European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1131

4.6.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1131

tas-26 ta’ Marzu 2025

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-investimenti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-introduzzjoni tal-klassifikazzjoni tal-iskopijiet ambjentali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej (1), u partikolarment l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej kif stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 691/2011 għandhom struttura modulari, u b’mod partikolari il-moduli dwar il-kontijiet tal-infiq għall-protezzjoni ambjentali kif stabbilit fl-Anness IV, is-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali kif stabbilit fl-Anness V u s-sussidji ambjentali u trasferimenti simili kif stabbilit fl-Anness VIII fejn id-data trid tiġi rrapportata f’konformità mal-klassifikazzjonijiet applikati fil-kontijiet ambjentali.

(2)

Il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej huma sors statistiku bi skopijiet multipli li jipprovdi data għall-politiki tal-Unjoni dwar l-ambjent, l-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà, b’mod partikolari d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni separata dwar it-tibdil fil-klima, it-tniġġis żero u l-ekonomija ċirkolari (l-iskart), il-protezzjoni tal-ħamrija u l-istorbju.

(3)

Il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, inkluż l-investimenti relatati, hija indispensabbli biex jinkiseb l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sal-2050. Għalhekk, jenħtieġ li l-karatteristiċi rigward l-investimenti l-oħra dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jiġu inklużi fil-kontijiet ambjentali Ewropej. Jenħtieġ li dik id-data tkopri s-setturi kollha mill-ekonomija u l-attivitajiet. Jenħtieġ li dik id-data tiġi diżaggregata skont l-Istat Membri u tkopri s-setturi kollha tal-ekonomija rilevanti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

(4)

L-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 jistabbilixxi l-kompendju indikattiv ta’ prodotti u servizzi ambjentali u tal-attivitajiet ekonomiċi. L-attivitajiet ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-prodotti relatati, kif definiti abbażi tal-kategoriji tal-klassifikazzjoni tal-iskopijiet ambjentali, huma parzjalment inklużi fil-kompendju indikattiv u jeħtieġ li jiġu kkomplementati b’attivitajiet ekonomiċi b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju.

(5)

Matul il-55 sessjoni tagħha fi Frar 2024, il-Kummissjoni tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti approvat il-klassifikazzjoni tal-iskopijiet ambjentali (CEP) bħala klassifikazzjoni internazzjonali statistika u rrakkomandat li din tiġi inklużi fil-familja internazzjonali tal-klassifikazzjonijiet.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 691/2011 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi IV, V u VIII tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 192, 22.7.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/691/oj.


ANNESS

Ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Anness IV, it-Taqsima 5 hija emendata kif ġej:

(a)

fil-punt 1, it-tieni inċiż huwa sostitwit b’li ġej:

“—

gruppi tal-klassifikazzjoni tal-iskopijiet ambjentali (CEP) raggruppati kif ġej:

—

CEP 01 — Arja u Klima;

—

CEP 0301 — Ġestjoni tal-ilma mormi;

—

CEP 0401 — Ġestjoni tal-iskart;

—

CEP 0501 — Protezzjoni tal-ħamrija, tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma ta’ taħt l-art;

—

CEP 0502 — Protezzjoni tal-bijodiversità u tal-pajsaġġ;

—

CEP 06 — Storbju u radjazzjoni;

—

Is-somma ta’ CEP 0701, CEP 0703, CEP 0705, CEP 0707, CEP 0709 — R&Ż għat-tnaqqis u l-kontroll tal-emissjonijiet tal-arja, għall-ġestjoni tal-ilma mormi, għall-ġestjoni tal-iskart, għall-ħamrija, l-ilma tal-wiċċ, l-ilma ta’ taħt l-art, u l-bijodiversità, u għall-istorbju u r-radjazzjoni.”;

(b)

jitħassar il-punt 2.

(2)

L-Anness V huwa emendat kif ġej:

(a)

it-Taqsima 3 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Taqsima 3

LISTA TA’ KARATTERISTIĊI

L-Istati Membri għandhom jipproduċu l-istatistika dwar is-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali skont il-karatteristiċi li ġejjin:

—

l-output tas-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali fit-totalità tiegħu u tal-attivitajiet tas-suq,

—

l-esportazzjonijiet tas-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali fit-totalità tiegħu,

—

il-valur miżjud tas-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali fit-totalità tiegħu u tal-attivitajiet tas-suq,

—

l-impjieg fis-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali fit-totalità tiegħu u fl-attivitajiet tas-suq,

—

il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss (FGKF) għall-attivitajiet ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, imqassma skont il-korporazzjonijiet, il-gvern u l-unitajiet domestiċi flimkien ma’ istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jservu lill-unitajiet domestiċi (NPISH),

—

il-FGKF għall-prodotti li jimmitigaw it-tibdil fil-klima, li mhumiex diġà inklużi fil-FGKF għal attivitajiet ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, imqassma skont il-korporazzjonijiet, il-gvern u l-unitajiet domestiċi flimkien mal-NPISH,

—

il-konsum finali tal-prodotti li jimmitigaw t-tibdil fil-klima, imqassam skont il-gvern u l-unitajiet domestiċi flimkien mal-NPISH.

