SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
11 ta’ Lulju 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 98/59/KE – Tkeċċijiet kollettivi – Artikolu 1(1)(a) u Artikolu 2 – Informazzjoni u konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema – Kamp ta’ applikazzjoni – Tmiem tal-kuntratti ta’ xogħol minħabba l-irtirar tal-persuna li timpjega – Artikoli 27 u 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑196/23 [Plamaro] ( 1 ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura
CL,
GO,
GN,
VO,
TI,
HZ,
DN,
DL
vs
DB, fil-kapaċità tagħha bħala werrieta universali ta’ FC,
Fondo de Garantia Salarial (Fogasa),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal (relatriċi), Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl (Relatur), J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal CL, GO, GN, VO, TI, HZ, DN u DL, minn J. M. Moragues Martínez, abogado, |
|
– |
għal DB, fil-kapaċità tagħha bħala werrieta universali ta’ FC, minn L. Sánchez Frías, abogado, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn M. Morales Puerta, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart u I. Galindo Martín, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn CL, GO, GN, VO, TI, HZ, DN u DL minn naħa u DB, fil-kapaċità tagħha bħala werrieta universali tal-persuna li kienet timpjegahom FC, u l-Fondo de Garantía Salarial (FOGASA) (il-Fond ta’ Garanzija Salarjali (Fogasa), Spanja) min-naħa l-oħra, dwar it-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom fl-okkażjoni tal-irtirar ta’ FC. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Fit-Taqsima I tad-Direttiva 98/59, intitolata “It-tifsiriet u l-iskop”, l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:
[…] Għall-iskop tal-kalkolu tan-numru tar-redundancies kif previst fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), it-termini ta’ kuntratt tax-xogħol li jsir fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem għal raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati għandhom ikunu assimilati mar-redundancies sakemm, hemm mill-inqas ħames redundancies.” |
|
4 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, li jinsab fit-Taqsima II tagħha, intitolat “L-informazzjoni u l-konsultazzjoni” jipprovdi: “1. Meta dak li jħaddem ikun qed jikkontempla redundancies kollettivi, huwa għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim. 2. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikopru mezzi u miżuri li jevitaw redundancies kollettivi jew tnaqqis ta’ numri ta’ impjegati affettwati, u biex jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati, inter alia, li jgħinu għall-impjieg jew it-taħriġ mll-ġdid tal-ħaddiema mingħajr xogħol. […] 3. Sabiex jgħinu r-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jagħmlu proposti kostruttivi, min iħaddem għandu fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet:
Min iħaddem għandu jgħaddi lill-awtorità pubblika kompetenti kopja ta’, mill-inqas, l-elementi tal-kommunikazzjoni bil-miktub li hemm previsti fl-ewwel subparagrafu, l-punt (b), is-subpunti (i) sa (v). […]” |
|
5 |
Fit-Taqsima III tad-Direttiva 98/59, intitolata “Il-proċedura għal redundancies kollettivi”, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. Kull min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta’ redundancies kollettivi. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li f’każ ta’ redundancies kollettivi ippjanat ikkawżat mit-terminu ta’ l-attivitajiet ta’ l-istabbiliment bħala riżultat ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, min iħaddem għandu jkun obbligat jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub biss jekk hi titlob hekk. Din in-notifika għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna r- redundancies kollettivi u l-konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2, u partikolarment ir-raġunijiet għar-redundancy, in-numru ta’ ħaddiema li ser jisfgħu mingħajr xogħol, in-numru ta’ ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li fih il- redundancy għandu jiġi effettwat. 2. Min iħaddem għandu jgħaddi lir-rapreżentanti tal-ħaddiema kopja tan-notifika prevista fil-paragrafu 1. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jibħagtu xi kummenti li jista’ jkollhom lill-awtorità pubblika kompetenti.” |
|
