) Filwaqt li l-objettiv tas-CBAM huwa li jiġi evitat ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, dan ir-Regolament jinkoraġġixxi wkoll lill-produtturi minn pajjiżi terzi li jużaw teknoloġiji li huma aktar effiċjenti fit-tnaqqis ta' [GES] sabiex jiġu ġġenerati inqas emissjonijiet. Għalhekk, is-CBAM mistenni jagħti appoġġ effikaċi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] fil-pajjiżi terzi.
(15) Bħala strument għall-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-[GES], is-CBAM jenħtieġ li jiżgura li l-prodotti importati jkunu soġġetti għal sistema regolatorja li tapplika kostijiet tal-karbonju ekwivalenti għal dawk li jinġarrbu fl-ambitu tal-EU ETS, li jirriżulta fi prezz tal-karbonju ekwivalenti għall-importazzjonijiet u għall-prodotti interni. Is-CBAM huwa miżura għall-klima li jenħtieġ li ssostni t-tnaqqis tal-emissjonijiet globali ta’ [GES] u tipprevjeni r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li tiżgura l-kompatibbiltà mal-leġiżlazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ [(WTO)].
[...]
(19) Jenħtieġ li l-emissjonijiet ta’ [GES] soġġetti għas-CBAM jikkorrispondu għal dawk l-emissjonijiet ta’ [GES] koperti mill-Anness I tad-Direttiva [2003/87], jiġifieri d-diossidu tal-karbonju (“CO2 ”) kif ukoll, fejn rilevanti, l-ossidu nitruż u l-perfluworokarburi Jenħtieġ li s-CBAM inizjalment japplika għall-emissjonijiet diretti ta’ dawk il-[GES] mill-mument tal-produzzjoni tal-oġġetti sal-importazzjoni ta’ dawk l-oġġetti fit-territorju doganali tal-Unjoni, sabiex jirrifletti l-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS biex tiġi żgurata l-koerenza. Jenħtieġ ukoll li s-CBAM japplika għall-emissjonijiet indiretti. Dawk l-emissjonijiet indiretti huma l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-ġenerazzjoni tal-elettriku użat għall-produzzjoni tal-oġġetti li għalihom japplika dan ir-Regolament. L-inklużjoni tal-emissjonijiet indiretti tkun tkompli żżid l-effikaċja ambjentali tas-CBAM u l-ambizzjoni tiegħu biex jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. [...]
(20) L-EU ETS u s-CBAM jikkondividu għan komuni li jipprezzaw l-emissjonijiet ta' [GES] integrati fl-istess setturi u oġġetti permezz tal-użu ta' kwoti jew ċertifikati speċifiċi. Iż-żewġ sistemi għandhom natura regolatorja u huma ġġustifikati mill-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ [GES], f’konformità mal-objettiv ambjentali vinkolanti stabbilit fil-liġi tal-Unjoni, stabbilit [fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima], li jitnaqqsu, sal-2030, l-emissjonijiet netti ta’ [GES] tal-Unjoni b’mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u l-għan li tinkiseb newtralità klimatika fis-setturi kollha tal-ekonomija sa mhux aktar tard mill-2050.
(21) Madankollu, filwaqt li l-EU ETS tistabbilixxi limitu assolut fuq l-emissjonijiet ta’ [GES] mill-attivitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tippermetti n-negozjabbiltà tal-kwoti [...], jenħtieġ li s-CBAM ma jistabbilixxix limiti kwantitattivi għall-importazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-flussi tal-kummerċ ma jkunux ristretti. Barra minn hekk, filwaqt li l-EU ETS tapplika għal installazzjonijiet fl-Unjoni, jenħtieġ li s-CBAM japplika għal ċerti oġġetti importati fit-territorju doganali tal-Unjoni.
(22) Is-sistema tas-CBAM għandha xi karatteristiċi speċifiċi meta mqabbla mal-EU ETS, inkluż fir-rigward tal-kalkolu tal-prezz taċ-ċertifikati CBAM, il-possibbiltajiet ta’ skambju taċ-ċertifikati CBAM u il-perjodu ta’ validità tagħhom. Dawk il-karatteristiċi huma dovuti għall-ħtieġa li tiġi ppreservata l-effikaċja tas-CBAM bħala miżura li tipprevjeni r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Jiżguraw ukoll li l-ġestjoni tas-sistema CBAM ma tkunx eċċessivament ta’ piż, f’termini kemm ta’ obbligi imposti fuq l-operaturi kif ukoll ta’ riżorsi għall-amministrazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jinżamm livell ta’ flessibbiltà disponibbli għall-operaturi ekwivalenti għal dak fl-ambitu tal-EU ETS. Huwa partikolarment importanti li jiġi żgurat tali bilanċ għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) ikkonċernati.
(23) Sabiex tiġi ppreservata l-effikaċja tagħha bħala miżura li tipprevjeni r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, is-CBAM jeħtieġ li jirrifletti mill-qrib il-prezz tal-EU ETS. Filwaqt li fis-suq tal-EU ETS il-prezz tal-kwoti rilaxxati fis-suq jiġi ddeterminat permezz ta’ rkantijiet, il-prezz taċ-ċertifikati CBAM jenħtieġ li jirrifletti b’mod raġonevoli l-prezz ta’ tali rkantijiet permezz ta’ medji kkalkulati fuq bażi ta’ kull ġimgħa. Tali prezzijiet medji ta’ kull ġimgħa jirriflettu mill-qrib il-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet tal-EU ETS u jippermettu marġni raġonevoli għall-importaturi biex jieħdu vantaġġ mill-bidliet fil-prezzijiet tal-EU ETS filwaqt li jiżguraw ukoll li s-sistema tibqa’ maniġġabbli għall-awtoritajiet amministrattivi.
(24) Skont l-EU ETS, il-limitu massimu jiddetermina l-offerta ta' kwoti tal-emissjonijiet u jipprovdi ċertezza dwar emissjonijiet massimi ta' [GES]. Il-prezz tal-karbonju huwa ddeterminat mill-bilanċ bejn tali offerta u d-domanda tas-suq. Id-disponibbiltà skarsa hija meħtieġa biex ikun hemm inċentiv għall-prezzijiet. Dan ir-Regolament mhuwiex maħsub li jimponi limitu massimu fuq l-għadd ta’ ċertifikati CBAM disponibbli għall-importaturi; jekk l-importaturi setgħu jittrasferixxu u jiskambjaw iċ-ċertifikati CBAM, dan seta’ jirriżulta f’sitwazzjonijiet li fihom il-prezz għaċ-ċertifikati CBAM ma jibqax jirrifletti l-evoluzzjoni tal-prezz fl-EU ETS. Tali sitwazzjoni ddgħajjef l-inċentiv għad-dekarbonizzazzjoni, tiffavorixxi r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u tfixkel l-objettiv globali tal-klima tas-CBAM. Din tista’ tirriżulta wkoll fi prezzijiet differenti għall-operaturi minn pajjiżi differenti. Il-limiti għall-possibbiltajiet ta’ skambju taċ-ċertifikati CBAM u biex dawn jiġu ttrasferiti huma ġġustifikati għalhekk mill-ħtieġa li jiġi evitat li jiġu kompromessi l-effikaċja u l-objettiv tal-klima tas-CBAM u li jiġi żgurat trattament pariġġ tal-operaturi minn pajjiżi differenti. Madankollu, sabiex tinżamm il-possibbiltà għall-importaturi li jottimizzaw il-kostijiet tagħhom, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedi sistema li biha l-awtoritajiet jistgħu jixtru mill-ġdid ċerta kwantità ta’ ċertifikati żejda mingħand l-importaturi. Tali ammont jenħtieġ li jiġi stabbilit f’livell li jippermetti marġni raġonevoli għall-importaturi biex itaffu l-kostijiet tagħhom matul il-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikati filwaqt li jiġi ppreservat l-effett globali tat-trażmissjoni tal-prezz, u jiġi żgurat li jinżamm l-għan ambjentali tas-CBAM.
[...]
(27) Filwaqt li l-EU ETS tapplika għal ċerti proċessi u attivitajiet ta’ produzzjoni, jenħtieġ li s-CBAM jimmira lejn l-importazzjonijiet korrispondenti tal-oġġetti. [...]
(28) L-oġġetti jew il-prodotti pproċessati koperti mis-CBAM jenħtieġ li jirriflettu l-attivitajiet koperti mill-EU ETS billi dik is-sistema hija bbażata fuq kriterji kwantitattivi u kwalitattivi marbuta mal-objettiv ambjentali tad-Direttiva [2003/87] u hija l-aktar sistema regolatorja komprensiva tal-emissjonijiet ta' [GES] fl-Unjoni.
(29) Id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-CBAM b’tali mod li jirrifletti l-attivitajiet koperti mill-EU ETS ikun jikkontribwixxi wkoll biex jiġi żgurat li l-prodotti importati jingħataw trattament li mhuwiex inqas favorevoli minn dak mogħti lil prodotti simili ta’ oriġini interna.
[...]
(49) Iċ-ċertifikati CBAM ikunu differenti mill-kwoti tal-EU ETS li għalihom l-irkantar ta’ kuljum huwa karatteristika essenzjali. Minħabba l-ħtieġa li jiġi stabbilit prezz ċar għaċ-ċertifikati CBAM, il-pubblikazzjoni ta’ kuljum tkun toħloq piż eċċessiv u konfużjoni għall-operaturi, billi l-prezzijiet ta’ kuljum jirriskjaw li ma jibqgħux validi meta jiġu ppubblikati. Għalhekk, il-pubblikazzjoni tal-prezzijiet CBAM fuq bażi ta’ kull ġimgħa tirrifletti b’mod aktar preċiż ix-xejra tal-ipprezzar tal-kwoti rilaxxati fis-suq tal-EU ETS u ssegwi l-istess objettiv fl-ambitu tal-klima. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-kalkolu tal-prezz taċ-ċertifikati CBAM jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ perjodu itwal, jiġifieri fuq bażi ta’ kull ġimgħa, milli fil-perjodu stabbilit mill-EU ETS, jiġifieri fuq bażi ta’ kuljum. Jenħtieġ li l-Kummissjoni [Ewropea] tkun fdata bil-kompitu li tikkalkula u tippubblika dan il-prezz medju.
[...]
(73) Bil-għan li jingħata aktar appoġġ għall-ksib tal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi fil-pajjiżi terzi, tkun ħaġa tajba li l-Unjoni tkompli toffri appoġġ finanzjarju permezz tal-baġit tal-Unjoni favur il-mitigazzjoni tal-klima u l-adattament għaliha fil-[pajjiżi l-inqas żviluppati (LDC)], anki għall-isforzi tagħhom favur id-dekarbonizzazzjoni u t-trasformazzjoni tal-industriji tal-manifattura tagħhom. Dak l-appoġġ tal-Unjoni jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll għall-aġevolazzjoni tal-adattament tal-industriji kkonċernati għar-rekwiżiti regolatorji l-ġodda li joħorġu minn dan ir-Regolament.
(74) Billi s-CBAM għandu l-għan li jinkoraġġixxi produzzjoni aktar nadifa, l-Unjoni hija impenjata li taħdem mal-pajjiżi terzi b’introjtu baxx u medju u tappoġġahom fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni tal-industriji tal-manifattura tagħhom bħala parti mid-dimensjoni esterna tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u bi qbil mal-Ftehim ta’ Pariġi. Jenħtieġ li l-Unjoni tkompli tappoġġa lil dawk il-pajjiżi permezz tal-baġit tal-Unjoni, speċjalment lill-pajjiżi l-anqas żviluppati, bil-għan li tikkontribwixxi biex tiżgura l-adattament tagħhom għall-obbligi skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Unjoni tkompli wkoll tappoġġa l-mitigazzjoni tal-klima u l-adattament għaliha f’dawk il-pajjiżi, anki fl-isforzi tagħhom favur id-dekarbonizzazzjoni u t-trasformazzjoni tal-industriji tal-manifattura tagħhom, fi ħdan il-limitu massimu tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-appoġġ finanzjarju li tagħti l-Unjoni lill-finanzjamenti internazzjonali għall-klima. L-Unjoni qiegħda taħdem biex tintroduċi riżorsa proprja ġdida bbażata fuq id-dħul iġġenerat mill-bejgħ taċ-ċertifikati CBAM.”
4 L-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:
“1. Dan ir-Regolament [CBAM] biex jindirizza l-emissjonijiet tal-[GES] integrati fl-oġġetti elenkati fl-Anness I, mal-importazzjoni tagħhom fit-territorju doganali tal-Unjoni, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, u b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju fuq livell globali u jiġu appoġġati l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, anki billi jinħolqu inċentivi biex jonqsu l-emissjonijiet min-naħa tal-operaturi fil-pajjiżi terzi.
2. Is-CBAM jikkomplementa [l-EU ETS] stabbilita bid-Direttiva [2003/87] [...] billi japplika sett ekwivalenti ta’ regoli għall-importazzjonijiet tal-oġġetti msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.
3. Is-CBAM huwa maħsub biex jissostitwixxi l-mekkaniżmi stabbiliti skont id-Direttiva [2003/87] biex jipprevjeni r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, billi jirrifletti sa liema punt il-kwoti tal-EU ETS jiġu allokati, bla ħlas f’konformità mal-Artikolu 10a ta’ dik id-Direttiva.”
5 L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:
“1. Dan ir-Regolament japplika għall-oġġetti elenkati fl-Anness I li joriġinaw minn pajjiż terz, fejn dawk l-oġġetti, jew prodotti pproċessati minn dawk l-oġġetti kif jirriżulta mill-proċedura ta’ proċessar attiv imsemmija fl-Artikolu 256 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2)], jiġu importati fit-territorju doganali tal-Unjoni.
2. Dan ir-Regolament japplika wkoll għall-oġġetti elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament li joriġinaw minn pajjiż terz, fejn dawk l-oġġetti, jew prodotti pproċessati minn dawk l-oġġetti kif jirriżulta mill-proċedura ta' proċessar attiv imsemmija fl-Artikolu 256 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, jinġiebu fi gżira artifiċjali, struttura fissa jew li żżomm f'wiċċ l-ilma, jew kwalunkwe struttura oħra fuq il-blata kontinentali jew fiż-żona ekonomika esklużiva ta' Stat Membru fil-viċinanzi immedjati tat-territorju doganali tal-Unjoni.
[...]
4. B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal oġġetti li joriġinaw fil-pajjiżi u t-territorji terzi elenkati fil-punt 1 tal-Anness III.
[...]
6. Il-pajjiżi u t-territorji terzi għandhom jiġu elenkati fil-punt 1 tal-Anness III meta jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
l-EU ETS tapplika għal dak il-pajjiż jew it-territorju terz jew ikun ġie konkluż ftehim bejn dak il-pajjiż jew it-territorju terz u l-Unjoni li jorbot bis-sħiħ l-EU ETS u s-sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' dak il-pajjiż jew it-territorju terz;
il-prezz tal-karbonju mħallas fil-pajjiż li fih joriġinaw l-oġġetti jiġi impost effettivament fuq l-emissjonijiet ta’ [GES] integrati f'dawk l-oġġetti mingħajr ebda ribass lil hinn minn dak applikat ukoll fl-EU ETS.
[...]”
6 L-Artikolu 3 tar-Regolament ikkontestat, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punti 17 u 24 tiegħu:
“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
(17) ‘dikjarant awtorizzat CBAM’ tfisser persuna awtorizzata minn awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 17;
[...]
(24) ‘ċertifikat CBAM’ tfisser ċertifikat f’format elettroniku li jikkorrispondi għal tunnellata CO2e ta’ emissjonijiet integrati fl-oġġetti”.
7 L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dikjarazzjoni CBAM”, jipprovdi, fil-paragrafu 2(c) tiegħu:
“Id-dikjarazzjoni CBAM għandu jkun fiha dan li ġej:
[...]
l-għadd totali ta’ ċertifikati CBAM li għandhom jiġu ċeduti, li jikkorrispondi għall-emissjonijiet integrati totali msemmijin fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu wara t-tnaqqis dovut minħabba l-prezz tal-karbonju mħallas f’pajjiż tal-oriġini f’konformità mal-Artikolu 9 u l-aġġustament meħtieġ biex jiġi rifless il-punt sa fejn il-kwoti tal-EU ETS jiġu allokati bla ħlas f’konformità mal-Artikolu 31.”
8 L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prezz tal-karbonju mħallas f’pajjiż terz”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Fid-dikjarazzjoni CBAM, dikjarant awtorizzat CBAM jista’ jitlob tnaqqis fl-għadd ta’ ċertifikati CBAM li jridu jiġu ċeduti sabiex jitqies il-prezz tal-karbonju mħallas fil-pajjiż tal-oriġini għall-emissjonijiet integrati ddikjarati. It-tnaqqis jista’ jintalab biss jekk il-prezz tal-karbonju tħallas effettivament fil-pajjiżi tal-oriġini. F’tali każ, għandhom jitqiesu kull ribass jew forma oħra ta’ kumpens disponibbli f’dak il-pajjiż li jkunu rriżultaw fi tnaqqis ta’ dak il-prezz tal-karbonju.”
9 L-Artikolu 20 tar-Regolament ikkontestat, intitolat “Bejgħ taċ-ċertifikati CBAM”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu:
“Iċ-ċertifikati CBAM għandhom jinbiegħu lid-dikjaranti awtorizzati CBAM bil-prezz ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 21.”
10 L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prezz taċ-ċertifikati CBAM”, jipprevedi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:
“Il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-prezz taċ-ċertifikati CBAM bħala l-medja tal-prezzijiet tal-għeluq tal-kwoti tal-EU ETS fuq il-pjattaforma tal-irkant f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament [tal-Kummissjoni] (UE) Nru 1031/2010 [tat‑12 ta’ Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU 2010, L 302, p. 12)] għal kull ġimgħa kalendarja.”
11 L-Artikolu 22 tar-Regolament ikkontestat, intitolat “Ċediment taċ-ċertifikati CBAM”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, u għall-ewwel darba fl-2027 għas-sena 2026, id-dikjarant awtorizzat CBAM għandu jċedi, permezz tar-reġistru CBAM, għadd ta’ ċertifikati CBAM li jikkorrispondi għall-emissjonijiet integrati ddikjarati f’konformità mal-Artikolu 6(2), il-punt (c), u vverifikati f’konformità mal-Artikolu 8 għas-sena kalendarja ta’ qabel iċ-ċediment. Il-Kummissjoni għandha tneħħi ċ-ċertifikati CBAM ċeduti mir-reġistru CBAM. Id-dikjarant awtorizzat CBAM għandu jiżgura li l-għadd rikjest ta’ ċertifikati CBAM ikun disponibbli fil-kont tiegħu fir-reġistru CBAM.”
12 L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Xiri mill-ġdid taċ-ċertifikati CBAM”, jipprovdi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:
“2. L-għadd ta’ ċertifikati soġġetti għal xiri mill-ġdid kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun limitat għal terz tal-għadd totali taċ-ċertifikati CBAM mixtrija mid-dikjarant awtorizzat CBAM matul is-sena kalendarja preċedenti.
3. Il-prezz tax-xiri mill-ġdid għal kull ċertifikat CBAM għandu jkun il-prezz imħallas mid-dikjarant awtorizzat CBAM għal dak iċ-ċertifikat fil-mument tax-xiri. ”
13 Skont l-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament, intitolat “Penali”:
“1. Dikjarant awtorizzat CBAM li, sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, jonqos milli jċedi l-għadd ta’ ċertifikati CBAM li jikkorrispondi għall-emissjonijiet integrati fl-oġġetti importati matul is-sena kalendarja preċedenti għandu jeħel il-ħlas ta’ penali. Tali penali għandha tkun identika għall-penali ta’ emissjonijiet żejda stabbilita fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva [2003/87] u miżjuda skont l-Artikolu 16(4) ta’ dik id-Direttiva, applikabbli fis-sena tal-importazzjoni tal-oġġetti. Tali penali għandha tapplika għal kull ċertifikat CBAM li d-dikjarant awtorizzat CBAM ma jkunx ċeda.
2. Meta persuna għajr dikjarant awtorizzat CBAM tintroduċi oġġetti fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma tikkonforma mal-obbligi skont dan ir-Regolament, dik il-persuna għandha teħel il-ħlas ta’ penali. Tali penali għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva u għandha, partikolarment skont id-durata, il-gravità, il-portata, in-natura intenzjonali u r-ripetizzjoni ta’ tali nuqqas ta’ konformità u l-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna mal-awtorità kompetenti, tkun ammont ta’ bejn tlieta u ħames darbiet il-penali msemmija fil-paragrafu 1, applikabbli fis-sena tal-introduzzjoni tal-oġġetti, għal kull ċertifikat CBAM li l-persuna ma tkunx ċediet.
3. Il-ħlas tal-penali m’għandux jeħles lid-dikjarant awtorizzat CBAM mill-obbligu li jċedi l-għadd pendenti ta’ ċertifikati CBAM f’sena partikolari.
[...]”
14 L-Artikolu 27 tar-Regolament ikkontestat, intitolat “Ċirkomvenzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:
“1. Il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu, fuq il-bażi ta’ data rilevanti u oġġettiva, biex tindirizza prattiki ta’ ċirkomvenzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2. Il-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni għandhom ikunu definiti bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ fl-oġġetti importati, li tirriżulta minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr li jiġu evitati, b’mod sħiħ jew parzjalment, kwalunkwe waħda mill-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Tali prattika, proċess jew ħidma jistgħu jikkonsistu minn, iżda mhumiex limitati għal:
a) modifika żgħira tal-oġġetti kkonċernati biex dawk l-oġġetti jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM li mhumiex elenkati fl-Anness I, ħlief meta l-modifika tbiddel il-karatteristiċi essenzjali tagħhom;
b) il-qsim artifiċjali tal-kunsinni f'partiti b'mod li l-valur intrinsiku ta' kull waħda ma jaqbiżx is-soll imsemmi fl-Artikolu 2(3).
3. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament is-sitwazzjoni fil-livell tal-Unjoni, bil-ħsieb li tidentifika prattiki ta’ ċirkomvenzjoni, inkluż permezz ta’ sorveljanza tas-suq jew abbażi ta’ kwalunkwe sors rilevanti ta’ informazzjoni, bħall-komunikazzjonijiet u r-rapportar mingħand l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.”
15 L-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rieżami u rapportar mill-Kummissjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 6 tiegħu:
“Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-funzjonament tas-CBAM bil-ħsieb li tevalwa l-impatti u l-aġġustamenti possibbli fl-applikazzjoni tiegħu.
Qabel l-1 ta’ Jannar 2028, kif ukoll kull sentejn wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-[Parlament] u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-funzjonament tas-CBAM. Ir-rapport għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej:
[...]
b) valutazzjoni:
[...]
(iii) tal-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni;
[...]
[...]”
