Brussell, 28.5.2026

COM(2026) 254 final

2026/0129(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ fir-rigward tal-metodu ta’ valutazzjoni organolettika għaż-żejt taż-żebbuġa verġni

{SWD(2026) 133 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“IOC”) b’rabta mal-adozzjoni prevista fis-sessjoni regolari tiegħu li jmiss ta’ Ġunju 2026 ta’ żewġ deċiżjonijiet: it-“Tazza għad-dewqan taż-żejt” u l-“Gwida għall-installazzjoni ta’ kamra għad-dewqan”, li t-tnejn jappartjenu għall-metodu ta’ valutazzjoni organolettika għaż-żejt taż-żebbuġa verġni.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (“il-Ftehim”) għandu l-għan li (i) jara li tinkiseb l-uniformità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali b’rabta mal-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa, taż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ, u taż-żebbuġ tal-mejda, sabiex jiġi evitat kull ostaklu għall-kummerċ (ii) iwettaq attivitajiet fil-qasam tal-ittestjar fiżikokimiku u organolettiku sabiex jiżdied l-għarfien dwar il-karatteristiċi tal-kompożizzjoni u tal-kwalità tal-prodotti taż-żebbuġ, bil-għan li jiġu kkonsolidati l-istandards internazzjonali, u (iii) isaħħaħ ir-rwol tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ bħala forum ta’ eċċellenza għall-komunità xjentifika internazzjonali fil-qasam taż-żebbuġ u taż-żejt taż-żebbuġa.

Il-verżjoni mġedda tal-Ftehim daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2017.

L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Ftehim 1 .

2.2.Il-Kunsill tal-Membri

Il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“il-Kunsill tal-Membri”) huwa l-ogħla awtorità u korp tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-IOC u għandu jeżerċita s-setgħat kollha u jwettaq il-funzjonijiet kollha meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan il-Ftehim. Bħala parti għall-Ftehim, l-Unjoni Ewropea hija membru tal-IOC u hija rappreżentata fil-Kunsill tal-Membri. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Membri għandhom jittieħdu b’konsensus. Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq konsensus, id-deċiżjonijiet relatati mal-istandard kummerċjali u mal-metodi jiġu adottati sakemm ma jiġux irrifjutati minn mill-inqas kwart tal-membri jew minn membru jew membri b’mill-inqas total ta’ 100 sehem ta’ parteċipazzjoni.

Bħalissa hemm 21 membru fl-IOC u l-Unjoni Ewropea għandha 647 sehem ta’ parteċipazzjoni minn total ta’ 1 000.

2.3.L-att previst tal-Kunsill tal-Membri

F’Novembru 2025, is-Segretarju Eżekuttiv tal-IOC ippreżenta lill-Membri tiegħu t-test ta’ żewġ deċiżjonijiet dwar il-kimika u l-istandardizzazzjoni. Iż-żewġ deċiżjonijiet jappartjenu għall-metodu ta’ valutazzjoni organolettika għaż-żejt taż-żebbuġa verġni:

–Reviżjoni 3 tad-dokument COI/T.20/Doc. Nru 5 “Tazza għad-dewqan taż-żejt”;

–Reviżjoni 2 tad-dokument COI/T.20/Doc. Nru 6 dwar il-gwida għall-installazzjoni ta’ kamra għad-dewqan.

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li ġie ppreżentat mis-Segretarjat Eżekuttiv u li jakkumpanja din il-proposta, jinkludi t-test tad-dokumenti riveduti.

Skont l-Artikolu 20(3) tal-Ftehim, il-kriterji tal-kwalità u tal-purità, li huma inklużi fl-Istandard Kummerċjali tal-IOC għaż-żejt taż-żebbuġa u għaż-żejt mir-residwi taż-żebbuġ, huma applikabbli għall-kummerċ internazzjonali tal-Membri. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 75(5)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għandhom iqisu r-rakkomandazzjonijiet standard adottati mill-korpi internazzjonali. L-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni jiġu vverifikati permezz ta’ regoli stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 90a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Id-deċiżjonijiet dwar ir-reviżjonijiet ta’ dawn id-dokumenti li jappartjenu għall-metodu ta’ valutazzjoni organolettika għaż-żejt taż-żebbuġa verġni għandhom impatt fuq kif jiġu vverifikati l-parametri. Għalhekk, id-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq se jaffettwaw id-dritt applikabbli tal-UE, jiġifieri r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2105 tad-29 ta’ Lulju 2022 li jistabbilixxi regoli dwar il-kontrolli tal-konformità tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għaż-żejt taż-żebbuġa u metodi ta’ analiżi tal-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa 3 .

Il-pożizzjoni dettaljata f’din id-Deċiżjoni hija prevista li tittieħed f’isem l-Unjoni fis-sessjoni regolari li jmiss tal-IOC, li għandha ssir f’Ġunju 2026.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Id-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill tal-Membri jappartjenu t-tnejn li huma għall-metodu ta’ valutazzjoni organolettika għaż-żejt taż-żebbuġa verġni:

–Reviżjoni 3 tad-dokument COI/T.20/Doc. Nru 5 “Tazza għad-dewqan taż-żejt”;

–Reviżjoni 2 tad-dokument COI/T.20/Doc. Nru 6 dwar il-gwida għall-installazzjoni ta’ kamra għad-dewqan.

Id-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq ġew diskussi bejn l-esperti xjentifiċi u tekniċi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri dwar iż-żejt taż-żebbuġa. Dawn jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards taż-żejt taż-żebbuġa u se jistabbilixxu qafas li se jiżgura kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ taż-żejt taż-żebbuġa. Għalhekk għandhom jiġu appoġġati.

Id-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq huma konformi mal-politika tal-Unjoni fir-rigward tal-istandards għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli kif previst fit-Titolu II tal-parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Hija meħtieġa pożizzjoni tal-Unjoni għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 4 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kunsill tal-Membri huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda.

L-atti li l-Kunsill tal-Membri jrid jadotta jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali. L-atti previsti se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 20(3) tal-Ftehim u jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri att ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-kontrolli tal-konformità għall-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa bbażati fuq ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Dan għaliex, skont l-Artikolu 75(5)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għandhom iqisu r-rakkomandazzjonijiet standard adottati mill-korpi internazzjonali.

L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207(4) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 207(4) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Konformità mal-prinċipju “diġitali b’mod awtomatiku”

Il-proposta attwali ma għandha l-ebda dimensjoni diġitali peress li ma hemm l-ebda rilevanza diġitali. Il-mezzi diġitali jew l-iskambju tad-data mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta.

2026/0129 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ fir-rigward tal-metodu ta’ valutazzjoni organolettika għaż-żejt taż-żebbuġa verġni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (“il-Ftehim”) ġie konkluż f’isem l-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 5 .

(2)Skont l-Artikolu 20 tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) (“il-Kunsill tal-Membri”) jista’ jieħu deċiżjonijiet u jadotta rakkomandazzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.

(3)Il-Kunsill tal-Membri jrid jadotta żewġ deċiżjonijiet dwar il-metodu ta’ valutazzjoni organolettika għaż-żejt taż-żebbuġa verġni fil-123 sessjoni tiegħu f’Ġunju 2026.

(4)Dawk id-deċiżjonijiet ġew diskussi b’mod estensiv bejn l-esperti xjentifiċi u tekniċi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri dwar iż-żejt taż-żebbuġa. Jenħtieġ li d-deċiżjonijiet jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards taż-żejt taż-żebbuġa u se jistabbilixxu qafas li jenħtieġ li jiżgura kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ tal-prodotti fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet.

(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri, peress li d-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-IOC se jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali mal-membri l-oħra tal-IOC u se jinfluwenzaw il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri dwar il-kontrolli tal-konformità għaż-żejt taż-żebbuġa adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 90a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 .

(6)Jekk l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tiġi posposta biex isir skambju ta’ korrispondenza qabel il-124 sessjoni regolari tal-Kunsill tal-Membri, minħabba li xi Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jagħtu l-approvazzjoni tagħhom, il-pożizzjoni stabbilita f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tittieħed f’isem l-Unjoni permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza.

(7)Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli għar-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri li jaqblu dwar adattamenti tekniċi għal metodi jew għal dokumenti oħra tal-IOC mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill jekk dawk l-adattamenti tekniċi jirriżultaw minn emendi relatati mar-reviżjonijiet ta’ dawk iż-żewġ dokumenti.

(8)Sabiex jitħares l-interess tal-Unjoni, jenħtieġ madankollu li r-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri jkunu jistgħu jitolbu l-posponiment tal-adozzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet, jekk il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni x’aktarx li tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel il-124 sessjoni regolari tal-Kunsill tal-Membri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Unjoni għandha tappoġġa l-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet dwar il-metodu ta’ valutazzjoni organolettika għaż-żejt taż-żebbuġa verġni:

–Reviżjoni 3 tad-dokument COI/T.20/Doc. Nru 5 dwar it-“Tazza għad-dewqan taż-żejt”;

–Reviżjoni 2 tad-dokument COI/T.20/Doc. Nru 6 dwar il-gwida għall-installazzjoni ta’ kamra għad-dewqan.

mill-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) fis-sessjoni regolari tiegħu li jmiss f’Ġunju 2026 jew fi skambju ta’ korrispondenza li għandu jsir qabel il-124 sessjoni regolari.

Artikolu 2

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri tal-IOC jistgħu jaqblu dwar adattamenti tekniċi għal metodi jew għal dokumenti oħra tal-IOC mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill jekk dawk l-adattamenti tekniċi jirriżultaw mill-emendi taż-żewġ dokumenti msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

Meta l-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 x’aktarx li tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel is-sessjoni regolari li jmiss tal-Kunsill tal-Membri tal-IOC, ir-rappreżentanti tal-Unjoni għandhom jitolbu li l-adozzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet tiġi posposta sakemm il-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi stabbilita abbażi ta’ dik l-informazzjoni l-ġdida.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.05.2019, p. 1); ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1892/oj
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671); ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/2023-01-01
(3)    ĠU L 284, 4.11.2022, p. 23–48; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2105/2022-11-04
(4)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.05.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/848/oj ).
(6)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/2023-01-01 ).