6 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, li huwa wkoll parti mit-Taqsima III, jipprovdi: “1. Il- redundancies kollettivi pproġettati nnotifikati lill-awtorità pubblika kompetenti m’għandhomx iseħħu qabel 30 ġurnata wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1) bla ħsara għal xi dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fir-rigward ta’ l-avviż tat-tkeċċija mix-xogħol. L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorità pubblika kompetenti sabiex tnaqqas il-perijodu msemmi fis-subparagrafu preċedenti. […] 4. L-Istati Membri m’għandhomx bżonn japplikaw dan l-Artikolu għar- redundancies kollettivi kkawżati mit-tmiem ta’ l-attivitajiet ta’ l-istabbiliment meta dawn huwa r-riżultat ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/59 “ma għandhiex taffetwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għal ħaddiema jew li jippromovu jew li jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema”. |
Id‑dritt Spanjol
|
8 |
L-Artikolu 49 tal-Estatuto de los Trabajadores (l-Istatut tal-Ħaddiema), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Real Decreto legislativo 2/2015, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 2/2015, li approva t-test irriformulat tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema) tat‑23 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 255 tal‑24 ta’ Ottubru 2015, p. 100224) (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), intitolat “Terminazzjoni tal-kuntratt”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-kuntratt ta’ xogħol jintemm fil-każijiet segwenti: […]
[…]
[…]” |
|
9 |
L-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprovdi: “1. Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet [ta’ dan l-istatut], ‘tkeċċija kollettiva’ tfisser it-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol minħabba raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, organizzattivi jew produttivi fejn, fuq perijodu ta’ disgħin jum, hija taffettwa mill-inqas:
Ir-raġunijiet jitqiesu ekonomiċi meta r-riżultati tal-impriża juru sitwazzjoni ekonomika negattiva, f’każijiet li jkunu kkaratterizzati mill-eżistenza ta’ telf attwali jew previst jew mit-tnaqqis persistenti tal-livell ta’ dħul ordinarju jew tal-bejgħ. Fi kwalunkwe każ, tnaqqis għandu jitqies li jkun persistenti jekk, għal tliet trimestri konsekuttivi, il-limitu ta’ dħul jew bejgħ ordinarju f’kull trimestru jkun iktar baxx minn dak irreġistrat fl-istess trimestru tas-sena preċedenti. Ir-raġunijiet jitqiesu tekniċi meta jseħħu bidliet, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-mezzi jew tal-għodda ta’ produzzjoni; ir-raġunijiet jitqiesu li jkunu relatati mal-organizzazzjoni meta jseħħu bidliet, b’mod partikolari fil-kuntest tas-sistemi jew tal-metodi ta’ xogħol tal-persunal jew fil-mod ta’ organizzazzjoni tal-produzzjoni, u r-raġunijiet jitqiesu li jkunu relatati mal-produzzjoni meta l-bidliet iseħħu, b’mod partikolari, fid-domanda tal-prodotti jew tas-servizzi li l-impriża tkun trid tqiegħed fuq is-suq. It-tkeċċija kollettiva tfisser ukoll it-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol li jirrigwardaw il-ħaddiema kollha, sakemm in-numru ta’ ħaddiema kkonċernati jkun iktar minn ħamsa, meta t-tkeċċija kollettiva sseħħ minħabba l-waqfien totali tal-attività tal-impriża, ibbażata fuq l-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija iktar ’il fuq. Biex jiġi kkalkulat in-numru ta’ terminazzjonijiet ta’ kuntratti ta’ xogħol imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għandha titqies ukoll kull terminazzjoni li seħħet matul il-perijodu inkwistjoni fuq inizjattiva ta’ min iħaddem abbażi ta’ raġunijiet oħrajn, li ma humiex relatati mal-ħaddiem, differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 49(1)(c), sa fejn in-numru ta’ terminazzjonijiet ta’ dan it-tip ikun ta’ ħamsa jew iktar. Meta, matul perijodu ta’ 90 jum suċċessiv, bl-intenzjoni li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, l-impriża ttemm kuntratti ta’ xogħol skont l-Artikolu 52(c) f’numru li jkun iżgħar mil-limiti imsemmija iktar ’il fuq u mingħajr ma jkun hemm raġunijiet ġodda li jiġġustifikaw dan l-aġir, dawn it-terminazzjonijiet il-ġodda inkwistjoni jiġu kkunsidrati bħala li seħħew bi frodi tal-liġi u jiġu ddikjarati nulli u mingħajr effett. 