3.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 406/26


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1819

tat-2 ta’ Diċembru 2020

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-kuluri fis-sostituti tas-salamun

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista’ tiġi aġġornata f’konformità mal-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(3)

Skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 232/2012 (3), il-kuluri Isfar Inżul ix-Xemx FCF/Isfar fl-Oranġjo S (E 110) u Ponceau 4R, Koċineal Aħmar A (E 124) fil-preżent it-tnejn huma awtorizzati bħala addittivi tal-ikel fil-kategorija tal-ikel 09.2 “Ħut u prodotti tal-ħut ipproċessati inklużi molluski u krustaċji” fil-livell massimu ta’ 200 mg/kg, għall-użu biss fis-sostituti tas-salamun magħmulin b’mod ewlieni minn ħut tal-ispeċijiet Theragra chalcogramma u Pollachius virens. Fil-15 ta’ Lulju 2014 u fit-23 ta’ Settembru 2009, l-Awtorità ħarġet l-opinjonijiet tagħha li fihom stabiliet id-doża aċċettabbli ta’ kuljum ta’ 4 mg/kg għall-Isfar Inżul ix-Xemx FCF/Isfar fl-Oranġjo S (E 110) (4) u d-doża aċċettabbli ta’ kuljum ta’ 0,7 mg/kg għall-Ponceau 4R, Koċineal Aħmar A (E 124) (5). Fl-opinjonijiet tal-15 ta’ Lulju 2014 u tal-21 ta’ April 2015 (6), l-Awtorità kkonkludiet li l-ebda waħda mill-istimi tal-esponiment għal dawk l-addittivi ma kienet taqbeż id-doża aċċettabbli ta’ kuljum rispettiva tagħhom, għal ebda grupp tal-popolazzjoni.

(4)

Fl-4 ta’ Frar 2019 tressqet applikazzjoni biex jiġu mmodifikati l-kundizzjonijiet tal-użu tal-Isfar Inżul ix-Xemx FCF/Isfar fl-Oranġjo S (E 110) u tal-Ponceau 4R, Koċineal Aħmar A (E 124) fil-kategorija tal-ikel 09.2 “Ħut u prodotti tal-ħut ipproċessati inklużi molluski u krustaċji”, biex jiġi awtorizzat l-użu ta’ dawk is-sustanzi fis-sostituti tas-salamun magħmulin b’mod ewlieni mill-ispeċi tal-ħut Clupea harengus. L-applikazzjoni titlob il-livell massimu attwali ta’ 200 mg/kg, iżda tispjega li l-livelli tal-użu reali huma ħafna inqas, u jvarjaw bejn wieħed jew tnejn minn għaxra tal-livell massimu għaż-żewġ sustanzi li huma. L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(5)

Meta jintużaw bħala koloranti, l-Isfar Inżul ix-Xemx FCF/Isfar fl-Oranġjo S (E 110) u l-Ponceau 4R, Koċineal Aħmar A (E 124) jagħtu l-lewn stabbli mixtieq, itejbu l-proprjetajiet organolettiċi, u jagħtu dehra aktar attraenti lis-sostituti tas-salamun magħmulin bl-ispeċi tal-ħut Clupea harengus.

(6)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni trid titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) biex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni x’aktarx ma jkollux effett fuq is-saħħa tal-bniedem.

(7)

L-Isfar Inżul ix-Xemx FCF/Isfar fl-Oranġjo S (E 110) u l-Ponceau 4R, Koċineal Aħmar A (E 124) huma awtorizzati għall-użu f’diversità kbira ta’ oġġetti tal-ikel. L-istimi tal-esponiment l-aktar riċenti li wettqet l-Awtorità, kif imsemmi fil-premessa 3, ikkonfermaw li l-esponiment globali huwa ħafna inqas mid-doża aċċettabbli ta’ kuljum tagħhom, anki f’xenarju l-aktar konservattiv tal-livelli massimi. F’dawk l-istimi tal-esponiment kienu inklużi l-użi awtorizzati fis-sostituti tas-salamun magħmulin bl-ispeċijiet tal-ħut Theragra chalcogramma u Pollachius virens. Billi s-sostituti tas-salamun magħmulin mill-Clupea harengus huma maħsubin bħala alternattiva għas-sostituti tas-salamun magħmulin mit-Theragra chalcogramma u mill-Pollachius virens, il-livell tal-konsum tas-sostituti tas-salamun mill-konsumaturi ma għandux jinbidel b’xi mod sinifikanti. Barra minn hekk, il-livelli tal-użu tal-Isfar Inżul ix-Xemx FCF/Isfar fl-Oranġjo S (E 110) u tal-Ponceau 4R, Koċineal Aħmar A (E124) li jridu jintlaħqu biex jinkiseb l-effett mixtieq fis-sostituti tas-salamun magħmulin bil-Clupea harengus huma sew inqas mil-livelli massimi awtorizzati. Għaldaqstant mhuwiex mistenni li l-użu propost ikollu xi impatt sinifikanti fuq l-esponiment globali tal-konsumatur għal dawk l-addittivi tal-ikel, li b’hekk x’aktarx jibqgħu inqas mid-doża aċċettabbli ta’ kuljum.