Id-data kollha għandha tiġi rapportata f’miljuni, fil-munita nazzjonali, għajr għall-karatteristika tal-‘impjiegi’ li għaliha l-unità ta’ rapportar għandha tkun ‘ekwivalenti full-time’.”;

(b)

it-Taqsima 5 hija emendata kif ġej:

(i)

fil-punt 1, it-tieni inċiż huwa sostitwit b’li ġej:

“—

gruppi tal-klassifikazzjoni tal-iskopijiet ambjentali (CEP) raggruppati kif ġej:

—

CEP 01 — Arja u Klima;

—

CEP 0201 — Enerġija minn sorsi rinnovabbli;

—

CEP 0202 — Iffrankar u ġestjoni tal-enerġija;

—

CEP 0301 — Ġestjoni tal-ilma mormi;

—

CEP 0302 — Iffrankar tal-ilma u ġestjoni tar-riżorsi naturali tal-ilma;

—

CEP 0401 — Ġestjoni tal-iskart;

—

CEP 0402 — Irkupru u ffrankar ta’ materjali;

—

CEP 0501 — Protezzjoni tal-ħamrija, tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma ta’ taħt l-art;

—

CEP 0502 — Protezzjoni tal-bijodiversità u tal-pajsaġġ;

—

CEP 0503 — Ġestjoni tar-riżorsi tal-foresti;

—

CEP 06 — Storbju u radjazzjoni;

—

Is-somma ta’ CEP 0701, CEP 0703, CEP 0705, CEP 0707, CEP 0709 — R&Ż għat-tnaqqis u l-kontroll tal-emissjonijiet tal-arja, għall-ġestjoni tal-ilma mormi, għall-ġestjoni tal-iskart, għall-ħamrija, l-ilma tal-wiċċ, l-ilma ta’ taħt l-art, u l-bijodiversità, u għall-istorbju u r-radjazzjoni;

—

Is-somma ta’ CEP 0702, CEP 0704, CEP 0706, CEP 0708 — R&Ż għall-enerġija, għar-riżorsi tal-ilma, għall-irkupru u l-iffrankar tal-materjali u għall-ġestjoni tal-foresti;

—

CEP 08 — Skopijiet trasversali u oħrajn ambjentali.”;

(ii)

jitħassar il-punt 2;

(3)

fl-Anness VIII, it-Taqsima 5 hija emendata kif ġej:

(a)

il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

Għal kull waħda mill-kategoriji ta’ rapportar imsemmija fil-punt 1, id-data għandha tiġi rrapportata minn gruppi tal-klassifikazzjoni tal-finijiet ambjentali (CEP) raggruppati kif ġej:

—

CEP 01 — Arja u Klima;

—

CEP 0201 — Enerġija minn sorsi rinnovabbli;

—

CEP 0202 — Iffrankar u ġestjoni tal-enerġija;

—

CEP 0301 — Ġestjoni tal-ilma mormi;

—

CEP 0302 — Iffrankar tal-ilma u ġestjoni tar-riżorsi naturali tal-ilma;

—

CEP 0401 — Ġestjoni tal-iskart;

—

CEP 0402 — Irkupru u ffrankar ta’ materjali;

—

CEP 0501 — Protezzjoni tal-ħamrija, tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma ta’ taħt l-art;

—

CEP 0502 — Protezzjoni tal-bijodiversità u tal-pajsaġġ;

—

CEP 0503 — Ġestjoni tar-riżorsi tal-foresti;

—

CEP 06 — Storbju u radjazzjoni;

—

Is-somma ta’ CEP 0701, CEP 0703, CEP 0705, CEP 0707, CEP 0709 — R&Ż għat-tnaqqis u l-kontroll tal-emissjonijiet tal-arja, għall-ġestjoni tal-ilma mormi, għall-ġestjoni tal-iskart, għall-ħamrija, l-ilma tal-wiċċ, l-ilma ta’ taħt l-art, u l-bijodiversità, u għall-istorbju u r-radjazzjoni;

—

Is-somma ta’ CEP 0702, CEP 0704, CEP 0706, CEP 0708 — R&Ż għall-enerġija, għar-riżorsi tal-ilma, għall-irkupru u l-iffrankar tal-materjali u għall-ġestjoni tal-foresti;

—

CEP 08 — Skopijiet trasversali u oħrajn ambjentali.”.

(b)

fil-punt 3, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“It-trasferimenti li jirċievu l-korporazzjonijiet mill-gvern ġenerali raggruppati skont is-somma tad-diviżjonijiet kollha tas-CEP (CEP 01–08), għandhom jiġu ulterjorment raggruppati skont il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi NACE Rev. 2 kif ġej:”

(c)

jitħassar il-punt 4.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1131/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)