2. It-tkeċċija kollettiva għandha tiġi ppreċeduta minn perijodu ta’ konsultazzjonijiet tar-rappreżentanti legali tal-ħaddiema għal tul massimu ta’ 30 ġurnata ċivili jew ta’ 15-il ġurnata għall-impriżi b’inqas minn 50 ħaddiem. Il-konsultazzjoni tar-rappreżentanti legali għandha tirrigwarda, mill-inqas, il-possibbiltà li jiġu evitati jew imnaqqsa t-tkeċċijiet u li jittaffu l-konsegwenzi tal-miżuri soċjali li jmorru magħhom, bħal miżuri ta’ riklassifikazzjoni jew ta’ azzjonijiet ta’ taħriġ jew ta’ riċiklaġġ professjonali sabiex titjieb il-possibbiltà ta’ impjieg mill-ġdid. Il-konsultazzjoni għandha titwettaq fi ħdan kumitat uniku tan-negozjati, bil-fehim li, meta jkun hemm diversi istituzzjonijiet, din il-konsultazzjoni tkun limitata għall-istabbilimenti ikkonċernati mill-proċedura. Il-kumitat tan-negozjati huwa magħmul minn massimu ta’ tlettax-il membru, li jirrappreżentaw kull waħda mill-partijiet. […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
10 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu ġew impjegati f’wieħed mit-8 stabbilimenti li jappartjenu għall-impriża ta’ FC. Fis‑17 ta’ Ġunju 2020, huma ġew informati minn FC bit-terminazzjoni, b’effett mis‑17 ta’ Lulju 2020, tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom, minħabba l-irtirar ta’ dan tal-aħħar. Dan l-irtirar, li kkonkretizza ruħu fit‑3 ta’ Awwissu 2020, wassal għat-terminazzjoni tal-54 kuntratt ta’ xogħol fis-seħħ f’dawn it-8 stabbilimenti, fosthom it-8 kuntratti ta’ xogħol tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
|
11 |
Fl‑10 ta’ Lulju 2020, dawn tal-aħħar ippreżentaw rikors kontra FC u l-Fogasa quddiem il-Juzgado de lo Social de Barcelona (il-Qorti Industrijali ta’ Barcelona, Spanja), sabiex jikkontestaw it-tkeċċija irregolari li huma jqisu li kienu s-suġġett tagħha. Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2022, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors. |
|
12 |
Adita b’appell minn din is-sentenza, it-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja) hija mitluba b’mod partikolari tiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk it-terminazzjonijiet tal-kuntratti ta’ xogħol tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhomx jitqiesu bħala tkeċċijiet nulli u mingħajr effett, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura ta’ konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema prevista fl-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Ħaddiema, minkejja li dawn it-terminazzjonijiet kienu kkawżati mill-irtirar ta’ FC. |
|
13 |
Din il-qorti tesponi li, f’tali sitwazzjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Ħaddiema dwar din il-konsultazzjoni, bħala prinċipju, ma japplikawx, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda, minn naħa, tal-ħames subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 51(1), li jawtorizza t-teħid inkunsiderazzjoni tat-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal raġunijiet mhux inerenti għall-persuna tal-ħaddiem ħlief sa fejn ikunu seħħew ukoll tkeċċijiet għal raġunijiet ekonomiċi, ta’ organizzazzjoni jew ta’ produzzjoni fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-istess paragrafu, u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 49(1)(g), f’dan l-istess statut, li jipprevedu l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 51 biss meta t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol tirriżulta minn terminazzjoni tal-personalità ġuridika tal-parti kontraenti, u mhux mill-irtirar tal-persuna li timpjega li hija persuna fiżika. |
|
14 |
L-imsemmija qorti tistaqsi, madankollu, jekk l-esklużjoni ta’ din is-sitwazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni inkwistjoni hijiex konformi mad-Direttiva 98/59 u, fin-negattiv, jekk il-ħaddiema kkonċernati jistgħux jinvokaw din id-direttiva kontra l-persuna li timpjegahom li hija persuna fiżika, minkejja li l-imsemmija direttiva ma ġietx implimentata b’mod korrett fid-dritt intern. F’dan l-aħħar rigward, hija tindika li hija konxja mill-fatt li, bħala regola ġenerali, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva ma jistgħux jingħataw effett dirett imsejjaħ “orizzontali” fil-kawżi bejn individwi. Madankollu, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat, f’ċerti każijiet, eċċezzjonijiet għal din ir-regola meta d-dritt inkwistjoni huwa stabbilit ukoll permezz ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jew permezz ta’ dispożizzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) li direttiva tiżgura l-implimentazzjoni konkreta tiegħu, din l-istess qorti tistaqsi jekk eċċezzjoni analoga tistax tiġi applikata, f’dan il-każ, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 27 u/jew 30 tal-Karta. |
|
15 |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ammissibbiltà
|
16 |
Filwaqt li tfakkar li l-54 ħaddiem impjegat mill-impriża ta’ FC kienu mqassma bejn it-8 stabbilimenti li kienu jappartjenu lil din l-impriża fiż-żmien tal-irtirar ta’ FC, il-Kummissjoni Ewropea tistaqsi dwar jekk il-limiti relatati man-numru ta’ ħaddiema li kellhom jiġu affettwati minn tkeċċija kollettiva, kif speċifikati fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59, intlaħqux f’dan il-każ. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva b’riferiment biss għall-kunċett ta’ “stabbiliment”, li fih għandhom ikunu impjegati abitwalment mill-inqas 20 persuna. |
|
17 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sa fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li domanda preliminari li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar tali domanda huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad‑29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et, C‑426/16, EU:C:2018:335, punti 30 u 31). |
|
18 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda indikazzjoni fattwali jew ġuridika f’dak li jikkonċerna l-karatteristiċi tal-istabbilimenti tal-impriża ta’ FC fil-mument meta seħħew it-terminazzjonijiet tal-kuntratti ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju ma titlob ebda interpretazzjoni dwar il-limiti kwantitattivi stabbiliti fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59, jew dwar il-portata tal-kunċett ta’ “stabbiliment” li għalih tirreferi l-imsemmija dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, mill-formulazzjoni stess tal-ewwel domanda preliminari jirriżulta li din saret speċifikament fir-rigward ta’ każijiet ta’ terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol “f’numru superjuri għal dak previst fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/59”. |
|
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha, jekk ikun il-każ, fid-dawl tat-tagħlim li jirriżulta, f’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, mis-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Rabal Cañas (C‑392/13, EU:C:2015:318), tevalwa u tikklassifika l-fatti fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-kunċett ta’ “stabbiliment”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59, u tal-limiti kwantitattivi previsti minn din id-dispożizzjoni. |
|
20 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tista’, fil-fatt, titwassal ukoll sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 51(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema u li diġà rrelevat il-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Rabal Cañas (C‑392/13, EU:C:2015:318), u fis-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2009, Rodríguez Mayor et (C‑323/08, EU:C:2009:770), billi jipprevali, f’dan ir-rigward, mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/59, il-leġiżlatur Spanjol, f’dan il-każ, adotta interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tkeċċijiet kollettivi” billi uża bħala unità ta’ riferiment għall-kalkolu tan-numru ta’ ħaddiema li għandhom jiġu affettwati minn tali tkeċċijiet, dik tal-impriża pjuttosta milli dik tal-istabbiliment. |
|
21 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/59 mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma minn din il-qorti hija ta’ natura ipotetika. |
|
22 |
Minn dan isegwi li d-domandi preliminari huma ammissibbli. |
Fuq l‑ewwel domanda
|
23 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59, moqrija flimkien, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ numru ta’ ħaddiema ogħla minn dak previst f’dan l-Artikolu 1(1) minħabba l-irtirar tal-persuna li timpjega, ma hijiex ikklassifikata bħala “tkeċċija kollettiva” u għalhekk ma tagħtix lok għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti f’dan l-Artikolu 2. |
|
24 |
Skont l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tagħha, “[tkeċċijiet] kollettivi” tfisser tkeċċijiet imwettqa minn min iħaddem għal raġuni waħda jew iktar li ma humiex relatati mal-ħaddiema individwali sakemm jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet ta’ natura kwantitattiva/temporali (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑55/02, EU:C:2004:605, punt 43). |
|
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm id-Direttiva 98/59 ma tiddefinixxix espressament il-kunċett ta’ “[tkeċċija]”, hija ġurisprudenza stabbilita li, fid-dawl tal-għan imfittex minn din id-direttiva u tal-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 1(1)(a) tagħha, dan il-kunċett, li jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi u li ma jistax jiġi ddefinit b’riferiment għal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi kull terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol mhux mixtieqa mill-ħaddiem, u għalhekk mingħajr il-kunsens tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Pujante Rivera,C‑422/14, EU:C:2015:743, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 98/59 li jipprevedi, hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 tagħha, b’mod partikolari, it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi, il-kunċetti li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, inkluż il-kunċett ta’ “tkeċċija” msemmi fl-Artikolu 1(1)(a) tagħha, ma jistgħux jirċievu interpretazzjoni restrittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Punate Rivera,C‑422/14, EU:C:2015:743, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Sabiex tikkontesta tali klassifikazzjoni f’dak li jikkonċerna t-terminazzjonijiet tal-kuntratti ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali, DB issostni li persuna li timpjega bħal FC għandha, bħall-ħaddiem impjegat minnha, leġittimament tkun tista’ tirtira u ttemm il-kuntratti ta’ xogħol li hija kkonkludiet, u dan jikkostitwixxi, barra minn hekk, avveniment prevedibbli għall-ħaddiem li b’hekk jimpenja ruħu fir-rabtiet ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma’ persuna fiżika. DB tikkunsidra wkoll li proċedura ta’ konsultazzjoni bħal dik prevista mid-Direttiva 98/59 ma hijiex rilevanti meta t-terminazzjonijiet tal-kuntratti ta’ xogħol previsti jkunu marbuta mal-irtirar tal-persuna li timpjega li, bħalma kien il-każ f’dan il-każ, jirrendi t-tkeċċijiet ikkonċernati inevitabbli. |
|
28 |
F’dan ir-rigward, għandu madankollu jitfakkar, minn naħa, li l-kunċett ta’ “tkeċċija”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59, ma jeżiġix b’mod partikolari li l-kawżi sottostanti għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol jikkorrispondu għar-rieda tal-persuna li timpjega u, min-naħa l-oħra, li terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol ma taħrabx mill-applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba s-sempliċi fatt li hija dipendenti fuq ċirkustanzi esterni għar-rieda tal-persuna li timpjega (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑55/02, EU:C:2004:605, punti 50 u 60). |
|
29 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, anki f’każijiet fejn il-waqfien definittiv tal-attività tal-impriża ma jiddependix mir-rieda tal-persuna li timpjega u fejn jirriżulta li l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva 98/59 ma hijiex possibbli, xorta jibqa’ l-fatt li l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma tistax tiġi eskluża kollha kemm hi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑55/02, EU:C:2004:605, punt 57). |
|
30 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll, b’mod partikolari, li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 98/59, il-konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema ma għandhomx biss l-għan li jnaqqsu jew li jevitaw tkeċċijiet kollettivi, iżda wkoll, fost affarijiet oħra, il-possibbiltajiet li jtaffu l-konsegwenzi ta’ dawn it-tkeċċijiet billi jintużaw miżuri soċjali li jmorru magħhom intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni jew it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema mkeċċija (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑55/02, EU:C:2004:605, punt 58). Dawn il-konsultazzjonijiet jibqgħu għalhekk rilevanti meta t-terminazzjonijiet tal-kuntratti ta’ xogħol previsti jkunu marbuta mal-irtirar ta’ min iħaddem. |
|
31 |
Ċertament, huwa minnu li, fis-sentenza tagħha tal‑10 ta’ Diċembru 2009, Rodríguez Mayor et (C‑323/08, EU:C:2009:770), li kienet tikkonċerna wkoll dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Ħaddiema, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ diversi ħaddiema minħabba l-mewt tal-persuna li timpjegahom ma hijiex ikklassifikata bħala “tkeċċija kollettiva” u lanqas ma hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-direttiva. |
|
32 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal tali interpretazzjoni biss wara li rrilevat, b’mod partikolari, fil-punti 34 sa 41 tal-imsemmija sentenza, li mill-kliem tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 flimkien ma’ dawk tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1), tal-Artikolu 2(1) u (3) u tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, kien jirriżulta biss il-kunċett ta’ “tkeċċijiet kollettivi”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a), l-imsemmija direttiva tippreżupponi l-eżistenza ta’ persuna li timpjega li tkun ipprevediet tali tkeċċijiet u li tkun f’pożizzjoni, minn naħa, li twettaq, f’din il-perspettiva, l-atti msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tal-istess direttiva u, min-naħa l-oħra, li tipproċedi, jekk ikun il-każ, għal tali tkeċċijiet. Issa, fil-punt 42 ta l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li tali kundizzjonijiet ma kinux għadhom ivverifikati fil-każ tal-mewt ta’ persuna li timpjega li topera impriża bħala persuna fiżika. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll, fil-punt 44 ta’ din is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2009, Rodríguez Mayor et (C‑323/08, EU:C:2009:770), li l-għan prinċipali tad-Direttiva 98/59, jiġifieri li t-tkeċċijiet kollettivi jkunu ppreċeduti minn konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u li l-awtorità pubblika kompetenti tiġi informata, ma jistax jintlaħaq fil-każ ta’ kwalifika bħala “tkeċċija kollettiva” tat-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol tal-persunal kollu ta’ impriża amministrata minn persuna fiżika minħabba li jitwaqqfu l-attivitajiet ta’ din l-impriża wara l-mewt tal-persuna li tħaddem, peress li tali konsultazzjoni ma tkunx tista’ sseħħ u li għalhekk ma jkun possibbli, la li jiġu evitati u lanqas li jitnaqqsu t-terminazzjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol u lanqas li jittaffew il-konsegwenzi. |
|
34 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punt 48 tal-imsemmija sentenza, li l-obbligi ta’ konsultazzjoni u ta’ notifika imposti fuq il-persuna li timpjega jitnisslu qabel id-deċiżjoni li jiġu xolti l-kuntratti ta’ xogħol u rrilevat, f’dan ir-rigward, fil-punt 50 tal-istess sentenza, li, fil-każ tal-mewt tal-persuna fiżika li timpjega, la teżisti deċiżjoni li jiġu xolti kuntratti ta’ xogħol u lanqas intenzjoni minn qabel li jsir tali xoljiment. |
|
35 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-karatteristiċi partikolari tas-sitwazzjoni li fiha l-persuna li timpjega li hija persuna fiżika mietet, imfakkra fil-punti 32 sa 34 ta’ din is-sentenza, ma jinsabux fil-każ fejn it-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol hija l-konsegwenza tal-irtirar ta’ tali persuna li timpjega. |
|
36 |
Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, il-persuna li timpjega li tipprevedi tali terminazzjonijiet ta’ kuntratti ta’ xogħol fid-dawl tal-irtirar tagħha, hija, bħala prinċipju, f’pożizzjoni li twettaq l-atti msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 98/59 u, f’dan il-kuntest, li twettaq konsultazzjonijiet intiżi b’mod partikolari sabiex jiġu evitati dawn it-terminazzjonijiet jew sabiex jitnaqqas in-numru tagħhom jew, fi kwalunkwe każ, sabiex jittaffew il-konsegwenzi tagħhom. |
|
37 |
Barra minn hekk, ftit jimporta li sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dritt Spanjol, ma humiex ikkwalifikati bħala tkeċċijiet, iżda bħala terminazzjonijiet ipso jure tal-kuntratti ta’ xogħol. Fil-fatt, dawn huma terminazzjonijiet ta’ kuntratti ta’ xogħol mhux mixtieqa mill-ħaddiem u għalhekk tkeċċijiet fis-sens tad-Direttiva 98/59 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑55/02, EU:C:2004:605, punt 62). |
|
38 |
Għaldaqstant, kull leġiżlazzjoni nazzjonali jew interpretazzjoni tagħha li twassal sabiex jiġi kkunsidrat li t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ikkawżata mill-irtirar tal-persuna fiżika li timpjega ma hijiex “tkeċċija”, fis-sens tad-Direttiva 98/59, tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u għaldaqstant iċċaħħdilha l-effettività sħiħa tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Pujante Rivera,C‑422/14, EU:C:2015:743, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59, moqrija flimkien, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ numru ta’ ħaddiema ogħla minn dak previst f’dan l-Artikolu 1(1) minħabba l-irtirar tal-persuna li timpjega, ma hijiex ikkwalifikata bħala “tkeċċija kollettiva” u għalhekk ma tagħtix lok għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti f’dan l-Artikolu 2. |
Fuq it‑tieni domanda
|
40 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq qorti nazzjonali adita b’tilwima bejn individwi li tħalli leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik imsemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, mhux applikata fil-każ li din tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59. |
|
41 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta japplikaw id-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jinterpretawh sa fejn possibbli fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat intiż minnha u, għaldaqstant, jikkonformaw ruħhom mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 288 TFUE (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Għandu wkoll jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali jeħtieġ li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Madankollu, kif fakkret ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi għandu ċerti limiti. B’hekk, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għad-dritt tal-Unjoni meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI,C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
F’dan il-każ, DB u l-Gvern Spanjol għandhom opinjonijiet diverġenti dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax jew le tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni xierqa sabiex tiġi żgurata l-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59, fejn l-ewwel waħda hija tal-fehma li t-termini ċari u preċiżi li bihom huwa fformulat l-Artikolu 49(1)(g) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprekludu tali interpretazzjoni konformi u t-tieni premessa, għall-kuntrarju, li tali interpretazzjoni hija possibbli u li ma għandhiex natura contra legem. |
|
45 |
Madankollu, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qrati nazzjonali biss li għandhom jiddeċiedu dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, b’tali mod li hija l-qorti tar-rinviju li għandha, jekk ikun il-każ, tiddeċiedi l-punt dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax jew le tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni xierqa sabiex tiġi żgurata l-konformità tagħha mad-Direttiva 98/59. |
|
46 |
Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, direttiva ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi għal individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali kontrih. Fil-fatt, jekk l-invokabbiltà ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva mhux trasposta jew trasposta b’mod żbaljat tiġi estiża għall-qasam tar-relazzjonijiet bejn l-individwi, dan iwassal sabiex jiġi rrikonoxxut li l-Unjoni għandha s-setgħa li tistabbilixxi, b’effett immedjat, obbligi fuq l-individwi, meta fil-fatt hija għandha din il-kompetenza biss fejn ingħatat is-setgħa li tadotta regolamenti (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 ma jistgħux jiġu invokati, inkwantu tali, f’kawża bejn individwi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jiġi ggarantit l-effett sħiħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet billi titħalla mhux applikata dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 78). |
|
48 |
Fl-aħħar nett, għandha tiġi eżaminata l-portata rispettiva tal-Artikolu 27 u tal-Artikolu 30 tal-Karta sabiex jiġi ddeterminat, kif titlob il-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, jekk waħda jew l-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jistgħu jiġu invokati, waħedhom jew flimkien mal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59, f’tilwima bejn individwi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex il-qorti nazzjonali tiġi eskluża minn leġiżlazzjoni nazzjonali li b’hekk titqies li tmur kontra l-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. |
|
49 |
Fir-rigward, minn naħa, tal-Artikolu 27 tal-Karta, intitolat “Id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża”, li jipprevedi li l-ħaddiema għandhom jiġu ggarantiti, f’livelli differenti, informazzjoni u konsultazzjoni fil-każijiet u fil-kundizzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mil-leġiżlazzjonijiet u mill-prattiki nazzjonali, huwa biżżejjed, f’dan il-każ, li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar, li, sabiex din tipproduċi l-effetti kollha tagħha, hija għandha tiġi ppreċiżata mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali (sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale,C‑176/12, EU:C:2014:2, punti 44 u 45, kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 84). |