16 L-Artikolu 31 tal-imsemmi regolament intitolat “Allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti skont l-EU ETS u obbligu biex jiġu ċeduti ċ-ċertifikati CBAM”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Iċ-ċertifikati CBAM li għandhom jiġu ċeduti f’konformità mal-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu aġġustati biex jirriflettu l-punt sa fejn il-kwoti tal-EU ETS jiġu allokati bla ħlas f’konformità mal-Artikolu 10a tad-Direttiva [2003/87] għall-installazzjonijiet, fl-Unjoni, li jipproduċu l-oġġetti elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.”
17 L-Anness I tal-istess regolament jistabbilixxi l-lista tal-merkanzija u tal-GES li japplika għalihom.
Id-Direttiva 2003/87
18 L-Artikolu 10a(1a) tad-Direttiva 2003/87, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Mejju 2023 (ĠU 2023, L 130, p. 134) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”), huwa fformulat kif ġej:
“Soġġett għall-applikazzjoni tar-Regolament [ikkontestat], ma għandha tingħata l-ebda allokazzjoni bla ħlas b'rabta mal-produzzjoni tal-oġġetti elenkati fl-Anness I ta' dak ir-Regolament.
B'deroga mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, għall-ewwel snin tal-applikazzjoni tar-Regolament [ikkontestat], il-produzzjoni ta' oġġetti elenkati fl-Anness I ta' dak ir-Regolament għandha tibbenefika minn allokazzjoni bla ħlas f'ammonti mnaqqsa. Għandu jiġi applikat fattur li jnaqqas l-allokazzjoni bla ħlas għall-produzzjoni ta' dawk l-oġġetti (il-fattur CBAM). Il-fattur CBAM għandu jkun ugwali għal 100 % għall-perjodu bejn id-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament u l-aħħar tal-2025 u, soġġett għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 36(2), il-punt (b), ta' dak ir-Regolament, għandu jkun ugwali għal 97,5 % fl-2026, 95 % fl-2027, 90 % fl-2028, 77,5 % fl-2029, 51,5 % fl-2030, 39 % fl-2031, 26,5 % fl-2032 u 14 % fl-2033. Mill-2034, ma għandu japplika ebda fattur CBAM.
[...]
Sal‑31 ta’ Diċembru 2024 u bħala parti mir-rapport annwali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 10(5) ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għal oġġetti soġġetti għas-CBAM u prodotti fl-Unjoni għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi li ma japplikawx l-EU ETS jew mekkaniżmu simili ta' pprezzar tal-karbonju. Ir-rapport, b'mod partikolari, għandu jivvaluta r-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju f'setturi li s-CBAM se japplika għalihom, b'mod partikolari r-rwol u l-adozzjoni mħaffa tal-idroġenu, u l-iżviluppi fir-rigward tal-flussi kummerċjali u l-emissjonijiet inkorporati ta' oġġetti prodotti minn dawk is-setturi fis-suq globali. Meta r-rapport jikkonkludi li hemm riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għal oġġetti prodotti fl-Unjoni għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi li ma japplikawx l-EU ETS jew mekkaniżmu ekwivalenti ta' pprezzar tal-karbonju, il-Kummissjoni, meta jkun xieraq, għandha tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tindirizza dak ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju b'mod li jkun konformi mar-regoli tal-[WTO], inkluż l-Artikolu XX tal- Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994,, u li jqis id-dekarbonizzazzjoni tal-installazzjonijiet fl-Unjoni. ”
19 L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Il-Penali”, jipprevedi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:
“3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru li ma jċedux kwoti suffiċjenti sat-30 ta' Settembru ta’ kull sena biex ikopri l-emissjonijet tiegħu ta’ matul is-sena preċedenti għandu jinżamm responsabbli għall-ħlas ta’ penali ta’ emissjonijiet żejda. Il-penali ta’ emissjonijiet żejda għandha tkun ta’ EUR 100 ghal kull tunellata ta’ dijossidu tal-karbonju ekwivalenti mitfugħa u li għalihom l-operatur ma jkunx ċeda kwoti. Il-ħlas tal-penali ta’ emissjonijiet żejda ma teħlisx lill-operatur mill-obbligu li jċedi ammont ta’ kwoti ekwivalenti ghal dawk l-emissjonijiet żejda meta dan ikun qed iċedi l-kwoti relattivi għas-sena ta’ wara.
[...]
4. Il-penali dwar l-emissjonijiet żejda relatati mal-kwoti maħruġa mill-1 ta’ Jannar 2013 ‘il quddiem għandhom jiżdiedu konformement mal-indiċi Ewropew tal-prezzijiet tal-konsumatur.”
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
20 Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla r-Regolament ikkontestat fl-intier tiegħu;
– tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.
21 Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors; u
– tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.
22 Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni ġiet ammessa sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.
Fuq ir-rikors
23 Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, sa fejn ir-Regolament ikkontestat kellu jiġi adottat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.
L-argumenti tal-partijiet
24 Fil-kuntest tal-motiv uniku tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tressaq erba’ argumenti.
25 Fl-ewwel lok, dan l-Istat Membru jsostni li r-Regolament ikkontestat kellu jkun ibbażat fuq il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, peress li jsegwi għan ambjentali permezz ta’ “dispożizzjonijiet essenzjalment ta’ natura fiskali”. Fil-fatt, fl-assenza ta’ definizzjoni ta’ dan il-kunċett fit-Trattat FUE, dan għandu jinftiehem b’mod wiesa’, konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑338/01, EU:C:2004:253, punti 63 et seq.), u, għaldaqstant, għandu jkopri b’mod partikolari l-ekotaxxi, jiġifieri taxxi miġbura bl-għan tal-protezzjoni tal-ambjent, fis-sens tal-Artikolu 191 TFUE.
26 Barra minn hekk, il-verżjoni bil-lingwa Pollakka tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE tuża l-kelma “fiskalny”. Din il-kelma għandha portata usa’ mill-kelma “podatkowy”, li tintuża f’dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat u tirreferi biss għall-politika ta’ tassazzjoni. Il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE jkopri għalhekk dispożizzjonijiet ta’ natura fiskali fis-sens wiesa’, li jissodisfaw il-kriterji li jiddefinixxu materjalment id-dħul baġitarju ta’ natura fiskali, bħan-natura unilaterali u forzata tat-taxxa, il-fatt li huwa stabbilit bl-għan li jiġi ggarantit dħul baġitarju u li l-livell tiegħu huwa ddeterminat minn dispożizzjonijiet normattivi.
27 Skont ir-Repubblika tal-Polonja, din l-interpretazzjoni tipproteġi l-awtonomija finanzjarja tal-Istati Membri billi tevita li dispożizzjonijiet fiskali jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE.
28 Fit-tieni lok, iċ-CBAM għandu l-karatteristiċi ta’ taxxa jew, tal-inqas, dawk ta’ miżura fiskali fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE. Fil-fatt, ir-Regolament ikkontestat jipprevedi, b’mod partikolari, li l-persuna taxxabbli huwa d-dikjarant awtorizzat CBAM, li l-importazzjoni tal-merkanzija msemmija fl-Anness I ta’ dan ir-regolament tikkostitwixxi l-fatt taxxabbli, li l-bażi taxxabbli tikkorrispondi għall-emissjonijiet integrati totali tal-merkanzija importata matul is-sena kalendarja preċedenti. Huwa jiffissa wkoll il-modalitajiet ta’ ħlas tat-taxxa. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(3) u (4) tal-imsemmi regolament jipprevedi derogi mill-applikazzjoni tiegħu, li jikkostitwixxu eżenzjonijiet fiskali. Barra minn hekk, il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 9 tal-istess regolament, li jitnaqqas in-numru ta’ ċertifikati CBAM li għandhom jiġu ċeduti, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-prezz tal-karbonju mħallas fil-pajjiż ta’ oriġini għall-emissjonijiet integrati ddikjarati, għandha l-karatteristiċi ta’ eżenzjoni mit-taxxa. Barra minn hekk, skont il-premessi 73 u 74 tar-Regolament ikkontestat, id-dħul iġġenerat miċ-CBAM, li l-proposta tal-Kummissjoni COM(2021) 564 finali tal‑14 ta’ Lulju 2021 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera tevalwa għal EUR 9.1 biljun għas-sena 2030, jiġi allokat għall-appoġġ ta’ pajjiżi terzi bi dħul baxx u bi dħul medju sabiex jgħinhom jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima, li jikkaratterizza l-funzjoni ridistributtiva tat-taxxa. Fl-aħħar nett, l-Artikoli 26 u 27 ta’ dan ir-regolament jipprevedu sanzjonijiet speċifiċi li huma speċifiċi għad-dritt fiskali.
29 Fit-tielet lok, għalkemm ir-Regolament ikkontestat jinkoraġġixxi d-dekarbonizzazzjoni u t-trasformazzjoni tal-industriji tal-manifattura ta’ pajjiżi terzi marbuta kummerċjalment mal-Unjoni, l-għan ambjentali tiegħu huwa sekondarju fil-konfront tal-għan baġitarju u fiskali tiegħu. Fil-fatt, l-għan li jiġi ġġenerat dħul, imfittex minn dan ir-regolament, jippredomina, kif jikkonferma l-fatt li l-volum ta’ ċertifikati CBAM disponibbli ma huwa la limitat u lanqas ma huwa marbut mal-kwantità ta’ kwoti tal-EU ETS.
30 B’dan il-mod, dan ir-regolament jinkoraġġixxi l-evitar taċ-CBAM u jipprekludi t-twettiq tal-funzjoni ambjentali tiegħu biex tħeġġeġ lill-impriżi li jinsabu barra mill-Unjoni jinvestu f’teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi ta’ GES.
31 Peress li importatur ta’ merkanzija li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni taċ-CBAM jista’ jixtri kwantità bla limitu ta’ ċertifikati CBAM bi prezz li jikkorrispondi għal dak tal-kwoti tal-emissjonijiet ta’ GES, iż-żieda mistennija fil-prezz ta’ dawk il-kwoti tippermetti li jinkiseb profitt partikolarment għoli mhux biss għalih iżda wkoll għall-produttur ta’ dik il-merkanzija, li jiġġeneraw emissjonijiet ta’ GES barra mill-Unjoni. Għalhekk, ir-Regolament ikkontestat jikkontribwixxi għat-trasferiment tal-produzzjoni ta’ merkanzija li tiġġenera emissjonijiet ta’ GES barra mill-Unjoni u, konsegwentement, għal trasferiment tal-EU ETS lejn iċ-CBAM. Madankollu, fuq terminu twil, tali trasferiment jista’ jwassal, wara x-xiri ta’ numru kbir ta’ ċertifikati CBAM, għal tnaqqis fid-domanda għall-kwoti tal-EU ETS u, konsegwentement, għal tnaqqis fil-prezz tagħhom. Ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza, f’dan ir-rigward, li huwa diffiċli li wieħed jistenna, f’sitwazzjoni bħal din, li l-produzzjoni ta’ emissjonijiet ta’ GES li ċċaqalqet barra mill-Unjoni terġa’ lura għaliha eventwalment.
32 Barra minn hekk, il-fenomenu ta’ tqassim mill-ġdid tar-riżorsi (“ressource shuffling”) jista’ jwassal lill-produtturi ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari fil-qasam tal-azzar, sabiex jesportaw il-prodotti b’livell baxx ta’ emissjonijiet integrati ta’ GES lejn l-Unjoni, filwaqt li jirriżervaw il-prodotti b’intensità għolja ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għas-swieq nazzjonali jew għas-swieq li jinsabu barra mill-Unjoni, b’tali mod li l-mudelli ta’ produzzjoni jibqgħu l-istess f’dawn il-pajjiżi terzi.
33 Effett possibbli ieħor tal-applikazzjoni taċ-CBAM huwa r-riskju li produttur ta’ pajjiż terz jassorbi l-ispejjeż taċ-CBAM fil-produzzjoni kollha tiegħu u jnaqqas il-prezz tal-prodott intiż għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Iktar ma jkun baxx is-sehem tal-produzzjoni esportata lejn l-Unjoni, iktar ikunu jistgħu jiġu assorbiti l-ispejjeż taċ-CBAM.
34 Fir-raba’ lok, mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864), jista’ jiġi dedott li, kuntrarjament għall-EU ETS, iċ-CBAM ma jintroduċix miżura bbażata fuq is-suq, iżda strument ta’ natura fiskali. Fil-fatt, iċ-CBAM ma jistabbilixxi ebda limitu tal-volum u, f’konformità mal-Artikoli 21 sa 23 tar-Regolament ikkontestat, importatur suġġett għaċ-CBAM ma jkunx jista’ jinnegozja ċertifikati CBAM fis-suq. Mill-premessi 23 u 49 ta’ dan ir-regolament jirriżulta wkoll li l-prezzijiet taċ-ċertifikati CBAM huma ffissati amministrattivament u mhux, bħal fil-kuntest ta’ rkant, direttament mill-forzi tas-suq.
35 Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li l-motiv uniku invokat mir-Repubblika tal‑Polonja għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
36 Insostenn tal-motiv uniku tagħha, ibbażat fuq il-ksur tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, sa fejn ir-Regolament ikkontestat kellu jiġi adottat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ir-Repubblika tal-Polonja tressaq erba’ argumenti. L-ewwel nett, iċ-CBAM isegwi għan ambjentali permezz ta’ “dispożizzjonijiet essenzjalment ta’ natura fiskali”, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2). It-tieni nett, għandu l-karatteristiċi kollha ta’ taxxa. It-tielet nett, l-għan ambjentali mfittex mir-Regolament ikkontestat huwa sekondarju fil-konfront tal-għan baġitarju u fiskali tiegħu, li joħloq riskju ta’ evitar taċ-CBAM. Ir-raba’ nett, iċ-CBAM ma huwiex miżura bbażata fuq is-suq.
37 Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel u t-tielet argumenti tar-Repubblika tal-Polonja.
38 Sa fejn din issostni li r-Regolament ikkontestat kellu jkun ibbażat fuq il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, għandu jitfakkar li l-għażla tal-Artikolu 192(2) TFUE bħala bażi legali ta’ att hija bbażata fuq l-istess elementi bħal dawk li jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod stabbilit fil-ġurisprudenza tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 37 sa 39).
39 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament, l-ewwel nett, li l-għażla tal-bażi legali ta’ att ma tistax tiddependi biss fuq il-konvinzjoni ta’ istituzzjoni fir-rigward tal-għan li jrid jintlaħaq, iżda għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, bħalma huma l-għan u l-kontenut stess tal-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 45/86, EU:C:1987:163, punt 11; tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 54, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 121).
40 Jekk l-għażla tal-bażi legali ta’ miżura leġiżlattiva kellha tiddependi mill-evalwazzjoni tal-impatt probabbli tagħha, li, min-natura tagħha, hija ta’ natura spekulattiva, tkun biss analiżi a posteriori li tippermetti li jkunu magħrufa l-effetti reali u konkreti ta’ tali miżura. Din l-evalwazzjoni ma tista’ għalhekk tikkostitwixxi bl-ebda mod element oġġettiv li jista’ jkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 41).
41 Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-validità ta’ att tal-Unjoni ma tistax tiddependi minn kunsiderazzjonijiet retrospettivi dwar il-livell ta’ effikaċja tiegħu (sentenzi tas‑7 ta’ Frar 1973, Schroeder, 40/72, EU:C:1973:14, punt 14; tal‑5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et, C‑133/93, C‑300/93 u C‑362/93, EU:C:1994:364, punt 43, kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 84).
