26.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1947

tat-22 ta’ Novembru 2019

li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-gomma tal-kassja bħala addittiv tal-għalf għall-qtates u għall-klieb

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

(2)

Il-gomma tal-kassja ġiet awtorizzat mingħajr limitu ta’ żmien f’konformità mad-Direttiva 70/524/KEE bħala addittiv tal-għalf għall-qtates u għall-klieb (3). Sussegwentement, dan l-addittiv iddaħħal fir-Reġistru tal-addittivi fl-għalf bħala prodott eżistenti, f’konformità mal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, ġew ippreżentati erba’ applikazzjonijiet għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-gomma tal-kassja bħala addittiv tal-għalf għall-qtates u għall-klieb. L-applikanti talbu li dan l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi teknoloġiċi” u fil-grupp funzjonali “aġenti li jgħaqqdu”. Ma’ dawk l-applikazzjonijiet intbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Sussegwentement, tlieta minn dawk l-applikazzjonijiet ġew irtirati min-naħa tal-applikanti għall-awtorizzazzjoni rispettivi.

(4)

Fl-opinjonijiet tagħha tat-29 ta’ Ottubru 2014 (4), tal-25 ta’ Jannar 2017 (5) u tas-27 ta’ Novembru 2018 (6), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-gomma tal-kassja purifikata (estrazzjoni tal-isopropanol) u semiraffinata li tilħaq l-ispeċifikazzjonijiet tal-gomma tal-kassja bħala addittiv fl-ikel (7) (< 0,5 mg antrakwinoni/kg) biss m’għandhiex effett negattiv fuq is-saħħa tal-annimali f’kontenut massimu ta’ 13 200 mg/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %. Ikkonkludiet ukoll li l-addittiv huwa meqjus bħala sensitizzatur respiratorju u tal-ġilda u bħala irritant potenzjali għall-ġilda u għall-għajnejn. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa sabiex jiġu evitati effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tal-utenti tal-addittiv. Ikkonkludiet, barra minn hekk, li l-mutaġeniċità tal-gomma tal-kassja semiraffinata li teżisti fis-suq, kif deskritta fl-applikazzjoni ma tistax tiġi eskluża. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-gomma tal-kassja għandha l-potenzjal li tkun effettiva bħala aġent li jgħaqqad meta tintuża flimkien mal-karraġenina fl-għalf b’kontenut ta’ ndewwa ogħla minn 20 %. L-Awtorità ma tqisx li hemm bżonn ta’ rekwiżiti speċifiċi għas-sorveljanza ta’ wara t-tqegħid fis-suq. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodi tal-analiżi tal-addittiv tal-għalf, fl-għalf li ġie ppreżentat mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Il-valutazzjoni tal-gomma tal-kassja turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati, sakemm l-ispeċifikazzjonijiet bħala addittiv tal-ikel jiġu ssodisfati. Għalhekk, jenħtieġ li l-użu ta’ dan l-addittiv jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu rtirati mis-suq kemm il-gomma tal-kassja bħala prodott eżistenti li ma jikkonformax mal-ispeċifikazzjonijiet bħala addittiv fl-ikel, kif ukoll l-għalf li fih dan l-addittiv. Madankollu, għal raġunijiet prattiċi, jenħtieġ li jingħata perjodu limitat għall-irtirar mis-suq tal-ħażniet eżistenti tal-addittiv u tal-għalf li jkun fih dan l-addittiv sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

L-addittiv speċifikat fl-Anness, li jidħol fil-kategorija ta’ addittivi “addittivi teknoloġiċi” u fil-grupp funzjonali “aġenti li jgħaqqdu”, huwa awtorizzat bħala addittiv fl-għalf tal-annimali, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Miżuri tranżizzjonali

1.   L-addittiv tal-għalf gomma tal-kassja, li ġie prodott u ttikkettat qabel is-16 ta’ Diċembru 2019 f’konformità mar-regoli applikabbli is-16 ta’ Diċembru 2019 jista’ jibqa’ jitqiegħed fis-suq u jintuża sas-16 ta’ Marzu 2020.

2.   It-taħlitiet lesti minn qabel li fihom l-addittiv tal-għalf imsemmi fil-paragrafu 1, li ġew prodotti u ttikkettati qabel is-16 ta’ Marzu 2020 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-16 ta’ Diċembru 2019 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sas-16 ta’ Ġunju 2020.

3.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittiv tal-għalf imsemmi fil-paragrafu 1 jew it-taħlitiet lesti minn qabel imsemmija fil-paragrafu 2, li ġew prodotti u ttikkettati qabel is-16 ta’ Ġunju 2020 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-16 ta’ Diċembru 2019 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sas-16 ta’ Diċembru 2020.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta’ Novembru 1970 li tirrigwarda addittivi f’għalf għall-bhejjem

(ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/55/KEE tat-25 ta’ Ġunju 1993 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE dwar l-addittivi fl-għalf (ĠU L 206, 18.8.1993, p. 11).

(4)   EFSA Journal 2014; 12(11):3899, 3900, 3901 u 3902

(5)   EFSA Journal 2017; 15(2):4709 u 4710

(6)   EFSA Journal 2019;17(1):5528.

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni

mg tal-addittiv/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija tal-addittivi: addittivi teknoloġiċi. Grupp funzjonali: aġenti li jgħaqqdu

1f499

Gomma tal-kassja

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparat ta’ endosperma purifikata ta’ Cassia tora, Cassia obtusifolia (Leguminosae) li jkun fih inqas minn 0,05 % Cassia occidentalis.

Antrakwinoni (total) < 0,5 mg/kg

Fil-forma ta’ trab

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Prinċipalment unitajiet ta’ 1,4-β-D-mannopiranożju li jingħaqdu ma’ unitajiet ta’ α-D-galattopiranożju b’konnessjonijiet 1,6.

Il-proporzjoni bejn il-mannożju u l-galattożju huwa 5:1.

Galattomannani > 75 %

Metodu analitiku  (1)

Għad-determinazzjoni tal-gomma tal-kassja fl-addittiv tal-għalf:

Il-monografija N0.10  (2) tal-FAO JECFA, kif imsemmija fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/67/UE  (3)

Klieb

Qtates

-

-

13 200

1.

L-addittiv għandu jintuża biss fl-għalf komplet li jkollu kontenut ta’ ndewwa > 20 % flimkien mal-karraġenina (li tirrappreżenta mill-inqas 25 % tal-ammont tal-gomma tal-kassja użat).

2.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati jew imnaqqsa għall-minimu bi proċeduri u miżuri ta’ dan it-tip, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b’tagħmir ta’ protezzjoni personali, inklużi l-protezzjonijiet tal-ġilda, tal-għajnejn u tan-nifs.

16.12.2029


(1)  Id-dettalji dwar il-metodi analitiċi huma disponibbli f’dan l-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza għall-Addittivi tal-Għalf: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports

(2)  FAO JECFA Combined Compendium of Food Additive Specifications, “Cassia Gum”, Monograph No. 10 (2010), http://www.fao.org/fileadmin/user_upload/jecfa_additives/docs/monograph10/additive-513-m10.pdf

(3)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/67/UE tal-20 ta’ Ottubru 2010 li temenda d-Direttiva 2008/84/KE li tispeċifika l-kriterji tal-purità rigward l-addittivi tal-ikel apparti mill-kuluri u s-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa. ĠU L 277, 21.10.2010 , p. 17.