European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1268

10.7.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1268

tas-6 ta’ Mejju 2025

li jemenda r-Regolamenti Delegati (UE) 2016/1237 u (UE) 2020/760 bħala konsegwenza tal-istabbiliment tas-Sistema Elettronika għall-Formalitajiet Agrikoli Mhux Doganali (ELAN)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 177 u 186 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2022/2399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana (“Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana”), li jinkludi Sistema elettronika ta’ Skambju ta’ Ċertifikati tat-Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana (EU CSW-CERTEX), l-ambjenti nazzjonali ta’ tieqa unika għad-dwana, u diversi sistemi mhux doganali tal-Unjoni li l-użu tagħhom huwa obbligatorju jew volontarju skont id-dritt tal-Unjoni.

(2)

Sabiex jiġi ottimizzat il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli, id-dokumenti kollha meħtieġa fil-leġiżlazzjoni agrikola għall-issodisfar ta’ formalitajiet mhux doganali jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri f’forma elettronika permezz tal-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1269 (3) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1272 (4) jistabbilixxu sistema elettronika għall-formalitajiet agrikoli mhux doganali (“ELAN”) biex id-dokumenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jsiru disponibbli għall-awtoritajiet doganali f’forma elettronika. L-iżvilupp u l-użu tal-ELAN jeħtieġu l-adozzjoni ta’ qafas legali adegwat biex jiġu stabbiliti r-regoli applikabbli għas-sistema.

(4)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1237 (5) jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/760 (6) jistabbilixxi regoli għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni soġġetti għal liċenzji. Dawk ir-Regolamenti Delegati jeħtieġ li jiġu emendati sabiex id-dokumenti fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ikunu jistgħu jsiru disponibbli għall-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri f’forma elettronika permezz tal-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana.

(5)

L-iskambju elettroniku tal-liċenzji permezz tal-ELAN u l-EU CSW-CERTEX tal-UE jirrikjedi s-sostituzzjoni gradwali tal-mudelli għal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1239 (7) b’mudelli tad-data ġodda mfassla għall-ELAN, imsejħa ELAN1L-AGRIM u ELAN1L-AGREX, li għandhom jippermettu l-użu tagħhom f’forma elettronika permezz tal-komunikazzjoni bejn is-sistemi elettroniċi nazzjonali, l-ELAN, u l-EU CSW-CERTEX. L-awtoritajiet tal-ħruġ kompetenti jenħtieġ li jimlew dawn il-mudelli tad-data f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni u l-istruzzjonijiet ippubblikati fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jqis li l-użu tal-ELAN għandu jsir gradwalment obbligatorju f’konformità mad-dati tal-perjodu tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1272. Matul il-perjodu tranżizzjonali stabbilit fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dak l-Artikolu, il-liċenzji jistgħu jkunu bbażati fuq il-mudelli stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239. Barra minn hekk, matul il-perjodu tranżizzjonali stabbilit fl-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1272 u sakemm l-użu tal-ELAN isir obbligatorju għall-awtoritajiet doganali, id-dokumenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ELAN jistgħu jiġu pprintjati fuq karta.

(7)

Barra minn hekk, l-użu ta’ dokumenti pprintjati fuq karta xorta jista’ jkun possibbli meta l-użu tal-ELAN ikun sar obbligatorju, bħala soluzzjoni ta’ riżerva jekk is-sistema ma tibqax disponibbli temporanjament. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jippermetti din il-possibbiltà.

(8)

L-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 jirrikjedi li l-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni jiġu ppreżentati fiżikament lill-awtoritajiet doganali. Dak l-Artikolu jenħtieġ li jiġi adattat biex jakkomoda l-użu ta’ dokumenti elettroniċi, u l-possibbiltà li dawn jinġabru f’forma elettronika mill-ELAN.

(9)

Bl-istess mod, fejn l-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 jistabbilixxi struzzjonijiet dwar kif għandhom jimtlew taqsimiet speċifiċi tal-liċenzji abbażi tal-mudelli attwali, jenħtieġ li dak l-Artikolu jiġi integrat mal-istruzzjonijiet dwar kif għandu jimtela l-mudell tad-data rilevanti l-ġdid.