(8)

L-entrati għall-Grupp II, għall-Grupp III u għal-Likopene (E 160d) fil-kategorija tal-ikel 09.2 “Ħut u prodotti tal-ħut ipproċessati inklużi molluski u krustaċji” bħalissa jirreferu biss għas-“sostituti tas-salamun”. Biex ikun hemm ċarezza u ċertezza tad-dritt rigward din l-espressjoni, jenħtieġ li l-kliem f’dawk l-entrati jiġi emendat biex jindika li l-użu awtorizzat jikkonċerna s-“sostituti tas-salamun” magħmulin bl-ispeċijiet tal-ħut Theragra chalcogramma, Pollachius virens jew Clupea harengus.

(9)

Għalhekk jixraq li tiġi emendata l-kategorija tal-ikel 09.2 “Ħut u prodotti tal-ħut ipproċessati inklużi molluski u krustaċji” fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 biex jiġi awtorizzat l-użu tal-Isfar Inżul ix-Xemx FCF/Isfar fl-Oranġjo S (E 110) u tal-Ponceau 4R, Koċineal Aħmar A (E124) fis-sostituti tas-salamun magħmulin mill-ispeċi tal-ħut Clupea harengus, u li fl-entrati tal-Grupp II, tal-Grupp III, u tal-Likopene (E 160d) jiġu elenkati l-ispeċijiet tal-ħut li jistgħu jkunu magħmulin minnhom is-“sostituti tas-salamun”.

(10)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 232/2012 tas-16 ta’ Marzu 2012 li jemenda l-Anness II mar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet tal-użu u l-livelli tal-użu tal-Isfar Kinolina (E 104), l-Isfar Inżul ix-Xemx FCF/Isfar fl-Oranġjo S (E 110) u l-Ponceau 4R, Koċineal Aħmar A (E 124) (ĠU L 78, 17.3.2012, p. 1).

(4)  EFSA Journal 2014;12(7):3765.

(5)  EFSA Journal 2009; 7(11):1328.

(6)  EFSA Journal 2015;13(4):4073.


ANNESS

Il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 dwar il-kategorija tal-ikel 09.2 “Ħut u prodotti tal-ħut ipproċessati inklużi molluski u krustaċji” hija emendata kif ġej:

(1)

l-entrati tal-Grupp II, u tal-Grupp III, huma sostitwiti b’dan li ġej:

 

“Il-Grupp II

Kuluri quantum satis

quantum satis

 

surimi u prodotti simili, u sostituti tas-salamun magħmulin mit-Theragra chalcogramma, Pollachius virens u Clupea harengus biss

 

Il-Grupp III

Kuluri b’limitu massimu kkombinat

500

(84)

surimi u prodotti simili, u sostituti tas-salamun magħmulin mit-Theragra chalcogramma, mill-Pollachius virens u mill-Clupea harengus biss”

(2)

l-entrata għall-Isfar Inżul ix-Xemx FCF/Isfar fl-Oranġjo S (E 110) hija sostitwita b’dan li ġej:

 

“E 110

Isfar Inżul ix-Xemx FCF/Isfar fl-Oranġjo S

200

(63)

sostituti tas-salamun magħmulin mit-Theragra chalcogramma, mill-Pollachius virens u mill-Clupea harengus biss”

(3)

l-entrata għall-Ponceau 4R, Koċineal Aħmar A (E 124) hija sostitwita b’dan li ġej:

 

“E 124

Ponceau 4R, Koċineal Aħmar A

200

(63)

sostituti tas-salamun magħmulin mit-Theragra chalcogramma, mill-Pollachius virens u mill-Clupea harengus biss”

(4)

l-ewwel entrata għal-Likopene (E 160d) hija sostitwita b’dan li ġej:

 

“E 160d

Likopene

10

 

sostituti tas-salamun magħmulin mit-Theragra chalcogramma, mill-Pollachius virens u mill-Clupea harengus biss”