6.3.2010   

MT EN

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 56/15


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Marzu 2009

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Afrika tal-Punent dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru

(2010/144/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80(2), flimkien mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar il-bdil ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi Ftehim Komunitarju.

(2)

F’isem il-Komunità, il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim mal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Afrika tal-Punent dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru f’konformità mal-mekkaniżmi u d-Direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar il-bdil ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi Ftehim Komunitarju.

(3)

Suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f’data aktar ‘il quddiem, dan il-Ftehim għandu jiġi ffirmat u applikat provviżorjament,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. L-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Afrika tal-Punent dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità, soġġett għall-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat li jinnomina l-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim, f’isem il-Komunità, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod provviżorju mill-ewwel jum tal-ewwel xahar wara d-data li fiha l-partijiet innotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan.

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jipproċedi għan-notifika prevista fl-Artikolu 9(2) tal-Ftehim.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

P. BENDL