(10)

L-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 jippermetti t-trasferiment ta’ liċenzji jew l-estratti tagħhom lil operatur wieħed biss, li min-naħa tiegħu jista’ jittrasferixxihom lura biss lid-detentur oriġinali. Għandu jiġi ċċarat li, fir-rigward tal-liċenzji maħruġa skont il-mudell tad-data ELAN1L-AGRIM, f’każ ta’ trasferiment lura lid-detentur titolari, il-liċenzja jew l-estratt jistgħu jerġgħu jiġu ttrasferiti lil operatur ieħor.

(11)

L-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 jirrikjedi li l-Istati Membri jinnotifikaw il-liċenzji ta’ sostituzzjoni maħruġa f’konformità mal-Artikolu 15(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 8 ta’ dak ir-Regolament Delegat jieqaf japplika għal-liċenzji ta’ sostituzzjoni elettroniċi maħruġa fl-ELAN jew ikkomunikati lilu. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 8 jiġi emendat, filwaqt li jitqies li l-liċenzji xorta jistgħu jiġu pprintjati fuq karta kemm qabel ma l-użu tal-ELAN isir obbligatorju għall-awtoritajiet tal-ħruġ u doganali kollha, kif ukoll fl-okkażjonijiet fejn l-ELAN temporanjament ma jibqax disponibbli. F’dawn il-każijiet, ir-regoli dwar il-liċenzji ta’ sostituzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 8 ta’ dak ir-Regolament Delegat u n-notifika tagħhom jenħtieġ li jibqgħu japplikaw.

(12)

Skont l-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1237, l-obbligu tal-liċenzja tal-importazzjoni ma japplikax għall-importazzjonijiet tat-tewm mill-1 ta’ Ottubru 2017. Għalhekk, l-obbligu li jiġu nnotifikati l-liċenzji “B” jenħtieġ li jitneħħa mill-Artikolu 8 ta’ dak ir-Regolament Delegat. Bl-istess mod, l-obbligu li jinħarġu liċenzji għat-tewm stabbilit fl-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament Delegat jenħtieġ li jitħassar.

(13)

L-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 jenħtieġ li jiċċara li l-liċenzji maħruġa għall-importazzjonijiet fis-settur tal-qanneb għandhom jikkonformaw mal-mudell tad-data l-ġdid ELAN1L-AGRIM.

(14)

Jenħtieġ li l-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760 jinkludi r-Regolament Delegat (UE) 2025/1269 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1272 li jirregolaw l-ELAN mal-lista tar-regoli applikabbli.

(15)

L-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760 jirrikjedi li l-operaturi ekonomiċi jissottomettu l-prova tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew tal-esportazzjoni lill-awtoritajiet tal-ħruġ tal-liċenzji għar-rilaxx tal-garanziji. Dak l-Artikolu jenħtieġ li jiġi adattat biex jiċċara li ladarba l-liċenzji jsiru disponibbli f’forma elettronika fl-ELAN, il-prova tal-użu tagħhom tista’ tinkiseb mill-ELAN.

(16)

L-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760 jirrikjedi li d-dikjarazzjoni doganali użata biex tingħata prova tal-kwantità referenzjali tal-operaturi jkollha n-numru tal-fattura. Madankollu, wara l-emenda introdotta f’dak l-Artikolu bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/735 (8), l-importaturi ma għadhomx meħtieġa jagħtu prova tal-kwantità referenzjali tagħhom abbażi tal-fatturi. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2020/760 ma jibqax jirrikjedi li d-dikjarazzjoni doganali tirreferi għan-numru ta’ fatturi.

