|
25.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 235/4 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1975
tal-10 ta’ Awwissu 2023
dwar miżuri temporanji ta’ emerġenza li jidderogaw fir-rigward tas-sena 2023 minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex jissolvew problemi speċifiċi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex ikkawżati minn avvenimenti meteoroloġiċi avversi u miżuri marbuta magħhom
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 45, il-punt (c), tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Minħabba l-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi li seħħew f’diversi reġjuni tal-Istati Membri fir-rebbiegħa tal-2023, il-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex saritilha ħsara drammatika. Fi Spanja, il-produzzjoni ppjanata fir-reġjun tal-Katalonja tnaqqset b’mill-inqas 50 % minħabba sitwazzjoni ta’ nixfa, filwaqt li l-produzzjoni fir-reġjun tal-Emilia-Romagna fl-Italja nqerdet minn għargħar. In-nixfa kellha wkoll impatt serju fuq il-livell ta’ produzzjoni u l-kwalità tagħha f’xi reġjuni fi Franza u fil-Portugall. |
|
(2) |
Minħabba n-natura bla preċedent tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi tar-rebbiegħa tal-2023, jeħtieġ li jittaffew dawk id-diffikultajiet billi tingħata deroga mid-dispożizzjonijiet dwar il-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 (2) li japplika fis-settur tal-frott u l-ħxejjex. |
|
(3) |
L-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma wkoll vulnerabbli għat-tfixkil u t-taqlib ikkawżati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi tar-rebbiegħa tal-2023 u qed jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ likwidità kkawżati mit-tnaqqis jew il-qerda tal-produzzjonijiet tagħhom. Dan qed ikollu impatt dirett fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u fuq il-kapaċità tagħhom biex jimplimentaw il-programmi operazzjonali mhux biss fis-sena 2023 iżda wkoll fis-snin sussegwenti, minħabba li l-valur tal-produzzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni għas-sena 2023 jaffettwa l-kalkolu tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għas-snin sussegwenti. Dan qed ikompli jinfluwenza l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jintroduċu miżuri u azzjonijiet li jimmiraw lejn l-effetti ta’ din il-kriżi. Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata kkawżat mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi jxekkel il-kontinwità u l-vijabbiltà futuri tal-programmi operazzjonali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex. |
|
(4) |
It-telf fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fis-settur tal-frott u l-ħxejjex ikkawżat mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi għandu t-tendenza li jkollu impatt kbir fuq l-ammont ta’ għajnuna tal-Unjoni li jirċievu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-sena sussegwenti, billi l-ammont ta’ għajnuna tal-Unjoni jrid jiġi kkalkulat bħala perċentwal tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ kull organizzazzjoni tal-produtturi. Jekk iseħħ telf sostanzjali fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fl-2023, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jirriskjaw li jitilfu r-rikonoxximent tagħhom bħala organizzazzjonijiet tal-produtturi, peress li wieħed mill-kriterji għat-tali rikonoxximent huwa li jilħqu ċertu valur minimu ta’ produzzjoni kkummerċjalizzata stabbilit f’livell nazzjonali. Dan ipoġġi f’riskju l-istabbiltà fit-tul tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Għalhekk, jekk ikun hemm tnaqqis ta’ mill-inqas 35 % fil-valur ta’ prodott fis-sena 2023 ikkawżat mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi tar-rebbiegħa tal-2023, u jekk dan iseħħ minħabba raġunijiet mhux relatati mar-responsabbiltà u l-kontroll tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jenħtieġ li l-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għall-2023 jiġi stabbilit bħala 100 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għall-medja tal-ħames perjodi ta’ referenza preċedenti ta’ 12-il xahar esklużi l-inqas u l-ogħla valuri, biex jiġi kkumpensat dak it-telf. |
|
(5) |
Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Deroga temporanja mir-Regolament Delegat (UE) 2022/126
B’deroga mill-Artikolu 32(3), il-punt (b), tar-Regolament Delegat (UE) 2022/126, meta jkun seħħ tnaqqis ta’ mill-inqas 35 % fil-valur ta’ prodott minħabba l-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023 minħabba raġunijiet mhux relatati mar-responsabbiltà u l-kontroll tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ dak il-prodott fl-2023 għandu jitqies li jirrappreżenta 100 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għall-medja tal-ħames perjodi preċedenti ta’ referenza ta’ 12-il xahar, esklużi l-inqas u l-ogħla valuri.
L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha turi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li l-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu huma ssodisfati.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Awwissu 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rekwiżiti addizzjonali għal ċerti tipi ta’ intervent speċifikati mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għall-perjodu mill-2023 sal-2027 skont dak ir-Regolament kif ukoll regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT) (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 52).