|
24.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 340/170 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1559 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tad-29 ta’ April 2021
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima IX — Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern; |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0067/2021), |
|
A. |
billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u billi jiġi implimentat il-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani; |
1.
Jilqa' l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") li skontha l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2019 għall-infiq amministrattiv u għal infiq ieħor tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ("l-EDPS") kienu ħielsa minn żbalji materjali u li s-sistemi ta' superviżjoni u kontroll eżaminati għall-infiq amministrattiv u għal infiq ieħor kienu effikaċi;
2.
Jinnota b'sodisfazzjon li fir-rapport annwali tagħha għall-2019, il-Qorti ma osservat ebda dgħufija serja fir-rigward tat-temi awditjati b'rabta mar-riżorsi umani u l-attivitajiet ta' akkwist għall-EDPS;
3.
Jiddispjaċih, bħala osservazzjoni ġenerali, li l-Kapitolu 9 – "Amministrazzjoni" – tar-Rapport Annwali tal-Qorti għandu kamp ta' applikazzjoni u konklużjonijiet pjuttost limitati, minkejja l-fatt li l-Intestatura 5, "Amministrazzjoni", tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali titqies li tkun ta' riskju baxx; jitlob li x-xogħol ta' awditjar għall-kapitolu dwar l-Amministrazzjoni jkun aktar iffokat fuq kwistjonijiet ta' rilevanza għolja jew saħansitra ta' importanza kritika għall-EDPS;
4.
Jiddikjara li fl-2019 l-EDPS kellu baġit totali allokat ta' EUR 16 638 572 (meta mqabbel ma' EUR 14 449 068 fl-2018 u ma' EUR 11 324 735 fl-2017), li rrappreżenta żieda ta' 15,5 % meta mqabbel mal-baġit tal-2018; jinnota li r-rata ta' implimentazzjoni tal-baġit f'termini ta' impenji kienet ta' 91,97 % (meta mqabbla ma' 93,7 % fl-2018 u ma' 89 % fl-2017); jirrikonoxxi x-xejra pożittiva f'termini ta' rata ta' implimentazzjoni tal-pagamenti li kienet ta' 80,69 % (meta mqabbla ma' 75,2 % fl-2018 u ma' 77 % fl-2017) b'rata ta' riport ta' approprjazzjonijiet ta' pagament ta' 12,18 %; jistieden madankollu lill-EDPS ikompli bl-isforzi tiegħu f'termini ta' estimi baġitarji prudenti;
5.
Jinnota li ż-żieda ġenerali fil-baġit kienet dovuta primarjament għall-impatt tal-kompiti l-ġodda li rriżultaw mir-Regolament (UE) 2018/1725 (1), li jistabbilixxi l-obbligi tal-protezzjoni tad-data għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni b'rabta mal-ipproċessar tad-data personali u l-iżvilupp ta' politiki ġodda, u t-tkabbir meħtieġ tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (minn hawn 'il quddiem "EDPB") li nħoloq fil-25 ta' Mejju 2018 u li għalih l-EDPS ġie fdat biex jipprovdi segretarjat indipendenti; jirrikonoxxi li l-fatt li l-2019 kienet l-ewwel sena sħiħa tal-operat tas-Segretarjat tal-EDPB u tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 li jiġġustifika din iż-żieda; iż-żieda baġitarja allokata relatata kienet ta' 51 % (minn EUR 3 594 746 fl-2018 għal EUR 5 413 838 fl-2019);
6.
Jilqa' s-segwitu tal-EDPS għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2018, pereżempju l-informazzjoni addizzjonali pprovduta b'rabta mar-rata ta' approprjazzjonijiet ta' pagament ta' 75 % għall-2018, li finalment irriżultat f'rata ta' eżekuzzjoni ta' 90,79 % tal-baġit kollu tal-2018 (inklużi pagamenti mir-riporti);
7.
Japprezza l-azzjoni diliġenti u proattiva tal-EDPS fil-monitoraġġ tar-rispett tal-protezzjoni tad-data min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jinnota, b'mod partikolari, l-investigazzjoni tal-EDPS dwar l-użu ta' NationBuilder, kumpanija ta' kampanjar politiku bbażata fl-Istati Uniti, għall-ipproċessar tad-data personali bħala parti mill-attivitajiet tal-Parlament relatati mal-elezzjoni Ewropea tal-2019, kif ukoll għal-linji gwida maħruġa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar l-użu ta' kontrolli tat-temperatura tal-ġisem fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19;
Riżorsi umani
|
8. |
Jinnota li fi tmiem l-2014 l-EDPS kien jikkonsisti f'55 membru tal-persunal kien ta' 55, meta mqabbel ma' dak fi tmiem l-2019 li kien ta' 96, li jfisser li l-għadd ta' persunal kważi rdoppja; huwa konxju li l-baġit tal-EDPS fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa amministrattiv, bi proporzjon kbir minnu użat għan-nefqa relatata ma' persuni, bini, għamara, tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji; jinnota li għadd sostanzjali tal-persunal huwa persunal kuntrattwali impjegat għal perjodu temporanju, bħas-sostituzzjoni ta' persunal fuq liv tal-ġenituri jew għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi; |
|
9. |
Jinnota żieda sostanzjali fl-għadd ta' aġenti kuntrattwali mill-2013 għall-2019 (minn 12 għal 31) meta mqabbla mal-għadd ta' uffiċjali fl-istess perjodu (minn 45 għal 58); jirrikonoxxi l-vantaġġi li jintużaw aġenti kuntrattwali f'termini ta' kosteffiċjenza u flessibbiltà iżda jitlob lill-EDPS jirrifletti dwar il-ħtieġa li jiġu offruti prospetti ta' progress professjonali lill-persunal tiegħu u jżomm l-għarfien speċjalizzat fl-istituzzjoni; |
|
10. |
Jinnota li l-EDPS jirrikonoxxi l-piż akbar fuq il-maniġment superjuri u intermedju u, sussegwentement, fuq l-uffiċjali tal-każijiet minħabba l-assenza ta' assistent kontrollur meta r-Regolament (UE) 2018/1725 il-ġdid kien qiegħed jidħol fis-seħħ; jappella lill-istituzzjoni teżamina mill-ġdid l-organigramma tagħha u tirrapporta lura għand l-awtorità baġitarja; |
|
11. |
Jissottolinja l-isforzi li saru b'rabta mal-benesseri; jinnota li l-EDPS aderixxa mal-programm Fit@work tal-Kummissjoni; josserva li l-EDPS qed jippjana biex ikabbar il-bini fl-2021, wara r-rilokazzjoni tal-Ombudsman Ewropew, u se juża din l-opportunità biex jinstalla kamra għall-benesseri u librerija; jinnota li l-EDPS jipprovdi lill-persunal kuntatti u informazzjoni dwar l-appoġġ psikosoċjali kif ukoll dak mediku, u li dan kien implimentat b'mod qawwi fil-perjodu tal-kriżi tal-COVID-19; jinnota l-evalwazzjonijiet ta' nofs it-terminu informali tal-persunal (minbarra l-evalwazzjoni annwali uffiċjali), li jagħtuhom l-opportunità li jsemmgħu t-tħassib tagħhom u jagħtu feedback b'mod informali; iħeġġeġ lill-Kontrollur jikkompleta l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli eżistenti bi protezzjoni tad-dritt tal-membri tal-persunal għall-iskonnessjoni; |
|
12. |
Josserva li l-persunal tal-EDPS jikkonsisti minn 19-il nazzjonalità tal-Unjoni u fl-2019 kellu rappreżentanza tal-ġeneru ta' 39 % ta' membri tal-persunal maskili u ta' 61 % ta' membri tal-persunal femminili; jinnota li l-aktar azzjonijiet importanti li jappoġġjaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri kienu n-nomini fil-livell ta' maniġment intermedju (kap tal-unità raġel u tliet kapijiet tal-unità nisa); jinnota wkoll l-introduzzjoni ta' aktar flessibbiltà f'dak li għandu x'jaqsam max-xogħol mill-bogħod; jenfasizza l-fatt li n-nisa jużaw l-arranġament tax-xogħol flessibbli ħafna aktar mill-irġiel; japprezza l-inklużjoni ta' klawżola ta' opportunitajiet ugwali, kemm f'materjal ta' reklutaġġ kif ukoll f'avviżi ta' pożizzjonijiet vakanti, li tiddikjara li l-EDPS iħaddan politika ta' opportunitajiet ugwali u jilqa' l-applikazzjonijiet minn persuni b'diżabilità; jemmen li tali klawżola għandha tinżamm u tiġi inkluża b'mod awtomatiku fl-avviżi futuri kollha ta' postijiet vakanti; |
|
13. |
Jissottolinja l-inizjattivi tal-EDPS maħsuba biex jużaw l-ispazju għall-uffiċċji b'mod aktar sostenibbli u jottimizzawh, kif ukoll li jnaqqsu l-livell tal-enerġija fil-bini, bħall-promozzjoni ta' telexogħol strutturali u okkażjonali, u r-rimborż ta' 50 % tal-ispiża tal-biljetti tat-trasport pubbliku lill-persunal li ma jibqax juża l-ispazji ta' parkeġġ għall-uffiċċji u li jirritorna l-vinjetta tal-parkeġġ tiegħu; |
|
14. |
Jinnota li l-EDPS huwa organizzazzjoni żgħira bi ħtieġa għal persunal speċjalizzat ħafna iżda, madankollu, hemm żbilanċ ġeografiku żgħir fil-persunal, fis-sens li 19-il nazzjonalità biss tal-Unjoni huma rrappreżentati fl-EDPS, li minnhom, ċittadini Belġjani jokkupaw 28 % tal-pożizzjonijiet; jistieden lill-EDPS jikkunsidra miżuri ulterjuri biex jiżgura rappreżentanza aktar ibbilanċjata tan-nazzjonalitajiet tal-Unjoni; |
Etika u politika dwar l-integrità
|
15. |
Japprezza li l-qafas tal-etika tal-EDPS ġie rivedut fit-12 ta' Novembru 2019 insegwitu għall-qafas ġuridiku l-ġdid, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2018/1725; jenfasizza l-istabbiliment formali tal-pożizzjoni tal-uffiċjal għall-etika b'mandat ċar, inkluż ir-rappurtar lill-bord tat-tmexxija mill-inqas darba fis-sena dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-etika; |
|
16. |
Jappella lill-EDPS jipprevedi t-tħejjija ta' kodiċi ta' kondotta għall-maniġment superjuri tal-EDPB (president, viċi presidenti, eċċ); jenfasizza li ż-żewġ kodiċijiet ta' kondotta riveduti (għall-persunal u għall-EDPS) ġew adottati fis-6 ta' Diċembru 2019; jinnota li l-kodiċi ta' kondotta rivedut għall-persunal ta attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-informaturi; jilqa' l-fatt li l-parteċipanti ġodda kollha jingħataw sessjoni ta' sensibilizzazzjoni dwar il-qafas etiku tal-EDPS u l-kodiċi ta' kondotta l-ġdid għall-persunal; |
|
17. |
Jilqa' l-fatt li l-EDPS adotta wkoll deċiżjoni riveduta dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni fir-rigward tal-prevenzjoni ta' frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali ta' detriment għall-interessi tal-Unjoni f'Settembru 2019; jinnota li l-importanza ta' dan is-suġġett ġiet enfasizzata fil-laqgħat tal-persunal u se tiġi identifikata fis-sessjoni ta' sensibilizzazzjoni li jmiss għall-persunal kollu; |
|
18. |
Iqis li l-klawżola tal-EDPS dwar l-opportunitajiet indaqs hija eżempju eċċellenti għall-inklużjoni ta' dawk b'diżabilità u għall-iżgurar ta' opportunitajiet indaqs kif ukoll għat-tisħiħ tad-diversità fuq il-post tax-xogħol; |
|
19. |
Ifaħħar lill-EDPS talli poġġa l-linji gwida u l-proċeduri kollha relatati mal-qafas etiku fuq l-intranet immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom; jappella lill-EDPS jorganizza attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni għall-membri tal-persunal, mhux biss dawk li għadhom kif waslu, rigward il-qafas etiku applikabbli u jadotta sistema proattiva biex jiġu evitati kunflitti fuq il-post tax-xogħol; jinnota d-deċiżjoni riveduta dwar l-attivitajiet esterni adottata fit-13 ta' Settembru 2019, u l-fatt li l-preżentazzjonijiet relatati b'eżempji tal-ħajja reali kellhom jiġu posposti minħabba l-pandemija; |
Bini
|
20. |
Jinnota li skont il-pjanijiet oriġinali, l-EDPS kellu jibda jokkupa l-bini MTS kollu minn Settembru 2019; jinnota, madankollu, li minħabba fatturi esterni t-trasferiment tal-Ombudsman ġie ttardjat u konsegwentement l-espansjoni ma seħħitx, u dan affettwa l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-EDPS fi ħdan it-Titolu 2; |
|
21. |
Jinnota li d-deċiżjoni l-ġdida dwar it-telexogħol tippermetti lill-persunal jaħdem mid-dar, li jippermetti lill-EDPS juża aktar uffiċċji kondiviżi u jiffranka fuq in-nefqa relatata; |
Kooperazzjoni interistituzzjonali
|
22. |
Jirrikonoxxi li minħabba d-daqs żgħir ħafna tal-uffiċċju tal-EDPS, il-konklużjoni ta' ftehimiet dwar il-livell ta' servizz (FLS), bħal pereżempju mal-Kummissjoni għat-taħriġ, is- servizz mediku, l-użu ta' Sysper, is-sistema ta' evalwazzjoni, il-ħlas tas-salarji, l-assigurazzjonijiet tal-persunal u l-organizzazzjoni ta' missjonijiet, is-servizzi tal-kontabbiltà u s-servizzi tat-trasport, hija importanti għal titjib fl-effiċjenza; jinkoraġġixxi l-attivitajiet interistituzzjonali tal-EDPS, inklużi s-60 kuntratt qafas mibdija minn istituzzjonijiet differenti tal-Unjoni; jinnota li l-EDPS għandu FLS mal-Parlament għan-nefqa tal-IT u dik relatata mal-bini; |
|
23. |
Jistieden lill-EDPS jesplora l-possibbiltà li jingħaqad mar-reġistru ta' trasparenza abbażi ta' FLS; jinnota l-kooperazzjoni interistituzzjonali permezz ta' FLS bejn l-EDPS u istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni; jappella lill-EDPS iwettaq analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji komprensiva u realistika qabel ma jiġi konkluż kwalunkwe ftehim; |
|
24. |
Jilqa' l-kooperazzjoni msaħħa bejn l-EDPS u l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data taħt l-umbrella tal-EDPB, kif iddefinit fil-GDPR fir-rigward ta' spezzjoni konġunta, pereżempju mill-Europol; jaqbel li skont il-GDPR il-kooperazzjoni m'għadhiex alternattiva jew kompitu anċillari, iżda parti essenzjali u integrali tal-kompiti ta' kull awtorità superviżorja u li dan huwa pass importanti lejn il-formalizzazzjoni u t-tisħiħ tal-iskambji u l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet superviżorji fl-Unjoni; |
|
25. |
Japprezza l-fatt li l-EDPS baqa' jaħdem mas-sħab reġjonali u internazzjonali tiegħu biex jintegra l-protezzjoni tad-data permezz ta' ftehimiet internazzjonali u jiżgura l-protezzjoni konsistenti tad-data personali mad-dinja kollha tul dawn l-aħħar ħames snin; jilqa' l-fatt li l-EDPS iddedika ħafna ħin u sforzi għall-iżvilupp ta' konverġenza akbar tal-protezzjoni tad-data fuq livell globali, fid-dawl tal-fatt li d-data tiċċirkola internazzjonalment, lil hinn mill-fruntieri, filwaqt li r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data għadhom deċiżi fuq bażi prinċipalment nazzjonali u saħansitra reġjonali; |
Diġitalizzazzjoni u ċibersigurtà
|
26. |
Jinnota li s-Segretarjat tal-EDPB żviluppa soluzzjonijiet tal-IT biex tkun tista' ssir komunikazzjoni effettiva u sikura bejn il-membri tal-EDPB, inkluża s-sistema ta' informazzjoni tas-suq intern (IMI), li fiha ġew irreġistrati 807 każijiet mid-dħul fis-seħħ tal-GDPR sa tmiem l-2019; |
|
27. |
Ifakkar li, f'dawn l-aħħar snin, l-ammont ta' xogħol tal-EDPS bħala korp responsabbli għall-monitoraġġ tal-konformità mal-protezzjoni tad-data fl-aġenziji kollha tal-ĠAI żdied, u huwa mistenni li jkompli jiżdied minħabba diġitalizzazzjoni dejjem akbar fl-istituzzjonijiet, fil-korpi u fl-aġenziji tal-Unjoni; |
|
28. |
Jilqa' l-fatt li fl-2019 l-EDPS żviluppa u qiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għodda ta' software ta' spezzjoni b'sors miftuħ imsejħa "kollettur tal-evidenza tas-siti web", li kisbet fama internazzjonali u rebħet il-premju għall-innovazzjoni tal-2019; jilqa' l-fatt li l-EDPS jevalwa kontinwament software ieħor b'sors miftuħ li jista' jintuża biex tiżdied it-trasparenza u jiġu evitati l-effetti ta' intrappolament tal-bejjiegħa; josserva l-webinars ta' suċċess li saru reċentement fis-sħubija ma' Delft Technical University, li għenet fl-implimentazzjoni tal-pjattaforma għat-tagħlim online b'sors miftuħ "big blue button" li tirrispetta l-privatezza; |
|
29. |
Jilqa' l-isforzi tal-EDPS biex itejjeb id-diġitalizzazzjoni u ċ-ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz tal-ispezzjoni tas-siti web tagħhom bl-użu ta' għodda ta' software b'sors miftuħ, li żvelat li bosta siti web ma kinux konformi mal-EUDPR jew mad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika u ma kinux isegwu l-Linji Gwida tal-EDPS dwar is-servizzi web; jistieden lill-EDPS jirrapporta lura għand il-Parlament dwar kwalunkwe kwistjoni persistenti rigward in-nonkonformità tal-istituzzjonijiet mal-EUDPR u mad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika; |
|
30. |
Jinnota wkoll b'sodisfazzjon l-enfasi tal-EDPS fuq l-iżvilupp u l-kondiviżjoni ta' għarfien espert teknoloġiku sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data effettiva, pereżempju permezz tal-pubblikazzjoni TechDispatch, imnedija f'Lulju 2019, li tiddeskrivi teknoloġija differenti emerġenti f'kull ħarġa, bil-għan li tipprovdi informazzjoni dwar it-teknoloġija nnifisha, valutazzjoni tal-impatt possibbli tagħha fuq il-privatezza u l-protezzjoni tad-data u links għal aktar qari dwar is-suġġett; |
|
31. |
Jilqa' t-twaqqif ta' Task Force interna dwar il-COVID-19, li pproduċiet għadd ta' dokumenti ta' orjentazzjoni u primers tat-teknoloġija għat-titjib tal-konformità tal-apps għat-traċċar tal-kuntatti mal-protezzjoni tad-data, ipprovdiet feedback lill-Kummissjoni dwar soluzzjoni għall-interoperabbiltà tagħhom u ħadmet mal-EDPB fil-ġlieda kontra l-użu potenzjalment ħażin tad-data diġitali fil-kuntest tal-pandemija; iħeġġeġ lill-EDPS ikompli jipprovdi opinjonijiet dettaljati lill-istituzzjonijiet dwar il-kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-data li jistgħu jirriżultaw mill-inizjattivi diġitali użati fil-ġlieda kontra l-pandemija, inklużi l-apps għat-traċċar tal-kuntatti u ċ-ċertifikati tat-tilqim jew tat-testijiet; |
|
32. |
Jilqa' l-attivitajiet immirati lejn il-verifika tal-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-valutazzjoni tal-korpi tal-Unjoni f'dan ir-rigward; jinnota li l-attivitajiet superviżorji tal-EDPS huma ggwidati mill-prinċipju ta' responsabbiltà u jsegwu approċċ ibbażat fuq ir-riskju; |
Komunikazzjoni
|
33. |
Jilqa' l-fatt li s-Segretarjat tal-EDPB stabbilixxa network ta' uffiċjali tal-komunikazzjoni fl-Awtoritajiet Superviżorji, biex jiżgura komunikazzjoni konġunta dwar l-aħbarijiet tal-EDPB, kampanji ta' informazzjoni konġunti u żvilupp konġunt tal-għodod ta' komunikazzjoni; jinnota li dan in-network iltaqa' darbtejn fl-2019 u adotta pjan konġunt ta' informazzjoni u komunikazzjoni għall-EDPB għall-2020; |
|
34. |
Iħeġġeġ lill-EDPS ikompli jrawwem id-dibattitu globali dwar l-etika diġitali; jenfasizza t-tnedija ta' serje ta' webinars li jiffokaw fuq qasam ta' tħassib speċifiku u li ġew ippubblikati fl-għamla ta' podcast fuq is-sit web tal-EDPS; jilqa' d-diskussjoni kontinwa dwar l-etika diġitali żviluppata ulterjorment fil-konferenza internazzjonali tal-2019, li kompliet fis-sessjoni ta' ħidma dwar l-intelliġenza artifiċjali, l-etika u l-protezzjoni tad-data, u permezz tal-organizzazzjoni ta' avveniment li jiffoka fuq l-impatt ambjentali tat-teknoloġiji diġitali; |
|
35. |
Jinnota li hemm bżonn approċċ kumpless sabiex il-paġni prinċipali tas-siti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jsiru aċċessibbli għal persuni b'kull xorta ta' diżabilità, inkluża d-disponibbiltà tal-lingwi tas-sinjali nazzjonali; jissuġġerixxi li l-persuni b'diżabilità jiġu involuti f'dan il-proċess; |
Ġestjoni interna, kontroll intern, finanzi u prestazzjoni
|
36. |
Jistieden lill-EDPS jirrapporta dwar ir-rwol eżatt u l-kompiti speċifiċi tal-Kumitat għas-Superviżjoni Kkoordinata, stabbilit fl-2019 fil-kuntest tal-ipproċessar tad-data b'sistemi ta' informazzjoni kbar li jintużaw fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni; jinnota li dan il-Kumitat jiffunzjona b'mod awtonomu fir-rigward tal-attivitajiet tal-EDPB u jaderixxi mar-regoli ta' proċedura u l-metodi ta' ħidma proprji tiegħu, u li s-Segretarjat tal-Kumitat huwa pprovdut mis-Segretarjat tal-EDPB; |
|
37. |
Huwa konxju li l-EDPS juża għadd ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex jgħinu fil-monitoraġġ tal-prestazzjoni tiegħu; jilqa' l-fatt li l-EDPS laħaq jew qabeż, f'xi każijiet b'mod sinifikanti, il-miri stabbiliti f'sitta minn tmien KPIs, pereżempju l-għadd ta' każijiet li ġew indirizzati fil-livell internazzjonali (62 fl-2019; dan qabeż il-mira ta' 10) u l-għadd ta' opinjonijiet/kummenti maħruġa b'risposta għat-talbiet ta' konsultazzjoni (26 konsultazzjoni fl-2019; dan qabeż il-mira ta' 10 konsultazzjonijiet); jistieden lill-EDPS jimmonitorja mill-qrib u jadatta, fejn meħtieġ, objettivi li l-prestazzjoni tagħhom mhix kif mistennija; |
|
38. |
Jinnota li f'Novembru 2019, l-EDPS irreveda d-deċiżjoni dwar l-Istandards ta' Kontroll Intern (ICS) sabiex jiġi aġġornat il-qafas ġuridiku applikabbli għall-EDPS; jinnota li wara suġġeriment mill-Qorti, ir-rapport ta' segwitu tal-ICS se jibda jinħareġ darba fis-sena (minflok darbtejn fis-sena) u issa qed jiġi ppreżentat lill-bord tat-tmexxija; jinnota li l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ICS huwa r-responsabbiltà tal-koordinatur tal-kontroll intern, li jirrapporta direttament lid-direttur; |
|
39. |
Huwa konxju li l-awditur intern (IA) tal-Kummissjoni huwa wkoll l-awditur intern għall-Kontrollur; jiddispjaċih li matul l-2019 l-IA ma wettaq ebda awditu, iżda minflok ħareġ ir-rapport annwali tiegħu tal-awditjar intern għall-2019 b'żewġ dikjarazzjonijiet biss u li m'hemm ebda rakkomandazzjoni miftuħa; jitlob lill-EDPS jiffaċilita kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-IA u jiżgura awditjar annwali xieraq; |
|
40. |
Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-ispiża tal-attivitajiet tal-kontroll intern, li tirrappreżenta 3,77 % tan-nefqa tal-EDPS; jinnota li l-mudell ta' kalkolu jikkonsisti f'indikatur globali uniku, li jiġi kkalkulat billi l-ispiża tal-kontroll totali approssimattiva tiġi diviża bin-nefqa kollha li tkun saret matul is-sena (implimentazzjoni tal-baġit f'termini ta' pagamenti); |
|
41. |
Jinnota li, minħabba ż-żieda fil-baġit, it-talbiet għall-pagament żdiedu b'mod sostanzjali, minn 1 777 tranżazzjoni fl-2018 għal 2 653 tranżazzjoni fl-2019; jaqbel li din iż-żieda fl-ammont ta' xogħol tirrikjedi soluzzjonijiet sabiex l-istituzzjoni ssir aktar effiċjenti f'termini ta' pproċessar tal-operazzjonijiet finanzjarji u jilqa' l-introduzzjoni ta' sistema ta' fluss tax-xogħol mingħajr karti mill-1 ta' Jannar 2020; |
|
42. |
Jitlob lill-EDPS jirrapporta dwar kwalunkwe titjib li jkun sar fl-effiċjenza tal-proċessi amministrattivi, li jidhru li huma essenzjali minħabba l-ammont ta' xogħol dejjem akbar u minħabba li l-istituzzjoni qiegħda dejjem tikber; ifakkar, barra minn hekk, fil-ħtieġa ta' riformi kontinwi biex jiġi żgurat li l-EDPS ikun mgħammar sew biex iwieġeb għall-isfidi futuri fil-protezzjoni tad-data; |
|
43. |
Jilqa' l-isforzi tal-EDPS biex itejjeb il-metodi ta' ħidma tiegħu u b'hekk jiffranka l-flus; jappella lill-EDPS jirrapporta lill-awtorità baġitarja dwar is-sistemi u l-applikazzjonijiet il-ġodda żviluppati f'dan il-qasam, jiġifieri s-sistema tal-fluss tax-xogħol Speedwell għall-ħlas ta' fatturi u Bluebell biex tittejjeb il-kontribuzzjoni tal-unitajiet għall-istabbiliment tal-baġit; |
|
44. |
Josserva li s-Segretarjat tal-EDPB organizza 11-il sessjoni plenarja u 90 laqgħa tas-sottogrupp tal-esperti; jinnota li kważi 70 % tad-dokumenti uffiċjali adottati mill-EDPB minn Mejju 2018 ġew abbozzati mit-tim legali tas-Segretarjat tal-EDPB; jinnota li l-EDPB adotta ħames linji gwida ġodda li għandhom l-għan li jiċċaraw il-firxa ta' dispożizzjonijiet skont il-GDPR; jissottolinja li s-Segretarjat tal-EDPB huwa l-abbozzatur ewlieni ta' opinjonijiet u deċiżjonijiet dwar il-konsistenza u li jorganizza avvenimenti għall-partijiet ikkonċernati biex jiġbor input u opinjonijiet dwar kwistjonijiet bil-għan li jiżviluppa gwida; jinnota li kompitu ieħor tal-EDPB huwa li jagħti pariri lil-leġiżlatur; |
|
45. |
Jilqa' l-fatt li l-qafas superviżorju l-ġdid għall-ipproċessar tad-data personali daħal fis-seħħ fl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), kif ukoll il-fatt li l-EDPS ħa r-responsabbiltà għall-monitoraġġ tal-konformità tal-Eurojust mar-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data; |
|
46. |
Jikkonkludi li fl-2019 l-EDPS irċieva 59 ilment ammissibbli li kienu qed ifittxu inkjesta fil-fond, u li l-EDPS ħareġ 48 deċiżjoni mogħtija fir-rigward ta' lmenti; jinnota li l-EDPS irċieva wkoll 151 ilment inammissibbli, li l-maġġoranza tagħhom kienu relatati mal-ipproċessar tad-data fil-livell nazzjonali b'kuntrast mal-ipproċessar min-naħa ta' istituzzjoni jew korp tal-Unjoni; jinnota li l-EDPS wieġeb għall-ilmenti inammissibbli kollha, filwaqt li dderieġa lill-ilmentaturi lejn l-awtorità rilevanti; |
|
47. |
Jilqa' t-tlestija tal-Istrateġija tal-EDPS 2015-2019, iffokata fuq id-diġitizzazzjoni, is-sħubijiet globali u l-modernizzazzjoni tal-protezzjoni tad-data, li tqiegħed il-kunċetti tal-etika u r-responsabbiltà fuq quddiem nett fid-diskors u l-applikazzjoni tal-protezzjoni tad-data; |
Dimensjoni ambjentali
|
48. |
Japprezza li l-EDPS qed isegwi mill-qrib l-inizjattivi tal-EMAS u beda jbiddel il-proċessi ta' riżorsi umani (selezzjonijiet, evalwazzjoni) u l-proċessi finanzjarji u amministrattivi (pagamenti, MiPS) fi proċeduri mingħajr karti; jinnota l-inizjattivi meħuda mill-EDPS biex inaqqas l-użu tal-fliexken tal-plastik min-naħa tal-persunal tiegħu; jaqbel mal-istrateġija tal-EDPS li jipprovdi modi ta' xogħol aktar flessibbli għall-persunal tiegħu (telexogħol okkażjonali u strutturali); jinnota li dawn l-arranġament ta' xogħol flessibbli jgħinu fit-tnaqqis tal-enerġija għall-EDPS kif ukoll biex l-ispazju tal-uffiċċji jintuża b'mod aħjar; jistieden lill-EDPS jikkunsidra azzjonijiet li jnaqqsu aktar l-impronta tal-karbonju, bħall-għażla ta' sorsi ta' enerġija nodfa u rinnovabbli; |
GDPR
|
49. |
Jaqbel mal-fatt li issa l-kontrolluri u l-proċessuri tad-data fl-Unjoni jibbenefikaw minn sett uniku ta' regoli li jintroduċi l-interlokuturi dejjem aktar permezz tal-mekkaniżmu ta' punt uniku ta' servizz; jaqbel li l-GDPR jikkontribwixxi wkoll għal aktar viżibbiltà globali tal-qafas ġuridiku tal-Unjoni; |
|
50. |
Japprezza li l-Kontrollur ikkontribwixxa ħafna għall-ħolqien ta' kultura ta' protezzjoni tad-data fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għen biex mar għall-aħjar l-istatus tal-protezzjoni tad-data bħala dritt fundamentali skont l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; |
|
51. |
Jenfasizza r-rwol importanti tal-EDPS, jiġifieri li jiżgura l-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza tal-individwi billi jissorvelja l-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, billi jagħtihom pariri dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-ipproċessar tad-data personali u billi jikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali bil-ħsieb li tiġi żgurata l-protezzjoni konsistenti tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, inklużi d-dritt għall-protezzjoni tad-data u l-privatezza irrispettivament minn fejn jgħixu fl-Unjoni; |
|
52. |
Huwa tal-fehma, madankollu, li l-implimentazzjoni tal-GDPR, minkejja l-armonizzazzjoni tar-regoli tiegħu, tista' tkun partikolarment ta' sfida għall-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju (SMEs); jitlob lill-EDPS ikompli jtaffi l-piż amministrattiv fuq l-SMEs; jappella lill-EDPS biex iqis il-possibbiltà li titwettaq evalwazzjoni tal-ispiża tal-implimentazzjoni tal-GDPR fil-futur qrib; |
|
53. |
Jistieden lill-EDPS ikompli jsaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jiżgura li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu kapaċi jimplimentaw ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data b'mod effettiv; jinnota li fl-2019 l-EDPS nieda erba' investigazzjonijiet bil-għan li jitjiebu l-prattiki tal-protezzjoni tad-data; jilqa', b'mod partikolari, l-investigazzjoni fl-użu tal-prodotti u s-servizzi ta' Microsoft mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, biex b'riżultat ta' dan tiġi pprovduta pjattaforma għal diskussjoni kemm dwar kif għandu jerġa' jittieħed lura l-kontroll fuq is-servizzi u l-prodotti tal-IT offruti mill-fornituri l-kbar tas-servizzi tal-IT kif ukoll dwar il-ħtieġa li jinħolqu kuntratti standard b'mod kollettiv minflok ma jiġu aċċettati t-termini u l-kundizzjonijiet kif inhuma miktubin minn dawn il-fornituri. |
(1) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).