1.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 59/28


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/305

tas-27 ta' Frar 2018

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/927 dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet li jikkonċernaw in-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) għas-sena finanzjarja 2016 tal-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri

(notifikata bid-dokument C(2018) 1095)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 51 tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/927 (2) approvat il-kontijiet tal-aġenziji kollha tal-pagamenti għas-sena finanzjarja tal-2016, minbarra dawk tal-aġenzija tal-pagamenti Awstrijaka msejħa “Zollamt Salzburg”, dawk tal-aġenzija tal-pagamenti Bulgara msejħa “State Fund Agriculture”, dawk tal-aġenzija tal-pagamenti Ċiprijotta msejħa “Cyprus Agricultural Payments Organization”, dawk tal-aġenzija tal-pagamenti Daniża msejħa “Danish AgriFish Agency”, dawk tal-aġenzija tal-pagamenti Franċiża msejħa “FranceAgriMer”, dawk tal-aġenzija tal-pagamenti Taljana msejħa “Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura” u dawk tal-aġenzija tal-pagamenti Maltija msejħa “Agriculture and Rural Payments Agency”.

(2)

Skont l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Istat Membru kkonċernat irid iħallas 50 % mill-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta' rkupru tal-irregolaritajiet jekk l-irkupru ma jkunx sar fi żmien erba' snin mid-data tat-talba għall-irkupru jew fi żmien tmien snin f'każ li l-irkupru jinkiseb permezz tal-qrati nazzjonali. L-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jeżiġi li l-Istati Membri jdaħħlu fil-kontijiet annwali l-ammonti li jkollhom jagħmlu tajjeb għalihom huma skont il-paragrafu 2 ta' dak l-Artikolu. Ir-regoli dwar l-applikazzjoni tal-obbligu tal-Istati Membri li jirrappurtaw l-ammonti li jridu jiġu rkuprati huma stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (3). L-Anness II tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 jagħti l-mudell tat-tabella li l-Istati Membri jridu jużaw biex jipprovdu l-informazzjoni dwar l-ammonti li jridu jiġu rkuprati fl-2016. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta' rkupru tal-irregolaritajiet li jmorru lura għal iżjed minn erba' snin jew għal iżjed minn tmien snin rispettivament abbażi tat-tabelli li l-Istati Membri jkunu mlew.

(3)

Skont l-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għal raġunijiet iġġustifikati kif xieraq, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jsegwux irkupru. It-tali deċiżjoni tista' tittieħed biss jekk l-ispejjeż li jkunu saru diġà u li x'aktarx ikunu se jsiru b'kollox ikunu aktar mill-ammont li jkollu jiġi rkuprat, jew jekk l-irkupru jirriżulta impossibbli minħabba l-insolvenza, irreġistrata u rrikonoxxuta skont il-liġi nazzjonali, tad-debitur jew tal-persuni legalment responsabbli mill-irregolarità. Jekk id-deċiżjoni tittieħed fi żmien erba' snin mid-data tat-talba għall-irkupru, jew fi żmien tmien snin f'każ li l-irkupru jinkiseb permezz tal-qrati nazzjonali, il-konsegwenzi finanzjarji kollha tan-nuqqas ta' rkupru jridu jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni. L-ammonti li għalihom Stat Membru partikulari jkun iddeċieda li ma jsegwix l-irkupru u r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu jridu jiddaħħlu fil-kontijiet annwali skont l-Artikolu 29(e) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014, imsemmijin fl-Artikolu 102(1)(c)(iii) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Għalhekk, jenħtieġ li t-tali ammonti ma jiġġarrbux mill-Istati Membri kkonċernati iżda jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni minflok.

(4)

It-tnaqqis skont l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li qed jingħata fil-kolonna e tal-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/927 għandu x'jaqsam biss mal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (l-FAEG).

(5)

Minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għall-Istrument Temporanju tal-Iżvilupp Rurali (is-STŻR) iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (l-FAEGG) (4), għad hemm ammonti li jridu jħallsuhom l-Istati Membri.

(6)

Sabiex tingħata l-istampa kollha tal-ammonti li l-Istati Membri jridu jħallsu għas-STŻR u għal raġunijiet ta' effiċjenza amministrattiva, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/927 tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/927 hija emendata kif ġej:

(1)

it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-Annessi I u III ta' din id-Deċiżjoni jistabbilixxu l-ammonti li jistgħu jiġu rkuprati mingħand kull Stat Membru jew li jistgħu jitħallsu lilu skont din id-Deċiżjoni, inklużi dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.”;

(2)

It-test mogħti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni jiżdied fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/927 bħala l-Anness III tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/927 tad-29 ta' Mejju 2017 dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet li jikkonċernaw in-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) għas-sena finanzjarja 2016 tal-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri (ĠU L 140, 31.5.2017, p. 25).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 27/2004 tal-5 ta' Jannar 2004 li jwaqqaf ir-regoli dettaljati għat-tħaddim tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar l-iffinanzjar mit-Taqsima tal-Garanziji tal-FAEGG tal-miżuri tal-iżvilupp rurali fir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 36).


ANNESS

“ANNESS III

APPROVAZZJONI TAL-KONTIJIET TAL-AĠENZIJI TAL-PAGAMENTI

IS-SENA FINANZJARJA TAL-2016 - L-FAEG

Korrezzjonijiet skont l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013  (*1)

Stat Membru

Munita

Fil-munita nazzjonali

F'Euro

AT (*2)

EUR

—

—

BE

EUR

—

—

BG (*2)

BGN

—

—

CY (*2)

EUR

—

—

CZ

CZK

921 575,65

—

DE

EUR

—

—

DK (*2)

DKK

—

—

EE

EUR

—

—

ES

EUR

—

—

FI

EUR

—

—

FR (*2)

EUR

—

—

UK

GBP

—

—

EL

EUR

—

—

HR

HRK

—

—

HU

HUF

16 220 213,00

—

IE

EUR

—

—

IT (*2)

EUR

—

—

LT

EUR

—

—

LU

EUR

—

—

LV

EUR

—

79 564,29

MT (*2)

EUR

—

—

NL

EUR

—

—

PL

PLN

613 728,36

—

PT

EUR

—

—

RO

RON

—

—

SE

SEK

—

—

SI

EUR

—

7 533,56

SK

EUR

—

77 341,87

”

(*1)  Dan l-Anness jagħti biss il-korrezzjonijiet marbutin mas-STŻR.

(*2)  Fil-każ tal-aġenziji tal-pagamenti li l-kontijiet tagħhom huma diżassoċjati, it-tnaqqis stabbilit fl-Artikolu 54(2) irid jiġi applikat ladarba l-kontijiet tagħhom jiġu proposti għall-approvazzjoni.