42 Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-effett mistenni ta’ att tal-Unjoni fuq il-politika tal-enerġija ta’ Stat Membru tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-għan jew tal-kontenut ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 42).
43 It-tieni nett, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tista’ tkun ibbażata wkoll fuq il-kuntest li jaqa’ fih, sa fejn dan il-kuntest jista’ jiċċara l-għan ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑656/11, EU:C:2014:97, punt 50; tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 32; tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 39, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 122).
44 It-tielet nett, jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li dan għandu diversi skopijiet jew li għandu diversi komponenti u jekk wieħed minn dawn l-iskopijiet jew minn dawn il-komponenti jista’ jiġi identifikat bħala dak prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-oħrajn huma biss anċillari jew għandhom biss portata estremament limitata, il-bażi legali sabiex jiġi adottat dan l-att għandha tiġi ddeterminata skont dan l-iskop jew komponent prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑42/97, EU:C:1999:81, punti 39 u 40; tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Lungerija‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill Hongrie/Parlement et Conseil, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 38, kif ukoll tal‑21 ta’ Marzu 2024, Landeshauptstadt Wiesbaden, C‑61/22, EU:C:2024:251, punt 47).
45 Ir-raba’ nett, interpretazzjoni wiesgħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE tirriskja li tistabbilixxi bħala regola l-użu ta’ proċedura leġiżlattiva speċjali li għandha n-natura ta’ eċċezzjoni prevista mit-Trattat FUE. Konformement mal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet, il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, ma jistax jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att tal-Unjoni, ħlief jekk jirriżulta mill-għan u mill-kontenut tiegħu li r-riżultat prinċipali mfittex minn dan l-att huwa l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet essenzjalment ta’ natura fiskali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 44 sa 46).
46 Din ir-regola ta’ interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li, fil-kuntest tal-Artikoli 93 sa 95 KE (li saru l-Artikoli 113 sa 115 TFUE), dwar ir-regoli komuni fil-qasam tat-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet, u fl-assenza fit-Trattati ta’ indikazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “dispożizzjonijiet fiskali”, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, minħabba n-natura ġenerali tiegħu, dan il-kunċett ikopri mhux biss l-oqsma kollha tat-tassazzjoni, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn it-tipi ta’ taxxi kkonċernati, iżda wkoll l-aspetti kollha ta’ dan il-qasam, kemm jekk huma regoli sostantivi jew proċedurali, li jinkludu l-modalitajiet ta’ ħlas u ta’ rkupru tat-taxxi diretti u indiretti (sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253, punti 63 u 64, kif ukoll tas‑27 ta’ April 2022, Airbnb Ireland, C‑674/20, EU:C:2022:303, punt 27).
47 Barra minn hekk, huwa irrilevanti li, fil-verżjoni tiegħu bil-lingwa Pollakka, il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE juża l-kelma “fiskalny” li r-Repubblika tal-Polonja ssostni li tkopri d-dispożizzjonijiet ta’ natura fiskali fis-sens wiesa’, li jissodisfaw il-kriterji li jiddefinixxu materjalment id-dħul baġitarju ta’ natura fiskali, bħan-natura unilaterali u forzata tal-ġbir.
48 Fil-fatt, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Tali approċċ ikun inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1990, Cricket St Thomas, C‑372/88, EU:C:1990:140, punti 18 u 19; tat‑3 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑41/09, EU:C:2011:108, punt 44, kif ukoll tas‑27 ta’ Novembru 2025, Svema Trade, C‑567/24, EU:C:2025:920, punt 23).
49 Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jipprovdi li, li r-Regolament ikkontestat jiġi bbażat fuq il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE jipproteġi l-awtonomija finanzjarja tal-Istati Membri, peress li ma humiex il-proċeduri li jiddefinixxu l-bażi legali ta’ att, iżda, għall-kuntrarju, il-bażi legali ta’ att li tiddetermina l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-adozzjoni tiegħu (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 80).
50 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandhom, konformement mal-kriterji mfakkra fil-punti 38 sa 45 ta’ din is-sentenza, jiġu eżaminati l-għan u l-kontenut stess tar-Regolament ikkontestat, kif ukoll il-kuntest tiegħu, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellux raġun li jibbaża l-adozzjoni tiegħu fuq l-Artikolu 192(1) TFUE.
51 Fir-rigward tal-għan imfittex mir-Regolament ikkontestat, mill-premessa 14 tiegħu jirriżulta li, billi stabbilixxa ċ-CBAM, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, fl-interess tal-effiċjenza, isegwi għan doppju li jikkonsisti fil-prevenzjoni tar-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, iżda wkoll li jinkoraġġixxi lill-produtturi ta’ pajjiżi terzi jużaw teknoloġiji iktar effikaċi fil-qasam tat-tnaqqis tal-GES b’mod li jitnaqqsu l-emissjonijiet iġġenerati. Kif jistabbilixxu l-premessi 8 u 9 ta’ dan ir-regolament, dan il-leġiżlatur iqis li l-Unjoni għandha tkompli jkollha rwol ewlieni fl-azzjoni globali għall-klima, sa fejn ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jibqa’ sakemm l-approċċi adottati minn numru sinjifikattiv ta’ sħab internazzjonali tal-Unjoni ma jilħqux l-istess livell ta’ ambizzjoni klimatika.
52 F’din l-ottika, il-premessi 5 u 20 tar-Regolament ikkontestat ifakkru l-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet globali ta’ karbonju konformement mal-Ftehim ta’ Pariġi, kif ukoll il-mira vinkolanti, stabbilita mill-Artikolu 4(1) tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, li l-emissjonijiet netti ta’ GES jitnaqqsu, fl-Unjoni, b’mill-inqas 55 % sas-sena 2030 meta pparagunati mal-livelli tas-sena 1990.
53 Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament ikkontestat jistabbilixxi CBAM sabiex jiġu miġġielda l-emissjonijiet integrati ta’ GES tal-merkanzija elenkata fl-Anness I ta’ dan ir-regolament waqt l-importazzjoni tagħha fit-territorju doganali tal-Unjoni sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Skont il-premessa 9 tal-imsemmi regolament, ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju sseħħ meta, għal raġunijiet ta’ spejjeż relatati mal-politiki dwar il-klima, impriżi f’ċerti setturi jew sottosetturi tal-industrija jittrasferixxu l-produzzjoni tagħhom lejn pajjiżi oħra jew meta l-importazzjonijiet minn dawk il-pajjiżi jissostitwixxu prodotti ekwivalenti b’intensità iktar baxxa f’termini ta’ emissjonijiet ta’ GES.
54 Barra minn hekk, mill-premessi 6, 9 u 10 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta, b’mod partikolari, li, fid-dawl tar-rapport speċjali tal‑2018 tal-IPCC imsemmi f’din il-premessa 6, li jikkostitwixxi bażi xjentifika solida għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies neċessarju li jintensifika l-azzjoni favur il-klima u li jsaħħaħ l-ambizzjoni klimatika tiegħu, billi jistabbilixxi għanijiet iktar ambizzjużi għall-Unjoni f’dan il-qasam, filwaqt li rrikonoxxa r-riskju li r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju seta’ jippreġudika l-effettività tal-politiki tal-Unjoni fil-qasam tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES.
55 Barra minn hekk, l-Artikolu 1(3) kif ukoll il-premessi 11, 12 u 15 ta’ dan ir-Regolament jenfasizzaw li ċ-CBAM huwa miżura klimatika li għandha tippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES globali u tipprevjeni r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, billi tindirizza d-dgħufijiet ewlenin tal-EU ETS, filwaqt li tiżgura l-kompatibbiltà taċ-CBAM mad-dritt tal-WTO, li jiġġustifika li, b’differenza mill-EU ETS, iċ-CBAM ma jistabbilixxix limitazzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet. Fil-fatt, kif tesponi l-premessa 21 tal-imsemmi regolament, għandhom jiġu evitati r-restrizzjonijiet fuq il-flussi kummerċjali.
