12.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/32


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2284

tal-11 ta' Diċembru 2017

li jingħata appoġġ lil Stati fir-reġjuni tal-Afrika, tal-Asja u l-Paċifiku u tal-Amerika Latina u l-Karibew biex jipparteċipaw fil-proċess konsultattiv tal-grupp preparatorju ta' esperti ta' livell għoli dwar it-trattat għall-waqfien tal-produzzjoni ta' materjal fissili

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (“l-Istrateġija”), li l-Kapitolu II tagħha jelenka miżuri li għandhom jiġu segwiti għal multilateraliżmu effettiv li huwa l-bażi tal-istrateġija Ewropea għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (AQM). Din tiddikjara, fost l-oħrajn, li “l-UE hija impenjata lejn is-sistema multilaterali ta' trattati, li tipprovdi l-bażi legali u normattiva għall-isforzi kollha ta' nonproliferazzjoni”, u li “l-politika tal-UE tfittex li tilħaq ftehim internazzjonali dwar il-projbizzjoni tal-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi nukleari jew apparat splussiv nukleari ieħor”.

(2)

L-Unjoni qed timplimenta l-Istrateġija b'mod attiv u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitoli III tagħha, b'mod partikolari billi tirrilaxxa r-riżorsi finanzjarji b'appoġġ għal proġetti speċifiċi bil-għan li jsaħħu s-sistema multilaterali ta' nonproliferazzjoni u l-miżuri multilaterali ta' tisħiħ tal-fiduċja.

(3)

Fit-8 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet tiegħu u dokument intitolat “Linji ta' azzjoni ġodda mill-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva u s-sistemi ta' kunsinna tagħhom”. Id-dokument jiddikjara, fost l-oħrajn, li l-UE timpenja ruħha li tkompli u tintensifika l-azzjoni “favur il-bidu ta' negozjati dwar l-FMCT”.

(4)

L-UE appellat b'mod persistenti għall-bidu immedjat u l-konklużjoni bikrija tan-negozjati ta' Trattat li jipprojbixxi l-produzzjoni ta' materjal fissili għall-armi nukleari jew apparat splussiv nukleari ieħor, abbażi tad-dokument CD/1299 u l-mandat li jinsab fih. Bl-istess mod l-UE ilha tħeġġeġ lill-membri kollha tal-Konferenza dwar id-Diżarm (KD) jagħmlu l-almu tagħhom biex joħorġu mis-sitwazzjoni ta' staġnar fil-KD u jadottaw programm ta' ħidma komprensiv u bbilanċjat li jinkludi l-bidu immedjat ta' negozjati dwar trattat għall-waqfien tal-produzzjoni ta' materjal fissili (FMCT, fissile material cut-off treaty).

(5)

Fl-2013, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) adottat riżoluzzjoni li stabbilixxiet Grupp ta' Esperti Governattivi (GEG) magħżula minn 25 Stat biex jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar aspetti possibbli li jikkontribwixxu għal, iżda ma jinnegozjawx, trattat li jipprojbixxi l-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi nukleari jew apparat splussiv nukleari ieħor. Il-GEG ippreżenta r-rapport tiegħu lill-Ewwel Kumitat (Diżarm) tal-AĠNU fl-2015.

(6)

Fl-2016 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-Riżoluzzjoni 71/259, intitolata “Trattat li jipprojbixxi l-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi nukleari jew apparat splussiv nukleari ieħor”. Ir-Riżoluzzjoni 71/259 titlob lis-Segretarju Ġenerali jistabbilixxi grupp preparatorju ta' esperti ta' livell għoli dwar l-FMCT biex jikkunsidra u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar elementi sostanzjali ta' trattat futur multilaterali u mhux diskriminatorju, li jista' jiġi verifikat internazzjonalment u b'mod effettiv, li jipprojbixxi l-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi nukleari jew għal apparat splussiv ieħor. Il-grupp preparatorju ta' esperti ta' livell għoli dwar l-FMCT ser ikollu sħubija ta' 25 Stat, u ser jorganizza żewġ laqgħat Konsultattivi Informali miftuħa għall-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti biex l-Istati kollha jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-proċess tal-FMCT. Hu mistenni li x-xogħol li jrid isir mill-Grupp Preparatorju ser iwassal għal negozjati dwar din il-kwistjoni importanti sabiex isir aktar progress fid-diżarm u n-nonproliferazzjoni nukleari.

(7)

L-Istati Membri kollha tal-UE vvutaw favur ir-Riżoluzzjoni 71/259 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-2016 dwar l-FMCT, li ġiet ippreżentata mill-Kanada, il-Ġermanja u n-Netherlands. Ir-Riżoluzzjoni twaqqaf proċess inklużiv billi torganizza laqgħat konsultattivi informali mal-Istati Membri kollha tan-NU u l-President tal-grupppreparatorju ta' esperti ta' livell għoli dwar l-FMCT. Diversi Stati Membri tal-UE ser jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupppreparatorju ta' esperti ta' livell għoli, li l-mandat tiegħu huwa li jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar elementi sostanzjali għal trattat futur, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet nazzjonali f'negozjati futuri.

(8)

Il-grupp preparatorju ta' esperti ta' livell għoli dwar l-FMCT ser jagħti kontribut prattiku għall-isforzi għad-diżarm u n-nonproliferazzjoni nukleari. Il-Grupp ta' Esperti Governattivi (1) u żewġ rapporti tas-Segretarju Ġenerali dwar dan is-suġġett (2) identifikaw il-kumplessità tal-kwistjoni kif ukoll is-suġġetti li jistħoqqilhom aktar analiżi u kunsiderazzjoni mill-Istati Membri tan-NU. Il-grupp preparatorju ta' esperti ta' livell għoli dwar l-FMCT ser jirrapporta lill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-73 sessjoni tagħha (2018).

(9)

B'mod aktar ġenerali, il-materjal fissili (bħal uranju jew plutonju arrikit ħafna) li jista' joħloq reazzjoni katina splussiva tal-fissjoni huwa ingredjent essenzjali ta' armi nukleari. Il-bidu immedjat u l-konklużjoni bikrija tan-negozjati fil-KD ta' trattat li jipprojbixxi l-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi nukleari jew apparat splussiv nukleari ieħor ilhom prijorità tal-UE għal żmien twil.

(10)

Trattat li jipprojbixxi l-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi nukleari jew apparat splussiv nukleari ieħor ikun jikkostitwixxi pass essenzjali lejn il-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal dinja mingħajr armi nukleari. L-FMCT huwa meqjus bħala strument multilaterali li għandu jiġi nnegozjat fil-qasam tad-diżarm nukleari bħala komplementari għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT) u t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   F'konformità mal-Istrateġija tal-UE, li tistabbilixxi l-objettiv tal-appoġġ, l-implimentazzjoni u t-tisħiħ tat-trattati u l-ftehimiet multilaterali ta' diżarm u nonproliferazzjoni, l-Unjoni għandha tipprovdi appoġġ lil Stati fir-reġjuni tal-Afrika, tal-Asja u l-Paċifiku u tal-Amerika Latina u l-Karibew biex jipparteċipaw fil-proċess konsultattiv tal-grupp preparatorju ta' esperti ta' livell għoli dwar it-trattat għall-waqfien tal-produzzjoni ta' materjal fissili.

2.   Il-proġetti li jipprovdu appoġġ lil Stati fir-reġjuni tal-Afrika, tal-Asja u l-Paċifiku u tal-Amerika Latina u l-Karibew biex jipparteċipaw fil-proċess konsultattiv tal-grupp preparatorju ta' esperti ta' livell għoli dwar l-FMCT, li jikkorrispondu għal miżuri skont l-Istrateġija tal-UE, għandhom jikkonsistu f'sessjonijiet ta' ħidma subreġjonali, laqgħat ta' esperti, attivitajiet ta' appoġġ sostantiv lil Stati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-istabbiliment ta' repożitorju ta' informazzjoni rilevanti u pubblikazzjonijiet.

3.   L-għan tal-proġetti għandu jkun:

—

il-faċilitazzjoni tad-djalogu fil-livell reġjonali fost Stati fir-reġjuni tal-Afrika, tal-Asja u l-Paċifiku u tal-Amerika Latina u l-Karibew;

—

l-iżvilupp ta' sens ta' sjieda tal-kwistjoni fost Stati f'dawn ir-reġjuni;

—

l-identifikazzjoni ta' ħtiġijiet u prijoritajiet ta' politika nazzjonali ta' Stati f'dawn ir-reġjuni;

—

l-involviment ta' organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti fid-diskussjonijiet dwar trattat li jipprojbixxi l-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi nukleari jew apparat splussiv nukleari ieħor li għandu jiġi nnegozjat fil-qafas tal-Konferenza dwar id-Diżarm;

—

l-evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-proċess fil-livell reġjonali u tar-rwol li organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti jistgħu jkollhom f'dak il-proċess;

—

l-analiżi komparattiva tal-implikazzjonijiet tal-proċess għal kull reġjun;

—

il-faċilitazzjoni tat-trażmissjoni ta' għarfien bejn id-dinja akkademika, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-Istati Membri relatat ma' materjali fissili.

4.   Fl-Anness hemm deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli (RGħ) għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA) permezz tal-Fergħa ta' Ġinevra u l-Fergħa għad-Diżarm Reġjonali tiegħu, it-tliet ċentri reġjonali għall-paċi u d-diżarm fl-Afrika (UNREC), fl-Asja u l-Paċifiku (UNRCPD) u fl-Amerika Latina u l-Karibew (UNLIREC). L-UNODA għandu jwettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan il-għan, ir-RGħ għandha tagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-UNODA.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 1 220 880,51.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-UNODA għall-ammont ta' referenza hekk kif tiġi adottata din id-Deċiżjoni. Il-ftehim għandu jistipula li l-UNODA għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 4

1.   Ir-RGħ għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mill-UNODA. Dawk ir-rapporti għandhom ikunu l-bażi għall-evalwazzjoni li ssir mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha jekk sa dakinhar ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ta' finanzjament.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  A/70/81, ir-Rapport tal-Grupp ta' Esperti Governattivi li jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar aspetti possibbli li jistgħu jikkontribwixxu għal, iżda ma jinnegozjawx, trattat li jipprojbixxi l-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi nukleari jew apparat splussiv nukleari ieħor.

(2)  A/68/154, A/68/154/Add.1, A/71/140/Rev.1 u A/71/140/Rev.1/Add.1


ANNESS

1.   OBJETTIV

Hemm bżonn li l-Istati jifhmu b'mod sħiħ l-implikazzjonijiet ta' trattat futur u r-relazzjoni tiegħu ma' strumenti reġjonali dwar żoni ħielsa mill-armi nukleari, it-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni Nukleari (TNP) u strumenti oħra fi stadju bikri tal-proċess. Għaldaqstant l-għan globali tad-Deċiżjoni l-ġdida tal-Kunsill għandu jkun li tipprovdi finanzjament biex tinbena bażi wiesgħa ta' għarfien dwar trattat li jipprojbixxi l-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi nukleari jew apparat splussiv nukleari ieħor jew trattat għall-waqfien tal-produzzjoni ta' materjal fissili (FMCT) fost il-komunità internazzjonali, sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha tan-NU jkunu f'pożizzjoni li jinvolvu ruħhom b'mod sħiħ fil-proċess konsultattiv kif ukoll fi kwalunkwe negozjati futuri fil-qafas tal-Konferenza dwar id-Diżarm dwar trattat bħal dan.

L-involviment ta' Stati Membri tan-NU fil-livell reġjonali ser jikkomplementa l-laqgħat konsultattivi informali li ser isiru mill-President tal-grupp preparatorju ta' esperti ta' livell għoli dwar l-FMCT fi New York, u b'hekk titjieb il-parteċipazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva ta' Stati, u tissaħħaħ l-inklużività ta' negozjati futuri fil-qafas tal-Konferenza dwar id-Diżarm ta' trattat bħal dan.

L-organizzazzjoni ta' sensiela ta' sessjonijiet ta' ħidma (sub)reġjonali ser tippermetti li jiġu kondiviżi għarfien u informazzjoni fir-reġjuni, kif ukoll bejn ir-reġjuni. Is-sessjonijiet ta' ħidma ser jinkludu taħlita ta' sessjonijiet ta' informazzjoni teknika u diskussjonijiet dwar l-implikazzjonijiet u r-rilevanza ta' dawn it-trattati futuri dwar arranġamenti reġjonali eżistenti. Is-sessjonijiet ta' informazzjoni teknika minn esperti rilevanti ser jelaboraw fuq il-kwistjonijiet sostantivi relatati mal-FMCT filwaqt li d-diskussjonijiet ser iwasslu lill-parteċipanti biex jikkunsidraw l-implikazzjonijiet u r-rilevanza reġjonali ta' trattat eventwali.

Il-grupp preparatorju ta' esperti ta' livell għoli dwar l-FMCT ser jirrapporta lill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-73 sessjoni tagħha (2018). L-Assemblea Ġenerali tista' tiddeċiedi li tieħu aktar azzjoni dwar din il-kwistjoni. Sabiex tiġi appoġġata l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tan-NU fid-diskussjoni dwar il-kwistjoni, il-proġett ser ikompli sal-aħħar tas-sessjoni regolari tal-74 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali (Diċembru 2019).

L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA), permezz tal-Fergħa tiegħu ta' Ġinevra u l-Fergħa għad-Diżarm Reġjonali tiegħu, li tinkludi ċ-Ċentru Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Paċi u d-Diżarm (UNREC) f'Lomé, it-Togo, iċ-Ċentru Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Paċi u d-Diżarm fl-Asja u l-Paċifiku (UNRCPD) f'Kathmandu, in-Nepal u ċ-Ċentru Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Paċi, id-Diżarm u l-Iżvilupp fl-Amerika Latina u l-Karibew (UNLIREC) f'Lima, il-Perù, kollha għandhom esperjenza twila ta' għoti ta' appoġġ lil Stati u ta' trawwim ta' djalogu fir-reġjuni rispettivi tagħhom dwar kwistjonijiet ta' diżarm u nonproliferazzjoni nukleari.

L-esperti ser jintgħażlu minn diversi pajjiżi, fuq bażi ġeografika wiesgħa, minn gvernijiet u organizzazzjonijiet reġjonali, kif ukoll minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħall-Bord Internazzjonali dwar Materjali Fissili (IPFM), iċ-Ċentru ta' Verifika, Riċerka, Taħriġ u Informazzjoni (VERTIC), l-Istitut għall-Istudji fuq is-Sigurtà (ISS), u mid-dinja akkademika.

Il-mira 16.8 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU tirrikonoxxi l-ħtieġa li: “titwessa' u tissaħħaħ il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-istituzzjonijiet ta' governanza globali”. Għalhekk, l-attivitajiet previsti f'dan il-proġett jistgħu jkunu ta' kontribut għal dan l-għan.

2.   ATTIVITAJIET

2.1.   Objettivi tal-attivitajiet

—

Il-faċilitazzjoni tad-djalogu fil-livell reġjonali u subreġjonali fost Stati fir-reġjuni tal-Afrika, tal-Asja u l-Paċifiku u tal-Amerika Latina u l-Karibew;

—

L-involviment ta' organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti fid-diskussjonijiet dwar FMCT;

—

L-iżvilupp ta' sens ta' sjieda ta' FMCT futur fost l-Istati kollha;

—

Il-faċilitazzjoni tat-trasmissjoni u l-applikazzjoni tal-għarfien bejn id-dinja akkademika, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-Istati Membri dwar kwistjonijiet rilevanti għall-projbizzjoni tal-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi nukleari jew apparat splussiv nukleari ieħor.

2.2.   Deskrizzjoni tal-attivitajiet

L-attivitajiet kollha ser jiġu organizzati mill-UNODA permezz tal-Fergħa tiegħu ta' Ġinevra u l-Fergħa għad-Diżarm Reġjonali tiegħu, inkluż l-UNREC, ibbażat f'Lomé, it-Togo, mill-UNRCPD, ibbażat f'Kathmandu, in-Nepal, u mill-UNLIREC, ibbażat f'Lima, il-Perù.

(a)

Sessjonijiet ta' ħidma subreġjonali fl-Afrika, fl-Asja u l-Paċifiku u fl-Amerika Latina u l-Karibew

L-UNODA ser jorganizza sa sitt seminars subreġjonali fir-reġjuni tal-Afrika, tal-Asja u l-Paċifiku u tal-Amerika Latina u l-Karibew. L-UNODA ser jorganizza seminar jew żewġ seminars subreġjonali ta' jumejn f'kull wieħed mir-reġjuni tal-Afrika, tal-Asja u l-Paċifiku u tal-Amerika Latina u l-Karibew. Is-seminars subreġjonali ser jiffokaw fuq ir-reġjuni rispettivi tagħhom.

Is-seminars ser jinvolvu esperti mill-bliet kapitali tal-pajjiżi tas-subreġjuni rispettivi kif ukoll il-grupp preparatorju ta' esperti ta' livell għoli dwar l-FMCT, esperti mill-Unjoni Ewropea, u mis-soċjetà ċivili u d-dinja akkademika.

Dawn is-seminars ser jikkomplementaw il-laqgħat konsultattivi informali miftuħa mmexxija mill-President tal-grupp preparatorju ta' esperti ta' livell għoli dwar l-FMCT fi New York f'konformità mar-Riżoluzzjoni 71/259 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u ser jiffaċilitaw l-involviment ta' esperti minn Stati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti fil-kapitali fin-negozjati futuri dwar l-FMCT.

(b)

Laqgħat ta' esperti ma' esperti minn organizzazzjonijiet reġjonali

L-UNODA ser jorganizza tliet laqgħat ta' esperti ma' organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti fir-reġjuni tal-Afrika, tal-Asja u l-Paċifiku u tal-Amerika Latina u l-Karibew, inklużi l-ABACC, l-AFCONE, l-OPANAL u l-Forum Reġjonali tal-ASEAN, biex ilaqqa' membri tal-grupp preparatorju ta' esperti ta' livell għoli dwar l-FMCT, esperti minn organizzazzjonijiet reġjonali u esperti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni, il-VERTIC, l-IPFM, l-ISS, biex iħejju għal negozjati futuri dwar l-FMCT u biex jiffaċilitaw il-kontribut ta' ħila esperta u esperjenza reġjonali f'dawn in-negozjati.

(c)

Appoġġ sostantiv lil Stati Membri

L-UNODA ser jirrispondi għal mhux aktar minn sitt talbiet għal appoġġ sostantiv minn Stati Membri fir-reġjuni tal-Afrika, tal-Asja u l-Paċifiku u tal-Amerika Latina u l-Karibew b'segwitu għas-sessjonijiet ta' ħidma, filwaqt li jqis il-bilanċ ġeografiku.

(d)

Repożitorju tal-materjal ta' riżorsi u pubblikazzjoni tar-riżultati

Sakemm idum il-proġett, l-UNODA ser jiżviluppa u jżomm sit web dedikat li jkun fih il-materjal ta' riżorsi rilevanti, biex jgħin lil Stati jħejju għall-FMCT futur u biex iservi ta' repożitorju tar-riżorsi għal Stati, organizzazzjonijiet reġjonali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u riċerkaturi, u jiffaċilita komunikazzjoni bejn ir-reġjuni.

L-UNODA ser jippubblika sa żewġ Dokumenti Okkażjonali tal-UNODA dwar ir-riżultati tas-sessjonijiet ta' ħidma reġjonali u l-laqgħat ta' esperti ma' organizzazzjonijiet reġjonali.

2.3.   Impatt tal-attivitajiet

—

Ser tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni ta' Stati fir-reġjuni tal-Afrika, tal-Asja u l-Paċifiku u tal-Amerika Latina u l-Karibew fin-negozjati dwar FMCT futur;

—

Ser jinġiebu, fin-negozjati dwar FMCT futur, għarfien u ħila esperta reġjonali eżistenti dwar il-projbizzjoni tal-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi nukleari jew apparat splussiv nukleari ieħor;

—

Ser isir disponibbli materjal ta' riżorsi rilevanti għan-negozjaturi futuri u għall-esperti minn Stati, organizzazzjonijiet reġjonali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mid-dinja akkademika.

3.   SĦAB GĦALL-MIŻURI

—

Sistema tan-NU: L-UNODA permezz tal-Fergħa tiegħu ta' Ġinevra u l-Fergħa għad-Diżarm Reġjonali tiegħu, li tinkludi t-tliet ċentri reġjonali għall-paċi u d-diżarm fl-Afrika (UNREC), l-Asja u l-Paċifiku (UNRCPD) u l-Amerika Latina u l-Karibew (UNLIREC);

—

Organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali: l-ABACC, l-AFCONE, l-OPANAL, il-Forum Reġjonali tal-ASEAN;;

—

Organizzazzjonijiet mhux governattivi: il-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni, il-VERTIC, l-IPFM, l-ISS.

4.   INTERAZZJONI MAL-ISFORZI TAL-UNJONI

Abbażi tal-informazzjoni regolari mill-UNODA dwar l-attivitajiet tiegħu, l-Unjoni tista' tiddeċiedi li tikkomplementa dawk l-isforzi permezz ta' azzjoni diplomatika mmirata bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar l-importanza li jingħeleb l-istaġnar li ilu żmien twil fil-Konferenza dwar id-Diżarm u l-importanza li jibdew immedjatament u jiġu konklużi kmieni n-negozjati fil-Konferenza dwar id-Diżarm fuq Trattat li jipprojbixxi l-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi nukleari jew apparat splussiv nukleari ieħor (FMCT), abbażi tad-dokument CD/1299 u l-mandat li jinsab fih.

5.   BENEFIĊJARJI TAL-ATTIVITAJIET

—

Stati fir-reġjuni tal-Afrika, tal-Asja u l-Paċifiku u tal-Amerika Latina u l-Karibew;

—

Membri tal-grupp preparatorju ta' esperti ta' livell għoli dwar l-FMCT;

—

Grupp ta' Esperti Governattivi dwar il-Verifika tad-Diżarm Nukleari;

—

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-reġjuni tal-Afrika, tal-Asja u l-Paċifiku u tal-Amerika Latina u l-Karibew li jaħdmu fuq id-diżarm u n-nonproliferazzjoni nukleari.

6.   POST

Is-seminars subreġjonali ser jiġu organizzati fil-post taċ-ċentri reġjonali jew f'post fejn hemm uffiċċju reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-subreġjun rispettiv, sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-esperti nazzjonali li jkunu ġejjin mill-ibliet kapitali.

Il-laqgħat ta' esperti ser isiru fil-post tal-organizzazzjonijiet reġjonali jew il-post taċ-ċentri reġjonali.

Ser jingħata appoġġ sostantiv lil Stati Membri fl-ibliet kapitali.

7.   TUL TA' ŻMIEN

It-tul ta' żmien totali stmat tal-proġett huwa ta' 36 xahar.