(17)

L-użu ta’ liċenzji elettroniċi permezz tal-ELAN jenħtieġ li jnaqqas l-obbligu għall-Istati Membri li jinnotifikaw informazzjoni dwar il-liċenzji. B’mod partikolari, il-kwantitajiet mhux użati jistgħu jiġu rkuprati mill-ELAN, kemm jekk l-awtoritajiet tal-ħruġ kif ukoll l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jużaw l-ELAN. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-Istati Membri li joħorġu liċenzji fl-ELAN, jew li jikkomunikaw liċenzji lil dik is-sistema, abbażi ta’ dokumenti maħruġa minn pajjiżi terzi, ma jenħtieġx li jibqgħu jinnotifikaw dawk il-liċenzji lill-Kummissjoni, peress li jenħtieġ li jkunu disponibbli fl-ELAN.

(18)

Il-modifiki introdotti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jirriflettu l-fatt li l-użu tal-ELAN għandu jsir obbligatorju għall-utenti kollha fi tmiem il-perjodu tranżizzjonali stabbilit fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1272.

(19)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti Delegati (UE) 2016/1237 u (UE) 2020/760 jiġu emendati kif xieraq.

(20)

Ir-rekwiżiti li jawtorizzaw id-diġitalizzazzjoni tad-dokumenti meħtieġa għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera u għall-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli koperti minn dan ir-Regolament jaffettwaw is-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Għaldaqstant, twettqet valutazzjoni tal-interoperabbiltà u r-rapport li jirriżulta għandu jiġi ppubblikat fuq il-Portal Ewropa Interoperabbli.

(21)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tar-regoli qabel ma l-ELAN isir disponibbli għall-utenti tiegħu għal finijiet ta’ ttestjar,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1237

Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c)

‘struzzjonijiet ippubblikati fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea’ tfisser l-‘Avviż dwar l-istruzzjonijiet dwar il-mili tal-mudelli tad-data ELAN1L-AGRIM u ELAN1L-AGREX’ (*1) imsemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (j) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239.

(*1)  Avviż rigward l-istruzzjonijiet dwar il-mili tal-mudelli tad-data ELAN1L-AGRIM u ELAN1L-AGREX (ĠU C, C/2025/2819, 10.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2819/oj).”;"

(b)

jiżdied it-tieni paragrafu li ġej:

“Id-definizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1269 (*2) u fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1272 (*3) japplikaw għal dan ir-Regolament.

(*2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1269 tat-28 ta’ April 2025 li jistabbilixxi regoli li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema elettronika għall-formalitajiet agrikoli mhux doganali (“ELAN”) għall-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-kummerċ u s-suq fi prodotti agrikoli (ĠU L, 2025/1269, 10.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1269/oj)"

(*3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1272 tas-6 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema elettronika għall-formalitajiet agrikoli mhux doganali (“ELAN”) electronic system for agricultural non-customs formalities (‘ELAN’) (ĠU L, 2025/1272, 10.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1272/oj).”;"

(2)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Hija meħtieġa liċenzja tal-importazzjoni għall-prodotti li ġejjin:”;

(b)

fil-paragrafu 2, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Hija meħtieġa liċenzja tal-esportazzjoni għall-prodotti li ġejjin:”;

(3)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Id-dikjarazzjoni doganali għal rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni għandha tiġi ppreżentata minn:

(a)

id-detentur titulari tal-liċenzja li jikkorrispondi għall-informazzjoni pprovduta fit-Taqsima “Detentur titulari” tal-liċenzja stabbilita fl-Anness I.1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239 (“detentur titulari”) jew f’konformità mal-istruzzjonijiet ippubblikati fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Jekk, f’konformità mar-regoli tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikoli 21a sa 21d ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-liċenzja tinħareġ f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, id-detentur titulari għandu jiġi indikat fit-Taqsima 4 tal-liċenzja;

(b)

iċ-ċessjonarju li jikkorrispondi għall-informazzjoni mogħtija fit-Taqsima “Iċ-ċessjonarju” tal-liċenzja f’konformità mal-Anness I.1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239. Jekk, f’konformità mar-regoli tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikoli 21a sa 21d ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-liċenzja għandha tinħareġ f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, iċ-ċessjonarju għandu jiġi indikat fit-Taqsima 6 tal-liċenzja;

(c)

rappreżentant doganali maħtur li jaġixxi f’isem id-detentur titulari jew iċ-ċessjonarju kif previst fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, fejn fid-dikjarazzjoni doganali jiġi speċifikat li d-detentur titulari jew iċ-ċessjonarju huwa l-persuna li f’isimha jitwettaq l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1.”

;

(4)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Trasferiment ta’ drittijiet li jirriżulta minn liċenzja jew estratt tagħha jista’ jsir favur ċessjonarju wieħed biss u għandu jkopri l-kwantitajiet li għadhom ma ġewx attribwiti lil-liċenzja jew lil estratt tagħha.

Meta liċenzja jew l-estratt tagħha maħruġa f’konformità mal-Anness I.1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239 jiġu ttrasferiti lura lid-detentur titulari, id-detentur titulari jista’ jerġa’ jittrasferixxiha favur ċessjonarju wieħed ieħor, fil-limiti tal-kwantità li tkun għadha ma ġietx attribwita lil-liċenzja.”

;

(5)

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Notifiki

F’konformità mal-kundizzjonijiet iddettaljati stabbiliti fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 223(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan li ġej:

(a)

il-liċenzji ta’ sostituzzjoni maħruġa msemmija fl-Artikolu 15(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239. Meta l-Istati Membri jagħmlu l-liċenzji ta’ sostituzzjoni disponibbli fis-sistema elettronika għall-formalitajiet agrikoli mhux doganali (ELAN) irregolati mir-Regolament Delegat (UE) 2025/1269 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1272, huma għandhom jinnotifikaw dawk il-liċenzji ta’ sostituzzjoni wara talba tal-Kummissjoni;

(b)

każijiet ta’ force majeure msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239;

(c)

fir-rigward tal-qanneb, l-awtoritajiet kompetenti għall-kontrolli msemmija fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239;

(d)

fir-rigward tal-alkoħol etiliku, il-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa msemmija fl-Artikolu 19 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239;

(e)

fir-rigward tar-ross, il-kwantitajiet imsemmija fl-Artikolu 19a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239;

(f)

l-irregolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239;

(g)

l-awtoritajiet kompetenti biex jirċievu l-applikazzjonijiet għal-liċenzji u biex joħorġu l-liċenzji jew il-liċenzji ta’ sostituzzjoni msemmija fl-Artikolu 20(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239;

(h)

it-timbri uffiċjali u, fejn xieraq, l-istampi b’tipa mqabbża msemmija fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239.”

;

(6)

fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti tal-qanneb elenkati fit-Taqsimiet C, D u G tal-Parti I tal-Anness ta’ dan ir-Regolament għandu jkun soġġett għal liċenzja tal-importazzjoni f’konformità mal-Anness I.1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239 (“ELAN1L-AGRIM”) u l-istruzzjonijiet ippubblikati fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Matul il-perjodu tranżizzjonali stabbilit fl-Artikolu 21a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239, il-liċenzji jistgħu jinħarġu f’konformità mal-mudelli stabbiliti fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

Il-liċenzja għandha tinħareġ biss meta jkun intwera għas-sodisfazzjon tal-Istat Membru fejn il-prodotti tal-qanneb għandhom jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 189(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u f’dan ir-Regolament u r-rekwiżiti stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 189(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ikunu ġew issodisfati.”

;

(7)

L-Artikolu 10 jitħassar.

Artikolu 2

Emendi tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760

Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/760 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Regoli applikabbli oħra

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) u r-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 (*5), (UE) 2015/2446 (*6), (UE) 2016/1237 (*7) u (UE) 2025/1269 (*8), u r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1239 (*9) u (UE) 2025/1272 (*10) għandhom japplikaw, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

(*4)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj)."

(*5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħrajn, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 95, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/127/oj)."

(*6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/2446/oj)."

(*7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1237 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tas-sistema ta' liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar ir-rilaxx u t-telf ta’ garanziji ppreżentati għal tali liċenzji (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/1237/oj)."