56 Għalhekk jidher li r-Regolament ikkontestat jagħmel parti minn pjan intiż għall-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod iktar speċifiku, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
57 Il-kontenut ta’ dan ir-regolament juri r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura l-koerenza bejn iċ-CBAM u l-EU ETS.
58 L-ewwel nett, l-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi li ċ-CBAM jikkompleta l-EU ETS billi japplika sett ekwivalenti ta’ regoli għall-importazzjonijiet, fit-territorju doganali tal-Unjoni, tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 2 tal-istess regolament. Fil-fatt, ir-Regolament ikkontestat huwa intiż biex jallinja l-kamp ta’ applikazzjoni taċ-CBAM ma’ dak tal-EU ETS. Mill-premessi 19 u 27 sa 29 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta, fil-fatt, li, filwaqt li l-EU ETS tapplika għal ċerti proċeduri ta’ produzzjoni u għal ċerti attivitajiet, iċ-CBAM ikopri l-importazzjonijiet korrispondenti tal-merkanzija, b’tali mod li l-merkanzija jew il-prodotti pproċessati koperti miċ-ĊBAM ikunu jirriflettu l-attivitajiet koperti mill-EU ETS. Barra minn hekk, l-allinjament tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ mekkaniżmi jiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-prodotti importati u l-prodotti simili li joriġinaw mill-Unjoni.
59 It-tieni nett, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament ikkontestat, moqri flimkien mal-premessi 15 u 23 tiegħu, jipprevedi wkoll li, għal ġimgħa partikolari, il-prezz taċ-ċertifikati CBAM jikkorrispondi għall-medja tal-prezzijiet tal-għeluq tal-kwoti tal-EU ETS tal-ġimgħa preċedenti. Għalhekk, l-għan taċ-CBAM huwa li jiżgura li l-prodotti importati jkunu suġġetti għal sistema regolatorja li tapplika spejjeż tal-karbonju ekwivalenti għal dawk imġarrba fil-kuntest tal-EU ETS, sabiex il-prezz tal-karbonju jkun ekwivalenti għall-prodotti importati u għall-prodotti li joriġinaw mill-Unjoni. Fil-fatt, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, iċ-CBAM jista’ jippermetti li tiġi miġġielda b’mod effettiv ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju biss jekk jirrifletti mill-qrib il-prezz tal-EU ETS.
60 It-tielet nett, l-Artikolu 9 tar-Regolament ikkontestat jipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, tnaqqis fin-numru ta’ ċertifikati CBAM li jridu jiġu ċeduti sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-prezz tal-karbonju mħallas fil-pajjiż tal-oriġini għall-emissjonijiet integrati ddikjarati.
61 Ir-raba’ nett, l-Artikolu 31(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li ċ-ċertifikati CBAM li għandhom jiġu ċeduti għandhom jiġu aġġustati biex jirriflettu l-punt sa fejn il-kwoti tal-EU ETS jiġu allokati mingħajr ħlas, konformement mal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, għall-installazzjonijiet, fl-Unjoni, li jipproduċu l-merkanzija elenkata fl-Anness I tal-imsemmi regolament.
62 Il-ħames nett, l-Artikolu 27 tar-Regolament ikkontestat jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tieħu miżuri sabiex tiġġieled kontra l-prattiki ta’ evitar ta’ dan ir-regolament. Skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, il-prattiki ta’ evitar jirreferu għal bidla fix-xejriet tal-kummerċ ta’ merkanzija, li tirriżulta minn prattiki, operazzjonijiet jew proċessi li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni, minbarra l-intenzjoni li jiġu evitati, kompletament jew parzjalment, l-obbligi previsti mill-imsemmi regolament.
63 Is-sitt nett, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni għandha tissorvelja kontinwament is-sitwazzjoni fil-livell tal-Unjoni, sabiex tidentifika prattiki ta’ evitar, b’mod partikolari permezz ta’ sorveljanza tas-suq jew permezz tal-użu ta’ kwalunkwe sors rilevanti ta’ informazzjoni, bħalma huma l-komunikazzjonijiet u r-rapporti mingħand l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 30(6) ta’ dan ir-regolament, dan il-kompitu ta’ sorveljanza tal-funzjonament taċ-CBAM jimponi wkoll fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tevalwa l-prattiki ta’ evitar, fir-rapporti tagħha dwar l-applikazzjoni tal-imsemmi regolament, li l-ewwel wieħed minnhom għandu jintbagħat lil-leġiżlatur tal-Unjoni sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2028 u, sussegwentement, kull sentejn.
64 Is-seba’ nett, fil-każ li dikjarant awtorizzat CBAM, ma jċedix, sal‑31 ta’ Mejju ta’ kull sena, in-numru ta’ ċertifikati CBAM li jikkorrispondi għall-emissjonijiet integrati tal-merkanzija importata matul is-sena kalendarja preċedenti, l-Artikolu 26(1) tar-Regolament ikkontestat jipprevedi li huwa għandu jħallas multa identika għal dik prevista fil-każ ta’ emissjonijiet eċċessivi fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87, miżjuda konformement mal-Artikolu 16(4) ta’ din id-direttiva, u applikabbli matul is-sena ta’ importazzjoni tal-merkanzija. Tali penali għandha tapplika għal kull ċertifikat CBAM li d-dikjarant awtorizzat CBAM ma jkunx ċeda. Barra minn hekk, l-Artikolu 26(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-ħlas tal-penali ma għandux jeħles lid-dikjarant awtorizzat CBAM mill-obbligu li jċedi n-numru pendenti ta’ ċertifikati CBAM matul sena partikolari.
65 Fl-aħħar mill-aħħar, kif tiġbor fil-qosor il-premessa 22 tar-Regolament ikkontestat, sabiex tiġi ppreżervata l-effettività taċ-CBAM bħala miżura ta’ prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fiż-żmien, din is-sistema għandha ċerti karatteristiċi partikolari meta pparagunata mal-EU ETS, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-prezz taċ-ċertifikati CBAM, il-possibbiltajiet ta’ skambju taċ-ċertifikati CBAM u l-perijodu ta’ validità tagħhom. Dawn il-partikolaritajiet jiżguraw ukoll li l-ġestjoni tas-sistema taċ-CBAM ma tkunx eċċessivament ta’ piż, kemm f’termini ta’ obbligi imposti fuq l-operaturi kif ukoll ta’ riżorsi għall-amministrazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jinżamm livell ta’ flessibbiltà disponibbli għall-operaturi ekwivalenti għal dak fl-ambitu tal-EU ETS.
