2006R1918 — MT — 01.01.2016 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1918/2006

ta’ l-20 ta' Diċembru 2006

li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tariffarja għaż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija

(ĠU L 365 21.12.2006, p. 84)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 514/2008 tad-9 ta’ Ġunju 2008

  L 150

7

10.6.2008

►M2

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2031 tat-13 ta' Novembru 2015

  L 298

4

14.11.2015




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1918/2006

ta’ l-20 ta' Diċembru 2006

li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tariffarja għaż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 865/2004 tad-29 ta’ April 2004 dwar l-organizzazzjoni komuni taż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 827/68 ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija min-naħa l-oħra ( 2 ) kif emendat bl-Artikolu 3(1) tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija min-naħa l-oħra, biex tiġi kkunsidrata l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka mal-Unjoni Ewropea ( 3 ), approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/720/KE ( 4 ), jiftaħ kwota tariffarja ta’ 56 700 tunnellata b’dazju żero għall-importazzjonijiet ta’ żejt taż-żebbuġa bil-kodiċi NM 1509 10 10 u 1509 10 90 , miksub fl-intier tiegħu fit-Tuneżija u ttrasportat direttament minn hemm lejn il-Komunità.

(2)

Ir-regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta’ Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli amministrati skont sistema ta’ liċenzji għall-importazzjoni ( 5 ), japplika għal-liċenzji għall-importazzjoni għall-perjodi ta’ kwoti tariffarji tal-importazzjoni li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2007.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 1301/2006 jistabbilixxi b’mod partikolari dispożizzjonijiet iddettaljati dwar l-applikazzjonijiet, l-istatus tal-applikanti u l-ħruġ tal-liċenzji. Dan ir-Regolament jillimita l-perjodu ta’ validità tal-liċenzji sal-aħħar jum tal-perjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 tad-9 ta’ Ġunju 2000 li jistabbilixxi regoli ddettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji għall-importazzjoni u l-esportazzjoni u ta’ ċertifikati għall-iffissar minn qabel għal dak li għandu x'jaqsam mal-prodotti agrikoli ( 6 ), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1345/2005 tas-16 ta’ Awwissu 2005 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji għall-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa ( 7 ) u r-Regolament (KE) Nru 1301/2006 għandhom japplikaw bla ħsara għal kundizzjonijiet u derogi addizzjonali stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(5)

Il-forniment taż-żejt taż-żebbuġa lis-suq Komunitarju jippermetti, bħala prinċipju, kunsinna ta’ kwantità skont il-kwota tariffarja mingħajr ma jinħoloq tfixkil fis-suq, sakemm l-importazzjoni ma tkunx ikkonċentrata f'perjodu qasir tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni. Għalhekk għandu jiġi pprovdut li l-liċenzji għall-importazzjoni jinħarġu bejn Jannar u Ottubru skont skeda ta’ kull xahar.

(6)

Filwaqt li jitqies il-vantaġġ li toffri l-applikazzjoni ta’ dazju żero, il-garanzija għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa fil-qafas tal-kwoti tariffarji miftuħa taħt dan ir-Regolament għandha tiġi ffissta b’ammont ogħla minn dak stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1345/2005.

(7)

Għall-fini ta’ ċarezza, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 312/2001 tal-15 ta’ Frar 2001 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni għall-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija u li jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 1476/95 u (KE) Nru 1291/2000 ( 8 ) għandu jitħassar.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għaż-Żjut u x-Xaħmijiet,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1291/2000, ir-Regolament (KE) Nru 1345/2005 u r-Regolament (KE) Nru 1301/2006 għandhom japplikaw bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1.  Infetħet kwota ta’ tariffa bin-numru tal-ordni 09.4032 għall-importazzjoni lejn il-Komunità ta’ żejt verġni taż-żebbuġa li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1509 10 10 u 1509 10 90 , miksub fl-intier tiegħu fit-Tuneżija u ttrasportat direttament minn dan il-pajjiż lejn il-Komunità, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. Il-volum tal-kwota tariffarja għandu jkun ta’ 56 700 tunnellata. Ir-rata ta’ dazju applikabbli għandha tkun 0 %.

▼M2

2.  Il-kwota tinfetaħ mill-1 ta' Jannar ta' kull sena.

▼M2 —————

▼B

Artikolu 3

▼M2

1.  B'deroga mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-applikanti jistgħu jissottomettu applikazzjoni għal liċenzja tal-importazzjoni waħda kull ġimgħa, nhar ta' Tnejn jew nhar ta' Tlieta.

▼B

2.  Kull ġimgħa, fil-jum ta’ xogħol l-għada ta’ nhar ta’ Tlieta, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet li għalihom ikunu ntefgħu applikazzjonijiet għal-liċenzji. In-notifiki għandhom jinqasmu skont il-kodiċi NM.

3.  Il-liċenzji għall-importazzjoni għandhom jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fir-raba’ jum ta’ xogħol li jsegwi t-tmiem tal-perjodu ta’ notifikazzjoni previst fil-paragrafu 2.

▼M2

4.  Il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikunu validi mid-data tal-ħruġ tagħhom, f'konformità mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 ( 9 ), sal-aħħar jum tal-perjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni.

L-ammont tal-garanzija għandu jkun EUR 20 għal kull 100 kilogramma netta.

▼B

5.  B’deroga mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, id-drittijiet li joħorġu mil-liċenzji għall-importazzjoni ma għandhomx ikunu trasferibbli.

Artikolu 4

Ir-Regolament (KE) Nru 312/2001 għandu jitħassar.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak li fih ikun ġie ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU L 161, 30.4.2004, p. 97. Il-Verżjoni korretta ĠU L 206, 9.6.2004, p. 37.

( 2 ) ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2. Il-Ftehim kif l-aħħar emendat bid-Deċiżjoni tal-kunsill 2006/612/KE (ĠU L 260, 21.9.2006, p. 1).

( 3 ) ĠU L 278, 21.10.2005, p. 3.

( 4 ) ĠU L 278, 21.10.2005, p. 1.

( 5 ) ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.

( 6 ) ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 410/2006 (ĠU L 71, 10.3.2006, p. 7).

( 7 ) ĠU L 212, 17.8.2005, p. 13.

( 8 ) ĠU L 46, 16.2.2001, p. 3. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1721/2005 (ĠU L 276, 21.10.2005, p. 3).

( 9 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta' April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3).