|
50 |
F’dan ir-rigward, regoli bħal dawk li jinsabu fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59, indirizzati lill-Istati Membri u li jiddeterminaw il-każijiet li fihom proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema għandha sseħħ fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva tagħhom kif ukoll il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li din l-informazzjoni u din il-konsultazzjoni għandhom ikunu suġġetti għalihom, ma jistgħux jiġu dedotti, inkwantu dispożizzjonijiet legali direttament applikabbli, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 46). |
|
51 |
Għaldaqstant, l-Artikolu 27 tal-Karta ma jistax, inkwantu tali, jiġi invokat f’kawża bejn individwi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi konkluż li dispożizzjonijiet nazzjonali mhux konformi mal-Artikolu 1(1) u mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 għandhom jitwarrbu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 48). |
|
52 |
Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-kombinazzjoni tal-Artikolu 27 tal-Karta mal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59, peress li, sa fejn dan l-Artikolu 27 ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jikkonferixxi lill-individwi dritt invokabbli bħala tali, ma jistax ikun differenti f’każ ta’ tali kombinazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 49). |
|
53 |
Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 30 tal-Karta, li jipprovdi li kull ħaddiem għandu dritt għal protezzjoni kontra kull tkeċċija inġusta, konformement mad-dritt tal-Unjoni u mal-leġiżlazzjonijiet u mal-prattiki nazzjonali, għandu jitqies li l-motivi esposti fil-punti 49 sa 52 ta’ din is-sentenza għandhom, mutatis mutandis, iwasslu għal konklużjoni analoga għal dik li tirriżulta minn dawn il-punti fir-rigward tal-Artikolu 27 tal-Karta. |
|
54 |
Fil-fatt, bħalma tfakkar fil-punt 49 ta’ din is-sentenza fir-rigward ta’ dan l-Artikolu 27, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 30 tal-Karta jirriżulta b’mod ċar li, sabiex din l-aħħar dispożizzjoni tipproduċi l-effetti tagħha b’mod sħiħ, hija għandha tiġi ppreċiżata permezz ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali. |
|
55 |
Għalhekk, indipendentement ukoll mill-punt dwar jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ regoli relatati mal-informazzjoni u mal-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva bħal dawk previsti fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 jistax jew le jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 30 tal-Karta u tal-kunċett ta’ “tkeċċija inġusta”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali regoli indirizzati lill-Istati Membri, li jiddeterminaw il-każijiet li fihom proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema għandha sseħħ fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva tagħhom kif ukoll il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li din l-informazzjoni u din il-konsultazzjoni għandhom ikunu suġġetti għalihom, ma jistgħux jiġu dedotti, bħala dispożizzjonijiet legali direttament applikabbli, mill-kliem ta’ dan l-Artikolu 30. |
|
56 |
Għaldaqstant, u b’mod analogu għal dak li huwa espost fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-Artikolu 27 tal-Karta, l-Artikolu 30 tagħha ma jistax jiġi invokat, bħala tali jew flimkien mal-Artikolu 1(1) u mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59, f’tilwima bejn individwi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi konkluż li dispożizzjonijiet nazzjonali mhux konformi mal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/59 għandhom jiġu esklużi. |
|
57 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq qorti nazzjonali adita b’tilwima bejn individwi li tħalli leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik imsemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, mhux applikata fil-każ li din tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59. |
Fuq l‑ispejjeż
|
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
( 1 ) Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.