66 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 24 ta’ dan ir-regolament tipprovdi li l-assenza ta’ impożizzjoni ta’ limitu massimu għan-numru ta’ ċertifikati CBAM disponibbli għall-importaturi huwa intiż sabiex dawn tal-aħħar ikunu preklużi milli jittrasferixxu u jiskambjaw iċ-ċertifikati CBAM, peress li tali fakultà tista’ twassal għal sitwazzjonijiet li fihom il-prezz taċ-ċertifikati CBAM ma jibqax jirrifletti l-evoluzzjoni tal-prezz tal-EU ETS. Tali sitwazzjoni, minn naħa, iddgħajjef l-inċentiv għad-dekarbonizzazzjoni, billi tikkoraġġixxi r-rilokazzjoni tal-karbonju u tikkomprometti l-mira klimatika ġenerali taċ-CBAM u, min-naħa l-oħra, twassal għal differenzi fil-prezz għall-operaturi skont il-pajjiż tagħhom. Il-limiti għall-possibbiltajiet ta’ skambju taċ-ċertifikati CBAM u biex dawn jiġu ttrasferiti huma ġġustifikati għalhekk mill-ħtieġa li jiġi evitat li l-effikaċja u l-mira klimatika taċ-CBAM jiġu kompromessi u li jiġi żgurat trattament ugwali tal-operaturi minn pajjiżi differenti. Madankollu, sabiex tinżamm il-possibbiltà għall-importaturi li jottimizzaw l-ispejjeż tagħhom, l-imsemmi regolament jipprevedi sistema li biha l-awtoritajiet jistgħu jixtru mill-ġdid ċertu numru ta’ ċertifikati żejda mingħand l-importaturi. Huwa għalhekk li, f’konformità mal-Artikolu 23(2) u (3) tal-istess regolament, kull sena, terz tan-numru totali ta’ ċertifikati CBAM mixtrija mid-dikjarant awtorizzat CBAM matul is-sena kalendarja preċedenti jistgħu jinxtraw mill-ġdid bil-prezz imħallas fil-mument tax-xiri inizjali ta’ dawn iċ-ċertifikati.
67 Fir-rigward tal-kuntest tar-Regolament ikkontestat, kif jistabbilixxu l-Artikolu 1(1) tiegħu, kif ukoll il-premessi 2, 5 u 6 tiegħu, dan huwa intiż li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet stabbiliti kemm mill-Ftehim ta’ Pariġi kif ukoll mil-Liġi Ewropea dwar il-Klima. Il-premessa 10 ta’ dan ir-regolament tenfasizza li dan huwa parti mill-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, li huwa sett komprensiv ta’ miżuri u inizjattivi li jsaħħu lil xulxin bl-għan li tinkiseb in-newtralità klimatika fl-Unjoni sal‑2050, u huwa għodda essenzjali fost l-għodda disponibbli għall-Unjoni sabiex jintlaħaq l-għan tan-newtralità klimatika sal‑2050, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi.
68 Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li ċ-CBAM “jikkomplementa [jikkompleta]” l-EU ETS, li l-għan ambjentali tagħha ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 138), bl-applikazzjoni ta’ sett ekwivalenti ta’ regoli għall-importazzjonijiet, fit-territorju doganali tal-Unjoni, tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.
69 Mill-punti 51 sa 68 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-Regolament ikkontestat għandu bħala għan esklużiv il-protezzjoni tal-ambjent. Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li dan l-għan huwa sekondarju fil-konfront tal-għan baġitarju u fiskali ta’ dan ir-regolament u li, konsegwentement, jinkoraġġixxi l-evitar taċ-CBAM.
70 Ċertament, fil-proposta tagħha, COM(2021) 564 finali, imsemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni stmat għal EUR 9.1 biljun l-ammont tad-dħul li għandu jiġġenera ċ-CBAM għas-sena 2030. Madankollu, il-ħolqien ta’ tali dħul huwa konsegwenza, u mhux għan, tal-introduzzjoni taċ-CBAM. Barra minn hekk, dan id-dħul, ta’ ammont relattivament limitat fil-livell tal-Unjoni, huwa intiż li jonqos, peress li, kif issemma fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, it-tieni għan tar-Regolament ikkontestat jikkonsisti fl-inkoraġġiment tal-produtturi ta’ pajjiżi terzi jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ GES tagħhom. F’din l-ottika, id-dikjaranti awtorizzati CBAM jakkwistaw dejjem inqas ċertifikati CBAM peress li jkollhom iċedu inqas ċertifikati CBAM.
71 Anki jekk jitqies li r-Regolament ikkontestat jista’ jiġi kkunsidrat li għandu għan doppju, l-għan ambjentali tiegħu għandu jitqies bħala predominanti, b’tali mod li l-allegat għan baġitarju tiegħu huwa biss aċċessorju. Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni ġustament ibbaża dan ir-regolament fuq l-Artikolu 192(1) TFUE.
72 Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li d-dħul iġġenerat miċ-CBAM għandu jiġi allokat għall-appoġġ tal-pajjiżi terzi bi dħul baxx u bi dħul medju. Fil-fatt, mill-premessi 73 u 74 tal-imsemmi regolament jirriżulta, minn naħa, li huma għandhom biss natura programmatika u, min-naħa l-oħra, li huma bl-ebda mod ma jipprevedu li d-dħul mill-bejgħ taċ-ċertifikati CBAM jiġi allokat għall-għajnuna finanzjarja intiża sabiex tinkoraġġixxi l-adattament ta’ dawn il-pajjiżi għat-tibdil fil-klima u sabiex ittaffi l-konsegwenzi ta’ dan it-tibdil għalihom.
73 Barra minn hekk, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja dwar ir-riskju ta’ evitar taċ-CBAM għandu jiġi miċħud minħabba n-natura spekulattiva tiegħu. Fi kwalunkwe każ, mill-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 27 u l-Artikolu 30(6) tar-Regolament ikkontestat jippermettu lill-Kummissjoni tieħu miżuri li jippermettu li jiġu rrimedjati eventwali prattiki ta’ evitar taċ-CBAM.
74 Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tieni argument imressaq mir-Repubblika tal-Polonja fis-sens li ċ-CBAM għandu l-karatteristiċi kollha ta’ taxxa, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 69 ta’ din is-sentenza, li r-Regolament ikkontestat għandu bħala għan esklużiv il-protezzjoni tal-ambjent. Minn dan isegwi li dan l-argument għandu jiġu miċħud bħala ineffettiv.
75 Fit-tielet lok, fir-rigward tar-raba’ argument imressaq mir-Repubblika tal-Polonja bbażat fuq l-allegazzjoni li ċ-CBAM ma huwiex miżura bbażata fuq is-suq, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 59 ta’ din is-sentenza, li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament ikkontestat, il-prezz taċ-ċertifikati CBAM jikkorrispondi, kull ġimgħa, għall-medja tal-prezzijiet tal-għeluq tal-kwoti tal-EU ETS fuq il-pjattaforma tal-irkant għall-ġimgħa preċedenti. Peress li l-EU ETS tikkostitwixxi miżura bbażata fuq is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 142 u 147), iċ-CBAM għandu jitqies bħala, huwa stess, indirettament ibbażat fuq is-suq.
76 Fil-fatt, l-ispiża konkreta imposta fuq dikjarant awtorizzat CBAM u li tirriżulta mill-kwantità ta’ ċertifikati CBAM li għandhom jiġu ċeduti ma tiddependix direttament min-numru ta’ ċertifikati li għandhom jiġu ċeduti, iżda mill-prezz tagħhom fis-suq meta l-akkwist tagħhom jirriżulta neċessarju sabiex ikopri l-emissjonijiet ta’GES ta’ dan id-dikjarant. Minn dan jirriżulta li, b’differenza minn dritt, taxxa jew ħlas fuq il-konsum ta’ CO2, is-sistema implimentata mir-Regolament ikkontestat, lil hinn mill-fatt li ma hijiex intiża li toħloq dħul favur l-awtoritajiet pubbliċi, bl-ebda mod ma tippermetti li jiġi stabbilit, abbażi ta’ bażi taxxabbli u ta’ rata ddefinita a priori, ammont li għandu jkun dovut għal kull tunnellata CO2 ikkunsmat għall-importazzjonijiet kollha mwettqa f’sena kalendarja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 142 u 143).
77 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-motiv uniku invokat mir-Repubblika tal-Polonja insostenn tar-rikors tagħha huwa infondat u, għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġu miċħud.
Fuq l-ispejjeż
78 Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Parlament u l-Kunsill talbu l-kundanna tar-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħha, għal dawk sostnuti mill-Parlament u mill-Kunsill.
79 Konformement mal-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, li jipprovdi li l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħha, għal dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
3) Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk