|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1940 |
12.7.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1940
tal-11 ta’ Lulju 2024
li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1040 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1040 (2), il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-polietilentereftalat (“PET”), b’numru ta’ viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard ISO 1628-5, imkejjel skont is-solvent fenol/1,2-diklorobenżen (50/50) jew ikkonvertit għalih, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 3907 61 00 (kodiċi TARIC 3907610010) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. |
|
(2) |
Kif stabbilit fil-premessi (24) sa (27) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1040, in-numru ta’ viskożità tal-PET jitkejjel fuq soluzzjoni ta’ PET f’ċertu solvent u li għal raġunijiet ta’ ċarezza, applikazzjoni uniformi mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, u ta’ konsistenza mal-istandard DIN 53728 applikabbli qabel, li ġie sostitwit bl-ISO 1628-5, il-viskożità tal-PET jenħtieġ li titkejjel fis-solvent fenol/1,2-diklorobenżen (50/50) jew tiġi kkonvertita għalih. |
|
(3) |
Madankollu, l-ambitu tal-investigazzjoni kopra kwalunkwe PET li għandu numru ta’ viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla. Dan ifisser li anki jekk il-viskożità tal-prodott titkejjel skont (taħlita ta’) solventi oħra, jew tiġi kkonvertita għalihom, huwa dovut dazju anti-dumping meta n-numru ta’ viskożità jkun 78 ml/g jew ogħla. |
|
(4) |
Dan ifisser li r-referenza għall-mod ta’ kejl tan-numru ta’ viskożità skont is-solvent fenol/1,2-diklorobenżen (50/50), jew ikkonvertita għalih, jenħtieġ li titneħħa mid-definizzjoni tal-prodott fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1040. |
|
(5) |
Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkoreġi l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1040 skont dan. |
|
(6) |
Din ir-rettifika sseħħ mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1040, jiġifieri t-3 ta’ April 2024. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat, stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1040 huwa kkoreġut kif ġej:
“1. Dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet tal-polietilentereftalat (“PET”) li għandu numru ta’ viskożità ta’ 78 ml/g jew aktar, li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3907 61 00 u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mit-3 ta’ April 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1040 tas-27 ta’ Marzu 2024 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2024/1040, 2.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1040/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1940/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)