21.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 327/58


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/2043

tat-18 ta' Diċembru 2018

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1153 biex jiċċara l-kundizzjonijiet tat-test tad-WLTP u jipprevedi għall-monitoraġġ tad-data tal-approvazzjoni tat-tip

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief (1), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex titqies id-differenza fil-livell ta' emissjonijiet tas-CO2 iddeterminata skont iċ-Ċiklu l-Ġdid tas-Sewqan Ewropew (NEDC) u dik iddeterminata skont il-Proċedura ta' Ttestjar Armonizzata fuq Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP), metodoloġija għall-korrelazzjoni tal-valuri ta' emissjonijiet tas-CO2 ġiet stabbilita permezz ta' Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1153 (2) fir-rigward tal-karozzi tal-passiġġieri.

(2)

Il-metodoloġija ta' korrelazzjoni hija mistennija twassal riżultati li jiżguraw li r-rekwiżiti ta' tnaqqis stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 443/2009 huma ta' strettezza komparabbli taħt il-proċeduri ta' ttestjar il-qodma u l-ġodda. Jenħtieġ għalhekk li l-awtoritajiet tal-approvazzjoni u s-servizzi tekniċi, flimkien mal-manifatturi, jaħdmu biex jiżguraw li t-testijiet tad-WLTP u l-NEDC li jitwettqu għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, jitwettqu skont kundizzjonijiet ta' test li huma komparabbli u koerenti mal-objettiv ta' dan ir-Regolament.

(3)

Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu ċċarati ċerti aspetti tal-kundizzjonijiet tat-test tad-WLTP li jenħtieġ li japplikaw għall-korrelazzjonijiet imwettqa bil-għan li tiġi pprovduta data ta' monitoraġġ tal-emissjonijiet tas-CO2 tad-WLTP u l-NEDC għall-vetturi ġodda rreġistrati fl-2020. Dawk il-kjarifiki jenħtieġ li japplikaw mingħajr preġudizzju għall-proċedura u r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 (3) u mingħajr ma jaffettwaw il-validità ta' kwalunkwe approvazzjonijiet tat-tip mogħtija fuq dik il-bażi.

(4)

Huwa wkoll neċessarju li tiġi ddeterminata d-differenza fl-2020 bejn il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 iddikjarati mill-manifatturi għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-emissjonijiet u dawk imkejla skont ir-Regolament (UE) 2017/1151. Għalhekk, jenħtieġ li l-manifatturi jkunu meħtieġa jikkalkulaw u jirrappurtaw lill-Kummissjoni l-valuri ta' emissjonijiet tas-CO2 tad-WLTP għall-karozzi tal-passiġġieri l-ġodda kollha rreġistrati fis-sena kalendarja 2020 billi jużaw il-valuri ta' kejl għall-vetturi H u L bħala input għall-metodu ta' interpolazzjoni.

(5)

Għal numru limitat ta' familji ta' interpolazzjoni, se jkunu disponibbli biss valuri tal-kejl għall-vetturi H fl-2020. In-numru ta' dawk il-familji għandu jiġu ssorveljat mill-qrib u l-Kummissjoni għandha tikkunsidra li teskludi dawk il-familji mill-kalkolu ta' data ta' referenza tal-2020, jekk ikun hemm żieda sinifikanti fin-numru ta' tali familji meta mqabbel mas-sitwazzjoni fl-2018.

(6)

It-trasparenza fl-ittestjar tal-emissjonijiet jenħtieġ li titjieb u d-data fit-testijiet tad-WLTP kif ukoll fir-riżultati tal-korrelazzjoni jenħtieġ għalhekk li jsiru disponibbli għall-Kummissjoni. Dan se jippermetti lill-Kummissjoni tidentifika u tindirizza malajr il-problemi u l-inkonsistenzi possibbli relatati mal-implimentazzjoni tal-proċeduri. Għal dik ir-raġuni, il-matriċi tal-input tad-data jenħtieġ li titlesta għal kull test tad-WLTP li jitwettaq u jenħtieġ li tintbagħat lill-Kummissjoni fl-intier tagħha bħala parti mill-iskambju tad-data tal-għodda ta' korrelazzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità, il-fajl tad-data tal-input jenħtieġ li jiġi kriptat bil-għan li jintbagħat lill-Kummissjoni.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1153 huwa emendat kif ġej:

(1)

Jiżdied l-Artikolu 7a li ġej:

“Artikolu 7a

Rappurtar tar-riżultati tal-kejl tad-WLTP

1.   Il-manifatturi għandhom jikkalkulaw il-valur totali ta' CO2 għal kull karozza tal-passiġġieri ġdida rreġistrata fl-2020 skont il-formula stipulata fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3.2.3.2.4 tas-Subanness 7 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151, fejn it-termini MCO2-H u MCO2-L għandhom, għall-familja ta' interpolazzjoni kkonċernata, jiġu sostitwiti mill-valuri MCO2,C,5 meħuda mill-entrati 2.5.1.1.3 (vettura H) u 2.5.1.2.3. (vettura L) taċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-KE kif indikat fil-mudell stipulat fl-Appendiċi 4 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/1151.

Fejn l-emissjonijiet totali tas-CO2 tal-vettura individwali jiġu ddeterminati b'referenza għall-vettura H biss, il-manifatturi għandhom jipprovdu l-valur ta' MCO2,C,5 meħud mill-entrata 2.5.1.1.3 (vettura H) taċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-KE.

Il-manifatturi għandhom jippreżentaw dawk il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2, flimkien mal-valuri ta' MCO2,C,5 użati għall-kalkolu, lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-irċevuta tan-notifika mill-Kummissjoni tad-data provviżorja għall-2020, billi jtellgħu dik id-data fuq il-kont tal-manifattur fir-Repożitorju tad-Data tan-Negozju tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

2.   Fejn id-data msemmija fil-paragrafu 1 ma tiġix sottomessa sad-data tal-iskadenza indikata, il-Kummissjoni għandha tieħu l-valur irreġistrat fl-entrata 2.5.1.2.3. taċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-KE u tikkunsidra dak il-valur bħala l-emissjonijiet ta' CO2 totali għall-finijiet tal-paragrafu 1 għall-vetturi l-ġodda kollha rreġistrati fil-familja ta' interpolazzjoni li għaliha ċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip inħareġ u, fejn applikabbli, il-valur indikat fl-entrata 2.5.1.1.3 għal dawk il-familji fejn il-kejl tal-vettura H biss huwa disponibbli.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja n-numru ta' familji ta' interpolazzjoni li għalihom l-emissjonijiet tas-CO2 huma ddeterminati b'referenza għall-vettura H biss għal kull manifattur, u għandha, f'każ ta' żieda fin-numru ta' tali familji meta mqabbel mas-sitwazzjoni fl-2018, tivvaluta l-impatt ta' dik iż-żieda fuq il-kalkolu msemmi fil-paragrafu 1, u fejn xieraq, teskludi lil dawk il-familji minn dak il-kalkolu.”

(2)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

Jiddaħħlu l-punti 2.2a. u 2.2.b. li ġejjin:

“2.2 a.   Kundizzjonijiet tat-test tad-WLTP

Sabiex it-test tad-WLTP jiġi kkunsidrat rilevanti skont il-punt 2.2 u sabiex tiġi ddeterminata d-data tal-input stabbilita fil-punt 2.4, il-kundizzjonijiet tat-test stabbiliti fl-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151 għandhom japplikaw, b'dawn il-preċiżjonijiet:

(a)

Il-korrezzjoni tar-riżultati tat-test tad-WLTP għall-emissjonijiet tal-massa ta' CO2 skont l-Appendiċi 2 tas-Subanness 6 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151 għandha tapplika għar-riżultati tat-test kollha bħal dawn minkejja d-dispożizzjonijiet fil-punt 3.4.4.(a) ta' dak l-Appendiċi;

(b)

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2017/1151, jekk il-vettura tat-test tkun mgħammra b'teknoloġiji li jinfluwenzaw il-prestazzjoni tas-CO2 tagħha, inkluż iżda mhux limitat għal dawk imsemmija fl-entrati minn 42 sa 50 tal-matriċi tad-data tal-input stipulata fil-punt 2.4, u li huma intiżi li jaħdmu matul it-test, dawk it-teknoloġiji għandhom ikunu jaħdmu matul it-test tal-vettura, irrispettivament mill-proċedura tat-test applikata, jiġifieri l-NEDC jew id-WLTP;

(c)

Jekk il-vettura tat-test tkun mgħammra bi trażmissjoni awtomatizzata, għandha tintuża l-istess modalità li tista' tintgħażel mis-sewwieq, irrispettivament mill-proċedura tat-test applikata. Fejn jintużaw il-modalitajiet tal-aħjar u l-agħar każ għat-testijiet tad-WLTP skont il-punt 1.2(c) tal-Appendiċi 6 tas-Subanness 8 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151, il-modalità tal-agħar każ għandha tintuża bħala input għall-għodda ta' korrelazzjoni kif ukoll għal kwalunkwe test fiżiku tan-NEDC;

(d)

Jekk il-vettura tat-test hija mgħammra bi trażmissjoni manwali, it-terminu nmin_drive_set għandu jiġi definit bil-formula stipulata fil-punt (k) (3) tal-paragrafu 2 tas-Subanness 2 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151.

Bl-approvazzjoni tal-awtorità ta' approvazzjoni jew, fejn applikabbli, tas-servizz tekniku, il-manifattur jista' jikkalkula l-punti tal-bdil tal-gerijiet b'mod differenti, sakemm dan ikun iġġustifikat bil-għan tal-kapaċità tas-sewqan tal-vettura, u li l-marġini ta' sikurezza tal-potenza addizzjonali applikat skont il-punt 3.4 tas-Subanness 2 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151 ma jaqbiżx l-20 %.

Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) għandhom japplikaw għall-finijiet tal-korrelazzjoni li titwettaq skont dan ir-Regolament, u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/1151 u l-approvazzjonijiet tat-tip mogħtija skont dak ir-Regolament.

2.2b.   Applikabbiltà tal-kundizzjonijiet tat-test tad-WLTP

Il-preċiżjonijiet imsemmija fil-punti 2.2a.(a) sa (d) għandhom japplikaw skont dan li ġej:

(a)

Għal tipi ta' vetturi ġodda, mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament;

(b)

Għal tipi ta' vetturi eżistenti, il-manifatturi għandhom, fir-rigward ta' dawk it-tipi ta' vetturi li jkopru l-vetturi mqiegħda fis-suq fl-2020, jipprovdu lill-awtorità tal-approvazzjoni b'evidenza li fuq il-bażi tagħha l-awtorità għandha tikkonferma jekk il-kundizzjonijiet tat-test imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-punt 2.2a. ġewx sodisfatti fit-testijiet tal-approvazzjoni tad-WLTP.

Din il-konferma għandha tindika l-identifikatur tal-familja ta' interpolazzjoni, u l-konferma fir-rigward ta' kull waħda mill-kundizzjonijiet tat-test imsemmija fil-punti (a) sa (d). L-awtorità tal-approvazzjoni għandha toħroġ il-konferma lill-manifattur u għandha tiżgura li l-konferma tiġi rreġistrata u tista' ssir disponibbli mingħajr dewmien fuq it-talba tal-Kummissjoni.

Fejn l-awtorità tal-approvazzjoni ma tkunx tista' tikkonferma jekk waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet tat-test imsemmija jkunux ġew irrispettati, il-manifattur għandu jiżgura li jitwettaq test tad-WLTP ġdid jew, fejn applikabbli, serje ta' testijiet, skont is-Subanness 6 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151 taħt is-superviżjoni ta' awtorità tal-approvazzjoni jew, fejn applikabbli, ta' servizz tekniku, fejn jiġu applikati l-kundizzjonijiet tat-test stipulati fil-punt 2.2a.(a) sad-(d), għall-familja ta' interpolazzjoni inkwistjoni, inkluż korrelazzjoni ġdida skont dan ir-Regolament.

Il-manifattur jista', f'każ fejn il-kundizzjoni tat-test imsemmija fil-punt 2.2a.(a) biss ma tiġix sodisfatta, jikkorreġi dak il-valur fil-matriċi tal-input mingħajr il-ħtieġa ta' test tad-WLTP ġdid.

L-awtorità tal-approvazzjoni jew, fejn applikabbli, is-servizz tekniku magħżul għandu jirreġistra r-riżultati tal-ittestjar mill-ġdid jew il-korrezzjoni u l-korrelazzjoni skont il-paragrafu 5 tal-Anness I, u l-fajl ta' korrelazzjoni komplut abbażi tad-data tal-input tal-ittestjar mill-ġdid għandu jintbagħat lill-Kummissjoni skont il-punt 3.1.1.2 mhux aktar tard mit-30 ta' April 2021.”

(b)

il-punt 2.4 huwa emendat kif ġej:

(i)

mal-ewwel paragrafu, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Il-matriċi tad-data tal-input għandha timtela għal kull test WLTP imwettaq.”

(ii)

it-Tabella 1 hija emendata kif ġej:

—

fl-entrata 56, it-test fil-kolonna “Kummenti” huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Arranġament: Id-data tal-OBD u tax-xażi dinamometriku, 1Hz għall-OBD u 10Hz għax-xażi dinamometriku, riżoluzzjoni ta' 0,1 km/siegħa”

—

fl-entrata 57, it-test fil-kolonna “Kummenti” huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Arranġament: 1Hz. Bidla teoretika fil-gerijiet ikkalkulata li għandha tiġi pprovduta għall-vetturi H u L (jekk applikabbli)”

—

fl-entrata 61, it-test fil-kolonna “Kummenti” huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Arranġament: 1Hz (frekwenza tal-kampjunar tal-istrument 20Hz), riżoluzzjoni ta' 0,1 A, apparat estern tal-kejl sinkronizzat max-xażi dinamometriku”

—

L-entrata 67 hija sostitwita b'dan li ġej:

“67

Il-Fattur Riġenerattiv Ki multiplikattiv/addittiv għall-vetturi H u L

—

L-Appendiċi 1 tas-Subanness 6 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151

Fil-każ ta' vetturi mingħajr sistemi ta' riġenerazzjoni perjodika, dan il-valur huwa ugwali għal 1.”

—

Jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

“69

Valur ta' tisħin tal-fjuwil

kWh/l

L-Appendiċi 2 tas-Subanness 6 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151

Il-valur skont it-Tabella A6.App2/1 fir-Regolament (UE) 2017/1151

70

Konsum tal-fjuwil tat-test tad-WLTP għall-vetturi H u L

l/100 km

Il-Paragrafu 6 tas-Subanness 7 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151

Konsum tal-fjuwil mhux ibbilanċjat tat-test tat-Tip 1

71

Vultaġġ nominali tal-REESS

V

Skont DIN EN 60050–482

Għal batterija ta' vultaġġ baxx kif iddefinita fl-Appendiċi 2 tas-Subanness 6 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151

72

Fattur ta' korrezzjoni tal-familja tal-ATCT

—

Is-Subanness 6a tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151

Fattur ta' korrezzjoni tal-familja tal-ATCT (korrezzjoni ta' 14 °C)

73

Korrezzjoni tal-veloċità u tad-distanza tat-test tad-WLTP

—

Ir-Regolament (UE) 2017/1151

Korrezzjoni mwettqa?

0 = Le | 1 = Iva

74

Korrezzjoni RCB tat-test tad-WLTP

—

L-Appendiċi 2 tas-Subanness 6 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151

Korrezzjoni mwettqa?

0 = Le | 1 = Iva

75

Numru ta' testijiet tad-WLTP

1, 2 jew 3

 

Indika jekk id-data tat-test tittieħed mill-ewwel, it-tieni jew it-tielet test tad-WLTP

76

Valur tas-CO2 tad-WLTP iddikjarat għall-vetturi H u/jew L

g/km

Dikjarazzjoni tal-manifattur

Valur tad-WLTP iddikjarat għall-vetturi H u L. Il-valur għandu jinkludi l-korrezzjonijiet kollha (jekk applikabbli)

77

Kejl tas-CO2 tad-WLTP ikkorreġut għall-vetturi H u/jew L

g/km

Il-valuri tal-MCO2,C,5 mill-Appendiċi 4 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/1151

Emissjonijiet totali ta' CO2 imkejla għall-vetturi H u L wara l-korrezzjonijiet kollha applikabbli. Fil-każ ta' 2 u 3 testijiet tad-WLTP, għandhom jiġu pprovduti r-riżultati mkejla kollha.

78

Test ġdid tad-WLTP

—

Il-punt 2.2b.(b) tal-Anness I

Indika liema kundizzjonijiet tat-test kif imsemmi fil-punt 2.2a.(a) u (d) tal-Anness I ġew soġġetti għal ittestjar mill-ġdid”

(c)

Il-punt 3.1.1.1. huwa emendat kif ġej:

(i)

Il-punt (a) jitħassar;

(ii)

Fil-punt (c), il-punt (iii) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(iii)

id-data tal-input kif speċifikata fil-punt 2.4.”;

(iii)

Jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-fajl ta' sommarju msemmi fil-punt (c) għandu jiġi kriptat sabiex jiżgura l-kunfidenzjalità.”

(d)

il-punt 3.1.1.2. huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.1.1.2.   Fajl ta' korrelazzjoni komplut

Fejn ir-rapport oriġinali tal-output tal-korrelazzjoni jkun inħareġ skont il-punt 3.1.1.1., l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip, jew fejn applikabbli, is-servizz tekniku magħżul, għandu jtella' l-fajl ta' sommarju msemmi fil-punt 3.1.1.1.(c) fuq server tal-Kummissjoni li minnu tintbagħat lura risposta lil min bagħatha (bis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni kkopjati), li tkun tinkludi numru sħiħ iġġenerat b'mod aleatorju fil-medda ta' 1 sa 99, kodiċi hash tal-fajl ta' sommarju li jorbot b'mod inekwivoku lil dak in-numru mar-rapport oriġinali tal-output iffirmat b'mod diġitali mis-server tal-Kummissjoni.

Għandu jinħoloq fajl ta' korrelazzjoni komplut mill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip, jew fejn applikabbli, mis-servizz tekniku magħżul, li għandu jinkludi r-rapport ta' korrelazzjoni oriġinali msemmi fil-punt 3.1.1.1 u r-risposta mis-server tal-Kummissjoni. Il-fajl għandu jinżamm mill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip bħala rapport tat-test skont l-Anness VIII tad-Direttiva 2007/46/KE.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt 2(c) u (d) tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta' Frar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1153 tat-2 ta' Ġunju 2017 li jistabbilixxi metodoloġija biex jiġu determinati l-parametri ta' korrelazzjoni meħtieġa biex tiġi riflessa l-bidla fil-proċedura tat-test regolatorju u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1014/2010 (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 679).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal-1 ta' Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 1).