31999R0038



Official Journal L 005 , 09/01/1999 P. 0062 - 0063


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 38/1999

tat-8 ta’ Jannar 1999

li jissupplimenta l-Anness mar-Regolament (KE) Nru 2400/96 dwar id-dħul ta’ ċerti ismijiet fir-"Reġistru ta’ denominazzjoni protetta ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti" pprovvdut bir-Regolament tal-Kunsill(KEE) Nru 2081/92 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta' l-oriġini għall-prodotti u l-oġġetti ta' l-ikel agrikoli

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi I-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta' l-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta' l-oriġini għall-prodotti u l-oġġetti ta' l-ikel agrikoli [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1068/97 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5)(b) tiegħu,

Billi, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, Franza bagħtet lill-Kummissjoni applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem bħala isem ta' l-oriġini;

Billi, skond l-Artikolu 6(1) tiegħu, l-applikazzjoni nstabet li tħares dan ir-Regolament, u b’mod partikolari li fiha t-tagħrif kollu meħtieġ skond l-Artikolu 4 tiegħu;

Billi l-Kummissjoni rċeviet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni skond l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament wara l-pubblikazzjoni ta' l-isem fl-Anness ma' hawn fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej [3]; billi din l-oġġezzjoni kienet ikkunsidrata bħala fondata kif approprjat u għalhekk ammissibbli;

Billi skond l-Artikolu 7(5) ta’ dan ir-Regolament il-Kummissjoni staqsiet lill-Istati Membri interessati sabiex ifittxu ftehim; billi ma ntlaħaq l-ebda ftehim u huwa għalhekk għall-Kummissjoni li tieħu deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta' l-isem fil-kwistjoni;

Billi l-Kummissjoni kkunsidrat b'attenzjoni il-probabbiltà attwali ta' konfużjoni;

Billi jirriżulta illi fil-fatt ma teżisti l-ebda probabbiltà’ ta' konfużjoni bejn l-isem Rocamadour u l-prodott b'dan l-isem u l-isem Romadur u l-prodott b'dan l-isem; billi għalkemm iż-żewġ prodotti huma ġobnijiet huwa faċli li jiġu ddifferenzjati skond l-apparenza u t-tip minn barra; billi r-Rocamadour huwa ġobon tal-mogħża żgħir u artab ħafna, b’qoxra naturali li tikkonsisi minn strijata, kemmxejn bellusija, ta’ kulur abjad li jagħti fil-krema u għandu l-għamla tonda li tiżen bejn wieħed u ieħor 35 gramma; billi r-Romadur huwa ġobon artab tal-baqra b’qoxra kannella safranija li tagħti fl-aħmar u li ġeneralment għandu l-għamla rettangolari jew ta’ dada u jiżen bejn it-80 u l-180 gramma;

Billi l-isem Romadur jista’ għalhekk jissokta jintuża;

Billi l-isem "Rocamadour" għandu għalhekk jiddaħħal fir-"Reġistru ta’ denominazzjoni protetta ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti" bħala isem ta' l-oriġini protett fil-livell Komunitarju;

Billi l-Anness ma’ hawn jissupplimenta l-Anness mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2400/96 [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2784/98 [5];

Billi l-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u d-Denominazzjoni ta' l-Oriġini,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L- Artikolu 1

L-isem fl-Anness ma’ hawn huwa hawnhekk miżjud fl-Anness mar-Regolament (KE) Nru 2400/96 u mdaħħal fir-"Reġistru ta’ denominazzjoni protetta ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti" pprovdut bl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KEE) Nru No 2081/92 bħala denominazzjoni ta' l-oriġini protett (IOP).

L- Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-8 ta’ Jannar 1999.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 208, ta' l-24.7.1992, p. 1.

[2] ĠU L 156, tat-13.6.1997, p. 10.

[3] ĠU C 140, tas-7.5.1997, p. 5.

[4] ĠU L 327, tat-18.12.1996, p. 11.

[5] ĠU L 347, tat-23.12.1998, p. 19.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

IL-PRODOTTI ELENKATI FL-ANNESS II MAT-TRATTAT TAL-KE MAĦSUBA GĦALL-KONSUM MILL-BNIEDEM

Il-Ġobnijiet

FRANZA

- Ir-Rocamadour (IOP)

--------------------------------------------------