(*8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1269 tat-28 ta’ April 2025 li jistabbilixxi regoli li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema elettronika għall-formalitajiet agrikoli mhux doganali (“ELAN”) għall-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-kummerċ u s-suq fi prodotti agrikoli (ĠU L, 2025/1269, 10.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1269/oj)."

(*9)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1239 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1239/oj)."

(*10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1272 tas-6 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema elettronika għall-formalitajiet agrikoli mhux doganali (“ELAN”) (ĠU L, 2025/1272, 10.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1272/oj).”;"

(2)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   B’deroga mill-Artikolu 24(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/127, meta r-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni jew l-esportazzjoni mill-Unjoni jkunu seħħew fil-perjodu ta’ validità tal-liċenzja, iżda l-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-prova ta’ dak ir-rilaxx jew l-esportazzjoni jinqabeż, il-garanzija għandha tintilef bi 3 % għal kull jum kalendarju li matulu jinqabeż il-limitu ta’ żmien.

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jivverifikaw l-użu tal-liċenzji magħmula disponibbli permezz tas-sistema elettronika għall-formalitajiet agrikoli mhux doganali (ELAN) imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/1269 direttament f’dik is-sistema. Meta r-regoli tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikoli 21a sa 21d tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239 jippermettu lill-awtoritajiet doganali jagħmlu attribuzzjonijiet għal-liċenzji jew għall-estratti direttament fis-sistemi elettroniċi nazzjonali tal-Istati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jivverifikaw l-użu tal-liċenzji direttament f’dawk is-sistemi. Meta l-liċenzji jkunu ntużaw bil-verżjoni fuq karta jew meta jkunu ttieħdu minnhom estratti fuq karta, japplika l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.”

;

(3)

L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-kwantità referenzjali għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ kopja ċċertifikata tad-dikjarazzjoni doganali li tkun ġiet iffinalizzata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera. Id-dikjarazzjoni doganali għandha tindika, skont ir-rekwiżiti ta’ kull Stat Membru, jekk l-applikant għal liċenzja huwiex dikjarant kif imsemmi fl-Artikolu 5, il-punt (15), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jew importatur kif imsemmi fit-Titolu I, il-Kapitolu 3, il-Grupp 3, tal-Anness B tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 u fit-Titolu II, il-Grupp 3, ta’ dak l-Anness.”

;

(b)

il-paragrafu 2 jitħassar;

(4)

L-Artikolu 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 17

Notifiki lill-Kummissjoni

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni għal kull perjodu tal-kwota tariffarji bl-informazzjoni li ġejja permezz tas-sistema ta’ notifika stabbilita bir-Regolament Delegat (UE) 2017/1183 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1185:

(a)

il-kwantitajiet koperti minn applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni;

(b)

il-kwantitajiet koperti minn liċenzji tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni maħruġa. L-Istati Membri li joħorġu liċenzji bl-użu tal-ELAN jew li jittrażmettuhom lil dik is-sistema għandhom jinnotifikawhom wara talba tal-Kummissjoni;

(c)

il-kwantitajiet mhux użati koperti minn liċenzji tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni mhux użati jew parzjalment użati. L-Istati Membri li joħorġu liċenzji bl-użu tal-ELAN jew jittrażmettuhom lil dik is-sistema għandhom jinnotifikawhom wara talba tal-Kummissjoni;

(d)

il-kwantitajiet allokati lil operaturi fi ħdan kwota tariffarja li għaliha ma nħarġux liċenzji tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni;

(e)

il-kwantitajiet rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera jew esportati skont il-liċenzji tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni maħruġa. L-Istati Membri li joħorġu liċenzji bl-użu tal-ELAN jew li jittrażmettuhom lil dik is-sistema għandhom jinnotifikawhom wara talba tal-Kummissjoni;

(f)

għall-kwoti tariffarji li għalihom hija meħtieġa reġistrazzjoni minn qabel tal-operaturi:

(i)

l-ismijiet, in-numri tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi (EORI) u l-indirizzi tal-operaturi li rċevew liċenzji tal-importazzjoni jew taċ-ċessjonarji ta’ liċenzja tal-importazzjoni;

(ii)

għal kull operatur, il-kwantitajiet li tkun saret applikazzjoni għalihom;

(iii)

applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni fis-sistema elettronika tar-Reġistrazzjoni u l-Identifikazzjoni tal-Operaturi tal-Liċenzji (LORI) li ġew ivvalidati u rrifjutati, reġistrazzjonijiet li ġew irtirati, u validazzjonijiet u rifjuti ta’ bidliet fir-rekord tal-LORI;

(g)

għall-kwoti tariffarji tal-importazzjoni amministrati b’dokumenti maħruġa minn pajjiżi terzi, għal kull ċertifikat ta’ awtentiċità, ċertifikat ta’ Arranġament ta’ Monitoraġġ Attiv (“IMA 1”), jew ċertifikat ta’ eliġibbiltà, jew is-subtip rilevanti ta’ ELAN1L-TCDOC, imsemmi fl-Anness XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761 ippreżentat minn operatur, in-numru tal-liċenzja korrispondenti maħruġa, u l-kwantitajiet koperti. Meta kemm id-dokument maħruġ minn pajjiżi terzi kif ukoll il-liċenzja korrispondenti jkunu disponibbli fl-ELAN, l-Istati Membri għandhom sempliċiment jindikaw in-numru tal-ELAN1L-TCDOC fit-Taqsima rilevanti tal-ELAN1L-AGRIM. L-Istati Membri xorta għandhom jinnotifikaw il-liċenzja korrispondenti, wara talba tal-Kummissjoni.”

.

Artikolu 3

Dispożizzjoni tranżizzjonali

L-emendi introdotti b’dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati f’konformità mal-perjodu tranżizzjonali stabbilit fl-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1272 u mar-regoli applikabbli matul dak il-perjodu għal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u għad-dokumenti maħruġa minn pajjiżi terzi stabbiliti fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239 u (UE) 2020/761, u fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1988 (10) u (UE) 2023/2834 (11).

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2022/2399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 li jistabbilixxi l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 (ĠU L 317, 9.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2399/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1269 tat-28 ta’ April 2025 jistabbilixxi regoli li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema elettronika għall-formalitajiet agrikoli mhux doganali (“ELAN”) għall-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-kummerċ u s-suq fi prodotti agrikoli (ĠU L, 2025/1269, 10.7.2025, ELI http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1269/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1272 tas-6 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema elettronika għall-formalitajiet agrikoli mhux doganali (“ELAN”) (ĠU L, 2025/1272, 10.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1272/oj).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1237 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar ir-rilaxx u t-telf ta’ garanziji ppreżentati għal tali liċenzji, li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2535/2001, (KE) Nru 1342/2003, (KE) Nru 2336/2003, (KE) Nru 951/2006, (KE) Nru 341/2007 u (KE) Nru 382/2008 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2390/98, (KE) Nru 1345/2005, (KE) Nru 376/2008 u (KE) Nru 507/2008 (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/1237/oj).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/760 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni soġġetti għal liċenzji u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-depożitu ta’ garanziji fl-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji (ĠU L 185, 12.6.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/760/oj).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1239 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1239/oj).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/735 tat-30 ta’ Jannar 2023 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/760 fir-rigward tar-rekwiżit li jiġu ppreżentati fatturi biex tiġi stabbilita l-kwantità referenzjali, u li jiċċara xi kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sistema elettronika tar-Reġistrazzjoni u l-Identifikazzjoni tal-Operaturi tal-Liċenzji (LORI) (ĠU L 96, 5.4.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/735/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku fl-Unjoni kollha (Att dwar Ewropa Interoperabbli) (ĠU L, 2024/903, 22.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/903/oj).

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1988 tal-11 ta’ Novembru 2020 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni f’konformità mal-prinċipju “min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel” (ĠU L 422, 14.12.2020, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1988/oj).

(11)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2834 tal-10 ta’ Ottubru 2023 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-importazzjonijiet fis-setturi tar-ross, taċ-ċereali, taz-zokkor u tal-ħops (ĠU L, 2023/2834, 21.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2834/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1268/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)