02012D0651 — MT — 15.01.2019 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta’ Ottubru 2012

li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom,jew li jikkonsistu minn qamħirrum MIR162 (SYN-IR162-4) modifikat ġenetikament skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew li jkunu prodotti minnu

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 7198)

(It-Test Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/651/UE)

(ĠU L 290 20.10.2012, p. 14)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/60 Test b'rilevanza għaż-ŻEE tal-11 ta' Jannar 2019

  L 12

31

15.1.2019




▼B

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta’ Ottubru 2012

li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom,jew li jikkonsistu minn qamħirrum MIR162 (SYN-IR162-4) modifikat ġenetikament skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew li jkunu prodotti minnu

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 7198)

(It-Test Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/651/UE)



Artikolu 1

L-organiżmu modifikat ġenetikament u l-identifikatur uniku

Il-qamħirrum modifikat ġenetikament (Zea mays L.) MIR162, kif inhu speċifikat fil-punt (b) tal-Anness ma’ din id-Deċiżjoni, hu assenjat l-identifikatur uniku SYN-IR162-4, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 65/2004.

Artikolu 2

L-awtorizzazzjoni

Il-prodotti li ġejjin huma awtorizzati għall-finijiet tal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, b’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni:

(a) ikel u ingredjenti tal-ikel li fihom il-qamħirrun SYN-IR162-4, li jikkonsistu minnu, jew li huma prodotti minnu;

(b) għalf li jkun fih, jew li jikkonsisti minn, qamħirrum SYN-IR162-4 jew li jkun prodott minnu;

(c) Qamħirrum SYN-IR162-4 fi prodotti li fihom il-qamħirrum jew li huma magħula minnu għal kull użu ieħor għajr (a) u (b), bl-eċċezzjoni tal-koltivazzjoni.

Artikolu 3

It-ttikkettjar

1.  Għall-finijiet tar-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati fl-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, l-“isem tal-organiżmu” għandu jkun “qamħirrum”.

2.  Il-kelmiet “mhux għal kultivazzjoni” għandhom jidhru fuq it-tikketta tal-prodotti u fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti li jkun fihom jew li jikkonsistu minn qamħirrun SYN-IR162-4 bl-eċċezzjoni tal-prodotti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2.

Artikolu 4

Il-monitoraġġ tal-effetti ambjentali

1.  Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiżgura li l-pjan ta’ monitoraġġ tal-effetti ambjentali, kif inhu stipulat fil-punt (h) tal-Anness, jiddaħħal fis-seħħ u jiġi implimentat.

2.  Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jissottometti rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet stipulati fil-pjan ta’ monitoraġġ b’konformità mad-Deċiżjoni 2009/770/KE, lill-Kummissjoni.

Artikolu 5

Ir-reġistru tal-UE

It-tagħrif stipulat fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni għandu jiddaħħal fir-reġistru tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati tal-UE, kif stipulat fl-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

Artikolu 6

Id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Id-detentur tal-awtorizzazzjoni se jkun ►M1  Syngenta Crop Protection NV/SA, il-Belġju ◄ , li jirrappreżenta lil Syngenta Crop Protection AG, l-Isvizzera.

Artikolu 7

Il-validità

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal perjodu ta’ 10 snin mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 8

Id-destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil ►M1  Syngenta Crop Protection NV/SA, Avenue Louise 489, 1050 Brussell, il-Belġju ◄ .




ANNESS

(a)    L-Applikant u d-Detentur tal-awtorizzazzjoni

Isem

:

►M1  Syngenta Crop Protection NV/SA ◄

Indirizz

:

►M1  Avenue Louise 489, 1050 Brussell, il-Belġju ◄

F’isem Syngenta Crop Protection AG, Schwarzwaldallee 215, CH-4058 Basel, l-Isvizzera.

(b)    Id-denominazzjoni u l-ispeċifikazzjoni tal-prodotti

(1) ikel u ingredjenti tal-ikel li jkun fihom, li jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn qamħirrum SYN-IR162-4;

(2) għalf li jkun fih, li jikkonsisti minn, jew li jkun prodott minn qamħirrum SYN-IR162-4;

(3) Qamħirrum SYN-IR162-4 fi prodotti li fihom il-qamħirrum jew li huma magħmula minnu għal kull użu ieħor għajr (1) u (2), bl-eċċezzjoni tal-koltivazzjoni.

Il-qamħirrum SYN-IR162-4 modifikat ġenetikament, kif deskritt fl-applikazzjoni, jesprimi l-proteina Vip3Aa20 li tipprovdi ħarsien minn ċerti parassiti lepidopterani u minn proteina PMI li kienet tintuża bħala markatur ġenetiku.

(c)    L-ittikkettjar

(1) Għall-finijiet tar-rekwiżiti tal-ittikkettjar stipulati fl-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, l-“isem tal-organiżmu” għandu jkun “qamħirrum”;

(2) Il-kelmiet “mhux għal kultivazzjoni” għandhom jidhru fuq it-tikketta tal-prodott u fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti li jkun fihom jew li jikkonsistu minn qamħirrun SYN-IR162-4 bl-eċċezzjoni tal-prodotti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2.

(d)    Metodu ta’ investigazzjoni

— Metodu fil-ħin reali speċifiku għall-avveniment ibbażat fuq il-PCR għall-kwantifikazzjoni tal-qamħirrum SYN-IR162-4,

— Ivvalidat fuq żrieragħ mil-Laboratorju Komunitarju ta’ Referenza stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ippubblikat fis-sit http://gmo-crl.jrc.ec.europa.eu/statusofdoss.htm

— Materjal Referenzjarju: AOCS 1208-A u AOCS 0407-A huma aċċessibbli permezz tal-American Oil Chemists Society fuq http://www.aocs.org/tech/crm

(e)    Identifikatur uniku

SYN-IR162-4

(f)    Tagħrif meħtieġ skont l-Anness II tal-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza fir-rigward tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika

Clearing House tal-Bijosikurezza, Rekord ID: ara [għandu jimtela meta jiġi notifikat].

(g)    Il-kundizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq, l-użu jew it-trattament tal-prodotti

Mhux meħtieġa.

(h)    Il-pjan ta’ monitoraġġ

Il-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali konformi mal-Anness VII tad-Direttiva 2001/18/KE.

[Link: il-pjan se jiġi ppubblikat fuq l-Internet]

(i)    Rekwiżiti ta’ monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq għall-użu tal-ikel għall-konsum mill-bniedem

Mhux meħtieġa.

Nota: il-links għal dokumenti rilevanti jista’ jkollhom bżonn jiġu emendati minn żmien għall-ieħor. Dawk il-modifiki se jkunu disponibbli għall-pubbliku permezz tal-aġġornament tar-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament.