2014R1222 — MT — 09.09.2016 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT TA'' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1222/2014 tat-8 ta'' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta'' standards tekniċi regolatorji għall-ispeċifikazzjoni tal-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta'' istituzzjonijiet globali sistemikament importanti u għad-definizzjoni ta'' subkategoriji ta'' istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (ĠU L 330 15.11.2014, p. 27) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1608 tas-17 ta'' Mejju 2016 |
L 240 |
1 |
8.9.2016 |
|
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1222/2014
tat-8 ta' Ottubru 2014
li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-ispeċifikazzjoni tal-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' istituzzjonijiet globali sistemikament importanti u għad-definizzjoni ta' subkategoriji ta' istituzzjonijiet globali sistemikament importanti
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament jispeċifika l-metodoloġija skont liema l-awtorità msemmija fl-Artikolu 131(1) tad-Direttiva 2013/36/UE (minn hawn 'il quddiem imsejħa “awtorità rilevanti”) ta' Stat Membru tidentifika, fuq bażi konsolidata, entità rilevanti bħala istituzzjoni globali sistemikament importanti (G-SII), u l-metodoloġija għad-definizzjoni ta' subkategoriji tal-G-SIIs u l-allokazzjoni tal-G-SIIs għal dawk is-subkategoriji abbażi tal-importanza sistemika tagħhom u, bħala parti mill-metodoloġija, skedi ta' żmien u d-dejta li għandha tintuża għall-identifikazzjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) “Entità rilevanti” tfisser istituzzjoni prinċipali tal-UE jew kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-UE jew istituzzjoni li mhijiex sussidjarja ta' istituzzjoni prinċipali tal-UE jew kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-UE;
(2) “Valur tal-indikatur” tfisser għal kull indikatur stabbilit fl-Artikolu 6 u għal kull entità rilevanti tal-kampjun il-valur individwali tal-indikatur u għal kull bank awtorizzat f'pajjiż terz, valur individwali komparabbli divulgat pubblikament skont l-istandards miftiehma internazzjonalment;
(3) “Denominatur” tfisser għal kull indikatur, il-valur aggregat totali tal-valuri tal-indikaturi tal-entitajiet rilevanti u l-banek awtorizzati f'pajjiżi terzi tal-kampjun;
(4) “Punteġġ limitu” tfisser valur tal-punteġġ li jiddetermina l-limitu l-aktar baxx u l-limiti ta' bejn il-ħames subkategoriji kif definiti fl-Artikolu 131(9) tad-Direttiva 2013/36/UE.
Artikolu 3
Parametri komuni għall-metodoloġija
1. L-ABE tidentifika kampjun ta' istituzzjonijiet jew gruppi li l-valuri tal-indikatur tagħhom għandhom jintużaw bħala valuri ta' referenza li jirrappreżentaw is-settur bankarju globali għall-fini tal-kalkolu tal-punteġġi, b'kunsiderazzjoni tal-istandards miftiehma internazzjonalment, b'mod partikolari l-kampjun użat mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja għall-identifikazzjoni ta' banek globali sistemikament importanti u tinnotifika l-awtoritajiet rilevanti tal-entitajiet rilevanti inklużi fil-kampjun sal-31 ta' Lulju ta' kull sena.
Il-kampjun jikkonsisti minn entitajiet u banek rilevanti awtorizzati f'pajjiżi terzi u jinkludi l-akbar 75 minnhom, abbażi tal-iskopertura totali kif definita fl-Artikolu 6(1), kif ukoll entitajiet rilevanti li ġew maħtura bħala G-SIIs u banek f'pajjiżi terzi li kienu nominati bħala globali sistemikament importanti fis-sena preċedenti.
L-ABE teskludi jew iżżid entitajiet jew banek rilevanti awtorizzati f'pajjiżi terzi, jekk ikun neċessarju biex tiġi żgurata sistema ta' referenza adegwata għall-valutazzjoni tal-importanza sistemika tas-swieq finanzjarji globali u l-ekonomija dinjija u sa dan il-punt, b'kunsiderazzjoni għall-istandards miftiehma internazzjonalment inkluż il-kampjun użat mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja.
2. L-awtorità rilevanti tirrapporta l-valuri tal-indikatur ta' kull entità rilevanti b'miżura ta' skopertura 'l fuq minn EUR 200 biljun li hija awtorizzata fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħha lill-ABE sa mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju ta' kull sena. L-awtorità rilevanti tiżgura li l-valuri tal-indikatur huma identiċi għal dawk sottomessi lilll-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja u għal dawk divulgati minn dik l-entità rilevanti skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1030/2014 ( 1 ). L-awtorità rilevanti tuża l-mudelli stabbiliti fih.
3. L-ABE tikkalkula d-denominaturi, abbażi tal-valuri tal-indikatur irrappurtati mill-awtorità rilevanti skont il-paragrafu 2, b'kunsiderazzjoni tal-istandards miftiehma internazzjonalment, b'mod partikolari d-denominaturi ppubblikati mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja għal dik is-sena, u tinnotifikahom lill-awtoritajiet rilevanti. Id-denominatur tal-indikatur ikun l-ammont aggregat tal-valuri tal-indikatur bejn l-entitajiet u l-banek rilevanti kollha awtorizzati f'pajjiżi terzi fil-kampjun, kif irrappurtat għall-entitajiet rilevanti skont il-paragrafu 2 u divulgat mill-banek awtorizzati f'pajjiżi terzi fil-31 ta' Lulju tas-sena rilevanti.
Artikolu 4
Il-proċedura tal-identifikazzjoni
1. L-awtorità rilevanti tikkalkula l-punteġġi tal-entitajiet rilevanti li huma inklużi fil-kampjun notifikat mill-ABE, li huma awtorizzati fil-ġurisdizzjoni tagħha, sa mhux aktar tard mill-15 ta' Diċembru ta' kull sena. Fejn l-awtorità rilevanti, fl-eżerċizzju ta' valutazzjoni superviżorja korretta, tinnomina entità rilevanti bħala G-SII skont l-Artikolu 131(10)(b) tad-Direttiva 2013/36/UE, l-awtorità rilevanti tikkomunika dikjarazzjoni dettaljata bil-miktub dwar ir-raġunijiet tal-valutazzjoni tagħha lill-ABE sa mhux aktar tard mill-15 ta' Diċembru ta' kull sena.
2. L-identifikazzjoni ta' entità rilevanti bħala G-SII u l-allokazzjoni għal subkategorija jidħlu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar tat-tieni sena wara s-sena kalendarja meta d-denominaturi jkunu ġew determinati skont l-Artikolu 3.
Artikolu 5
L-identifikazzjoni bħala G-SII, id-determinazzjoni tal-punteġġi u l-allokazzjoni għal subkategoriji
1. Il-valuri tal-indikatur ikunu bbażati fuq dejta rrapportata tal-entità rilevanti ta' tmiem is-sena finanzjarja preċedenti, fuq bażi kkonsolidata, u għal banek awtorizzati f'pajjiżi terzi fuq dejta divulgata f'konformità ma' standards miftiehma internazzjonalment. L-awtoritajiet rilevanti jistgħu jużaw valuri tal-indikatur ta' entitajiet rilevanti li t-tmiem tas-sena finanzjarja tagħhom huwa t-30 ta' Ġunju bbażat fuq il-pożizzjoni tagħhom fil-31 ta' Diċembru.
2. L-awtorità rilevanti tiddetermina l-punteġġ ta' kull entità rilevanti tal-kampjun bħala l-medja sempliċi tal-punteġġi tal-kategorija soġġett għal punteġġ massimu tal-kategorija ta' 500 punt bażi għall-kategorija li tkejjel is-sostitwibbiltà. Kull punteġġ tal-kategorija jiġi kkalkulat bħala l-medja sempliċi tal-valuri li jirriżultaw mid-diviżjoni ta' kull valur tal-indikatur ta' dik il-kategorija bid-denominatur tal-indikatur notifikat mill-ABE. Il-punteġġi jiġu espressi f'punti bażi u jiġu mqarrba lejn l-eqreb punt bażi sħiħ.
3. L-inqas punteġġ limitu jkun ta' 130 punt bażi. Is-subkategoriji jiġu allokati kif ġej:
(a) is-subkategorija 1 tinkludi punteġġi minn 130 sa 229 punt bażi;
(b) is-subkategorija 2 tinkludi punteġġi minn 230 sa 329 punt bażi;
(c) is-subkategorija 3 tinkludi punteġġi minn 330 sa 429 punt bażi;
(d) is-subkategorija 4 tinkludi punteġġi minn 430 sa 529 punt bażi;
(e) is-subkategorija 5 tinkludi punteġġi minn 530 sa 629 punt bażi.
4. L-awtorità rilevanti tidentifika entità rilevanti bħala G-SII meta l-punteġġ ta' dik l-entità jkun daqs jew ogħla minn l-inqas punteġġ limitu. Deċiżjoni biex tinħatar entità rilevanti bħala G-SII fl-eżerċizzju ta' ġudizzju superviżorju tajjeb skont l-Artikolu 131(10)(b) tad-Direttiva 2013/36/UE tkun ibbażata fuq valutazzjoni ta' jekk il-falliment tagħha jkollhiex impatt negattiv sinifikanti fuq is-suq finanzjarju globali u l-ekonomija globali.
5. L-awtorità rilevanti talloka G-SII għal subkategorija skont il-punteġġ tagħha. Deċiżjoni biex G-SII tiġi allokata mill-ġdid minn subkategorija baxxa għal waħda iktar għolja fl-eżerċizzju ta' ġudizzju superviżorju tajjeb skont l-Artikolu 131(10)(a), tad-Direttiva 2013/36/UE tkun ibbażata fuq valutazzjoni ta' jekk il-falliment tagħha jkollhiex impatt negattiv sinifikanti fuq is-suq finanzjarju globali u l-ekonomija globali.
6. Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 u 5 jistgħu jiġu appoġġati minn dejta anċillari, li ma għandhomx ikunu indikaturi tal-probabbiltà li l-entità rilevanti tfalli. Tali deċiżjonijiet għandhom jinkludu informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva dokumentata sew u verifikabbli.
Artikolu 6
Indikaturi
1. Il-kategorija li tkejjel id-daqs tal-grupp tikkonsisti minn indikatur wieħed daqs l-iskopertura totali tal-grupp.
2. Il-kategorija li tkejjel l-interkonnettività tal-grupp mas-sistema finanzjarja tikkonsisti fl-indikaturi kollha li ġejjin:
(a) assi intra sistemi finanzjarji;
(b) obbligazzjonijiet intra sistemi finanzjarji;
(c) titoli pendenti.
3. Il-kategorija li tkejjel is-sostitwibbiltà tas-servizzi jew tal-infrastruttura finanzjarja pprovduta mill-grupp tikkonsisti fl-indikaturi kollha li ġejjin:
(a) assi f'kustodja;
(b) attività tal-pagamenti;
(c) tranżazzjonijiet sottoskritti fi swieq tad-dejn u tal-ekwità.
4. Il-kategorija li tkejjel il-kumplessità tal-grupp tikkonsisti fl-indikaturi kollha li ġejjin:
(a) ammont nozzjonali ta' derivattivi barra l-borża;
(b) assi inklużi fil-livell 3 tal-valur ġust imkejjel skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1255/2012 ( 2 );
(c) titoli għan-negozjar u disponibbli għall-bejgħ.
5. Il-kategorija li tkejjel l-attività transfruntiera tal-grupp tikkonsisti fl-indikaturi kollha li ġejjin:
(a) pretensjonijiet transġuriżdizzjonali;
(b) obbligazzjonijiet transġuriżdizzjonali.
6. Għad-dejta rappurtata f'muniti oħra minbarra l-Euro, l-awtorità rilevanti għandha tuża rata tal-kambju xierqa filwaqt li tqis ir-rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew li tkun applikabbli fil-31 ta' Diċembru u l-istandards internazzjonali. Għall-indikatur tal-attività tal-ħlas kif imsemmi fil-paragrafu 3(b), l-awtorità rilevanti għandha tuża r-rati tal-kambju medji għas-sena rilevanti.
Artikolu 7
Dispożizzjonijiet transizzjonali
B'deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1), l-ABE tiddetermina l-kampjun biex tidentifika entità rilevanti bħala G-SII għas-sena 2014 sal-14 ta' Jannar 2015. L-awtoritajiet rilevanti jirrapportaw il-valuri tal-indikatur dwar l-entitajiet rilevanti fi ħdan dak il-kampjun abbażi tad-dejta għal tmiem is-sena finanzjarja qabel Lulju 2014 lill-ABE, sal-21 ta' Jannar 2015. Abbażi ta' dawn il-valuri tal-indikatur, l-ABE tikkalkula d-denominaturi għas-sena 2014 sat-30 ta' Jannar 2015. L-awtoritajiet rilevanti jiddeterminaw, abbażi ta' dawk id-denominaturi, il-punteġġi għall-entitajiet rilevanti għas-sena 2014. Huma jidentifikaw ukoll il-G-SIIs u jallokawhom f'subkategoriji. Fl-istess ħin, l-awtorità rilevanti tinnotifika lill-Kummissjoni, lill-BERS u lill-ABE bil-G-SIIs identifikati u tippubblika l-ismijiet tagħhom flimkien mal-punteġġi tagħhom għas-sena 2014 sat-28 ta' Frar 2015.
▼M1 —————
Artikolu 8
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Japplika mill-1 ta' Jannar 2015.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
▼M1 —————
( 1 ) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1030/2014 tad-29 ta' Settembru 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-formats uniformi u d-data għad-divulgazzjoni tal-valuri użati sabiex jiġu identifikati istituzzjonijiet sistemikament importanti globali skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 30.9.2014, p. 14).
( 2 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1255/2012 tal-11 ta' Diċembru 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità Nru 12, l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju Nru 1 u 13, u l-Interpretazzjoni Nru 20 tal-Kumitat Internazzjonali tal-Interpretazzjoni tar-Rappurtar Finanzjarju (ĠU L 360, 29.12.2012, p. 78).